31.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 287/68


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1966

tad-9 ta' Lulju 2014

dwar l-għajnuna mill-istat SA. 34118 (2012/C ex 2011/N) li l-Ġermanja qed tippjana li tagħti lil Porsche Leipzig GmbH u lil Dr. Ing.H.c.F.Porsche Aktiengesellschaft

(notifikata bid-dokument C(2014) 4075)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (1) u wara li tqiesu l-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz ta' notifika elettronika rreġistrata fl-20 ta' Diċembru 2011 fil-Kummissjoni (SANI 6554), l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw għajnuna reġjonali skont il-Linji gwida għall-Għajnuna Reġjonali nazzjonali għall-2007-2013 (2) (minn hawn 'il quddiem “RAG”) lil Porsche Leipzig GmbH u lil Dr. Ing. H.c. F. Porsche Aktiengesellschaft għal proġett ta' investiment f'Leipzig, fir-reġjun tas-Sassonja, il-Ġermanja.

(2)

Permezz ta' ittra datata l-11 ta' Lulju 2012, il-Kummissjoni infurmat lill-Ġermanja dwar id-deċiżjoni tagħha bl-istess data biex tniedi l-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE (minn hawn 'il quddiem “id-deċiżjoni ta' ftuħ”) fir-rigward tal-għajnuna reġjonali biex tiġi implimentata favur il-proġett ta' investiment minn Porsche Leipzig GmbH u minn Dr. Ing. H.c. F. Porsche Aktiengesellschaft, fid-dawl tat-twettiq ta' valutazzjoni dettaljata fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni dettaljata tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta' investiment (3) (minn hawn 'il quddiem “il-Kriterji ta' prova” (Prüfkriterien)).

(3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tniedi din il-proċedura ta' investigazzjoni formali ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4) on 30 October 2012 Il-partijiet terzi ġew mistiedna jissottomettu l-kummenti tagħhom.

(4)

Il-Ġermanja ppreżentat kummenti kif ukoll l-informazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni dettaljata permezz ta' ittra datata l-31 ta' Ottubru 2012 (2012/116806).

(5)

B'ittra datata s-17 ta' Diċembru 2012 (2012/135107), u permezz ta' ittra elettronika tal-4 ta' Frar 2012, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni, li ġiet ipprovduta mill-Ġermanja b'ittri ddatati l-25 ta' Jannar 2013 (2013/008324) u s-7 ta' Frar 2013 (2013/013186).

(6)

Ma tressqu ebda kummenti minn partiijet oħra interessati.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT

2.1.   L-GĦAN TAL-MIŻURA

(7)

L-awtoritajiet Ġermaniżi bi ħsiebhom jippromwovu l-iżvilupp reġjonali billi jipprovdu għajnuna reġjonali fil-forma ta' għotja diretta u primjum ta' investiment lil Porsche Leipzig GmbH u lil Dr. Ing. H.c. F. Porsche Aktiengesellschaft għall-produzzjoni ta' mudell ġdid ta' karozza. L-investment se jsir f'Leipzig, fis-Sassonja, li hija żona megħjuna skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE b'limitu massimu ta' għajnuna reġjonali standard għall-intrapriżi l-kbar ta' 20 % tal-ekwivalenti tal-għotja gross (EGĦĠ) għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2011 u t-30 ta' Ġunju 2014 (5).

2.2.   IL-BENEFIĊJARJU

(8)

Il-benefiċjarji tal-għajnuna huma Porsche Leipzig GmbH (iktar 'il quddiem “Porsche Leipzig”) u Dr. Ing. H.c. F. Porsche Aktiengesellschaft (minn hawn 'il quddiem “Porsche AG”). Porsche Leipzig hija sussidjarja ta' Porsche AG, li fiha nnifisha hija — sa mill-1 ta' Awwissu 2012 — sussidjarja totalment integrata ta' Volkswagen Aktiengesellschaft, u għalhekk tappartjeni lill-Grupp Volkswagen (minn hawn 'il quddiem “il-VW Group”).

(9)

Il-VW Group jimmanifattura l-karozzi li jvarjaw minn karozzi żgħar għal vetturi kummerċjali u lussużi. Fl-2013, il-VW Group ħaddem total ta' 106 fabbrika f'19-il pajjiż Ewropew u tmien pajjiżi oħra fl-Amerika, fl-Asja u fl-Afrika u kien jgħodd 572 800 impjegat. Fl-istess sena, il-VW Group wassal 9,7 miljun karozza lill-klijenti f'153 pajjiż, li jikkorrispondu għal sehem ta' 12,8 % tas-suq tal-karozzi tal-passiġġieri fid-dinja (6), u d-dħul tiegħu kien jammonta għal EUR 197 biljun.

(10)

Fl-2013, Porsche AG impjegat 19 456 persuna madwar id-dinja u pprovdiet 162 145 vettura ġdida lill-konsumaturi globalment. Id-dħul tagħha laħaq l-EUR 14,3 biljun fl-2013.

2.3.   IL-PROĠETT TA' INVESTIMENT

(11)

Il-proġett ta' investiment beda f'April 2011. It-tlestija kienet ippjanata għal Mejju 2014.

(12)

Il-proġett ta' investiment qed jimmira lejn estensjoni tal-impjant ta' produzzjoni eżistenti ta' Leipzig għall-manifattura ta' mudell ġdid ta' karozza tal-passiġġieri “Porsche Macan”. Dan il-mudell huwa vettura utilitarja sportiva/karozza tal-passiġġieri cross-over, li jappartjeni lis-segment B tal-klassifikazzjoni POLK (karozzi tal-passiġġieri ta' daqs medju/ta' klassi medja), u lis-Segment SUV D (Standard Sport Utility Vehicle) (Vettura Utilitarja Sportiva Standard) tal-klassifikazzjoni ISH Global Insight (7).

(13)

Il-proġett jinvolvi investimenti f'bini, makkinarju, tagħmir u assi intanġibbli, u jinkludi l-kostruzzjoni u t-tagħmir kif ukoll bini għal xogħol ta' żebgħa/verniċ, għall-produzzjoni tal-mudell il-ġdid. Peress li l-operazzjonijiet tal-impjant eżistenti f'Leipzig kien limitat s'issa għall-assemblaġġ tal-karozzi, l-investiment jikkostitwixxi titjib tas-sit għal impjant tal-manifattura tal-karozzi żviluppat b'mod sħiħ.

(14)

Il-kapaċità tal-produzzjoni maħluqa mill-proġett tammonta għal [40 000–100 000] (*) vettura fis-sena. Teknikament tkun possibbli kapaċità massima ta' [40 000–100 000] vettura. Dan jikkorrispondi għal […] vettura kuljum ikkalkulat fuq il-bażi ta' 235 jum ta' xogħol. Il-kapaċità sħiħa hija prevista li tintlaħaq fl-ewwel nofs tal-2014.

(15)

L-ispejjeż totali eliġibbli tal-investiment tal-proġett jammontaw għal EUR 550,08 miljun f'valur nominali. Fil-valur preżenti (8) dan l-ammont huwa ta' EUR 521,56 miljun. It-tabella t'hawn taħt tipprovdi t-tqassim tal-ispejjeż totali eliġibbli tal-proġett skont is-sena u l-kategorija, kif notifikat:

Spejjeż eliġibbli tal-investiment (nominali f'miljuni ta' EUR)

Miljuni ta' EUR (aġġustati għad-dritt)

2011

2012

2013

2014

Totali

Bini

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Tagħmir Estern

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Makkinarju/Tagħmir

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Assi intanġibbli

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Totali

(…)

(…)

(…)

(…)

550,08

(16)

L-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw li assi ġodda biss se jkunu eliġibbli, u li l-assi intanġibbli jinkisbu minn partijiet terzi bil-prezz tas-suq.

2.4.   IL-FINANZJAMENT TAL-INVESTIMENT

(17)

L-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw li l-kontribuzzjoni tal-benefiċjarji stess, ħielsa minn kwalunkwe appoġġ pubbliku, taqbeż il-25 fil-mija tal-ispejjeż eliġibbli.

2.5.   IL-BAŻI ĠURIDIKA

(18)

Il-bażi ġuridika nazzjonali għal appoġġ finanzjarju hija kif ġej:

a.

primjum ta' investiment fuq il-bażi tal-“Investitionszulagengesetz 2010” (9);

b.

għotja diretta skont il-Koordinierungsrahmen der Gemeinschaftsaufgabe “Verbesserung der regionalen wirtschaftsstruktur (GA) 2009” (10).

2.6.   IL-MIŻURA TA' GĦAJNUNA

(19)

Il-benefiċjarju applika għall-għotja diretta fl-24 ta' Marzu 2011. Fid-29 ta' Marzu 2011 il-Bank ta' Żvilupp “Sächsische Aufbaubank” (minn hawn' il quddiem “SAB”) ikkonferma li l-benefiċjarju jkun fil-prinċipju intitolat li jikseb għotja diretta bħala inċentiv sabiex jitwettaq l-investiment. Il-primjum tal-investiment jingħata — f'dan il-każ, suġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni — taħt miżura fiskali li tistabbilixxi dritt ġuridiku għall-għajnuna skont il-kriterji oġġettivi u mingħajr eżerċizzju ulterjuri ta' diskrezzjoni mill-Istat Membru. Għalhekk, il-benefiċjarju ma kellux għalfejn japplika għall-primjum tal-investiment qabel il-bidu tax-xogħlijiet.

(20)

Il-Ġermanja beħsiebha tagħti għajnuna ta' EUR 43,67 miljun fil-valur preżenti. Peress li n-nefqa totali eliġibbli ppjanata fil-valur preżenti għall-proġett hija ta' EUR 521,56 miljun (EUR 550 miljun f'valur nominali), l-intensità ta' għajnuna proposta hija ta' 8,37 % Ekwivalenti tal-Għotja Gross (GGE).

(21)

Il-Ġermanja kkonfermat li l-għajnuna għall-proġett ma kinitx se tiġi kkombinata ma' għajnuna mogħtija għall-istess kostijiet eliġibbli minn sorsi oħra lokali, reġjonali, nazzjonali jew sorsi tal-Unjoni; u li la l-ammont massimu ta' għajnuna approvat fil-valur preżenti u lanqas l-intensità tal-għajnuna approvata ma huma se jinqabżu, jekk l-ammont ta' nefqa eliġibbli jkun iddevja mill-istima mogħtija fin-notifika.

(22)

Kemm l-għotja diretta kif ukoll il-primjum ta' investiment jingħataw bil-kundizzjoni li l-benefiċjarju jżomm l-investiment fiż-żona megħjuna għal perjodu minimu ta' ħames snin wara li jitlesta l-proġett ta' investiment.

2.7.   DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

(23)

L-awtoritajiet Ġermaniżi impenjaw ruħhom li jissottomettu lill-Kummissjoni:

fi żmien xahrejn mill-għoti tal-għajnuna, kopja tal-atti rilevanti dwar din il-miżura ta' għajnuna,

kull ħames snin, li jibdew mill-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Kummissjoni, rapport intermedjarju (li jinkludi informazzjoni dwar l-ammonti tal-għajnuna li qed jitħallsu, dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tal-għajnuna u dwar kull proġett ieħor ta' investiment mibdi fl-istess stabbiliment/impjant),

fi żmien sitt xhur wara l-pagament tal-aħħar ħlas parzjali tal-għajnuna, rapport finali dettaljat ibbażat fuq l-iskeda tal-ħlas notifikata.

3.   RAĠUNIJIET GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

(24)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni nnutat li l-proġett megħjun jirrispetta l-kriterji standard ta' kompatibilità stabbiliti fir-RAG, u li l-ammont u l-intensità tal-għajnuna proposta ma jaqbżux il-massimu permissibbli. Madankollu, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 68 tar-RAG, hija ma kinitx f'pożizzjoni li tikkonferma l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern skont analiżi preliminari.

(25)

Il-paragrafu 68 tar-RAG jeħtieġ li l-Kummissjoni tiftaħ l-investigazzjoni formali u tipproċedi għal valutazzjoni dettaljata tal-effett ta' inċentiv, il-proporzjonalità, kif ukoll l-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna, fejn is-sehem tas-suq tal-benefiċjarju fis-suq relevanti tal-prodott u ġeografiku jaqbeż il-25 % qabel jew wara l-investiment (minn hawn 'il quddiem jissejjaħ ukoll “il-paragrafu 68(a)-test”) jew meta l-kapaċità maħluqa mill-investiment taqbeż il-5 % ta' suq li huwa fi tnaqqis relattiv jew assolut (minn hawn 'il quddiem jissejjaħ ukoll “il-paragrafu 68(b)-test”).

