24.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 280/31


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1918

tat-22 ta' Ottubru 2015

li tistabbilixxi sistema ta' assistenza u koperazzjoni amministrattiva (sistema “AAC”) skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali

(notifikata bid-dokument C(2015) 7132)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (1), u b'mod partikulari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 63(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi qafas armonizzat għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali għall-verifika tal-konformità mal-liġi dwar l-ikel u l-għalf, u r-regoli dwar is-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. It-Titolu IV tiegħu jiffissa r-regoli ta' assistenza u koperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf.

(2)

B'mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jeżiġi li l-Istati Membri jipprovdu lil xulxin assistenza amministrattiva, jikkoperaw u jiskambjaw l-informazzjoni sabiex jiżguraw li każijiet ta' nuqqas ta' konformità bejn pajjiż u ieħor jiġu segwiti b'mod effettiv.

(3)

Barra minn hekk, ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jipprevedi l-obbligi ta' assistenza amministrattiva u ta' koperazzjoni tal-Istati Membri li għandhom jiġu kkumplimentati minn obbligu tal-Kummissjoni li tikkoordina l-azzjoni meħuda mill-Istati Membri fejn każijiet ta' nuqqas ta' konformità huma mifruxa jew rikorrenti, jew fejn l-Istati Membri jonqsu milli jilħqu ftehim dwar kif għandu jiġi indirzzat in-nuqqas ta' konformità.

(4)

Biex jissodisfaw l-obbligi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 882/2004, l-awtoritajiet kompetenti f'kull Stat Membru huma meħtieġa jiskambjaw l-informazzjoni neċessarja biex tippermetti l-verifika tal-konformità mal-liġi dwar l-ikel u l-għalf mal-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħrajn, u f'ċerti każijiet, mal-Kummissjoni, fejn ir-riżultati ta' kontrolli uffiċjali jeħtieġu azzjoni f'aktar minn Stat Membru wieħed.

(5)

Għall-iskambju ta' informazzjoni li għandu jitwettaq kemm jista' jkun b'mod effiċjenti, għandha tiġi stabbilita sistema tal-IT, jiġifieri s-Sistema tal-Koperazzjoni u l-Assistenza Amministrattiva (is-“sistema AAC”), li tipprovdu korpi ta' kollegament maħtura minn kull Stat Membru skont l- Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, bl-għodda meħtieġa biex tiffaċilita l-implimentazzjoni prattika tal-iskambju tal-informazzjoni meħtieġa minn dan ir-Regolament. Is-sistema AAC għandha toffri metodu aktar effiċjenti ta' komunikazzjoni u format strutturat għall-iskambju ta' informazzjoni.

(6)

Għall-iżvilupp, l-użu u l-manutenzjoni tas-sistema AAC, japplikaw il-prinċipji tal-politika tal-Kummissjoni tar-razzjonalizzazzjoni tat-teknoloġija tal-informatika (IT), jiġifieri l-użu mill-ġdid tas-sistemi eżistenti, f'dan il-każ, u fejn possibbli l-użu mill-ġdid ta' sistemi ta' skambju ta' dejta eżistenti, biex tinstab l-aktar soluzzjoni effiċjenti possibbli u tiġi evitata duplikazzjoni bla bżonn ta' sistemi tal-IT.

(7)

L-aċċess għas-istema AAC għandu jingħata biss lill-korpi ta' kollegament maħtura f'kull Stat Membru skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u lill-persunal maħtur tal-Kummissjoni. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jindikaw, fost il-korpi ta' kollegament innominati, ċerti korpi ta' kollegament li nħatru speċifikament biex jużaw is-sistema AAC b'rabta ma' każijiet ta' possibilità ta' nuqqas ta' konformità mwettqa permezz ta' prattiki frawdolenti qarrieqa.

