13.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 266/83


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/1837

tat-12 ta' Ottubru 2015

dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBTO) sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha ta' monitoraġġ u ta' verifika u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 26(2) u l-Artikolu 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (l-Istrateġija), li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta' miżuri li jeħtieġ li jittieħdu kemm fl-Unjoni kif ukoll f'pajjiżi terzi sabiex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni.

(2)

L-Unjoni qed timplimenta b'mod attiv l-Istrateġija u qed tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b'mod partikolari billi jiġu rilaxxati riżorsi finanzjarji b'appoġġ għal proġetti speċifiċi mmexxija minn istituzzjonijiet multilaterali, bħas-Segretarjat Tekniku Proviżorju (PTS) tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBTO).

(3)

Fis-17 ta' Novembru 2003, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/805/CFSP (1) fuq l-universalità u t-tisħiħ tal-ftehim multilaterali fil-qasam tal-kontroll tal-armi nukleari (f'pajjiżi li għad ma għandhomx dawn l-armi) għad-distruzzjoni tal-massa u l-mod tat-trasport tagħhom. Dik il-Pożizzjoni Komuni tappella, inter alia, għall-promozzjoni tal-iffirmar u r-ratifika tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT).

(4)

L-Istati Firmatarji tas-CTBT iddeċidew li jistabbilixxu Kummissjoni Preparatorja, li għandha kapaċità ġuridika, u li għandha pożizzjoni bħala organizzazzjoni internazzjonali, bil-għan li twettaq l-implimentazzjoni effettiva tas-CTBT, sakemm tiġi stabbilita s-CTBTO.

(5)

Id-dħul fis-seħħ bikri u l-universalizzazzjoni tas-CTBT u t-tisħiħ tas-sistema ta' monitoraġġ u ta' verifika tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO huma objettivi importanti tal-Istrateġija. F'dan il-kuntest, il-provi nukleari mwettqin mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea f'Ottubru 2006, f'Mejju 2009 u fi Frar 2013 enfasizzaw aktar l-importanza tad-dħul fis-seħħ bikri tas-CTBT u l-ħtieġa li s-sistema ta' monitoraġġ u ta' verifika tas-CTBT tinbena u tissaħħaħ b'rata aktar mgħaġġla.

(6)

Il-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO hija impenjata fl-identifikazzjoni tal-aħjar mod kif tista' tissaħħaħ is-sistema ta' verifika tagħha, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' kapaċitajiet ta' monitoraġġ ta' gass nobbli u sforzi bil-għan li jinvolvu bis-sħiħ l-Istati Firmatarji tas-CTBT fl-implimentazzjoni tar-reġim ta' verifika.

(7)

Fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija, il-Kunsill adotta tliet Azzjonijiet Konġunti u żewġ Deċiżjonijiet dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO, jiġifieri l-Azzjoni Konġunta 2006/243/PESK (2) fil-qasam tat-taħriġ u tal-iżvilupp ta' kapaċitajiet għall-verifika, u l-Azzjoni Konġunta 2007/468/PESK (3), l-Azzjoni Konġunta 2008/588/PESK (4), id-Deċiżjoni 2010/461/PESK (5) u d-Deċiżjoni 2012/699/PESK (6) sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' monitoraġġ u ta' verifika tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO.

(8)

Dak l-appoġġ tal-Unjoni għandu jitkompla.

(9)

L-implimentazzjoni teknika ta' din id-Deċiżjoni għandha tiġi fdata lill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO li, abbażi tal-għarfien espert u l-kapaċitajiet uniċi tagħha bis-saħħa tan-netwerk tas-Sistema Internazzjonali ta' Monitoraġġ (IMS), li tinkludi aktar minn 280 faċilità f'madwar 85 pajjiż, u taċ-Ċentru Internazzjonali tad-Data, hija l-unika organizzazzjoni internazzjonali li għandha l-kapaċità u l-leġittimità li timplimenta din id-Deċiżjoni. Il-proġetti kif appoġġati mill-Unjoni jistgħu jiġu ffinanzjati biss permezz ta' kontribuzzjoni extrabaġitarja lill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-fini li tiġi żgurata l-implimentazzjoni kontinwa u prattika ta' ċerti elementi tal-Istrateġija, l-Unjoni għandha tappoġġa l-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO sabiex isir aktar progress lejn l-objettivi li ġejjin:

(a)

it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sistema ta' monitoraġġ u ta' verifika tas-CTBT, inkluż fil-qasam tar-rilevament radjunuklidu;

(b)

it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Istati Firmatarji tas-CTBT biex jissodisfaw ir-responsabiltajiet ta' verifika tagħhom skont is-CTBT u biex ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-parteċipazzjoni fir-reġim tas-CTBT.

2.   Il-proġetti li għandhom jiġu appoġġati mill-Unjoni għandu jkollhom l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

li jiġi appoġġat is-sostenn tas-sistema ta' monitoraġġ sabiex jitjieb ir-rilevament tal-isplużjonijiet nukleari possibbli, b'mod speċifiku bl-appoġġ: ta' stazzjonijiet Sismiċi Awżiljarji (SA) magħżula u l-karatterizzazzjoni tal-isfond globali tar-radjukseno u l-mitigazzjoni tal-ksenon; tat-titjib tal-amministrazzjoni ta' u l-attivitajiet assoċjati maċ-Ċentru ta' Sfruttament tad-Data virtwali (vDEC); tal-implimentazzjoni tal-Fażi 2 tal-programm ta' tfassil mill-ġdid sismiku, idroakustiku u tal-infrasound (SHI) taċ-Ċentru Internazzjonali tad-Data (IDC); u ż-Żieda fil-Kopertura għall-Ittestjar tal-Applikazzjonijiet tal-IDC;

(b)

li jissaħħu l-kapaċitajiet ta' verifika tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO fl-oqsma tal-ispezzjonijiet fuq il-post, speċifikament billi jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' kapaċitajiet operattivi tal-Ispezzjoni Fuq il-Post (OSI) permezz tal-espansjoni u l-ikkomplementar tal-kapaċitajiet tekniċi tas-sistema Multispettrali u Infraħmar (MSIR) tal-OSI;

(c)

li jiġu appoġġati l-promozzjoni tal-universalizzazzjoni u d-dħul fis-seħħ tas-CTBT u s-sostenibbiltà fit-tul tar-reġim ta' verifika tiegħu permezz tal-komunikazzjoni u t-tisħiħ ta' kapaċitajiet, inkluż permezz tal-għoti ta' appoġġ għal taħriġ u sessjonijiet ta' ħidma fix-Xlokk tal-Asja, il-Paċifiku u l-Lvant Imbiegħed (SEAPFE) u fil-Lvant Nofsani u n-Nofsinhar tal-Asja (MESA) għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni effettiva fis-CTBT; għall-Manteniment tas-Sistema tat-Tisħiħ ta' Kapaċitajiet; għal komunikazzjoni mal-komunitajiet xjentifiċi u dawk politiċi/diplomatiċi biex jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u l-intendiment tas-CTBT; u għall-konsolidazzjoni u l-espansjoni tal-offerta/pakkett Extended National Data Centre (NDC) in-a-Box (NDC-in-a-Box).