(26)

Il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi, f'eżami preliminari li l-limitu tas-sehem mis-suq u l-livell limitu dwar iż-żieda fil-kapaċità permezz tal-investiment f'suq bi prestazzjoni dgħajfa ma nqabżux fis-swieq rilevanti.

(27)

B'mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar il-proposta tal-Ġermanja għad-definizzjoni tas-suq ta' prodotti rilevanti, jiġifieri li tieħu inkunsiderazzjoni jew is-suq globali tal-karozzi tal-passiġġieri mingħajr ebda segmentazzjoni, jew jekk is-segmentazzjoni titqies neċessarja, is-segment B biss skont il-klassifikazzjoni POLK. F'konformità ma' deċiżjoni preċedenti (11), il-Kummissjoni qieset li għal vetturi utilitarji sportivi, il-klassifikazzjoni IHS Global Insight tkun aktar xierqa. Il-Kummissjoni ma kinitx f'pożizzjoni li tikkonferma mingħajr dubju li jew is-swieq globali tal-karozzi tal-passiġġieri, jew is-segment B tal-klassifikazzjoni POLK biss, jew il-kategorija SUV-D tal-IHS Global Insight biss jistgħu jitqiesu bħala suq tal-prodott rilevanti mill-investiment. Għalhekk, il-Kummissjoni ħalliet id-definizzjoni preċiża tas-suq tal-prodott rilevanti miftuħa u kkunsidrat definizzjonijiet tas-suq alternattivi plawżibbli, li jikkonsistu fis-suq globali tal-karozzi tal-passiġġieri, fis-segment B tal-klassifikazzjoni POLK B u s-segment SUV-D tal-IHS Global Insight.

(28)

Il-Kummissjoni lanqas ma setgħet tieħu pożizzjoni finali dwar id-definizzjoni tas-suq ġeografiku. Hija ma setgħetx tikkonkludi jekk is-suq ġeografiku huwiex wiesa' daqs iż-Żona Ekonomika Ewropea (minn hawn 'il quddiem “ŻEE”), jew, kif suġġerit mill-Ġermanja, jekk jikkonsistix mis-suq globali, jew tal-inqas mis-suq kombinat taż-ŻEE u tal-Amerika ta' Fuq.

(29)

L-analiżi skont il-paragrafu 68 (a) tar-RAG (“it-test dwar is-sehem mis-suq”) wasslet għall-konklużjoni li l-limitu applikabbli ta' 25 % tas-sehem mis-suq jinqabeż fis-segment B tal-klassifikazzjoni POLK fis-suq ġeografiku taż-ŻEE (12).

(30)

L-analiżi skont il-paragrafu 68(b), applikata għas-suq taż-ŻEE, wriet li għas-segment SUV-D tal-IHS Global Insight, iż-żieda tal-kapaċità maħluqa mill-proġett, li tammonta għal […] %, teċċedi sostanzjalment il-limitu applikabbli ta' 5 %, filwaqt li s-suq innifsu kien ta' prestazzjoni dgħajfa fil-perjodu ta' referenza rilevanti. Bejn l-2005 u l-2010, ir-rata medja ta' tkabbir annwali (CAGR) tal-konsum apparenti tal-prodott ikkonċernat fiż-ŻEE kienet ta' – 0,9 %, meta mqabbla mar-rata medja ta' tkabbir annwali tal-PGD fiż-ŻEE, li kienet ta' 1,62 % (13).

(31)

Peress li l-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi li l-limiti stabbiliti fil-paragrafu 68(a) u (b) tar-RAG ma kinux inqabżu, hija ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta' investigazzjoni formali. B'mod partikolari, hija sostniet li jekk il-kummenti li waslu bi tweġiba għall-ftuħ tal-investigazzjoni formali mhux se jippermettu lill-Kummissjoni tikkonkludi mingħajr ebda dubju li l-limiti rilevanti ma għandhomx jinqabżu, hija twettaq valutazzjoni dettaljata tal-proġett ta' investiment fuq il-bażi tal-Kriterji ta' prova. Il-Ġermanja u l-partijiet terzi interessati ġew mistiedna jissottomettu l-kummenti tagħhom.

4.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

(32)

Ma tressqu l-ebda kummenti minn partijiet terzi interessati.

5.   KUMMENTI MILL-ĠERMANJA

5.1.   IS-SUQ TAL-PRODOTTI INKWISTJONI

(33)

Il-Ġermanja żammet il-pożizzjoni tagħha li s-segment B tal-klassifikazzjoni POLK jirrappreżenta definizzjoni xierqa tas-suq tal-prodott rilevanti, izda ma ppreżentat l-ebda argument addizzjonali.

5.2.   IS-SUQ ĠEOGRAFIKU RILEVANTI

(34)

Il-Ġermanja tibqa' tal-fehma li s-suq globali, jew tal-inqas is-suq kombinat taż-ŻEE u tal-Amerika ta' Fuq, għandu jitqies bħala s-suq ġeografiku rilevanti. Il-Ġermanja targumenta li din l-opinjoni hija barra minn hekk sostnuta mill-fatt li s-suq dinji huwa moqdi minn sit wieħed biss ta' produzzjoni.

5.3.   VALUTAZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA TA' GĦAJNUNA

(35)

Il-Ġermanja pprovdiet l-informazzjoni li ġejja sabiex tippermetti lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni dettaljata.

5.3.1.   Effetti pożittivi tal-għajnuna

(36)

Il-Ġermanja tqis li l-investiment jikkontribwixxi għall-iżvilupp reġjonali ta' Leipzig u tas-Sassonja għar-raġunijiet li ġejjin:

Il-proġett ta' investiment se jiżgura 833 impjieg u 29 kariga ta' apprentisti u se joħloq 1 040 impjieg ġdid u 30 pożizzjoni ta' apprendisti ġdid.

Barra minn hekk, għadd kbir ta' impjiegi indiretti se jinħolqu mill-fornituri u mill-provdituri tas-servizzi fir-reġjun. Il-multiplikatur tal-impjiegi huwa ta' 2,5 (14), li jfisser li madwar 2 700 impjieg indirett addizzjonali huma mistennija li jinħolqu. Għadd kbir minn dawn l-impjiegi huma mistennija li jinħolqu fl-istabbiliment tal-benefiċjarju tal-għajnuna jew fil-viċinanza immedjata tiegħu. Huma mistennija li jinħolqu madwar 750 impjieg ġdid bejn l-2012 u l-2015 fl-oqsma tal-provvisti, tat-teknoloġija tat-trasport u tal-imballaġġ biss.

Il-benefiċjarju tal-għajnuna huwa involut b'mod attiv f'diversi inizjattivi ta' netwerks jew raggruppamenti li jippromwovu l-iżvilupp tal-industrija tal-karozzi fir-reġjun (eż. l-Initiative Automotive Cluster Ostdeutschland, AOCD).

Il-benefiċjarju huwa attiv ħafna fil-qasam tat-taħriġ bażi u kontinwu għall-impjegati tiegħu. Barra milli jirrekluta persunal bi kwalifiki għolja, huwa jappoġġja taħriġ regolari (intern u estern) għall-impjegati tiegħu.

5.3.2.   L-adegwatezza tal-għajnuna

(37)

Il-Ġermanja tinnota li l-Kummissjoni diġà aċċettat fil-kawża Dell Products Poland (15) li l-għajnuna mill-Istat, fost miżuri oħra, hija mezz xieraq biex tippromwovi l-iżvilupp reġjonali ta' reġjuni fejn il-PDG per capita u l-livelli tal-pagi huma aktar baxxi mill-medja nazzjonali, u fejn ir-rata ta' qgħad hija ogħla mill-medja nazzjonali. Il-PDG per capita fis-Sassonja kien ta' 73 % mill-medja Ġermaniża fl-2011. Ir-rata tal-qgħad kienet madwar 50 % ogħla mill-medja Ġermaniża fl-2011, u l-abitanti tar-reġjun kellhom introjtu disponibbli medju li kien jammonta għal 82 % mill-medja Ġermaniża matul il-perjodu 2007-2009 (16).

(38)

Għalhekk, il-Ġermanja tqis li l-għajnuna nnotifikata hija strument adatt biex jintlaħqu l-objettivi ta' koeżjoni tagħha.

5.3.3.   Effett ta' inċentiv/Ix-xenarju kontrofattwali

(39)

Il-Ġermanja toffri informazzjoni biex tipprova li l-għajnuna taqa' taħt ix-Xenarju 2 tal-Kriterji ta' prova, billi tipprovdi inċentiv lill-benefiċjarju biex iwettaq l-investiment sħiħ fl-impjant ta' Leipzig aktar milli tillokalizzah parzjalment fil-[lokalità 1 fil-Ġermanja] u parzjalment f'Leipzig (il-kostruzzjoni tal-karozzerija u xogħol ta' żebgħa f'impjant eżistenti tal-Volkswagen fil-[lokalità 1 fil-Ġermanja], u l-assemblaġġ fl-impjant ta' Leipzig). B'mod partikolari, il-Ġermanja pprovdiet dokumenti tal-kumpanija kontemporanji u ġenwini rilevanti, li jispjegaw id-diversi stadji ta' Porsche AG fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-post tal-investiment. Il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet huwa deskritt hawn taħt.

Il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-benefiċjarju

(40)

Id-deċiżjoni dwar l-investiment u l-lokalità fir-rigward tal-proġett ta' Macan ittieħdet f'Marzu 2011. Matul il-perjodu preparatorju u tat-teħid tad-deċiżjonijiet, minkejja l-fatt li Porsche Automobile Holding SE u Volkswagen AG kienu diġà qablu dwar il-ħolqien ta' grupp integrat għall-bini ta' vetturi fl-2009, il-korpi rilevanti ta' Porsche AG ħadu d-deċiżjonijiet kollha rilevanti għall-kumpanija kompletament b'mod awtonomu, mingħajr l-involviment tal-bordijiet u tal-kumitati tal-VW Group.

(41)

Skont ir-regoli applikabbli ta' proċedura tal-bord eżekuttiv ta' Porsche AG, id-deċiżjonijiet (inklużi d-deċiżjonijiet dwar l-għażla tal-post) għat-tnedija ta' prodotti ġodda (mudelli) kellhom l-ewwel jiġu ppreżentati lill-kumitat tal-prodotti tal-bord eżekuttiv ta' Porsche AG (Vorstandsausschuss Produkte, minn hawn 'il quddiem “VAP”), u jiġu approvati mill-bord superviżorju ta' Porsche AG (Aufsichtsrat, minn hawn' il quddiem “AR”).

(42)

Id-deċiżjoni dwar l-investiment u l-lokalità tal-proġett ta' Macan ittieħdet f'diversi stadji fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet. F'kull stadju, tħejjew u ġew ikkunsidrati kalkoli komparattivi għal xenarji differenti ta' produzzjoni f'lokalitajiet differenti fil-Ġermanja.

(43)

Il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet — kif deskritt hawn taħt — beda f'Ottubru 2010 u tlesta fil-15 ta' Marzu 2011 bid-deċiżjoni tal-AR favur il-lokalità ta' Leipzig, meħuda taħt il-kundizzjoni li l-għajnuna mill-Istat tkun disponibbli għall-investiment f'dik il-lokalità.

(44)

Fl-istadji bikrin tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet l-Alternattivi minn 1 sa 4 biss deskritti hawn taħt ġew ikkunsidrati; L-Alternattiva 5 (17) ġiet introdotta ftit aktar tard u ppreżentata lill-VAP fit-22 ta' Novembru 2010.

Alternattiva

Deskrizzjoni tal-Alternattivi

1.

[Lokalità 2 fil-Ġermanja]

Il-produzzjoni u t-twassil tal-vettura kollha kemm hi mil-[Lokalità 2 fil-Ġermanja]

2.

[Lokalità 2 fil-Ġermanja]/Porsche Leipzig

Il-kostruzzjoni tal-karozzeriji/xogħol ta' żebgħa fil-[Lokalità 2 fil-Ġermanja], imbagħad it-trasport tal-karozzeriji miżbugħin lejn Leipzig għall-assemblaġġ u t-twassil

3.

[Lokalità 1 fil-Ġermanja]/Porsche Leipzig

Il-kostruzzjoni tal-karozzeriji/xogħol ta' żebgħa fil-[Lokalità 1 fil-Ġermanja], imbagħad it-trasport tal-karozzeriji miżbugħin lejn Leipzig għall-assemblaġġ u t-twassil

4.