(8)

Sabiex jipprovdu aktar appoġġ tekniku u jiffaċilitaw it-tħejjija tal-proċeduri ta' assistenza u koperazzjoni amministrattiva, fuq talba ta' korp ta' kollegament, l-awtoritajiet kompetenti f'livell ċentrali jew reġjonali, fi Stat Membru, ikunu jistgħu jingħataw aċċess għal numru ta' funzjonalitajiet tekniċi tas-sistema AAC. Tali aċċess jista' jingħata biss għall-funzjonalitajiet neċessarji biex jippermettu l-iskambju ta' informazzjoni, relatati ma' talbiet għal assistenza jew notifika ta' nuqqas ta' konformità, bejn dawk l-awtoritajiet u l-korp ta' kollegament li jittratta dik it-talba jew in-notifika.

(9)

F'ċerti każijiet, tinfirex informazzjoni dwar nuqqas ta' konformità mal-liġi tal-ikel jew tal-għalf minn u fost l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri permezz tas-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF), stabbilita skont ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u permezz tas-Sistema Esperta u ta' Kontroll tal-Kummerċ (TRACES), stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/292/KE (3). Sabiex ma jkunx hemm duplikazzjoni żejda, dik l-informazzjoni għandha ssir disponibbli permezz tas-sistema AAC għall-korpi ta' kollegament maħturin b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 882/2004, b'tali mod li l-Istat Membru li jinnotifika dik l-informazzjoni lil TRACES jew RASFF ma jkunx meħtieġ li jtella' l-istess informazzjoni fis-sistema AAC tas-sistema għall-għanijiet ta' assistenza amministrattiva u koperazzjoni. Għaldaqstant, l-applikazzjonijiet ta' RASFF u TRACES għandhom ikunu jistgħu jipprovdu dejta lis-sistema AAC sabiex il-proċess jiġi standardizzat.

(10)

Informazzjoni li tiġi skambjata dwar l-għajnuna u l-koperazzjoni amministrattiva skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tista' tinkludi r-riżultati tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq l-operaturi tan-negozju u fuq proprjetà immobbli u merkanzija taħt il-kontroll tagħhom, u informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta' dawn l-operaturi, bini jew oġġetti. L-aċċess għal tali informazzjoni għandu jkun limitat għal dawk l-uffiċjali li, minħabba l-funzjoni tagħhom fi ħdan l-awtoritajiet kompetenti, jeħtieġu l-informazzjoni għall-fini ta' verifika tal-konformità jew infurzar tal-liġi dwar l-ikel jew l-għalf.

(11)

Is-sistema AAC għandha tippermetti l-għeluq ta' proċedura ta' assistenza u koperazzjoni amministrattiva permezz tal-korp ta' kollegament li bagħat talba għal assistenza jew notifika dwar il-possibbiltà jew il-konferma ta' nuqqas ta' konformità bejn pajjiż u ieħor, ladarba l-assistenza jew ir-rispons għan-notifika jkun ġie pprovdut permezz tal-korp ta' kollegament li jkun irċieva t-talba jew in-notifika. Għandhom jiddaħħlu fis-seħħ arranġamenti biex jiġi evitat li l-proċeduri jsiru inattivi jew jibqgħu miftuħin bla bżonn u li jippermettu lis-sistema tgħalaq awtomatikament proċedura li fiha ma sseħħ l-ebda attività jew skambju ta' informazzjoni tul perjodu ta' sitt xhur.

(12)

Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji li huma rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, din id-Deċiżjoni tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali.

(13)