Il-proġetti għandhom ukoll l-għan li tiġi żgurata l-viżibbiltà tal-Unjoni fl-għoti ta' appoġġ għall-attivitajiet imsemmija hawn fuq u għall-ġestjoni korretta tal-programm fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Dawn il-proġetti għandhom jitwettqu għall-benefiċċju tal-Istati Firmatarji kollha tas-CTBT.

Deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-Rappreżentant Għoli) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO. Hija għandha twettaq dan il-kompitu taħt il-kontroll tar-Rappreżentant Għoli. Għal dan il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 3 024 756.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tissorvelja l-ġestjoni korretta tal-ammont ta' referenza finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1. Għal dak il-fini, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO. Il-ftehim ta' finanzjament għandu jistipula li l-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, skont id-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament.

Artikolu 4

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari imħejjija mill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni li titwettaq mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 24 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tagħha jekk sa dakinhar ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim ta' finanzjament.

Magħmul il-Lussemburgu, it-12 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/805/CFSP tas-17 ta' Novembru 2003 fuq l-universalità u t-tisħiħ tal-ftehim multilaterali fil-qasam tal-kontroll tal-armi nukleari (f'pajjiżi li għad ma għandhomx dawn l-armi) għad-distruzzjoni tal-massa u l-mod tat-trasport tagħhom (ĠU L 302, 20.11.2003, p. 34; Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 18 Volum 002 p. 215).

(2)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/243/PESK tal-20 ta' Marzu 2006 dwar sostenn għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tal-Provi Nukleari (CTBTO) fil-qasam tat-taħriġ u tal-iżvilupp ta' kapaċitajiet għall-verifika u fil-qafas tal-implementazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Distruzzjoni Massiva (ĠU L 88, 25.3.2006, p. 68; ĠU L 270 M, 29.9.2006, p. 362).

(3)  Azzjoni konġunta tal-Kunsill 2007/468/PESK tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tal-Provi Nukleari (CTBTO) sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' monitoraġġ u verifikazzjoni tagħha u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda tal-Massa (ĠU L 176, 6.7.2007, p. 31).

(4)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/588/PESK tal-15 ta' Lulju 2008 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBTO) sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet ta' monitoraġġ u verifika tagħha u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi tal-Qerda tal-Massa (ĠU L 189, 17.7.2008, p. 28).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/461/PESK tas-26 ta' Lulju 2010 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali tal-Provi Nukleari (CTBTO) sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet ta' monitoraġġ u verifika tagħha u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-EU kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 219, 20.8.2010, p. 7).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/699/PESK tat-13 ta' Novembru 2012 dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet ta' monitoraġġ u verifika tagħha u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 314, 14.11.2012, p. 27).


ANNESS

Appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha ta' monitoraġġ u ta' verifika, ittejjeb il-prospettiva ta' dħul fis-seħħ bikri u tappoġġa l-universalizzazzjoni tas-CTBT u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva

I.   INTRODUZZJONI

1.   L-iżvilupp ta' sistema ta' monitoraġġ u ta' verifika li taħdem sewwa tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO (il-Kummissjoni Preparatorja) hija element kruċjali għat-tħejjija tal-implimentazzjoni tas-CTBT ladarba jkun daħal fis-seħħ. L-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja fil-qasam tal-monitoraġġ tal-gass nobbli huwa għodda importanti biex jiġi vvalutat jekk splużjoni osservata hijiex test nukleari. Barra minn hekk, l-operabbiltà u l-prestazzjoni tas-sistema ta' monitoraġġ u ta' verifika tas-CTBT tiddependi fuq il-kontribuzzjoni tal-Istati Firmatarji għas-CTBT. Għalhekk, huwa importanti li l-Istati Firmatarji tas-CTBT ikunu jistgħu jipparteċipaw fis-sistema ta' monitoraġġ u ta' verifika tas-CTBT u jikkontribwixxu bis-sħiħ għaliha. Il-ħidma li twettqet fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni ser tkun importanti wkoll għat-titjib tal-prospettiva ta' dħul fis-seħħ bikri u l-universalizzazzjoni tas-CTBT.

Il-proġetti deskritti f'din id-Deċiżjoni ser jikkontribwixxu b'mod sinifikanti sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva.

2.   Għal dak il-għan, l-Unjoni ser tappoġġa d-disa' proġetti li ġejjin:

(a)

Is-sostenn tal-istazzjonijiet AS tal-IMS ospitati f'pajjiżi li għandhom bżonn appoġġ;

(b)

Il-proġett ta' karatterizzazzjoni tal-isfond globali tar-radjukseno;

(c)

L-amministrazzjoni tal-vDEC u attivitajiet assoċjati;

(d)

L-appoġġ għall-Fażi 2 tat-tfassil mill-ġdid tal-SHI tal-IDC;

(e)

Il-mitigazzjoni tal-ksenon;

(f)

Iż-żieda fil-kopertura tal-ittestjar għall-applikazzjonijiet tal-IDC;

(g)

Titjib fil-hardware tas-sistema MSIR tal-OSI;

(h)

Taħriġ u sessjonijiet ta' ħidma f'SEAPFE u MESA, il-Manteniment tas-Sistema tat-Tisħiħ ta' Kapaċitajiet u l-Komunikazzjoni mal-Komunitajiet Xjentifiċi u dawk Politiċi/Diplomatiċi; u

(i)

Extended NDC-in-a-Box.