[Lokalità 3 fil-Ġermanja]

Il-produzzjoni u t-twassil tal-vettura kollha kemm hi mil-[Lokalità 3 fil-Ġermanja]

5.

Porsche Leipzig

Il-produzzjoni u t-twassil tal-vettura kollha kemm hi minn Leipzig.

(45)

Il-Ġermanja spjegat, fuq il-bażi ta' dokumenti tal-kumpanija, li matul il-fażi tal-ippjanar u t-teħid tad-deċizjonijiet saru diversi kalkoli tal-ispejjeż tal-produzzjoni attribwibbli għal-lokalità sabiex jinkiseb l-istess livell ta' preċiżjoni għal kull Alternattiva. Għalhekk, ix-xenarju ta' referenza — jiġifieri l-Alternattiva preferuta f'ħin partikolari — kienet qed tinbidel matul il-proċess tat-teħid ta' deċiżjoni (18).

(46)

Billi Porsche Leipzig kellha inqas ħin mil-lokalitajiet l-oħra biex tagħmel kalkoli tal-istess ambitu, u, billi l-operazzjonijiet tagħha kienu limitati għall-assemblaġġ, ma kellhiex esperjenza fl-ippjanar dettaljat tal-ispejjeż għal investimenti strutturali, bħall-kostruzzjoni u l-infrastruttura fl-oqsma taż-żebgħa u tal-kostruzzjoni tal-karozzeriji. Il-laqgħa tal-VAP tal-[2010] li aċċettat l-Alternattiva 5 bħala x-xenarju ta' referenza, talbet il-preżentazzjoni ta' pjan aktar dettaljat minn Porsche Leipzig.

(47)

Matul din il-fażi ta' ppjanar dettaljat ulterjuri, deher ċar li l-vantaġġ fil-kost preżunt fil-bidu fir-rigward tal-Alternattiva 5 fuq l-Alternattiva 3 kien qed jonqos b'mod kostanti, u spiċċa biex sfaxxa fix-xejn, meta ġew identifikati spejjeż ta' investiment addizzjonali li rriżultaw fi żvantaġġ ċar fil-kost meta mqabbel mal-Alternattiva 3. Madankollu l-istimi tal-ispejjeż tal-Alternattivi 3 u 5 xorta kienu aktar baxxi b'mod sinifikanti minn dawk tal-Alternattivi l-oħra.

(48)

Il-ġestjoni ta' Porsche Leipzig bdiet tinvestiga l-possibbiltà li tuża l-għajnuna mill-Istat biex jitnaqqas l-iżvantaġġ fil-kost, u kkuntattjat lill-Ministeru tal-Ekonomija, tax-Xogħol u t-Trasportazzjoni tas-Sassonja (minn hawn 'il quddiem “SMWA”).

(49)

Fl-ittra tagħha tal-25 ta' Frar 2011, Porsche Leipzig talbet lill-SMWA jeżamina l-possibbiltà li tingħata l-għajnuna għall-investiment ippjanat. Din l-ittra saħqet li, sa issa, l-ebda deċiżjoni dwar il-lokalità ma kienet ittieħdet u li l-għajnuna mill-Istat intalbet biex tagħmel tajjeb għall-iżvantaġġi tal-lokalità ta' Leipzig. L-idea ġenerali u l-ambitu tal-proġett ta' investiment ġew ippreżentati lil SMWA f'laqgħa fit-28 ta' Frar 2011.

(50)

Il-VAP, fil-laqgħa tiegħu tal-[2011] ippreskriva lil Porsche Leipzig sabiex tidentifika l-iffrankar addizzjonali sabiex l-Alternattiva 5 tkun tista' tibqa' kompetittiva mal-Alternattiva 3.

(51)

Permezz ta' ittra tad-9 ta' Marzu 2011, l-SMWA assigura lil Porsche Leipzig li kien se jappoġġa l-proġett ta' investiment għall-produzzjoni sħiħa ta' Macan f'Leipzig, jekk kellhom jintlaħqu l-kundizzjonijiet fis-seħħ biex tingħata l-għajnuna reġjonali.

(52)

Bħala riżultat ta' kalkoli dettaljati, it-tqabbil ta' hawn taħt tal-ispejjeż tal-produzzjoni attribwibbli lil-lokalità qabel l-għajnuna potenzjali mill-Istat, kien ippreżentat lill-AR fil-15 ta' Marzu 2011:

Alternattivi

L-ispejjeż ta' produzzjoni marbuta mal-lokalità f'EUR miljun mingħajr għajnuna mill-15 ta' Marzu 2011

3.

[Lokalità 1 fil-Ġermanja/Porsche Leipzig

[…]

5.

Porsche Leipzig

[…]

(53)

Għalhekk, fl-assenza tal-għajnuna, l-Alternattiva 5 wriet żvantaġġ ta' EUR 65 miljun meta mqabbla mal-Alternattiva 3.

(54)

L-istess bħal fl-Alternattiva 5, l-ispejjeż totali tal-investiment jaqgħu fuq Leipzig, u l-ispejjeż totali tal-investiment tal-prodotti u tal-infrastruttura ta' EUR 550 miljun jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli għall-għajnuna reġjonali. Għalhekk, jekk l-investiment kien konformi mal-kundizzjonijiet fis-seħħ għall-għoti ta' għajnuna reġjonali, l-ammont ta' għajnuna potenzjali seta' jkun ta' EUR 47,5 miljun. Għalhekk, l-ispejjeż tal-produzzjoni nett (wara l-għajnuna) għal Alternattiva 5 jonqsu minn EUR […] miljun għal EUR […] miljun.

(55)

Taħt l-Alternattiva 3, parti żgħira tal-ispejjeż totali tal-investiment (għall-assemblaġġ) taqa' fuq Leipzig, li tista' tkun eliġibbli għall-għajnuna reġjonali għal ammont ta' madwar EUR 10,02 miljun. L-impjant tal-[lokalità 1 fil-Ġermanja] ma jinstabx f'reġjun assistit; għalhekk mhuwiex eliġibbli għall-għajnuna reġjonali. L-ispejjeż netti tal-produzzjoni (wara l-għajnuna) għall-Alternattiva 3 jonqsu minn EUR […] miljun għal EUR […] miljun.

(56)

Kif miġbur fil-qosor fit-tabella ta' hawn taħt, meta l-għajnuna hija kkunsidrata, l-iżvantaġġ tal-Alternattiva 5 meta mqabbla mal-Alternattiva 3 jaqa' minn EUR 65 miljun għal EUR 27,52 miljun (is-sitwazzjoni f'Marzu 2011).

 

Alternattiva 3

Alternattiva 5

L-ispejjeż tal-produzzjoni mingħajr l-għajnuna mill-Istat

EUR […] miljun

EUR […] miljun

Żvantaġġ tal-Alternattiva 5 meta mqabbla mal-Alternattiva 3 mingħajr l-għajnuna

EUR 65 miljun

Għajnuna mill-Istat

EUR 10,02 miljun

EUR 47,5 miljun

L-ispejjeż tal-produzzjoni waqt li titqies l-għajnuna

EUR […] miljun

EUR […] miljun

Żvantaġġ tal-Alternattiva 5 meta mqabbla mal-Alternattiva 3 waqt li titqies l-għajnuna

EUR 27,52 miljun

(57)

Il-Ġermanja spjegat li, minbarra l-iżvantaġġ fil-kost kwantifikat ta' EUR 27,52 miljun, tqiesu xi kriterji kwalitattivi li kienu favur l-Alternattiva 5:

L-ewwel, id-dejta empirika mill-industrija tal-karozzi turi li l-produzzjoni sħiħa f'lokalità waħda meta mqabbla ma' sitwazzjoni fejn il-produzzjoni tal-karozzeriji u x-xogħol taż-żebgħa jsiru f'post wieħed, u l-assemblaġġ isir f'ieħor, timminimizza ċerti riskji pereżempju minħabba t-trasport.

It-tieni, il-produzzjoni kollha f'lokalità waħda tippermetti proċess dinamiku ta' disinn, li jista' jiżgura proċess ta' produzzjoni mill-aqwa.

It-tielet, in-nuqqasijiet potenzjali jew żbalji jistgħu jiġu identifikati u eliminati aktar malajr jekk il-produzzjoni kollha ssir f'post wieħed. L-esperjenza turi li r-rati ta' żbalji b'mod ġenerali jistgħu jitnaqqsu jekk l-impjegati li jaħdmu fi stadji differenti tal-proċess ta' produzzjoni jkunu jistgħu jikkooperaw fl-istess post.

Ir-raba', ir-reputazzjoni tat-trade mark hija wkoll fattur deċiżiv. Is-sit tal-[lokalità 1 fil-Ġermanja] jipproduċi prinċipalment vetturi […], filwaqt li Macan għandha tiġi pożizzjonata bħala vettura ta' primjum.

(58)

Fuq il-bażi ta' dawn il-kalkoli u l-kunsiderazzjonijiet, is-CFO ta' Porsche AG ħabbar fil-laqgħa AR tal-15 ta' Marzu 2011 l-intenzjoni tal-kumpanija tiegħu li tapplika għal għajnuna reġjonali mill-Istat għall-espansjoni tal-impjant ta' produzzjoni ta' Leipzig. Kif dokumentat fil-minuti tal-laqgħa AR tal-15 ta' Marzu 2011, huwa sostna li d-deċiżjoni finali dwar il-lokalità tal-investiment Macan għandha għalhekk tiddependi fuq id-disponibbiltà tal-għajnuna.

(59)

B'reazzjoni għal din id-dikjarazzjoni, AR approva l-Alternattiva 5 (produzzjoni sħiħa f'Leipzig) bil-kundizzjoni li l-għajnuna mill-Istat tkun disponibbli.

(60)

Wara d-deċiżjoni kondizzjonali tal-AR fil-15 ta' Marzu 2011, Porsche Leipzig applikat formalment għall-għajnuna reġjonali diskrezzjonali minn fondi ta' “Skema Konġunta għat-Titjib tal-Istrutturi Ekonomiċi Reġjonali” (GRW). L-applikazzjoni għall-għajnuna ġiet sottomessa lis-SAB fl-24 ta' Marzu 2011. Għall-konċessjoni tal-investiment jeżisti intitolament legali, li f'dan il-każ huwa suġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni. L-ebda applikazzjoni ex ante ma hija meħtieġa, iżda l-ammont mistenni tal-konċessjoni tal-investiment għandu jkun indikat fl-applikazzjoni għall-għajnuna diskrezzjonali sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-limitu massimu tal-għajnuna.

(61)

Fid-29 ta' Marzu 2011, SAB ikkonfermat li l-proġett ta' investiment jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà għas-sussidji.

(62)

Il-proġett ta' investiment beda f'April 2011.

(63)

It-tabella ta' hawn taħt tiġbor fil-qosor id-dettalji tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet bi stadji multipli:

Data

 

[2010]

Laqgħa tal-VAP:

L-Alternattivi minn 1 sa 4 biss huma ppreżentati

VAP japprova deċiżjoni biex jiġu elaborati aktar l-Alternattivi minn 1 sa 4

L-Alternattiva 1 hija magħżula bħala x-xenarju ta' referenza

[2010]

Laqgħa tal-VAP:

L-Alternattivi minn 1 sa 5 huma ppreżentati

L-Alternattiva 3 tintgħażel bħala x-xenarju ta' referenza

[2010]

Laqgħa tal-AR:

L-AR jiddeċiedi li jimplimenta l-proġett ta' Macan

Id-deċiżjoni dwar il-lokalità għadha miftuħa, l-AR jitlob lill-VAP jipproponi lokalità

L-AR jilqa' l-Alternattiva 5

[2010]

Laqgħa tal-VAP:

Il-ħames alternattivi ta' lokalitajiet ta' produzzjoni għadhom disponibbli kollha

Il-VAP jitlob elaborazzjoni ulterjuri tal-ippjanar tal-Alternattiva 5

L-Alternattiva 5 tintgħażel bħala x-xenarju ta' referenza

[2011]

Laqgħa tal-VAP:

VAP jikkonferma l-proposta tad-deċiżjoni li se tiġi ppreżentata lill-AR fil-laqgħa tal-AR li jmiss, li se jiddeċiedi dwar il-lokalità ta' produzzjoni

L-approvazzjoni tal-AR għadha meħtieġa.

fil-25 ta' Frar 2011

Ittra ta' Porsche Leipzig lill-SMWA:

li titlob lill-SMWA jeżamina l-possibbiltà li jagħti l-għajnuna għall-investiment ippjanat.