Meta l-iskambju ta' informazzjoni previst fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u f'din id-Deċiżjoni jinvolvi l-ipproċessar ta' dejta personali, għandha ssir valutazzjoni bir-reqqa biex jiġi żgurat li l-ipproċessar ikun strettament meħtieġ biex jinkisbu l-finijiet ta' assistenza u koperazzjoni amministrattiva b'mod effiċjenti, u li dan l-ipproċessar ikun konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Meta eżenzjonijiet u restrizzjonijiet fuq ċerti drittijiet tas-suġġetti tad-dejta u l-obbligi tal-kontrollur tad-dejta stabbiliti bid-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 ikunu kkunsidrati sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(1)(d) u (f) tad-Direttiva 95/46/KE u fl-Artikolu 20(1)(a) u (e) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, dawk l-eżenzjonijiet u r-restrizzjonijiet jistgħu jiġu adottati biss jekk ikunu neċessarji u proporzjonati mal-għan imfittex. Restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta għandhom jikkostitwixxu miżura neċessarja biex tiġi evitata interferenza mal-kompiti tal-kontroll uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti u mal-valutazzjoni tal-konformità mal-liġi dwar l-ikel u l-liġi dwar l-għalf. B'mod partikolari, id-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta jistgħu jkunu ristretti, skont id-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001, matul il-perjodu li fih jitwettqu l-azzjonijiet għall-finijiet ta' osservazzjoni jew sorveljanza diskreta, fejn l-għoti ta' dawn ikun jipperikola jew jippreġudika l-iskop ta' kontrolli jew investigazzjonijiet uffiċjali. Sabiex jiġi ggarantit livell għoli ta' protezzjoni tad-dejta, huwa xieraq li jiġi stabbilit tul ta' żmien massimu biex ikun żgurat li d-dejta personali ma tibqax fis-sistema AAC aktar milli jkun meħtieġ biex tinkiseb il-konformità mar-regoli stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. B'mod partikolari, għandu jiġi stabbilit perjodu ta' żamma tad-dejta ta' ħames snin, li jibda mid-data tal-għeluq tal-proċedura ta' assistenza u koperazzjoni amministrattiva, u wara li jgħaddi dak iż-żmien id-dejta personali għandha titneħħa mis-sistema AAC. It-tul ta' dan il-perjodu taż- żamma tad-dejta huwa neċessarju ħalli tingħata l-possibbiltà li l-korpi ta' kollegament u l-Kummissjoni jikkonsultaw l-informazzjoni fuq perjodu suffiċjenti ta' żmien wara li tkun ingħalqet il-proċedura tal-għajnuna amministrattiva u koperazzjoni, sabiex tiġi aċċertata l-identifikazzjoni f'waqtha ta' nuqqas ta' konformità rikorrenti, konness jew mifrux tal-liġi tal-ikel jew tal-għalf.

(14)

Huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli dwar ir-rettifika ta' informazzjoni skambjata permezz tas-sistam AAC sabiex jiżguraw li l-informazzjoni maħżuna f'dik is-sistema hija eżatta. Huwa wkoll xieraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għas-sigurtà tad-dejta biex jiġi evitat kull użu jew aċċess mhux awtorizzat.

(15)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli dwar l-istabbiliment u l-użu ta' sistema ta' assistenza u koperazzjoni amministrattiva (is-“sistema AAC”) biex tappoġġa l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, u bejn dawk l-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni, skont it-Titolu IV tar- Regolament (KE) Nru 882/2004.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“proċedura ta' assistenza u koperazzjoni amministrattiva” tfisser fluss tax-xogħol stabbilit previst fis-sistema AAC li jippermetti korpi ta' kollegament u l-Kummissjoni sabiex jiskambjaw informazzjoni dwar każijiet possibbli ta' nuqqas ta' konformità skont l-Artikoli 36, 37 u 38 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004;

(2)

“proċedura ta' għeluq ta' assistenza u koperazzjoni amministrattiva” tfisser l-applikazzjoni tal-faċilità teknika prevista mis-sistema AAC li tagħlaq l-assistenza u l-koperazzjoni amministrattiva;

(3)

“proċedura ta' rtirar ta' assistenza u koperazzjoni amministrattiva” tfisser l-irtirar mis-sistema AAC ta' proċedura ta' assistenza u koperazzjoni amministrattiva li tkun ittellgħet fuqha bi żball.

TAQSIMA II

IL-FUNZJONAMENT TAS-SISTEMA AAC

Artikolu 3

L-istabbiliment u l-immaniġġjar tas-sistema AAC

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, timmaniġġja u taġġorna, kif meħtieġ is-sistema AAC.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħti aċċess għas-sistema AAC lill-korpi ta' kollegament maħtura minn kull Stat Membru b'konformità mal-Artikolu 35(1) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 (“il-korpi ta' kollegament”).