Il-prospetti tad-dħul fis-seħħ tas-CTBT tjiebu minħabba ambjent politiku aktar favorevoli, li jidher ukoll mill-iffirmar u r-ratifiki ġodda reċenti tas-CTBT, inkluż mill-Indoneżja, wieħed mill-pajjiżi inklużi fil-lista fl-Anness 2 għas-CTBT. Minħabba din id-dinamika pożittiva, fis-snin li ġejjin jeħtieġ li jkun hemm fokus miżjud u urġenti kemm fuq it-tlestija tal-iżvilupp tar-reġim ta' verifika tas-CTBT kif ukoll fuq l-iżgurar tal-prontezza u l-kapaċità operattiva tagħha, kif ukoll fuq it-tkomplija tal-ħidma lejn id-dħul fis-seħħ u l-universalizzazzjoni tas-CTBT. Il-provi nukleari mwettqa mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea f'Ottubru 2006, Mejju 2009 u Frar 2013 mhux biss urew l-importanza ta' projbizzjoni universali tat-testijiet nukleari, iżda enfasizzaw ukoll il-ħtieġa għal reġim ta' verifika effettiv għall-monitoraġġ tal-osservanza ta' tali projbizzjoni. Reġim ta' verifika tas-CTBT kompletament operattiv u kredibbli jipprovdi lill-komunità internazzjonali b'mezzi affidabbli u indipendenti biex jiġi żgurat li din il-projbizzjoni tiġi rrispettata. Barra minn hekk, id-data tas-CTBTO għandha wkoll rwol kruċjali fit-twissija fil-ħin ta' tsunami u l-valutazzjoni tat-tixrid ta' emissjonijiet radjoattivi wara l-aċċident nukleari ta' Fukushima ta' Marzu 2011.

L-appoġġ għal dawk il-proġetti jirrafforza l-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni. L-implimentazzjoni ta' dawk il-proġetti kumplessi ser tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-titjib tat-tweġibiet multilaterali effettivi għall-isfidi attwali tas-sigurtà. B'mod partikolari, dawk il-proġetti ser jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva, inkluż biex in-normi li jinsabu fis-CTBT kif ukoll ir-reġim ta' verifika tagħha jiġu universalizzati u msaħħa aktar. Il-Kummissjoni Preparatorja qiegħda tibni IMS biex tiżgura li l-ebda splużjoni nukleari ma tonqos milli tiġi rilevata. Abbażi tal-għarfien espert uniku tagħha permezz ta' netwerk dinji ta' AS tal-IMS, li jinkludi aktar minn 280 faċilità f'85 pajjiż, u l-IDC, il-Kummissjoni Preparatorja hija l-unika organizzazzjoni bil-kapaċità li timplimenta dawk il-proġetti, li jistgħu jiġu ffinanzjati biss permezz ta' kontribuzzjoni extrabaġitarja lill-Kummissjoni Preparatorja.

Fl-Azzjoni Konġunta 2006/243/PESK, l-Azzjoni Konġunta 2007/468/PESK, l-Azzjoni Konġunta 2008/588/PESK, id-Deċiżjoni 2010/461/PESK u d- Deċiżjoni 2012/699/PESK, l-Unjoni appoġġat l-istabbiliment ta' programm ta' taħriġ permezz ta' tagħlim elettroniku, l-Eżerċizzju Integrat fuq il-Post 2008 fir-rigward tal-OSI u l-Eżerċizzju Integrat fuq il-Post tal-2014 (IFE14), il-Valutazzjoni u l-Kejl tar-Radjukseno, Karatterizzazzjoni u Mitigazzjoni, l-Assistenza Teknika u t-Tisħiħ ta' Kapaċitajiet, l-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet għall-Ġenerazzjonijiet futuri ta' Esperti tas-CTBT, it-Titjib tal-Mudell tat-Trasport Atmosferiku (ATM), l-istazzjonijiet AS, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-komunità xjentifika u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal- OSI bl-iżvilupp ta' sistema ta' rilevament ta' gass nobbli, u proġett pilota biex tiġi appoġġata l-parteċipazzjoni ta' esperti minn pajjiżi li qed jiżviluppaw f'laqgħat tekniċi u ta' tfassil ta' politika tal-Kummissjoni Preparatorja. Il-proġetti taħt din id-Deċiżjoni jibnu fuq il-proġetti preċedenti ta' Azzjoni Konġunta u l-progress li sar permezz tal-implimentazzjoni tagħhom. Il-proġetti taħt din id-Deċiżjoni huma tali sabiex tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni potenzjali mad-Deċiżjoni 2012/699/PESK. Uħud mill-proġetti taħt din id-Deċiżjoni fihom elementi li huma simili għall-attivitajiet li twettqu taħt Azzjonijiet Konġunti preċedenti iżda li huma differenti fl-ambitu materjali jew huma mmirati għal pajjiżi jew reġjuni benefiċjarji differenti.

Flimkien ma' kontribuzzjonijiet volontarji oħrajn u kontribuzzjoni in natura li tirċievi s-CTBTO b'appoġġ għall-attivitajiet tagħha minn donaturi, bħalma huma l-Istati tal-UE u pajjiżi terzi, istituzzjonijiet, u oħrajn, id-disa' proġetti, imsemmija hawn, fuq b'appoġġ għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja ser jiġu implimentati u ġestiti mill-PTS tagħha.

II.   DESKRIZZJONI TAL-PROĠETTI

Intestatura 1: Sostenn tas-sistema ta' monitoraġġ

Din l-intestatura hija magħmula mis-sitt komponenti li ġejjin:

:

Komponent 1

:

Is-sostenn tal-istazzjonijiet AS tal-IMS ospitati f'pajjiżi li jeħtieġu appoġġ.

:

Komponent 2

:

Il-Proġett ta' Karatterizzazzjoni tal-Isfond Globali tar-Radjukseno

:

Komponent 3

:

Amministrazzjoni tal-vDEC u attivitajiet assoċjati

:

Komponent 4

:

L-appoġġ għall-Fażi 2 tat-tfassil mill-ġdid tal-SHI tal-IDC

:

Komponent 5

:

Il-mitigazzjoni tal-ksenon

:

Komponent 6

:

Iż-żieda fil-kopertura tal-ittestjar għall-applikazzjonijiet tal-IDC

Komponent 1: Is-sostenn tal-istazzjonijiet AS tal-IMS ospitati f'pajjiżi li għandhom bżonn ta' appoġġ

1.   Sfond

Dan il-proġett għandu jkompli jipprovdi assistenza lill-awtoritajiet lokali biex itejbu l-operat u s-sostenibbiltà tal-istazzjonijiet iċċertifikati fin-netwerk ta' stazzjonijiet AS tal-IMS li huma ospitati minn pajjiżi li jeħtieġu appoġġ.

2.   Ambitu tal-Proġett

Għal xi pajjiżi, li jintlaħaq il-livell għoli ta' kwalità tad-data u ta' disponibbiltà kif mandat għal stazzjonijiet AS tal-IMS iġib miegħu sfidi kbar. Il-valutazzjonijiet dettaljati tal-kondizzjonijiet lokali speċifiċi, it-titjib immirat tal-infrastruttura tal-istazzjonijiet (abbażi ta' esperjenza operattiva tal-passat), is-soluzzjoni ta' kwistjonijiet ta' skadenza imminenti, u l-għajnuna fit-twaqqif ta' arranġamenti u ftehimiet interni xierqa għall-appoġġ tal-operazzjonijiet u l-manutenzjoni ser itejbu s-sostenibbiltà globali fl-istazzjon u jgħinu lill-operatur tal-istazzjon lokali jiżgura l-prestazzjoni futura meħtieġa tal-istazzjon.