[qabel il-15 ta' Marzu 2011]

Laqgħa tal-VAP:

VAP jikkonferma l-istimi tal-ispejjeż għall-Alternattiva 5

VAP jitlob għall-ekonomizzar

fid-9 ta' Marzu 2011

L-ittra tal-SMWA tikkonferma t-tħejjija ta' dan tal-aħħar biex isostni l-proġett:

L-SMWA jikkonferma li huwa jappoġġja l-proġett ta' investiment għall-produzzjoni sħiħa ta' Macan f'Leipzig jekk dan jissodisfa l-kundizzjonijiet fis-seħħ għall-għoti tal-għajnuna reġjonali

fil-15 ta' Marzu 2011

Laqgħa tal-AR:

L-AR japprova l-produzzjoni sħiħa ta' Macan f'Leipzig bil-kundizzjoni tad-disponibbiltà tal-għajnuna mill-Istat

fl-24 ta' Marzu 2011

Applikazzjoni formali ta' Porsche Leipzig għall-parti diskrezzjonali mill-għajnuna

fid-29 ta' Marzu 2011

Ittra ta' SAB:

tikkonferma li l-proġett ta' investiment jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà għas-sussidji.

April 2011

Jinbeda x-xogħol fuq il-proġett ta' investiment

5.3.4.   Proporzjonalità tal-għajnuna

(64)

Fir-rigward tax-Xenarju 2 tal-paragrafu 22 tal-Kriterji ta' prova, miżura ta' għajnuna hija “meqjusa bħala proporzjonali jekk tkun ugwali għad-differenza bejn il-kostijiet netti tal-kumpanija benefiċjarja biex tinvesti fir-reġjun megħjun u l-kostijiet netti biex tinvesti fir-reġjun(i) alternattiv(i)”.(traduzzjoni mhux uffiċjali) Il-Ġermanja tosserva li l-kalkoli użati għall-effett ta' inċentiv jistgħu jintużaw ukoll bħala bażi sabiex tiġi evalwata l-proporzjonalità tal-għajnuna.

(65)

L-Alternattiva 5 għandha żvantaġġ fil-kost ta' EUR 65 miljun meta mqabbla mal-Alternattiva 3.

(66)

Minkejja massimu permissibbli ta' għajnuna ta' EUR 47,5 miljun (f'valur nominali), għad hemm żvantaġġ fil-kost ta' EUR 27,52 miljun għall-Alternattiva 5.

(67)

Għalhekk il-Ġermanja targumenta li, peress li l-għajnuna ma tikkumpensax bis-sħiħ l-iżvantaġġ tal-lokalità ta' Leipzig, ma hemm l-ebda kumpens żejjed. L-għajnuna hija għaldaqstant proporzjonata.

(68)

Il-Ġermanja tfakkar li fid-deċiżjoni tagħha dwar il-lokalità, Porsche AG tqis mhux biss il-kunsiderazzjonijiet finanzjarji, iżda wkoll il-kriterji kwalitattivi mhux kwantifikabbli.

5.3.5.   Effetti negattivi tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ

(69)

Il-Ġermanja tenfasizza li l-għajnuna reġjonali sservi biss biex tikkumpensal-iżvantaġġ tal-lokalità f'Leipzig, jiġifieri bħala kumpens għall-ispejjeż addizzjonali tal-produzzjoni sħiħa fil-lokalità ta' Leipzig meta mqabbla max-xenarju tal-produzzjoni għall-kostruzzjoni tal-karozzeriji u x-xogħol ta' żebgħa fl-impjant tal-[lokalità 1 fil-Ġermanja] b'konsenja ta' karozzeriji miżbugħa lejn Leipzig għall-assemblaġġ. Minħabba li l-għajnuna hija proporzjonata, l-għajnuna ma għandha l-ebda effett fuq il-kompetizzjoni. L-investiment fil-proġett ta' Macan, u l-effetti li jirriżultaw minnu fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ, kienu se jkunu preżenti f'kull każ.

(70)

Għalhekk, il-Ġermanja tqis li l-għajnuna hi konformi mal-paragrafu 40 tal-Kriterji ta' prova u ma għandha l-ebda effett negattiv fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ.

6.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA TA' GĦAJNUNA U L-KOMPATIBBILTÀ

6.1.   EŻISTENZA TAL-GĦAJNUNA

(71)

L-appoġġ finanzjarju se jingħata mill-awtoritajiet Ġermaniżi fil-forma ta' għotja diretta u primjum ta' investiment. L-appoġġ huwa b'hekk mogħti minn Stat Membru u permezz ta' riżorsi tal-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(72)

Peress li l-għajnuna tingħata lis-sussidjarji ta' grupp wieħed ta' kumpaniji, lill-VW Group, il-miżura hija selettiva.

(73)

L-appoġġ finanzjarju previst se jeħles lill-benefiċjarji minn spejjeż li normalment kien se jkollhom iġarrbu huma stess. Għalhekk, huma jibbenefikaw minn vantaġġ ekonomiku fuq il-kompetituri tagħhom.

(74)

L-appoġġ finanzjarju previst se jingħata għal investiment fis-settur tal-karozzi; billi l-karozzi huma nnegozjati bejn l-Istati Membri, dan l-appoġġ x'aktarx jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(75)

Peress li l-miżura tiffavorixxi l-produzzjoni tal-VW Group, il-kompetizzjoni hija mfixkla qed tiġi mhedda li tkun mfixkla.

(76)

Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

6.2.   IL-LEGALITÀ TAL-MIŻURA TAL-GĦAJNUNA

(77)

Billi l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw il-miżura tal-għajnuna qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, dawn irrispettaw l-obbligu tagħhom skont l-Artkolu 108(3) tat-TFUE u r-rekwiżit tan-notifika individwali espress fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1628/2006 (19), u fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 (20).

6.3.   IL-BAŻI ĠURIDIKA GĦALL-VALUTAZZJONI

(78)

L-għan tal-għajnuna huwa l-promozzjoni tal-iżvilupp reġjonali. Billi l-awtoritajiet Ġermaniżi impenjaw ruħhom li jagħtu l-għajnuna qabel l-1 ta' Lulju 2014 (suġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, jekk għadha mhijiex disponibbli), il-bażi għall-evalwazzjoni tal-kumpatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern huma l-Linji gwida għall-Għajnuna Reġjonali, kif estiżi mill-paragrafu 186 tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020 (21) sat-30 ta' Ġunju 2014. Id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4.3 tar-RAG, li jitrattaw proġetti ta' investimenti kbar huma partikolarment rilevanti għall-finijiet ta' din l-evalwazzjoni. Jekk il-Kummissjoni ma tkunx tista' tistabbilixxi mingħajr dubji fl-investigazzjoni formali li l-limiti stabbiliti fil-paragrafu 68 (a) (“it-test dwar is-sehem tas-suq”) u l-paragrafu 68(b) (“it-testijiet taż-żieda fil-kapaċità u tal-prestazzjoni tas-suq”) tar-RAG ma jinqabżux, huwa meħtieġ li wieħed jipproċedi għal evalwazzjoni dettaljata li għandha titwettaq fuq il-bażi ta' kriterji stabbiliti fil-Kriterji ta' prova.

(79)

Il-Kummissjoni trid twettaq il-valutazzjoni tagħha fi tliet stadji:

l-ewwel, trid tikkonferma li l-miżura hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ġenerali tar-RAG,

it-tieni, trid tivverifika jekk tistax teskludi mingħajr dubju li “t-test dwar is-sehem tas-suq” u “t-testijiet taż-żieda fil-kapaċità u tal-prestazzjoni tas-suq” skont il-paragrafu 68(a) u (b) tar-RAG (“it-testijiet tal-paragrafu 68(a) u (b)”) ma jeħtiġux evalwazzjoni dettaljata,

it-tielet, skont ir-riżultat tal-valutazzjoni fit-tieni fażi, għandha mnejn ikollha twettaq evalwazzjoni dettaljata.

6.4.   KOMPATIBBILTÀ TAL-MIŻURA MA' KRITERJI STANDARD TA' KOMPATIBILITÀ TAR-RAG

(80)

Il-Kummissjoni diġà stabbiliet fil-premessa 36 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ li l-għajnuna tissodisfa l-kriterji ġenerali ta' kompatibilità tar-RAG. L-investigazzjoni formali ma sabet l-ebda element li jista' jitfa' dubju fuq din il-valutazzjoni. Il-Kummissjoni tinnota b'mod partikolari dan li ġej:

Ma hemm l-ebda indikazzjoni li Porsche Leipzig, Porsche AG jew il-VW Group b'mod partikolari jkunu f'diffikultà finanzjarja, peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' kumpaniji f'diffikultà (22) mhumiex issodisfati. Għalhekk, il-grupp li lilu jappartjeni l-benefiċjarju tal-għajnuna huwa eliġibbli għall-għajnuna reġjonali.

L-għajnuna tingħata permezz tal-applikazzjoni ta' skemi ta' eżenzjoni ġenerali li jirrispettaw il-kriterji standard ta' kompatibilità tar-RAG.

B'mod partikolari, il-proġett iwassal għal diversifikazzjoni tal-produzzjoni ta' stabbiliment eżistenti, li tippermettilu jimmanifattura mudell ġdid ta' karozza tal-passiġġieri, il-Porsche Macan; huwa għalhekk investiment inizjali skont it-tifsira tal-paragrafu 34 tar-RAG.

L-ispejjeż eliġibbli għall-għajnuna għall-investiment huma definiti f'konformità mar-RAG.

Il-benefiċjarju għandu wkoll l-obbligu li jżomm l-investiment fir-reġjun għal mill-inqas ħames snin wara t-tlestija tal-proġett.

Il-benefiċjarju jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta' mill-inqas 25 % tal-ispejjeż eliġibbli f'forma li tkun ħielsa minn kull appoġġ pubbliku.

In-nefqa totali eliġibbli ppjanata għall-proġett hija ta' EUR 521 559 981,66 fil-valur preżenti (bi skont sad-data tan-notifika). Ma hemm l-ebda indikazzjoni li, fil-passat, il-benefiċjarju rċieva għajnuna reġjonali għall-investiment għal proġetti ta' investiment aktar bikrija li setgħu bdew matul il-perjodu ta' tliet snin qabel ma nbeda x-xogħol fuq dan l-investiment. Għaldaqstant, dan l-investiment ma jikkostitwixxix proġett ta' investiment wieħed, skont it-tifsira tal-paragrafu 60 tar-RAG, ma' proġetti ta' investiment preċedenti bħal dawn.

Skont il-mekkaniżmu ta' tnaqqis stabbilit fil-paragrafu 67 tar-RAG, in-nefqa eliġibbli mġarrba twassal għal intensità massima ta' għajnuna permissibbli ta' 8,37 % tal-GGE (Ekwivalenti tal-Għotja Gross) għall-proġett.

Peress li l-intensità tal-għajnuna proposta (EUR 43 666 078,75 f'valur preżenti) ma taqbiżx il-massimu permess tal-intensità tal-għajnuna, u l-għajnuna notifikata ma għandhiex tingħata flimkien ma' għajnuna reġjonali għall-investiment ulterjuri, l-intensità tal-għajnuna proposta għall-proġett hija konformi mar-RAG.

(81)

Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni tqis li kriterji standard ta' kompatibilità tal-RAG huma ssodisfati.

6.5.   L-APPLIKAZZJONI TAT-TESTIJIET STABBILITI FID-DISPOŻIZZJONIJIET TAL-PARAGRAFU 68 TAR-RAG

(82)

Il-Kummissjoni indikat fil-paragrafu 78 tad-deċiżjoni tal-fluħ li jekk “il-kummenti li jaslu bi tweġiba għall-ftuħ tal-investigazzjoni formali ma jippermettux lill-Kummissjoni tikkonkludi mingħajr ebda dubju li l-limiti stabbiliti fit-testijiet tal-paragrafu 68(a) u (b) ma jinqabżux, il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni dettaljata tal-proġett ta' investiment fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni rigward il-Kriterji għal Valutazzjoni Dettaljata tal-Għajnuna Reġjonali għal Proġetti Kbar ta' Investiment” (traduzzjoni mhux uffiċjali). Il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk il-kummenti li waslu jippermettux din il-konklużjoni.

