18.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 332/142


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2396

tal-10 ta' Diċembru 2015

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta' miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari, l-Artikolu 291(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-30 ta' Marzu 2015, ir-Repubblika tal-Latvja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregola l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn, bit-talba li għamlet, il-Latvija permezz ta' ittra datata t-18 ta' Mejju 2015. Permezz ta' ittra datata l-20 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tikkunsidra t-talba.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/42/KE (2) awtorizzat lil-Latvja biex tagħmel ir-riċevitur responsabbli għall-VAT dovuta fuq il-provvista tal-injam.

(4)

Il-perjodu għall-applikazzjoni tal-miżura ta' deroga ġie estiż darbtejn, bid-Deċiżjonijiet ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1008/UE (3) u 2013/55/UE (4).

(5)

L-investigazzjonijiet fiskali u l-analiżi tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu mwettqa mill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Latvja wrew li l-miżura ta' deroga hija effettiva.

(6)

Il-Kummissjoni tifhem li s-sitwazzjoni ġuridika u fattwali li ġġustifikat l-applikazzjoni tal-miżura ta' deroga ma nbidlitx u għadha teżisti. Għalhekk, il-Latvja għandha tiġi awtorizzata tapplika l-miżura għal perjodu limitat ieħor.

(7)

F'każ li l-Latvja tqis li titlob estensjoni ulterjuri tal-miżura ta' deroga lil hinn mill-2018, għandu jeħtieġ li tressaq lill-Kummissjoni, rapport ta' evalwazzjoni flimkien mat-talba għall-estensjoni, sal-31 ta' Marzu 2018, sabiex tagti biżżejjed żmien biex il-Kummissjoni teżamina t-talba.

(8)

Il-miżura ta' deroga mhux se jkollha ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT.

(9)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2009/1008/UE għandha għalhekk tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikoli 2 u 2a tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2009/1008/UE huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2018.

Kull talba għal estensjoni tal-miżura stipulata f'din id-Deċiżjoni għandha titressaq lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu 2018 u għandha tiġi akkumpanjata b'rapport dwar l-applikazzjoni ta' dik il-miżura.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. BAUSCH


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/42/KE tal-24 ta' Jannar 2006 li tawtorizza lil-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta' miżura li tidderoga minn Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat (ĠU L 25, 28.1.2006, p. 31).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1008/UE tas-7 ta' Diċembru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta' miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 24.12.2009, p. 30).

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/55/UE tat-22 ta' Jannar 2013 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja testendi l-applikazzjoni ta' miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 22, 25.1.2013, p. 16).