Għaldaqstant, il-ħidma taħt dan il-proġett għandha tikkonsisti, inter alia, fit-tkomplija tal-ġbir tal-fatti meħtieġa u r-reviżjoni tal-kondizzjonijiet ta' sostenibbiltà għal dawk il-faċilitajiet tan-netwerk AS immirati f'dan il-proġett, żjajjar fl-istazzjonijiet inklużi l-kalibrazzjonijiet tas-sistemi, tiswijiet żgħar, u t-taħriġ tal-operatur, taħriġ addizzjonali lill-operaturi tal-istazzjonijiet lokali, it-titjib tal-infrastruttura u s-sigurtà, it-titjib ta' sistemi ta' provvista ta' enerġija ta' riżerva u t-titjib jew is-sostituzzjoni ta' tagħmir antikwat.

Barra minn hekk, bħala parti minn dan il-proġett, ser ikomplu jsiru serje ta' żjarat immirati għand l-awtoritajiet lokali tal-pajjiżi AS ospitanti biex titqajjem sensibilizzazzjoni u rikonoxximent tar-responsabbiltajiet tal-operat u tal-manutenzjoni tal-faċilitajiet tagħhom tal-IMS skont is-CTBT, biex jiġu vvalutati l-arranġamenti attwali għall-operat u l-manutenzjoni tal-istazzjonijiet, u jinkoraġġixxu l-istabbiliment jew it-titjib tal-istruttura u r-riżorsi ta' appoġġ nazzjonali kif meħtieġ.

3.   Benefiċċji u Eżitu

Iż-żamma u t-titjib tad-disponibbiltà tad-data għall-istazzjonijiet AS.

Komponent 2: Il- Proġett ta' Karatterizzazzjoni tal-Isfond Globali tar-Radjukseno

1.   Sfond

Il-Kummissjoni Preparatorja tkejjel ir-radjukseno fl-ambjent b'sistemi sensittivi ħafna bħala parti importanti mir-reġim ta' verifika tas-CTBT. Bil-kontribuzzjoni riċevuta mill-Unjoni fil-qafas tal-Azzjoni Konġunta 2008/588/PESK, is-CTBTO xtrat żewġ sistemi trasportabbli biex jitkejlu l-isotopi radjuattivi ta' gass nobbli, 133Xe, 135Xe, 133mXe u 131mXe. Dawk is-sistemi ntużaw biex jitkejjel l-isfond tar-radjukseno fl-Indoneżja, il-Ġappun u l-Kuwajt. Għal dan il-għan ġew stabbiliti ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet msieħba.

2.   Ambitu tal-Proġett

Sabiex jitkomplew dawk il-kampanji ta' kejl, jinħtieġu fondi għall-vjeġġ tas-sistemi mobbli ta' gass nobbli lejn postijiet ġodda, u għat-tħaddim tas-sistemi f'post wieħed għal perijodu ta' mill-inqas 12-il xahar biex tiġi koperta l-varjazzjoni staġjonali.

Il-post fil-Kuwajt jinsab fil-qalba ta' żona nieqsa minn sistemi tal-IMS ta' kejl ta' gass nobbli. Mill-perspettiva tal-kopertura tan-netwerk, l-istazzjon portabbli fil-Kuwajt għandu importanza kbira fiż-żona tal-Golf Persjan. Minħabba li din il-lokalità tagħti informazzjoni konsiderevoli dwar il-karatterizzazzjoni tal-isfond globali tal-ksenon, l-objettiv huwa l-ewwel nett li jiġu estiżi l-kampanji ta' kejl fil-Kuwajt matul il-perijodu ta' implimentazzjoni ta' dan il-proġett.

Is-sistema l-oħra ser tibda tieħu kejl taħt id-Deċiżjoni 2012/699/PESK f'Manado, l-Indoneżja. L-estensjoni tal-kampanja ta' kejl tkun tippermetti l-karatterizzazzjoni ta' din il-lokalità matul ċiklu sħiħ ta' 12-il xahar li jkopri l-kondizzjonijiet staġonali kollha. Wara t-tmiem ta' din il-kampanja, is-CTBTO qiegħda tippjana li twettaq kejl addizzjonali f'żoni fejn l-isfond globali tar-radjukseno mhux magħruf u mifhum bis-sħiħ. Il-postijiet preferuti huma siti ekwatorjali fl-Amerika Latina, l-Asja u l-Afrika.

3.   Benefiċċji u Eżitu

Il-benefiċċji huma fehim aħjar tal-varjazzjoni tal-isfond ta' gass nobbli globali, u kopertura aħjar tan-netwerk ta' monitoraġġ ta' gass nobbli. Wara dawn il-kampanji ta' kejl, is-sistemi ser ikunu disponibbli biex jintużaw mis-CTBTO għal studji ta' segwitu tal-isfond tal-gass nobbli fuq skali ġeografiċi differenti u bħala sistemi ta' riserva u/jew taħriġ.

Komponent 3: Amministrazzjoni tal-vDEC u Attivitajiet Assoċjati.

1.   Sfond

L-IDC jiġġestixxi l-vDEC li jippermetti li riċerkaturi esterni, NDCs u kuntratturi tal-PTS li jkollhom aċċess għad-data tal-IMS, il-prodotti tal-IDC u s-software tal-IDC. Il-vDEC ġie stabbilit taħt id-Deċiżjoni 2010/461/PESK.

2.   Ambitu tal-Proġett

L-objettiv huwa li tkompli tappoġġa l-vDEC bħala pjattaforma għal riċerka kollaborattiva bl-użu ta' data tal-IMS u prodotti u software tal-IDC.

3.   Benefiċċji u Eżitu

Il-vDEC jappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp f'teknoloġiji avvanzati għal monitoraġġ taħt is-CTBT. B'dan il-mod, dan jipprovdi opportunitajiet għal riċerka minn xjenzjati u inġiniera żgħażagħ, kif ukoll għal riċerkaturi f'pajjiżi anqas żviluppati, fejn hemm inqas riżorsi.