(83)

Fil-kummenti tagħha, il-Ġermanja żammet il-pożizzjoni tagħha diġà espressa fid-deċiżjoni tal-ftuħ, mingħajr ma żiedet kummenti jew informazzjoni li ma kinux għadhom ġew ippreżentati fil-fażi ta' eżami preliminari. B'mod partikolari, il-Ġermanja sostniet il-pożizzjoni tagħha li s-suq tal-prodotti rilevanti għandu jkun definit bħala s-segment B tal-klassifikazzjoni POLK (u mhux bħala l-klassifikazzjoni SUV-D tal-IHS Global Insight), u li s-suq ġeografiku għandu jkun definit bħala li jinkludi mill-inqas is-suq maqgħud taż-ŻEE u tal-Amerika ta' Fuq (u mhux biss is-suq taż-ŻEE). Il-pożizzjoni fis-suq ġeografiku hija appoġġata b'mod partikolari mill-argument li s-suq dinji huwa moqdi minn lokalità waħda biss ta' produzzjoni.

(84)

Fir-rigward tas-suq tal-prodotti, il-Kummissjoni tikkunsidra dan li ġej: id-deċiżjoni li ssir valutazzjoni dettaljata ma tippreġudikax l-eżitu tal-valutazzjoni tal-kompatibbiltà dettaljata li tirriżulta. Madankollu, qabel ma tapprova l-għajnuna, il-Kummissjoni għandha tkun sodisfatta li l-kontribuzzjoni pożittiva li tirriżulta mill-miżura ta' għajnuna se tagħti kumpens f'kull każ lill-effetti negattivi tagħha fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni. Għalhekk, bl-għan li tiddeċiedi jekk għandhiex issir valutazzjoni dettaljata dwar il-kompatibilità ta' miżura ta' għajnuna, id-definizzjoni tas-suq tal-prodotti għandha tkun kemm jista' jkun dejqa, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tal-karozza li trid tiġi manifatturata.

(85)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni kkunsidrat li — sa fejn huma kkonċernati l-vetturi utilitarji sportivi — minħabba n-natura differenti tagħhom f'paragun ma' karozzi tal-passiġġieri “normali” fir-rigward tal-prezz, id-daqs u r-rendiment tal-magna, eċċ., il-klassifikazzjoni IHS Global Insight tkun aktar xierqa milli l-klassifikazzjoni offruta minn POLK u għalhekk għandha tiġi applikata lill-proġett inkwistjoni. Għall-istess raġunijiet, f'każ ieħor riċenti dwar vetturi utilitarji sportivi, il-Kummissjoni rreferiet għall-klassifikazzjoni rilevanti IHS Global Insight u mhux għas-segment B usa' tal-klassifikazzjoni POLK (23).

(86)

Il-Kummissjoni ssostni l-fehma tagħha li, għad-definizzjoni tas-suq tal-prodotti ta' vetturi utilitarji sportivi, il-klassifikazzjoni IHS Global Insight hija aktar rilevanti mis-segmentazzjoni li toffri POLK. Il-Ġermanja ma ppreżentat l-ebda argument addizzjonali li jikkontradixxi din l-opinjoni. L-argument li l-VW Group jopera l-ippjanar strateġiku fit-tul kollu tiegħu u janalizza fuq il-bażi konċettwali ta' POLK huwa irrilevanti f'dan il-kuntest. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda tagħrif mingħand partijiet terzi waqt l-investigazzjoni formali li tkun tippermetti fehim aħjar tas-segmentazzjoni tas-suq dwar it-tip ta' karozza tal-passiġġieri inkwistjoni. Il-Kummissjoni għalhekk iżżomm l-approċċ tagħha li tħalli miftuħa d-definizzjoni eżatta tas-suq rilevanti tal-prodotti u li tapplika approċċ ta' definizzjonijiet tas-suq alternattivi plawżibbli, li jiddefinixxu s-segmenti individwali tal-karozzi (inklużi l-aktar segmentazzjoni dejqa li għaliha hemm dejta disponibbli) flimkien ma' segmenti magħquda bħala swieq tal-prodotti rilevanti plawżibbli (24), u skont ISH Global Insight, ma twarrabx is-segment SUV-D bħala segment tas-suq alternattiv plawżibbli.

(87)

Fir-rigward tas-suq ġeografiku, il-Kummissjoni ssostni l-valutazzjoni inizjali tagħha li s-suq rilevanti huwa ż-ŻEE jew suq ikbar; għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax teskludi li s-suq ġeografiku huwa limitat għas-suq taż-ŻEE.

(88)

Fid-deċiżjoni ta' ftuħ (il-paragrafu 58), il-Kummissjoni tirreferi għal żewġ investigazzjonijiet formali pendenti f'dak iż-żmien (25) li fihom hija eżaminat, għal ċerti segmenti tas-suq tal-karozzi, jekk is-suq ġeografiku rilevanti huwiex usa' miż-ŻEE. Skont il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni dettaljata li saret mis-servizzi tal-Kummissjoni, ma setax jiġi eskluż li s-suq ġeografiku relevanti għall-prodotti u l-perjodi ta' referenza kkonċernati ma kienx ikbar mis-suq taż-ŻEE. Peress li ż-żewġ Stati Membri kkonċernati mill-imsemmija deċiżjonijiet ta' ftuħ għażlu li jirtiraw in-notifiki tagħhom tal-għajnuna reġjonali qabel l-adozzjoni ta' deċiżjoni finali mill-Kummissjoni, il-konklużjonijiet tal-valutazzjonijiet dettaljati magħmula f'dawk il-każijiet ma setgħux jiġu kkonfermati f'deċiżjonijiet formali.

(89)

Il-Kummissjoni tqis li l-argumenti mressqa mill-Ġermanja fil-kuntest tal-investigazzjoni preliminari, u miżmuma mingħajr aktar elementi jew informazzjoni mressqa fil-kuntest tal-investigazzjoni formali, mhumiex biżżejjed biex itaffu t-tħassib li s-suq ġeografiku jista' jkun limitat għas-suq taż-ŻEE. B'mod partikolari, il-Kummissjoni tikkunsidra dan li ġej:

(90)

Il-fatt li l-produtturi tal-karozzi l-kbar huma internazzjonalment attivi u jinsabu f'kompetizzjoni globali mhuwiex biżżejjed prova li s-swieq individwali huma integrati u jikkostitwixxu suq dinji uniku (jew suq magħqud taż-ŻEE u tal-Amerika ta' Fuq). L-istess japplika għall-argument li l-akbar għaxar OEMs (Original Equipment Manufacturers) għandhom siti ta' manifattura u sistemi ta' distribuzzjoni madwar id-dinja kollha. Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li l-volatilità tar-rata tal-kambju tista' tissemma bħala fattur wieħed li wassal lill-OEMs biex jibnu impjanti ta' produzzjoni aktar qrib id-domanda reġjonali; u l-istess jgħodd għall-politiki ta' protezzjoni effettiva (tariffi għolja fuq l-importazzjonijiet ta' produtturi finali, tariffi baxxi fuq prodotti intermedji, li jagħtu inċentiv lill-produzzjoni lokali/assemblaġġ). It-tielet argument għall-eżistenza ta' strutturi ta' produzzjoni globalizzati, minkejja swieq li mhumiex integrati, huwa l-fatt li ċerti Stati jippermettu l-importazzjonijiet biss jekk l-impriżi konġunti għall-produzzjoni lokali jinħolqu b'mod parallel. Għalhekk, il-preżenza globali tal-operaturi l-kbar bħala manifatturi mhijiex fiha nnifisha indikazzjoni tal-eżistenza ta' suq globali (jew suq iktar wiesa' miż-ŻEE). Bl-istess mod, l-eżistenza ta' sistemi ta' distribuzzjoni li jestendu madwar id-dinja ma tikkostitwixxix prova li s-suq huwa globali (jew usa' miż-ŻEE) minn perspettiva ta' kompetizzjoni. Il-fatt li Porsche AG għandha l-ħsieb li sservi s-suq dinji minn lokalità waħda biss lanqas ma huwa suffiċjenti biex jappoġġa l-valutazzjoni li s-suq ġeografiku huwa usa' miż-ŻEE. Fil-fatt, is-suq SUV-D huwa relattivament żgħir meta mqabbel ma' segmenti tas-suq oħra, u l-ekonomiji ta' skala hawnhekk jistgħu jiffavorixxu l-approċċ ta' “lokalità waħda”. Billi l-mudell irid jinbiegħ taħt l-isem tal-Porsche, u l-kwalità għolja ta' karozzi lussużi prodotti minn Porsche AG hija sa issa, fid-dawl tal-klijenti tagħhom, marbuta mal-manifattura fil-Ġermanja, lokalità oħra ta' produzzjoni barra mill-Ġermanja tista' jkun ta' ħsara għall-istrateġija ta' kummerċjalizzazzjoni ta' suċċess. Il-Ġermanja tiġġustifika hija stess (ara l-premessa 57 hawn fuq) l-alternattiva ta' Leipzig minflok il-[lokalità 1 fil-Ġermanja] fost l-oħrajn, minħabba aspetti marbuta mal-isem tad-ditta.

(91)

Barra minn hekk, l-argument li livell għoli tal-flussi kummerċjali, pereżempju l-fatt li aktar minn 20 % tal-produzzjoni fiż-ŻEE tiġi esportata lejn is-suq tal-Amerika ta' Fuq, huwa insuffiċjenti bħala prova tal-eżistenza ta' suq globali (jew hawnhekk suq aktar wiesgħa minn dak taż-ŻEE). Il-Kummissjoni tikkunsidra li, għad li l-flussi kummerċjali jistgħu jagħtu kontribut fuq livell ta' integrazzjoni ta' żoni ġeografiċi differenti billi titqies l-importanza tal-importazzjonijiet u tal-esportazzjonijiet fir-rigward tal-livelli tal-produzzjoni u l-konsum lokali, l-eżistenza tal-flussi kummerċjali fiha nfisha mhijiex prova suffiċjenti biex jitqies li jeżisti suq ġeografiku integrat. Fil-fatt, jista' jkun hemm ukoll trasportazzjoni bejn iż-ŻEE u reġjuni oħra, iżda dan ma jfissirx li s-swieq huma integrati fis-sens li l-kundizzjonijiet tas-suq (eż. l-prezzijiet) f'suq wieħed jinfluwenzaw il-kundizzjonijiet tas-suq fl-ieħor. Dan jgħodd b'mod partikolari fejn it-trasportazzjonijiet osservati huma relatati primarjament ma' trasportazzjonijiet mill-manifatturi stess, kuntrarju għat-trasportazzjonijiet minn importaturi u esportaturi indipendenti li jimpenjaw ruħhom f'arbitraġġ tal-prezzijiet. Il-prezz jista' jkun kompletament speċifiku għas-suq (eż. għoli f'suq wieħed, u baxx fl-ieħor), u mhux allinjat mal-kundizzjonijiet ta' suq integrat allegat. L-analiżi tal-flussi kummerċjali ma tindirizzax il-kwistjoni prinċipali fid-definizzjoni tas-suq, jiġifieri jekk l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet jistgħux jegħlbu żieda fil-prezz fis-suq lokali. Il-Kummissjoni tinnota li l-Ġermanja ma resqitx aktar materjal empiriku li jista' jipprova l-eżistenza ta' ċaqliq korrelatat fil-prezzijiet, jew ir-reattività ta' importazzjonijiet netti għall-bidliet fil-prezzijiet relattivi. Il-materjal empiriku ppreżentat fil-każijiet ikkwotati preċedentement mhuwiex rilevanti għal din il-kawża, billi jirreferi għal segmenti tas-suq differenti (is-segment A skont il-klassifikazzjoni POLK) u għal perjodi ta' referenza differenti.

(92)

Il-Kummissjoni tinnota li Porsche AG għandha l-intenzjoni li tesporta parti sostanzjali mill-produzzjoni tagħha tal-Macan lejn iċ-Ċina. Din l-intenzjoni, bħala tali, ma tipprovax l-eżistenza ta' suq integrat.