3.   Fuq talba ta' wieħed mill-korpi ta' kollegament imsemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tagħti aċċess għas-sistema AAC lill-persunal maħtur li jappartjeni għall-awtoritajiet kompetenti f'livell ċentrali jew reġjonali fi ħdan l-istess Stat Membru. Tali aċċess għandu jkun limitat għall-funzjonalitajiet tekniċi tas-sistema AAC għall-iskambju ta' informazzjoni bejn dawk l-awtoritajiet kompetenti u l-korp ta' kollegament li jkunu talbu l-aċċess, fir-rigward tat-tħejjija ta' proċeduri ta' assistenza u koperazzjoni amministrattiva ġestiti mill-korp ta' kollegament.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li s-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF) imwaqqfa skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 u s-Sistema Esperta u ta' Kontroll tal-Kummerċ (TRACES), stabbilita b'konformità mal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2004/292/KE huma kapaċi jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lis-sistema AAC u b'hekk lill-korpi ta' kollegament.

Artikolu 4

Il-korpi ta' kollegament responsabbli mill-iskambju ta' informazzjoni dwar nuqqas ta' konformità possibbli mwettaq permezz ta' prattiki frawdolenti qarrieqa

L-Istati Membri għandhom jindikaw espliċitament liema korpi ta' kollegament imsemmija fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 nħatru għall-fini ta' skambju ta' informazzjoni rigward nuqqas possibbli ta' konformità mwettaq permezz ta' prattiki frawdolenti qarrieqa.

Artikolu 5

Ir-responsabiltajiet tal-korpi ta' kollegament fir-rigward tas-sistema AAC

1.   Il-korpi ta' kollegament għandhom ikunu responsabbli milli:

(a)

jiżguraw li l-persunal tagħhom jikkonforma mar-regoli dwar il-kunfidenzjalità previsti fl-Artikolu 7(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004;

(b)

itellgħu fis-sistema AAC it-talbiet għal assistenza skont l-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 (“talbiet għal assistenza”), notifiki ta' nuqqas ta' konformità skont l-Artikoli 37 u 38 ta' dak ir-Regolament (“notifiki ta' nuqqas ta' konformità”) u tweġibiet għal tali talbiet għal assistenza jew notifiki ta' nuqqas ta' konformità, kif xieraq;

(c)

jiżguraw li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lil korp ta' kollegament fi Stat Membru ieħor, skont l-Artikoli 36, 37 u 38 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, tittella' mingħajr dewmien żejjed fis-sistema AAC;

(d)

jieħdu kull pass raġonevoli biex jiżguraw li l-informazzjoni mtella' fis-sistema AAC tkun preċiża u, fejn ikun meħtieġ, titranġa u tinżamm aġġornata;

(e)

jirtiraw mis-sistema AAC, sa mhux aktar tard minn 30 jum wara d-data li tkun ittellgħet, kull informazzjoni mtella' bi żball jew li ma għadhiex neċessarja biex tinbeda proċedura ta' assistenza u koperazzjoni amministrattiva.

2.   Ir-rekwiżiti fil-paragrafu 1(a), (d) u (e) għandhom japplikaw ukoll għall-persunal tal-awtoritajiet kompetenti fil-livell ċentrali jew reġjonali msemmi fl-Artikolu 3(3). Jekk korp ta' kollegament għandu provi li jindikaw li xi element ta' informazzjoni mhix preċiża jew ġiet inkluża bi żball fis-sistema AAC, huwa għandu jinforma malajr kemm jista' jkun lill-korp ta' kollegament li kien inkluda dik l-entrata fis-sistema AAC.

Artikolu 6

Għeluq ta' proċedura ta' assistenza u koperazzjoni amministrattiva

1.   Il-proċedura ta' assistenza u koperazzjoni amministrattiva għandha tingħalaq permezz tal-korp ta' kollegament li tella' t-talba għal assistenza jew in-notifika ta' nuqqas ta' konformità skont l-Artikolu 5(1)(b) wara l-irċevuta ta' rispons xieraq għal tali talba għal assistenza jew notifika ta' nuqqas ta' konformità, mill-korp ta' kollegament li jkun irċeviha.