Komponent 4: L-appoġġ għall-Fażi 2 tat-Tfassil mill-Ġdid tal-SHI tal-IDC

1.   Sfond

Abbażi ta' fażi inizjali li tfassal mill-ġdid partijiet magħżula tas-sistema SHI, u filwaqt li tieħu vantaġġ minn kontribuzzjoni sinifikanti in natura mill-Istati Uniti, il-PTS beda l-hekk imsejħa Fażi 2 tal-programm ta' Tfassil mill-ġdid tas-SHI tal-IDC. L-għan ta' dan il-programm huwa li tiġi żviluppata arkitettura globali ta' software biex tiggwida proġetti għal żvilupp ġdid u aġġornamenti tas-software eżistenti matul il-5 sa 7 snin li ġejjin. Il-Fażi 2 tal-Programm ta' Tfassil mill-ġdid hija wkoll maqsuma f'diversi fażijiet iqsar li jsegwu l-Proċess Unifikat Razzjonali (Rational Unified Process — RUP) għall-iżvilupp ta' software. Il-fażi inizjali tar-RUP, magħrufa bħala l-fażi tal-bidu kienet skedata li titlesta fl-2014, bit-tlestija tad-dokumenti tar-rekwiżiti tas-sistema u l-ispeċifikazzjonijiet tas-sistema. Il-fażi li jmiss tar-RUP, l-elaborazzjoni, ser titwettaq matul l-2016 u tissokta fl-2017 u ser tinvolvi l-iżvilupp tad-disinn tal-arkitettura tas-software u l-żvilupp ta' prototipi suffiċjenti biex jimmitigaw l-ogħla riskji identifikati fid-disinn. Objettiv ewlieni tal-ispeċifikazzjoni tal-arkitettura sovrastanti tas-software huwa li l-PTS ikun jista' jipprijoritizza l-attivitajiet ta' sostenn. Għalkemm kontribuzzjoni in natura mill-Istati Uniti hija parti sinifikanti minn dan il-proġett, huwa imperattiv li l-Istati Membri kollha tas-CTBTO jkunu involuti f'dan il-proċess. Dan ser jinkiseb permezz ta' aġġornamenti regolari tal-Gruppi ta' Ħidma u permezz ta' laqgħat tekniċi.

2.   Ambitu tal-Proġett

L-objettiv huwa li: (1) jiġu appoġġati żewġ laqgħat tekniċi dwar l-inġinerija tas-software; u (2) jiġu pprovduti servizzi kuntrattati/ħatriet ta' persunal għal perijodu qasir għall-iżvilupp ta' prototipi.

3.   Benefiċċji u Eżitu

L-objettiv sovrastanti ta' dan il-proġett huwa li jipprovdi qafas aktar modern u aċċettabbli għall-iżvilupp u l-manutenzjoni ta' software għall-20 sena li ġejjin. Ir-riżultat għandu jkun organizzazzjoni ta' sistema u appoġġ aktar reżiljenti għall-bidla u irħas biex tiġi operata u miżmuma.

Komponent 5: Il-Mitigazzjoni tal-Ksenon

1.   Sfond

Il-Kummissjoni Preparatorja tkejjel ir-radjukseno fl-ambjent permezz ta' sistemi ta' gass nobbli sensittivi ħafna bħala parti importanti mir-reġim ta' verifika tas-CTBT. L-emissjonijiet attwali ta' radjukseno mill-Faċilitajiet ta' Produzzjoni ta' Radjofarmaċewtiċi (RPFs) jaffettwaw b'mod sinifikanti l-livelli tal-isfond fl-istazzjonijiet ta' gass nobbli tal-IMS tas-CTBTO.

Permezz tal-kontribuzzjoni riċevuta mill-Unjoni fil-qafas tad-Deċiżjoni 2012/699/PESK, is-CTBTO ikkuntrattat studju għall-iżvilupp ta' soluzzjoni teknika li tista' tintuża biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tar-radjukseno mill-RPFs. L-istudju sar minn SCKߦCEN, il-Belġju u ppermetta l-iżvilupp ta' prototip ta' sistema ta' qbid ibbażata fuq materjal ta' żeolit tal-fidda li wera riżultati promettenti.

2.   Ambitu tal-Proġett

Sabiex jappoġġaw l-isforzi li għaddejjin għall-mitigazzjoni tal-ksenon u bħala segwitu għall-eżiti tal-ħidma li saret taħt id-Deċiżjoni 2012/699/PESK, huma meħtieġa fondi għal żvilupp ulterjuri tas-sistema ta' qbid tal-ksenon bl-objettivi ewlenin li ġejjin:

(a)

It-twettiq ta' studju fuq skala akbar tal-prototip tal-qbid ibbażat fuq żeoliti tal-fidda, żviluppat minn SCKߦCEN, il-Belġju, taħt id-Deċiżjoni 2012/699/PESK, taħt firxa usa' ta' kondizzjonijiet operattivi bil-għan li l-prestazzjoni tas-sistema tiġi vvalutata aktar.

(b)

L-estensjoni tal-ittestjar għal RPFs addizzjonali permezz ta' studji speċifiċi dwar id-disinn u eżerċizzji ta' dimostrazzjoni f'ambjenti operattivi diversi. L-RPF KAERI f'Busan, il-Korea, hija kandidata xierqa biex tospita tali studji f'kooperazzjoni ma' SCKߦCEN, il-Belġju.

(c)

Il-valutazzjoni tal-imġieba fit-tul tal-materjali magħżula f'termini ta' reżistenza għal livell għoli ta' irradjazzjoni f'ambjent operattiv reali. Dan ser jitwettaq bħala parti mill-ittestjar f'kondizzjonijiet operattivi.

(d)

L-integrazzjoni ta' sistemi ta' monitoraġġ ta' emissjonijiet industrijali fl-RPFs bi prestazzjoni għolja ser tippermetti li data ta' kwalità għolja dwar emissjonijiet miċ-ċmieni tiġi ġġenerata u kondiviża mas-CTBTO u mal-Istati Firmatarji tas-CTBT. Is-sistemi ta' għad-detezzjoni ser ikunu bbażati fuq detetturi ta' ġermanju ta' purità għolja bi prestazzjoni għolja għall-analiżi tar-radjukseno f'livelli differenti ta' attività.

(e)

L-iżvilupp ta' għodod imtejba tal-ATM għal valutazzjoni affidabbli ta' emissjonijiet tar-radjukseno minn RPFs fuq stazzjonijiet tal-IMS. L-għodod ser jintużaw mis-CTBTO u ser ikunu disponibbli għall-Istati Firmatarji tas-CTBT sabiex jippermettu valutazzjoni indipendenti bbażata fuq data ta' monitoraġġ ta' emissjonijiet industrijali. L-għodod ser jappoġġaw ukoll konfigurazzjoni konfigurabbli tan-netwerk tal-IMS tal-gass nobbli.