(93)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-importanza tal-ostakoli kummerċjali qed tonqos maż-żmien. Madankollu, il-Kummissjoni hija konvinta li wieħed mill-fatturi ewlenin tal-produzzjoni barranija u d-deċiżjonijiet ta' rilokazzjoni tal-manifatturi tal-karozzi tal-UE huwa l-ostakoli għall-aċċess għas-swieq fis-swieq fil-mira. L-ostakoli ta' tariffi għoljin għadhom serjament ixxekklu l-aċċess għall-esportaturi tal-UE, speċjalment fl-Asja. L-ostakoli mhux tariffarji, inklużi r-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni diskriminatorji u ta' piż, ir-rekwiżiti addizzjonali ta' ttestjar, it-taxxi tas-sisa eċċ., għandhom impatt qawwi fuq l-esportazzjonijiet tal-vetturi tal-UE lejn is-swieq tal-Ażja tax-Xlokk, is-swieq Ċiniżi u s-swieq tal-Amerika ta' Isfel. Il-Kummissjoni tammetti li l-Istati Uniti tal-Amerika huma bil-bosta l-aktar destinazzjoni importanti għall-esportazzjoni ġenerali tal-karozzi tal-UE. Madankollu, l-UE u l-Istati Uniti għandhom approċċi diverġenti qawwija għar-regolamentazzjoni u s-sorveljanza tas-suq. Tali diverġenza regolatorja hija probabbilment anki llum l-aktar ostaklu ta' aċċess sinifikanti għall-esportazzjonijiet tal-karozzi tal-UE lejn l-Istati Uniti.

(94)

Barra minn hekk il-Kummissjoni ħadet nota, kif kellha tagħmel, tal-argumenti mressqa fir-rigward tal-ispejjeż tat-trasport li qed jonqsu. Il-Kummissjoni mhijiex konvinta bis-sħiħ f'dan ir-rigward. L-iżviluppi tal-ġejjieni fir-rigward tat-tnaqqis fl-ispejjeż tat-trasport ma jistgħux jiġu kkonfermati b'mod ċar fis-sitwazzjoni ekonomika attwali fejn l-ispejjeż tal-fjuwil qed jiżdiedu. Għalhekk, it-tnaqqis imsemmi fl-ispejjeż futuri ma jistax jiġi kkunsidrat.

(95)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, u peress li l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda informazzjoni addizzjonali matul l-investigazzjoni formali li tippermettilha tikkonkludi li s-suq ġeografiku rilevanti huwa usa' miż-ŻEE, hija ssostni l-valutazzjoni tagħha li s-suq ġeografiku rilevanti — tkun xi tkun id-definizzjoni tas-suq tal-prodott magħżula — huwa jew iż-ŻEE jew suq akbar. Għal darb' oħra, il-Kummissjoni tenfasizza li hija obbligata tivverifika li l-kontribuzzjoni pożittiva li tirriżulta mill-miżura tal-għajnuna tagħti kumpens f'kull każ tal-effetti negattivi tagħha fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni. Għalhekk, bl-għan li tiddeċiedi jekk valutazzjoni dettaljata dwar il-kompatibilità ta' miżura ta' għajnuna għandhiex titwettaq jew le, id-definizzjoni tas-suq ġeografiku għandha tkun kemm jista' jkun dejqa, waqt li tqis il-karatteristiċi speċifiċi tal-karozza li trid tiġi manifatturata.

6.5.1.   Konklużjoni dwar it-test tas-sehem mis-suq (il-paragrafu 68(a) tar-RAG)

(96)

Il-Kummissjoni wettqet it-test stabbilit fil-punt 68(a) tar-RAG fis-swieq ġeografiċi u tal-prodotti plawżibbli kollha biex tivverifika jekk is-sehem mis-suq tal-benefiċjarju jaqbiżx il-25 % qabel u wara l-investiment.

(97)

Fid-dawl tal-fatt li l-ebda suq tal-prodotti u ġeografiku rilevanti ma seta' jiġi stabbilit, ir-riżultati tas-swieq plawżibbli kollha kellhom jiġu kkunsidrati. Is-sehem mis-suq tal-VW Group fis-segment B tal-klassifikazzjoni POLK fiż-ŻEE jippreżenta [> 25] % fis-snin kollha bejn l-2010 u l-2015. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-limitu stabbilit fil-paragrafu 68(a) jinqabeż. Madankollu, għas-suq tal-prodotti SUV-D, is-sehem mis-suq ma jinqabeż għall-ebda wieħed mis-swieq ġeografiċi possibbilment plawżibbli (iż-ŻEE, ŻEE+ l-Amerka ta' Fuq, is-suq globali).

6.5.2.   Konklużjoni dwar il-kapaċità tal-produzzjoni f'suq bi prestazzjoni dgħajfa tat-test (il-paragrafu 68(b) tar-RAG)

(98)

Wara li kkunsidrat il-fatt li ma setax jiġi stabbilit liema mis-swieq seta' jitqies bħala s-suq rilevanti tal-prodotti, jekk huwiex is-suq tal-karozzi ġenerali mingħajr l-ebda segmentazzjoni, jew is-segment B tal-klassifikazzjoni POLK biss, jew is-segment SUV-D tal-IHS Global Insight biss, il-Kummissjoni kellha tivverifika jekk il-kapaċità maħluqa mill-proġett taqbizx il-5 % tas-swieq kollha plawżibbli, imkejla bl-użu ta' dejta dwar il-konsum apparenti tal-prodott ikkonċernat fiż-ŻEE.

(99)

Dan it-test li sar għas-segment SUV-D tal-IHS Global Insight żvela li ż-żieda fil-kapaċità taqbeż sew il-limitu ta' 5 % jekk applikata lis-suq taż-ŻEE. Id-deċiżjoni ta' ftuħ diġà stabbilixxiet fil-paragrafu 72 li s-suq rilevanti kien ta' prestazzjoni dgħajfa u li kien anki qed jonqos matul l-aħħar ħames snin ta' qabel l-investiment.

(100)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-limitu ta' 5 % fir-rigward ta' żieda fil-kapaċità ta' suq bi prestazzjoni dgħajfa stabbilit fil-paragrafu 68(b) tar-RAG jinqabeż f'dak li għandu x'jaqsam mas-segment SUV-D tal-IHS Global Insight ta' dak is-suq.

6.5.3.   Konklużjoni

(101)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tistax teskludi li l-limiti rilevanti tat-testijiet 68(a) u (b) inqabżu. Il-Kummissjoni għalhekk tiddeċiedi li twettaq verifika dettaljata, wara l-ftuħ tal-proċedura deskritta fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE, biex turi li l-għajnuna hija meħtieġa sabiex tipprovdi effett ta' inċentiv għall-investiment u li l-benefiċċji tal-miżura tal-għajnuna jissuperaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effetti tagħha li jirriżultaw fil-kummerċ bejn l-Istati Membri.

6.6.   VALUTAZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA TA' GĦAJNUNA

(102)

Il-valutazzjoni dettaljata ssir fuq il-bażi tal-Kriterji ta' prova.

6.6.1.   Effetti pożittivi tal-għajnuna

6.6.1.1.   L-għan tal-għajnuna

(103)

L-awtoritajiet Ġermaniżi spjegaw l-effetti reġjonali pożittivi tal-investiment. Dawn l-effetti pożittivi tal-investiment li ġejjin ġew identifikati:

L-impatt fuq l-impjiegi reġjonali: l-investiment se joħloq 1 040 impjieg ġdid u 30 pożizzjoni ta' apprendisti minbarra t-833 impjieg u d-29 pożizzjoni ta' taħriġ. Barra minn hekk, huwa mistenni li se jinħolqu mill-inqas 2 700 impjieg indirett. Huwa mistenni li mill-inqas 744 impjieg indirett jinħolqu fil-viċinanza tal-istabbiliment inkwistjoni.

L-attirar ta' fornituri u fornituri ta' servizzi tal-karozzi u ta' setturi oħra fir-reġjun: Il-Kummissjoni tqis li l-investiment ta' Porsche AG għandu rwol importanti fil-ħolqien u l-iżvilupp ulterjuri tal-industrija tal-karozzi fis-Sassonja, billi permezz ta' dan jattira lill-fornituri u lill-fornituri tas-servizzi lejn dan ir-reġjun.

L-involviment attiv tal-benefiċjarju f'diversi inizjattivi ta' netwerks u ta' raggruppamenti: sabiex jiġi promoss l-iżvilupp tal-industrija tal-karozzi fir-reġjun ta' Leipzig, u fil-Ġermanja tal-Lvant kollha, il-benefiċjarju jipparteċipa b'mod attiv f'inizjattivi ta' ragruppamenti u ta' netwerks, bħalma huma l-inizjattiva Automotive Cluster Ostdeutschland (ACOD) (l-inizjattiva tar-Ragruppamenti tal-Karozzi tal-Ġermanja tal-Lvant).

Taħriġ: huwa ppjanat li din tkompli tiżviluppa l-ħiliet tal-impjegati f'forma ta' taħriġ intern u estern.

(104)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-awtoritajiet Ġermaniżi pprovdew biżżejjed informazzjoni adegwata biex juru li l-proġett se jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku fir-reġjun ta' Leipzig.

6.6.1.2.   Adegwatezza tal-istrument ta' għajnuna

(105)

Il-paragrafi 17 u 18 tal-Kriterji ta' prova jenfasizzaw li l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' investiment inizjali hija biss wieħed mill-mezzi biex jinegħlbu l-fallimenti tas-suq u jiġi promoss l-iżvilupp ekonomiku fir-reġjuni żvantaġġati. L-għajnuna tirrappreżenta strument adegwat jekk tipprovdi vantaġġi speċifiċi meta mqabbla ma' miżuri oħrajn ta' politika. Skont il-paragrafu 18 tal-Kriterji ta' prova, biss il-“miżuri li għalihom l-Istat Membru kkunsidra għażliet oħra ta' politika u li għalihom huma stabbiliti vantaġġi tal-użu ta' strument selettiv bħall-għajnuna mill-Istat għal kumpanija speċifika, jitqiesu li huma strument adegwat.” (traduzzjoni mhux offiċjali)

(106)

Il-Ġermanja bbażat l-ispjegazzjoni tagħha għall-adegwatezza tal-istrument ta' għajnuna fuq is-sitwazzjoni ekonomika tas-sitwazzjoni fir-reġjun tas-Sassonja u pprovdiet evidenza biex turi li r-reġjun huwa żvantaġġat meta mqabbel mal-medja ta' reġjuni oħra fil-Ġermanja. L-awtoritajiet Ġermaniżi jindikaw li fis-sena li nbdew ix-xogħlijiet, jiġifieri fl-2011, il-PDG per capita tas-Sassonja kien ta' 75 % mill-medja Ġermaniża u r-rata tal-qgħad kienet 50 % ogħla milli mill-medja Ġermaniża. Għas-snin bejn l-2007 u l-2009, l-introjtu disponibbli medju fis-Sassonja kien bejn wieħed u ieħor ta' 82 % tal-medja Ġermaniża. Il-Ġermanja targumenta li, f'dan it-tip ta' sitwazzjoni ekonomika, diġà ġie rikonoxxut sussidju dirett permezz tal-prattika tal-każijiet tal-Kummissjoni bħala mezz adegwat biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ekonomiċi.

(107)

Fid-dawl tal-qagħda soċjo-ekonomika tar-reġjun ta' Leipzig, kif ikkonfermat mil-istatus tiegħu bħala reġjun eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE b'livell massimu ta' intensità ta' għajnuna ta' 20 %, u f'konformità ma' prattika ta' każistika preċedenti (eż. fil-kawża Dell Products Poland (26)), il-Kummissjoni taċċetta li l-għoti ta' għajnuna mill-Istat huwa strument xieraq biex jinkiseb l-għan tal-iżvilupp reġjonali fir-reġjun ikkonċernat.

6.6.1.3.   Effett ta' inċentiv/Ix-xenarju kontrofattwali

(108)

Billi hemm bosta raġunijiet validi biex kumpanija tillokalizza l-investiment tagħha f'ċertu reġjun, ukoll mingħajr ebda għoti ta' għajnuna, il-Kriterji ta' prova jobbligaw lill-Kummissjoni tivverifika bir-reqqa jekk l-għajnuna hijiex meħtieġa biex tipprovdi effett ta' inċentiv għall-investiment. L-għan ta' din il-valutazzjoni dettaljata hu li jiġi stabbilit jekk l-għajnuna tikkontribwixxix tabilħaqq għal bidla fl-imġiba tal-benefiċjarju, biex dan jidħol għal impenn ta' investiment addizzjonali fir-reġjun megħjun ikkonċernat. Il-paragrafu 22 tal-Kriterji ta' prova jgħid li l-effett ta' inċentiv jista' jiġi ppruvat f'żewġ xenarji possibbli: fl-assenza tal-għajnuna, l-ebda investiment ma jkun jista' jsir peress li mingħajr l-għajnuna, l-investiment ma jkunx profittabbli għall-kumpanija f'ebda lokalità (xenarju 1); fl-assenza ta' għajnuna, l-investiment isir f'lokalità oħra tal-UE (xenarju 2).