2.   Jekk, wara perjodu ta' sitt xhur mid-data li fiha t-talba għal assistenza jew notifika ta' nuqqas ta' konformità kienet ittellgħet fis-sistema AAC kif stipulat fl-Artikolu 5(1)(b), il-proċedura ta' assistenza u koperazzjoni amministrattiva ma tkunx ingħalqet, is-sistema AAC għandha titlob lill-korp ta' kollegament rikjedenti jew il-korp ta' kollegament notifikatur biex jikkonferma li l-proċedura ta' assistenza u koperazzjoni amministrattiva għadha għaddejja.

Il-korp ta' kollegament rikjedenti jew il-korp ta' kollegament notifikatur għandu, fi żmien ħmistax-il jum tax-xogħol jew jikkonferma li l-proċedura ta' assistenza u koperazzjoni amministrattiva għadha għaddejja jew jagħlaq il-proċedura jekk din ma tkunx meħtieġa aktar. Jekk ma tingħatax konferma jew il-proċedura ma tingħalaqx mill-korp ta' kollegament, is-sistema AAC tagħlaq il-proċedura b'mod awtomatiku.

3.   Meta, skont il-paragrafu 2, tasal konferma li l-proċedura ta' assistenza u koperazzjoni amministrattiva għadha għaddejja, din għandha tibqa' miftuħa fis-sistema AAC.

B'bidu mid-data ta' tali konferma, kull perjodu ta' sitt xhur ta' nuqqas ta' skambju ta' informazzjoni jirriżulta fl-għeluq awtomatiku tal-proċedura ta' assistenza u koperazzjoni amministrattiva.

Artikolu 7

Ir-responsabiltajiet tal-Kummissjoni fir-rigward tas-sistema AAC

Il-Kummissjoni għandha:

(a)

tiżgura l-iżvilupp, il-manutenzjoni, l-appoġġ u kwalunkwe aġġornament tas-softwer u l-infrastruttura tal-IT għas-sistema AAC;

(b)

tissorvelja l-iskambju tal-informazzjoni permezz tas-sistema AAC għall-fini ta' identifikazzjoni ta' attivitajiet li huma, jew li jidhru li huma, kuntrarji għal liġi tal-ikel jew il-liġi tal-għalf u li huma ta' interess partikolari fil-livell tal-Unjoni, kif previst fl-Artikolu 40(1) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004;

(c)

taanalizza l-informazzjoni skambjata permezz tas-sistema AAC għal ħidmiet ta' koordinazzjoni, kif previst fl-Artikolu 40(1) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, u fid-dawl ta' produzzjoni ta' rapporti sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni ta' dak ir-Regolament;

(d)

tipprovdi l-formati u l-gwida neċessarji għall-użu tas-sistema AAC.

Artikolu 8

Skambju ta' informazzjoni permezz tas-sistema AAC

1.   L-informazzjoni għandha tiġi skambjata permezz tas-sistema AAC billi jintuża l-format impoġġi għad-dispożizzjoni mill-Kummissjoni skont il-punt (d) tal- Artikolu 7.

2.   Fir-rigward ta' kull każ, l-informazzjoni skambjata permezz tas-sistema AAC għandha mill-inqas tinkludi:

(a)

id-dettalji ta' kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti u tal-uffiċjali li jittrattaw il-każ;

(b)

deskrizzjoni tan-nuqqas ta' konformità possibbli;

(c)

l-identifikazzjoni, fejn huwa possibbli, tal-operaturi tan-negozju assoċjati miegħu;

(d)

dettalji ta' annimali jew prodotti assoċjati ma' każ possibbli ta' nuqqas ta' konformità mal-liġi tal-ikel jew tal-għalf;

(e)

indikazzjoni ta' jekk l-informazzjoni hix skambjata għall-fini ta':

(i)

formulazzjoni ta' talba għall-assistenza jew bi tweġiba għaliha; jew

(ii)

introduzzjoni ta' notifika ta' nuqqas ta' konformità jew tweġiba għaliha;

(f)

indikazzjoni tal-korp ta' kollegament li lilu hija indirizzata t-talba għal assistenza jew notifika ta' nuqqas ta' konformità;

(g)

indikazzjoni ta' jekk it-talba għal assistenza jew in-notifika ta' nuqqas ta' konformità għandhiex x'taqsam ma' każ possibbli ta' nuqqas ta' konformità mwettaq permezz ta' prattiki frawdolenti qarrieqa u jekk l-aċċess għaliha għandhux ikun limitat għall-korpi ta' kollegament imsemmija fl-Artikolu 4.