3.   Benefiċċji u Eżitu

L-ittestjar fuq skala sħiħa tas-sistemi ta' tnaqqis tal-ksenon taħt kondizzjonijiet operattivi diversi ser jippermetti d-disinn finali ta' soluzzjoni teknika konkreta biex jiġu mitigati l-emissjonijiet tal-ksenon minn RPFs. Il-prestazzjoni mtejba tan-netwerk tal-IMS ta' gass nobbli ser tipprovdi lill-Istati Firmatarji tas-CTBT b'data ta' monitoraġġ ta' kwalità ogħla f'termini ta' valur ta' verifika tas-CTBT.

Komponent 6: Iż-Żieda fil-Kopertura tal-Ittestjar għall-Applikazzjonijiet tal-IDC

1.   Sfond

L-ittestjar tal-unità, l-integrazzjoni u r-rigressjoni jirrappreżenta kompitu rikorrenti, speċjalizzat ferm u li jieħu ħafna ħin fil-manutenzjoni tal-applikazzjonijiet tal-IDC għall-analiżi tal-forma tal-mewġ u r-radjunuklidi. Huwa meħtieġ ittestjar estensiv bħala parti mit-tnedija ta' verżjoni ġdida tas-sistema operattiva, ir-rilaxx ta' verżjoni ġdida ta' applikazzjoni jew il-tibdil tal-konfigurazzjoni ta' software eżistenti.

Peress li s-software huwa pjuttost kumpless, jista' jiġi mħaddem f'eluf ta' konfigurazzjonijiet differenti u ħafna drabi jiddependi minn aċċess kemm permezz ta' diska kif ukoll permezz ta' bażi ta' data sabiex ikun jista' jaħdem, l-iżvilupp ta' testijiet huwa kumpless ukoll. S'issal-biċċa l-kbira tal-ittestjar kien magħmul permezz ta' espert fid-dominju li jħaddem is-software f'konfigurazzjonijiet komuni, jeżamina r-riżultati u jqabbilhom mar-riżultati preċedenti u dawk mistennija. Huwa rari li dan il-proċess manwali jista' jiġi ripetut u jiddependi ħafna fuq id-disponibbiltà tar-riżorsi umani kif ukoll fuq l-għarfien espert tad-dominju.

Sabiex jiġu indirizzati dawn il-problemi, f'Novembru 2013 il-Kummissjoni Preparatorja bdiet proġett biex tidentifika u timplimenta qafas ta' ttestjar b'sors miftuħ li jkun jippermettilha twettaq testijiet f'modalità awtomatika kontinwa. Dan huwa kuntratt ta'tliet snin li nbeda f'Novembru 2013 u li huwa maħsub li jintemm f'Novembru 2016. Il-Kummissjoni Preparatorja diġà kkuntrattat servizzi għall-iżvilupp tas-software għal din il-ħidma. Huwa maħsub li jintużaw fondi tal-Unjoni biex ikopru l-aħħar estensjoni fakultattiva ta' dan il-kuntratt eżistenti, minn Jannar sa Novembru tal-2016. Il-Qafas tal-Ittestjar Awtomatiku Kontinwu (CATS) huwa maħsub biex jiffaċilita wkoll il-ħolqien u ż-żamma ta' batteriji għal testijiet u biex jiġi żviluppat sett inizjali ta' testijiet ta' integrazzjoni għall-komponenti tal-ipproċessar awtomatiku tal-forma tal-mewġ.

Il-proġett attwalment miexi kif ippjanat. Id-dokument dwar il-ħtiġijiet tas-sistema tlesta u żewġ pakketti ta' software b'sors miftuħ (Jenkins u FitNesse) ġew identifikati li flimkien jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Kummissjoni Preparatorja.

2.   Ambitu tal-proġett

L-objettiv ta' dan il-proġett huwa li jkun hemm segwitu għall-implimentazzjoni tal-CATS billi tiżdied il-kopertura tal-kodiċi permezz tal-iżvilupp ta' testijiet ta' unità, rigressjoni u integrazzjoni b'mod partikolari fl-oqsma tan-netwerk tal-ipproċessar tal- forma tal-mewġ, software għall-analiżi tar-radjunuklidi, u d-disseminazzjoni tal- prodotti u d-data.

3.   Benefiċċji u Eżitu

Din il-ħidma ser tgħin biex jitwaqqfu proċessi ta' kontroll ta' kwalità li jistgħu jiġu ripetuti, u ser iżżid l-effiċjenza tal-operazzjonijiet ta' tnedija tas-software tal-IDC. Dan ser jirriżulta f'software ta' kwalità ogħla għall-analiżi awtomatika tal-forma tal-mewġ u r-radjunuklidi u fl-aħħar mill-aħħar f'servizz aħjar lill-Istati Membri tas-CTBTO b'mod partikolari fir-rigward tat-tixrid ta' data, prodotti u software.

Intestatura 2: Titjib tal-Hardware u s-Software tas-sistema MSIR tal-OSI

1.   Sfond

Is-sistema MSIR, żviluppata mill-PTS permezz ta' finanzjament taħt id-Deċiżjoni 2012/699/PESK u kkomplementata permezz ta' kontribuzzjoni in natura għall- IFE14, għandha l-kapaċità li takkwista informazzjoni spettrali minn pjattaforma fl-ajru fuq firxa li tmur minn infraħmar viżibbli għal dak termali. Is-sistema hija arranġament ta' sensuri fuq bażi stabbilizzata, strumenti ta' appoġġ kif ukoll għodod għall-ipproċessar sabiex tiġi estratta informazzjoni relevanti għall-OSI.

Barra minn hekk, l-elementi tas-sistema, inkluż software dwar l-ippjanar tal-missjoni, unità ta' kejl inerzjali, kontrollur tas-sistema, sistema awżiljarja ta' navigazzjoni għall-pilota u l-operatur u kamera bil-vidjo ġew integrati u ttestjati fis-sistema tal-ispettrometru gamma fl-ajru tal-PTS li tippermetti l-ksib ta' data fuq rotot ta' titjiriet definiti minn qabel. Dawn l-elementi huma disponibbli wkoll għall-operazzjonijiet oħra fl-ajru tal-OSI, inkluż it-titjira inizjali li tgħaddi minn fuq u l-istħarriġ manjetiku fl-ajru.