(109)

Il-Kriterji ta' prova jobbligaw lill-Istat Membru biex juri lill-Kummissjoni l-eżistenza tal-effett ta' inċentiv tal-għajnuna u jipprovdi evidenza ċara li l-għajnuna effettivament kellha impatt fuq l-għażla tal-investiment jew l-għażla tal-lokalità. F'dan il-kuntest, l-Istat Membru huwa wkoll meħtieġ jagħti deskrizzjoni komprensiva tax-xenarju kontrofattwali li fih ma jkun hemm l-ebda għoti ta' għajnuna lill-benefiċjarju. Ix-xenarji għandhom jitqiesu bħala xenarji realistiċi mill-Kummissjoni.

(110)

L-awtoritajiet Ġermaniżi jiddikjaraw li l-għajnuna lil Porsche Leipzig u lil Porsche AG taqa' taħt ix-xenarju 2, u tippreżenta xenarju kontrafattwali, li jirrifletti l-ippjanar konkret tal-lokalità u tal-investiment għall-proġett ta' Macan li kien jikunsidra, flimkien ma' Leipzig, diversi lokalitajiet alternattivi, li kollha jinsabu fil-Ġermanja.

(111)

Il-Kriterji ta' prova jpoġġu l-oneru tal-prova fir-rigward tal-eżistenza ta' effett ta' inċentiv fuq l-Istat Membru. Il-paragrafu 25 tal-Kriterji ta' prova jindika li l-Istat Membru jista' jagħti prova tal-effett ta' inċentiv tal-għajnuna billi jipprovdi dokumenti tal-kumpanija li juru li jkun sar paragun bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' lokalizzazzjoni fir-reġjun assistit magħżul għall-investiment b'lokalità alternattiva. L-Istat Membru huwa mħeġġeġ jistrieħ fuq ir-rapporti finanzjarji, il-pjanijiet ta' negozju interni u d-dokumenti li jelaboraw dwar diversi xenarji ta' investiment.

(112)

Il-Ġermanja pprovdiet evidenza ġenwina, kontemporanja u komprensiva li tiddokumenta diversi stadji fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' Porsche AG rigward il-lokalità tal-investiment.

(113)

Din id-dokumentazzjoni turi li ġew ikkunsidrati ħames alternattivi għal-lokalità tal-produzzjoni. Il-lokalitajiet kollha mequsa, ħlief għal Leipzig, jinsabu f'reġjuni mhux megħjuna fil-Ġermanja.

(114)

Fil-proċess tal-ippjanar, saru diversi kalkoli u stimi tal-ispejjeż biż-żieda fil-livell ta' dettall u ta' preċiżjoni, ibbażati fuq l-aktar alternattiva vijabbli — ix-xenarju ta' referenza — li inbidel tliet darbiet (27). Id-dokumenti kienu jippermettu lill-Kummissjoni tikkonkludi li meta l-estimi għall-ispejjeż tal-produzzjoni marbutin mal-lokalità waslu għall-istess livelli ta' preċiżjoni (il-livelli ta' dħul huma preżunti li jkunu identiċi għall-Alternattivi kollha), l-Alternattiva 3 (il-kostruzzjoni tal-karozzerija u ż-żebgħa fil-[lokalità 1 fil-Ġermanja], u l-kunsinna tal-karozzerija miżbugħa lejn Leipzig għall-assemblaġġ) u l-Alternattiva 5 (il-kostruzzjoni tal-karozzerija, iż-żebgħa u l-assemblaġġ f'Leipzig) ħarġu bħala l-aktar lokalitajiet kompetittivi.

(115)

Għal din ir-raġuni d-dokumenti li juru li, fl-aħħar fażi tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-paragun sar biss bejn l-Alternattiva 3 u l-Alternattiva 5.

(116)

Kif deskritt fil-premessa 53 ta' din id-Deċiżjoni, l-aħħar stimi għall-ispejjeż ta' produzzjoni attribwibbli lil-lokalità rriżultaw fi żvantaġġ fil-kost ta' EUR 65 miljun għall-Alternattiva 5 (Leipzig) meta mqabbla mal-Alternattiva 3 ([lokalità 1 fil-Ġermanja]/Leipzig). Sabiex jitnaqqas l-iżvantaġġ fil-kost tal-Alternattiva 5, u fid-dawl tad-deċiżjoni formali li jmiss tal-AR dwar il-lokalizzazzjoni tal-proġett ta' investiment, Porsche Leipzig bdiet tesplora mal-awtoritajiet ta' Sachsen id-disponibbiltà ta' għajnuna mill-Istat biex tattira l-proġett ta' investiment lejn Leipzig.

(117)

Fl-ittra tagħha tal-25 ta' Frar 2011, Porsche Leipzig talbet lill-SMWA biex jeżamina l-possibbiltà li jagħti l-għajnuna għall-investiment ippjanat. Wara laqgħa bejn Porsche Leipzig u l-awtoritajiet tas-Sassonja fejn Porsche Leipzig spjegat il-proġett ta' investiment u s-sitwazzjoni deċiżjonali, l-awtoritajiet tas-Sassonja intrabtu b'ittra tad-9 ta' Marzu 2011 li jappoġġjaw il-proġett ta' investiment għal produzzjoni sħiħa ta' Macan f'Leipzig jekk l-investiment kellu jirrispetta l-kundizzjonijiet fis-seħħ għall-għoti ta' għajnuna reġjonali.

(118)

Kif deskritt fil-premessa 56 ta' din id-Deċiżjoni l-iżvantaġġ fil-kost tal-Alternattiva 5 u l-Alternattiva 3 naqas għal 27,52 miljun wara li tqieset l-għajnuna massima permissibbli. Madankollu, xi kriterji kwalitattivi tqiesu wkoll favur l-Alternattiva 5.

(119)

Fil-15 ta' Marzu 2011, l-AR iddeċieda li jalloka l-investiment kollu f'Leipzig (Alternattiva 5). Kif dokumentat mill-minuti tal-laqgħa tal-AR, din id-deċiżjoni ttieħdet espliċitament suġġetta għad-disponibbiltà tal-għajnuna mill-Istat.

(120)

Wara d-deċiżjoni kondizzjonali ta' AR, Porsche Leipzig applikat formalment għall-għajnuna reġjonali fl-24 ta' Marzu 2011. L-awtorità responsabbli għall-amministrazzjoni tal-iskema fid-29 ta' Marzu 2011 kkonfermat bil-miktub li, suġġett għal verifika dettaljata, il-proġett fil-prinċipju kien jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà. Wara din il-konferma formali, ix-xogħlijiet fuq il-proġett bdew f'April 2011.

(121)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tinnota, skont il-paragrafu 20 tal-Kriterji ta' prova, li r-rekwiżiti formali dwar l-effett ta' inċentiv stabbiliti fil-paragrafu 38 tar-RAG kienu ssodisfati; il-benefiċjarju ssottometta applikazzjoni għall-għajnuna u l-awtorità responsabbli għall-amministrazzjoni tal-iskema sussegwentement ikkonfermat bil-miktub li, suġġett għal verifika dettaljata, il-proġett fil-prinċipju jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà stipulati mill-iskema, qabel ma nbeda x-xogħol fuq il-proġett. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ġermaniżi pprovdew evidenza ċara li l-għajnuna effettivament kellha impatt fuq l-għażla tal-lokalità tal-investiment. Id-deċiżjoni ta' Porsche AG biex il-produzzjoni sħiħ ta' Macan tiġi lokalizzata f'Leipzig ttieħdet biss wara konferma li l-proġett ta' investiment kien eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat u appoġġjat mill-awtoritajiet pubbliċi, u wara li l-AR approva l-lokalità suġġetta għad-disponibbiltà ta' għajnuna mill-Istat. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis, f'konformità mal-paragrafi 23 u 25 tal-Kriterji ta' prova li x-xenarju kontrofattwali ppreżentat mill-Ġermanja huwa realistiku u appoġġjat minn evidenza kontemporanja u ġenwina. L-għajnuna għalhekk għandha effett ta' inċentiv reali (sostantiv). Permezz tat-tnaqqis fid-differenza fil-vijabbiltà favur Leipzig, l-għajnuna kkontribwiet għat-tibdil tad-deċiżjoni dwar il-lokalità tal-kumpanija benefiċjarja. Mingħajr l-għajnuna, l-investiment ma kienx iseħħ f'Leipzig.

6.6.1.4.   Il-proporzjonalità tal-għajnuna

(122)

Sabiex l-għajnuna tkun proporzjonali, l-ammont u l-intensità tal-għajnuna jridu jkunu limitati għall-minimu meħtieġ biex l-investiment ikun jista' jsir fir-reġjun megħjun.

(123)

B'mod ġenerali, l-għajnuna reġjonali titqies bħala proporzjonali għall-gravità tal-problemi li jaffettwaw lir-reġjuni megħjunin jekk din tirrispetta l-limitu tal-għajnuna reġjonali applikabbli, inkluż it-tnaqqis awtomatiku u progressiv fil-limitu massimu tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta' investiment (li diġà huwa parti mill-mappa tal-għajnuna reġjonali applikabbli). L-intensità tal-għajnuna applikata f'dan il-każ mhijiex ogħla mil-limiti massimi tal-għajnuna reġjonali kkoreġuti mill-mekkaniżmu ta' tnaqqis, kif diġà ġie stabbilit fil-premessa 80.

(124)

Barra mill-prinċipju ġenerali ta' proporzjonalità li jinsab fir-RAG, il-Kriterji ta' prova jeħtieġu li titwettaq valutazzjoni aktar dettaljata. Fix-xenarju 2 tal-Kriterji ta' prova, l-għajnuna hija meqjusa proporzjonali jekk tkun ugwali għad-differenza bejn il-kostijiet netti biex il-benefiċjarju jinvesti fir-reġjun megħjun u l-kostijiet netti ta' investiment fil-lokalità alternattiva.

(125)

Id-dokumentazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja turi li l-għajnuna hija limitata għall-ammont meħtieġ, peress li ma taqbiżx id-differenza fil-kostijiet bejn l-Alternattiva 3 u l-Alternattiva 5. Il-kalkolu finali juri li anki bl-għajnuna, l-Alternattiva 5 hija b'EUR 27,5 miljun aktar għalja (EUR 65 miljun mingħajr l-għajnuna) f'valur nominali mill-Alternattiva 3. L-awtoritajiet Ġermaniżi spjegaw li l-iżvantaġġ fil-kost li jkun fadal kien meqjus bħala aċċettabbli minħabba ċerti kriterji mhux kwantifikabbli, bħall-fatturi strateġiċi (it-tieni impjant komplut tal-manifattura tal-karozzi taħt l-isem tal-Porsche), fatturi ta' kwalità (l-evitar ta' riskji ta' trasport bejn il-[lokalità 1 fil-Ġermanja] u Leipzig) u fatturi tal-immaġni ([…]) li wkoll kienu favur il-lokalità tal-investiment f'Leipzig.

(126)

Minħabba li l-għajnuna hija limitata għall-ammont meħtieġ sabiex jiġu kkumpensati l-kostijiet netti addizzjonali tal-lokalizzazzjoni tal-proġett ta' investiment f'Leipzig, meta mqabbel mal-lokalità alternattiva, il-Kummissjoni tqis li l-proporzjonalità tal-għajnuna hija murija.

6.6.2.   Effetti negattivi tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ

(127)

Il-paragrafu 40 tal-Kriterji ta' prova jiddikjara li “jekk l-analiżi kontrafattwali tissuġġerixxi li mingħajr l-għajnuna l-investiment kien isir ikun xi jkun il-każ, għalkemm possibbilment f'lokalità oħra (xenarju 2), u jekk l-għajnuna tkun proporzjonali, l-indikazzjonijiet possibbli ta' distorsjonijiet bħalma huma sehem kbir mis-suq u żieda fil-kapaċità f'suq bi prestazzjoni dgħajfa, fil-prinċipju, jkunu l-istess, irrispettivament mill-għajnuna.” (traduzzjoni mhux uffiċjali)

(128)

Peress li l-miżura tal-għajnuna tappoġġja deċiżjoni dwar l-investiment tax-xenarju 2 u l-għajnuna hija limitata għall-minimu, l-ebda effett negattiv fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni ma jista' jiġi identifikat. L-investiment ikun sar f'lokalità oħra, li jirriżulta fl-istess livell ta' tgħawwiġ tal-kompetizzjoni, ikun xi jkun il-każ. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna ma għandha l-ebda effett negattiv fuq il-kompetizzjoni.

