17.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 300/17


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2050

tal-10 ta' Novembru 2015

dwar it-tnedija fil-Belġju tal-iskambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dattiloskopika

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tagħha,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, il-forniment ta' data personali previst taħt dik id-Deċiżjoni ma jistax isir sakemm id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data stabbiliti fil-Kapitolu 6 ma jkunux ġew implimentati fil-liġi nazzjonali tat-territorji tal-Istati Membri involuti f'tali forniment.

(2)

L-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI (2) jipprevedi li l-verifika tal-kondizzjoni ta' hawn fuq tkun ġiet issodisfata fir-rigward tal-iskambju awtomatizzat ta' data f'konformità mal-Kapitolu 2 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, għandha ssir abbażi ta' rapport ta' evalwazzjoni bbażat fuq kwestjonarju, żjara ta' evalwazzjoni u prova pilota.

(3)

Skont il-punt 1.1 tal-Kapitolu 4 tal-Anness għad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI, il-kwestjonarju mfassal mill-grupp ta' ħidma rilevanti tal-Kunsill jikkonċerna kull wieħed mill-iskambji awtomatizzati ta' data u għandu jintwieġeb minn Stat Membru hekk kif huwa jemmen li huwa jissodisfa l-prerekwiżiti għall-kondiviżjoni tad-data fil-kategorija rilevanti ta' data.

(4)

Il-Belġju lesta l-kwestjonarju dwar il-protezzjoni tad-data u l-kwestjonarju dwar l-iskambju ta' data dattiloskopika.

(5)

Il-Belġju wettaq b'suċċess prova pilota ma' Franza u l-Lussemburgu.

(6)

Saret żjara ta' evalwazzjoni fil-Belġju u sar rapport dwar iż-żjara ta' evalwazzjoni mill-iskwadra ta' evalwazzjoni Franċiża u Lussemburgiża li ntbagħat lill-grupp ta' ħidma rilevanti tal-Kunsill.

(7)

Ġie ppreżentat lill-Kunsill rapport ta' evalwazzjoni ġenerali, li jagħti sintesi tar-riżultati tal-kwestjonarju, taż-żjara ta' evalwazzjoni u tal-prova pilota fir-rigward tal-iskambju ta' data dattiloskopika.

(8)

Fit-13 ta' Lulju 2015, il-Kunsill ikkonkluda li l-Belġju kien implimenta totalment id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data stabbiliti fil -Kapitolu 6 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

(9)

Għalhekk, għall-finijiet tat-tiftix awtomatizzat ta' data dattiloskopika, il-Belġju għandu jkun intitolat li jirċievi u jforni data personali skont l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2008/615/ ĠAI.

(10)

Id-Danimarka hija marbuta bid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, li timplimenta d-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

(11)

L-Irlanda hija marbuta bid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, li timplimenta d-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

(12)

Ir-Renju Unit mhuwiex marbut bid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, li timplimenta d-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u mhux marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tat-tiftix awtomatizzat ta' data dattiloskopika, il-Belġju huwa intitolat li jirċievi u jforni data personali taħt l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI mit-18 ta' Novembru 2015.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Novembru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

P. GRAMEGNA


(1)  ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1.

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12).