TAQSIMA III

L-IPPROĊESSAR TAD-DEJTA PERSONALI U S-SIGURTÀ

Artikolu 9

Limitazzjoni tal-għan

1.   Il-korpi ta' kollegament u l-Kummissjoni għandhom jiskambjaw u jipproċessaw id-dejta personali permezz tas-sistema AAC għall-finijiet biss ta' implimentazzjoni tar-rekwiżiti dwar l-assistenza u l-koperazzjoni amministrattiva stabbiliti fit-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

2.   Fl-ebda każ ma għandhom jinkludu fl-iskambju tad-dejta informazzjoni personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija fi trejdjunjin u t-tagħrif dwar is-saħħa jew il-ħajja sesswali ta' xi individwu.

Artikolu 10

Protezzjoni tad-dejta

1.   Id-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 japplikaw sal-punt li l-informazzjoni skambjata permezz tas-sistema AAC tinkludi dejta personali kif definit fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE u fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

2.   Fir-rigward tar-responsabbiltajiet tagħhom li jittrażmettu l-informazzjoni rilevanti lis-sistema AAC u l-ipproċessar ta' kwalunkwe dejta personali li tista' tirriżulta minn din l-attività kif ukoll l-iskambji msemmija fl-Artikolu 3(3), l-awtoritajiet kompetenti u korpi ta' kollegament tal-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala kontrolluri, kif definit fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46/KE.

3.   F'dak li għandu x'jaqsam mar-responsabbiltà għall-ġestjoni tas-sistema AAC, fil-każ tal-pproċessar ta' kwalunkwe dejta personali li tista' tirriżulta mill-Artikolu 5 ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni titqies bħala kontrollur kif definit fl-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

4.   L-Istati Membri jistgħu jillimitaw id-drittijiet u l-obbligi skont l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 10, l-Artikolu 11(1) u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46/KE kif meħtieġ sabiex jitħarsu l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(1)(d) u (f) ta' din id-Direttiva.

5.   Il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi d-drittijiet u l-obbligi skont l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 11, l-Artikolu 12(1), u l-Artikoli minn 13 sa 17 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura meħtieġa biex jitħarsu l-interessi msemmija fl-Artikolu 20(1)(a) u (e) tiegħu matul il-perjodu li fih jiġu ppjanati jew jitwettqu azzjonijiet biex jivverifikaw il-konformità mal-liġi tal-ikel jew tal-għalf jew biex jiġi żgurat l-infurzar tal-liġi tal-ikel jew għalf fil-każ speċifiku li għalih tirrelata l-informazzjoni.

Artikolu 11

Iż-żamma tad-dejta personali

Il-Kummissjoni għandha tneħħi d-dejta personali pproċessata fis-sistema AAC hekk kif ma tkunx aktar meħtieġa għall-fini li għaliha kienet inġabret u ġiet ipproċessata u, bħala regola ġenerali, mhux aktar tard minn ħames snin wara l-għeluq tal-proċedura ta' assistenza u koperazzjoni amministrattiva.

Artikolu 12

Is-sigurtà tad-dejta

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistema AAC tkun konformi mar-regoli dwar is-sigurtà tad-dejta adottati skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 95/46/KE rispettivament.

Artikolu 13

Data tal-applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ għoxrin jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni 2004/292/KE tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 2004 dwar l-introduzzjoni tas-sistema Traces u li temenda d-Deċiżjoni 92/486/KEE (ĠU L 94, 31.3.2004, p. 63).

(4)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).