2.   Ambitu tal-proġett

L-objettivi huma li jiġu estiżi l-kapaċitajiet tas-sistema MSIR u, bħala konsegwenza, li jtejjbu l-kapaċità tat-tim ta' spezzjoni li jidentifika karatteristiċi relevanti għall-OSI. Is-sistema MSIR tfasslet biex tkun modulari u jistgħu jiġu miżjuda komponenti addizzjonali kif u meta l-fondi jippermettu. L-ittestjar mill-PTS wera l-valur ta' sensuri oħra tal-MSIR li jikkomplementaw il-firxa tas--sistema eżistenti ta' sensuri. Din il-proposta għandha l-għan li tikkomplementa s-sistema permezz taż-żieda ta' sensuri apposta:

(a)   Strument ta' sensuri multispettrali

L-ittestjar mill-PTS bl-użu ta' sistema tal-kontribuzzjoni in natura wera l-valur tal-ksib ta' data f'faxxi spettrali diskreti kemm fl-infraħmar viċin kif ukoll f'dak b'mewġa qasira. Barra minn hekk, il-kapaċità ta' detezzjoni f'din il-parti tal-ispettru kienet enfasizzata bħala rekwiżit ewlieni ta' sistema MSIR fl-ajru minn parteċipanti f'żewġ Laqgħat ta' Esperti tal-OSI fl-2011 u l-2012. Bħala tali, dan l-element huwa element kritiku tal-proposta.

Il-kontribuzzjoni in natura tal-hardware użat matul l-IFE14 mhux disponibbli għall-PTS bħala self fit-tul u, billi t-tali apparat jintuża kważi matul is-sena kollha, il-probabbiltà li wieħed jirċievi apparat simili permezz ta' ftehim ta' self minn Stat Firmatarju tas- CTBT hija waħda żgħira. Għaldaqstant, il-proposta hija li jinxtara strument multispettrali disponibbli fis-suq li jkun integrat b'mod sħiħ mal-komponenti eżistenti u li jkun kapaċi jirrileva l-karatteristiċi relevanti għall-finijiet tal-OSI fl-infraħmar ta' frekwenza qrib u dak ta' frekwenza baxxa.

(b)   Strument li jkejjel id-distanza

Kif intwera matul diversi testijiet fuq il-post, strument tal-laser li jkejjel id-distanza b'funzjoni ta' skannjar installata fuq pjattaforma fl-ajru joffri vantaġġi konsiderevoli lil tim ta' spezzjoni. Attwalment, is-sistema MSIR ma għandhiex il-kapaċità li tiġġenera data dwar it-terren iżda hija f'qagħda tajba biex tipprovdi din id-data permezz taż-żieda ta' strument tal-laser li jiskannja li jkejjel id-distanza. Strument bħal dan:

jippermetti l-ħolqien rapidu ta' data dwar l-elevazzjoni tal-wiċċ u tat-terren li tista' tidentifika karatteristiċi rilevanti għall-OSI oskurata bil-veġetazzjoni;

jiffaċilita l-korrezzjoni ta' data MSIR oħra u jiffaċilita l-ġenerazzjoni ta' prodotti tal-immaġni ortorettifikati;

jippermetti l-ġenerazzjoni ta' mudelli 3D biex il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan it-tim ta' spezzjoni tal-OSI u l-ippjanar tal-missjonijiet ta' sostenn ikunu ffaċilitati aktar.

Barra milli jaqdi s-sistema MSIR, strument bħal dan jista' jintuża wkoll bħala komponent awżiljarju tas-sistema tal-kejl tar-radjunuklidi biex jipprovdi data preċiża dwar il-qtugħ mill-art biex id-data dwar il-gamma miksuba waqt it-titjiriet li jgħaddu minn fuq tiġi kkorreġuta. Strument bħal dan ikun partikolarment ta' valur f'żona ta' altoriljiev (kif esperjenzat matul l-IFE14).

3.   Benefiċċji u Eżitu

Sistema aktar effiċjenti u effettiva ta' MSIR ser issaħħaħ ix-xogħol tal-ispetturi matul OSI. Konsegwentement, din tappoġġa l-politika tal-Unjoni u d-determinazzjoni tal-Unjoni biex is-CTBT jidħol fis-seħħ. Barra minn hekk il-proġett għandu l-kapaċità li jikkomplementa u jsaħħaħ aktar l-industrija tas-sensuri tal-ajru fl-Ewropa. Bosta kumpanniji fl-Unjoni jipprovdu prodotti f'dan il-qasam.

Intestatura 3: Komunikazzjoni u Tisħiħ tal-Kapaċitajiet fil-livell tal-Pajjiżi

Din l-intestatura tikkonsisti f' żewġ komponenti:

Komponent 1

:

Taħriġ u sessjonijiet ta' ħidma f'SEAPFE u MESA, il-Manteniment tas-Sistema tat-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet u l-Komunikazzjoni mal-Komunitajiet Xjentifiċi u dawk' Politiċi/Diplomatiċi

Komponent 2

:

Extended NDC-in-a-Box

Komponent 1: Taħriġ u sessjonijiet ta' ħidma f'SEAPFE u MESA, il-Manteniment tas-Sistema tat-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet u l-Komunikazzjoni mal-Komunitajiet Xjentifiċi u dawk Politiċi/Diplomatiċi

1.   Sfond

Il-PTS ħadem b'suċċess biex jibni l-kapaċità b'mod sistematiku għall-appoġġ ta' NDCs u utenti awtorizzati fir-reġjuni tal-Afrika, l-Amerika Latina u l-Karibew, l-Ewropa tal-Lvant, u partijiet tas-SEAPFE. Ir-riżultati pożittivi miksuba tjiebu ħafna permezz tal-appoġġ tal-Unjoni. L-estensjoni tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' din ix-xorta fil-livell tal-pajjiżi għal aktar pajjiżi fis-SEAPFE u għar-reġjuni tal-MESA tkun konsegwenza loġika. Barra minn hekk, is-sistemi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet installati f'għadd ta' pajjiżi (40 sistema, b'20 installazzjoni fi stadju ta' tħejjija) huma vitali biex tinżamm il-kapaċità, iżda ta' spiss isofru minn diffikultajiet tekniċi, ta' spiss minħabba kondizzjonijiet lokali ħorox, klimatiċi jew ta' infrastruttura. Xi grad ta' manutenzjoni ta' dawn is-sistemi huwa neċessarju biex jintlaħqu l-benefiċċji kollha tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-livell tal-pajjiżi. L-interazzjoni fil-livell ta' esperti mal-Kummissjoni Preparatorja hija mezz ewlieni biex jinżammu kemm l-appoġġ politiku għal, kif ukoll l-għarfien espert tekniku, fl-aspetti kollha tas-CTBT. Serje ta' konferenzi regolari u avvenimenti ta' komunikazzjoni akkademiċi, diplomatiċi u xjentifiċi (bħall-Konferenza biennali tas-CTBT dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija, Sessjonijiet ta' Ħidma u Konferenzi Reġjonali tas-CTBT, korsijiet tas-CTBT dwar il-Politika Pubblika u Sessjonijiet ta' Ħidma minn Xjenzati għal Xjenzati) servew biex tinbena u tinżamm il-fiduċja fir-reġim ta' verifika u biex tiġi enfasizzata l-importanza tas-CTBT bħala l-pedament tar-reġim globali ta' nonproliferazzjoni u d-diżarm. Dawn l-attivitajiet jipprovdu wkoll mezz utli biex jiġu involuti l-Istati inklużi fil-lista fl-Anness 2 għas-CTBT li ma rratifikawx it-Trattat bil-għan li jsir progress dwar id-dħul fis-seħħ tas-CTBT.