(129)

Skont il-paragrafu 53 tal-Kriterji ta' prova, jekk, mingħajr l-għajnuna, l-investiment kien ikun lokalizzat f'reġjun ifqar (aktar żvantaġġi reġjonali — intensità ta' għajnuna reġjonali massima ogħla) jew f'reġjun meqjus li għandu l-istess żvantaġġi reġjonali bħar-reġjun fil-mira (l-istess intensità ta' għajnuna reġjonali massima), dan ikun jikkostitwixxi element negattiv fit-test ta' bilanċ globali, li mhuwiex probabbli li jiġi kkumpensat minn xi elementi pożittivi billi jmur kontra r-raġunament innifsu wara l-għajnuna reġjonali.

(130)

Peress li m'hemmx indikazzjoni li l-investiment kien isir f'reġjun megħjun ieħor b'limitu massimu ta' intensità tal-għajnuna simili jew ogħla (ma hemm l-ebda indikazzjoni li xi lokalità barra mill-Ġermanja kienet ikkunsidrata), il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna ma għandha l-ebda effett antikoeżjoni li jmur kontra r-raġunament innifsu wara l-għajnuna reġjonali.

6.7.   BILANĊJAR

(131)

Wara li ġie stabbilit li l-għajnuna tipprovdi inċentiv għat-twettiq ta' investiment fir-reġjun ikkonċernat u hija proporzjonata, jeħtieġ li jiġu bbilanċjati l-effetti pożittivi tal-għajnuna bl-effetti negattivi tagħha.

(132)

Il-valutazzjoni kkonfermat li l-miżura ta' għajnuna għandha effett ta' inċentiv li jattira investiment li joffri kontribut importanti għall-iżvilupp reġjonali ta' reġjun żvantaġġjat eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, mingħajr ma ċċaħħad mill-investiment lil xi reġjun b'limitu massimu ta' intensità tal-għajnuna li jkun l-istess jew li jkun ogħla (l-ebda effett antikoeżjoni). Il-Kummissjoni jidhrilha li l-fatt li tattira investiment lejn reġjun ifqar huwa ta' benefiċċju akbar għall-koeżjoni fl-UE milli kieku l-istess investiment kellu jkun lokalizzat f'reġjun aktar żviluppat. Kif iddikjarat fil-paragrafu 53 tal-Kriterji ta' prova, il-Kummissjoni tikkunsidra li “l-effetti pożittivi tal-għajnuna reġjonali li tikkumpensa biss għad-differenza tal-kostijiet netti relattivi għal lokalità alternattiva ta' investiment aktar żviluppata, jitqiesu normalment, skont it-test ta' bilanċ, li jegħlbu kull effett negattiv fil-lokalità alternattiva għal investiment ġdid”.(traduzzjoni mhux uffiċjali)

(133)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li, minħabba li l-għajnuna hija proporzjonali għad-differenza fil-kostijiet netti għat-twettiq tal-investiment fil-lokalità magħżula meta mqabbel ma' lokalità alternattiva aktar żviluppata, l-effetti pożittivi tal-għajnuna f'termini tal-objettivi u l-adegwatezza tagħha, kif intwera hawn fuq, jegħlbu l-effetti negattivi fil-lokalità alternattiva.

(134)

Skont il-paragrafu 68 tar-RAG, u fid-dawl tal-valutazzjoni dettaljata mwettqa fuq il-bażi tal-Kriterji ta' prova, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna hija meħtieġa biex tipprovdi effett ta' inċentiv għall-investiment u li l-benefiċċji tal-miżura tal-għajnuna jissuperaw id-distorsjoni u l-effett tal-kompetizzjoni fuq il-kummerċ li jirriżultaw bejn l-Istati Membri.

7.   KONKLUŻJONI

(135)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna għall-investiment reġjonali proposta favur Porsche Leipzig GmbH u Dr. Ing. H.c. F. Porsche Aktiengesellschaft — mogħtija qabel l-1 ta' Lulju 2014 bil-kundizzjoni li tkun suġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni — tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fir-RAG u fil-Kriterji ta' prova u tista' għalhekk titqies bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-għajnuna mill-Istat li l-Ġermanja qed tippjana li timplementa favur Porsche Leipzig GmbH u Dr. Ing. H.c. F. Porsche Aktiengesellschaft li tammonta għal EUR 43 666 078,75 fil-valur preżenti (bi skont sad-data ta' notifika) u li tirrappreżenta intensità ta' għajnuna massima ta' 8,37 % f'ekwivalenti tal-għotja gross, hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE.

2.   L-implimentazzjoni tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(1) hija awtorizzata skont dan, sakemm tingħata qabel l-1 ta' Lulju 2014.

Artikolu 2

L-awtoritajiet Ġermaniżi jissottomettu lill-Kummissjoni:

fi żmien xahrejn mill-għoti tal-għajnuna, kopja tal-atti rilevanti dwar din il-miżura ta' għajnuna,

kull ħames snin, li jibdew mill-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Kummissjoni, rapport intermedjarju (li jinkludi informazzjoni dwar l-ammonti tal-għajnuna li qed jitħallsu, dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tal-għajnuna u dwar kull proġett ieħor ta' investiment mibdi fl-istess stabbiliment/impjant),

fi żmien sitt xhur wara l-ħlas tal-aħħar parti tal-għajnuna, rapport finali dettaljat ibbażat fuq l-iskeda tal-ħlas innotifikata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  ĠU C 333, 30.10.2012, p. 17.

(2)  ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13.

(3)  ĠU C 223, 16.9.2009, p. 3.

(4)  Ara n-nota 1 ta' qiegħ il-paġna.

(5)  Leipzig huwa dak li jissejjaħ “reġun tal-effett tal-istatistika”; ara l-mappa tal-għajnuna reġjonali tal-Ġermanja fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Novembru 2006 dwar il-każ ta' Għajnuna mill-Istat Nru 459/06 — Il-mappa tal-għajnuna Nazzjonali mill-Istat għall-Ġermanja 2007-2013 (ĠU C 295, 5.12.2006, p. 6). Leipzig hija eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skont id-deroga tal-Artikolu 107(3)(c) b'intensità ta' għajnuna massima ta' 20 % għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2011 u t-30 ta' Ġunju 2014.

(6)  L-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw li d-dejta tas-suq tinkludi l-vetturi kollha manifatturati jew mibjugħa mill-VW Group, filwaqt li d-dejta tas-sehem mis-suq tirrelata biss għal karozzi tal-passiġġieri.

(7)  POLK u IHS Global Insight huma kumpaniji ta' riċerka ewlenin tas-suq li janalizzaw is-suq tal-karozzi.

(*)  Sigriet professjonali.

(8)  Il-valuri preżenti f'din id-Deċiżjoni huma kkalkulati fuq il-bażi ta' rata bażi ta' 2,05 % applikabbli fid-data tan-notifika (Diċembru 2011), miżjuda b'100 punt bażi skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta' referenza u ta' skont (ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6).

(9)  L-iskeda tas-sommarju għall-iskema ta' eżenzjoni ta' kategorija “Investitionszulagengesetz 2010” ġiet ippubblikata taħt X 167/08 (ĠU C 280, 20.11.2009, p. 5).

(10)  L-iskeda tas-sommarju għall-iskema ta' eżenzjoni ta' kategorija “Koordinierungsrahmen der Gemeinschaftsaufgabe” — “Verbesserung der regionalen Wirtschaftsstruktur” ġiet ippubblikata taħt XR 31/07 (ĠU C 102, 5.5.2007, p. 11).

(11)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011)6479 finali tal-20 ta' Settembru 2011 (N 559/10 — Ir-Renju Unit — LIP — Jaguar Cars) (ĠU C 22, 27.1.2012, p. 2).

(12)  Fis-snin ta' bejn l-2010 u l-2015, jiġifieri fis-sena qabel u wara t-tlestija tal-investiment, is-sehem mis-suq tal-Group VW fis-segment B tal-klassifikazzjoni POLK fis-suq kombinat taż-ŻEE u tal-Amerika ta' Fuq, kif ukoll fis-segment SUV-D tal-IHS Global Insight kemm fiż-ŻEE kif ukoll fis-suq kombinat taż-ŻEE u tas-suq tal-Amerika ta' Fuq, jibqa' inqas minn 25 %.

(13)  Għas-segment B tal-klassifikazzjoni POLK, iż-żieda fil-kapaċità tibqa' taħt il-limitu ta' 5 %.

(14)  Il-Ġermanja bbażat is-suppożizzjoni tagħha dwar il-multiplikatur ta' 2,5 fuq dejta empirika ppubblikata fi studji komparabbli, eż Meißner (2009): il-preżentazzjoni “Automobilproduktion in der Prozess- oder Wertschöpfungskette” tat-28 ta' Ottubru 2009 fi Brandenburg; Kleinhenz, Heblich, Gold (2006): Das BMW Werk Regensburg — Wirtschaftliche und soziale Vernetzung in der Region; University of South Carolina (2002): The Economic Impact of BMW on South Carolina; Woodward, Guimaraes (2008): BMW in South Carolina: The Economic Impact of a Leading Sustainable Enterprise; Gesellschaft für Wirtschaftliche Strukturforschung mbH (2011): Gute Wachstumsperspektiven trotz zukünftiger Herausforderungen; Gehrke, Krawczyk et al. (2009): Die Bedeutung der Automobilindustrie für die deutsche Volkswirtschaft im europäischen Kontext.

(15)  C46/2008, id-Deċiżjoni tat-23 ta' Settembru 2009 (ĠU L 29, 2.2.2010, p. 8), il-Paragrafu 171.

(16)  Sors: L-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Istat Ħieles tas-Sassonja (Statistisches Landesamt des Freistaates Sachsen), ta' Lulju 2012, l-Uffiċċju Federali Ġermaniż għall-Istatistika (Il-Ktieb tal-Istatistika għas-Sena 2012) — PGD/capita; L-Aġenzija Federali tal-Impjiegi (Bundesagentur für Arbeit) — il-qgħad għal kull abitant bħala perċentwal; Il-Ktieb tal-Istatistika għal Sachsen 2011 — l-introjtu disponibbli għal kull abitant.

(17)  L-Alternattiva 5 inizjalment ma tqisitx, minħabba li ma kienitx ikkunsidrata bħala waħda ekonomika. Fuq l-inizjattiva tal-bord eżekuttiv ta' Porsche Leipzig, Porsche Leipzig kienet f'pożizzjoni li tirribatti din il-preżunzjoni abbażi ta' kalkolu preliminari tal-ispejjeż tal-produzzjoni attribwibbli lil-lokalità.

(18)  Il-VAP għażel bħala x-xenarju ta' referenza l-Alternattiva 1 fl-[2010], l-Alternattiva 3 fl-[2010], u l-Alternattiva 5 fl-[2010].

(19)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1628/2006 tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna għall-investiment nazzjonali bi skop reġjonali (ĠU L 302, 1.11.2006, p. 29).

(20)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta' Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta' għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) (ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3).

(21)  ĠU C 209, 23.7.2013, p. 1.

(22)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(23)  Ara n-nota 1 ta' qiegħ il-paġna.

(24)  Deċiżjonijiet ta' Għajnuna mill-Istat SA.30340 Fiat Powertrain Technologies: Id-Deċiżjoni tad-9 ta' Frar 2011, (C(2011)612) (ĠU C 151, 21.5.2011, p. 5); SA. 32169 Volkswagen Sachsen: Id-Deċiżjoni tat-13 ta' Lulju 2011 (C(2011)4935 (ĠU C 361, 10.12.2011, p. 17).

(25)  SA.27913 — C 31/2009 — HUN — LIP — Għajnuna lil Audi Hungaria Motor Kft: id-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 2009 (C(2009)8131) (ĠU C 64, 16.3.2010, p. 15); id-deċiżjoni ta' estensjoni tas-6 ta' Lulju 2010 (C(2010)4474) (ĠU C 243, 10.9.2010, p. 4); id-Deċiżjoni tat-13 ta' Lulju 2011 (C(2011)4935) f'SA.32169 — C/2011 — DE — LIP — Għajnuna lil Volkswagen Sachsen (ĠU C 361, 10.12.2011, p. 17).

(26)  Ara n-nota 15 f'qiegħ il-paġna.

(27)  Ara n-nota 17 f'qiegħ il-paġna.