2.   Ambitu tal-proġett

Dan is-sottoproġett isaħħaħ l-isforzi preċedenti biex jinbnew kapaċitajiet tekniċi fil-livell tal-pajjiżi permezz tal-appoġġ għat-taħriġ u s-sessjonijiet ta' ħidma fir-reġjuni tas-SEAPFE u l-MESA biex jippromwovu l-parteċipazzjoni effettiva fis-CTBT ta' pajjiżi f'dawk ir-reġjuni. Qed issir enfasi speċjali fuq it-taħriġ għal analisti ta' radjunuklidi bbażat fuq is-software miżjud fl-2013 fl-NDC-in-a-box. Dawn iż-żewġ reġjuni ser jirċievu l-attenzjoni xierqa meta jintgħażlu l-benefiċjarji taħt l-attivitajiet inklużi fid-disa' proġett dwar is-software extended NDC-in-a-box u l-element ewlieni tiegħu, is-SeisComp3. Wieħed mill-objettivi prinċipali ta' dan huwa li l-Istati Firmatarji tas-CTBT jiġu appoġġati fl-integrazzjoni tal-ipproċessar tal-IMS ma' netwerks sismiċi nazzjonali u reġjonali u fl-inkorporazzjoni tal-operazzjonijiet normali ta' rutina bħall-monitoraġġ tal-perikli sismiċi lokali u reġjonali mal-monitoraġġ tal-isplużjonijiet nukleari mill-istabbilimenti li jospitaw lin-NDCs. Ser jiġu mfittxija rabtiet maż-żewġ sottoproġetti l-oħra taħt din il-proposta, pereżempju permezz tal-użu ta' materjali xierqa komuni fit-taħriġ u s-sessjonijiet ta' ħidma u l-ġbir tal-lezzjonijiet meħuda fil-livell tal-pajjiż.

Ser jingħata appoġġ tekniku ta' rimedju għas-sistemi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet li huma effettivament użati fil-livell tal-pajjiż iżda li jfallu minħabba ostakoli tekniċi minuri, inkluż l-iżgurar ta' aċċessibbiltà xierqa għall-Internet.

Dan is-sottoproġett ser iżid ukoll is-sensibilizzazzjoni u l-intendiment tas-CTBT fil-komunità akkademika u fost il-professjonisti tal-politika u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, b'mod partikolari fl-Istati inklużi fil-lista fl-Anness 2 għas-CTBT iżda li ma rratifikawx is-CTBT, billi jiġu offruti korsijiet u programmi ta' taħriġ dwar kwistjonijiet tas-CTBT, b'mod partikolari dwar l-aspetti xjentifiċi u tekniċi tas-CTBT. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-Istati inklużi fil-lista fl-Anness 2 iżda li ma rratifikawx is-CTBT ser ikunu fil-mira b'mod speċifiku, f'konformità mal-istrateġiji tal-PTS għad-dħul fis-seħħ u l-universalizzazzjoni tas-CTBT.

3.   Benefiċċji u Eżitu

L-attivitajiet huma f'konformità mal-objettivi tal-Unjoni fil-promozzjoni tas-sigurtà globali mtejba billi tiżdied is-sensibilizzazzjoni u l-intendiment tas-CTBT u tappoġġa l-Pożizzjoni Komuni 2003/805/PESK u permezz tal-komunikazzjoni intensifikata mal-Istati inklużi fil-lista fl-Anness 2 għas-CTBT, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-livell tal-pajjiżi, inkluż permezz tal-aċċettazzjoni fir-reġjuni tas-SEAPFE u l-MESA.

Komponent 2: Extended NDC-in-a-Box

1.   Sfond

Fl-2013, il-Kummissjoni Preparatorja impenjat ruħha fi sforz biex tespandi l-offerta attwali tagħha tal-NDC-in-a-Box b'software addizzjonali, li jippermetti lill-utenti biex jgħaqqdu flimkien b'mod aktar faċli data min-network tal-IMS ma' data minn stazzjonijiet lokali u nazzjonali kif ukoll biex ittejjeb b'mod sinifikanti l-kapaċità tal-ipproċessar tal-NDC. Bħala parti minn dan l-isforz, f'Diċembru 2013 ġie ffirmat ftehim tal-liċenzja mal-Helmholtz-Centre Potsdam GFZ, Ċentru tar-Riċerka tal-Ġeoxjenzi fil-Ġermanja, li jippermetti lill-Kummissjoni Preparatorja biex tqassam is-software SeisComp3 bħala parti mill-offerta tal-NDC-in-a-Box lill-utenti awtorizzati tagħha għall-finijiet tal-IMS. Il-ħidma fuq l-iżvilupp tas-software għall-ewwel rilaxx tal-Extended NDC-in-a-Box lill-Utenti li jwettqu Testijiet Alpha issa tlestiet u l-ittestjar mill-NDCs għadu għaddej. Il-qafas tal-extended NDC-in-a-box ġie diskuss, ir-rekwiżiti ġew irfinuti u meqjusa aċċettabbli mir-rappreżentanti tal-NDC matul is-sessjonijiet ta' DPSS tas-sessjoni ta' ħidma tal-NDC 2014 li saret fi Vjenna (12 sas-16 ta' Mejju). Fi tmiem il-proġett, l-istess rappreżentanti tal-NDC, li jaġixxu bħala Utenti li jwettqu Testijiet Alpha, ser ikollhom l-opportunità li jittestjaw id-distribuzzjoni tas-software il-ġdid fuq is-siti tagħhom. L-interess fid-definizzjoni u l-ittestjar tar-rekwiżiti mill-Istati Membri tas-CTBTO kien impressjonanti minkejja r-rekwiżiti taż-żmien u t-tagħmir imposti fuq ir-rappreżentanti tal-NDC li jieħdu sehem fil-proġett.

2.   Ambitu tal-proġett

Dan is-sottoproġett ser jikkonsolida wkoll l-Extended NDC-in-a-Box il-ġdid biex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni tiegħu fost l-NDCs filwaqt li tiġi żgurata l-konsistenza mat-tfassil mill-ġdid tas-software tal-IDC. Dan jikkonsisti fil-komponenti li ġejjin: (a) -l-indirizzar tar-rispons li jasal matul l-ittestjat tal-alpha billi l-problemi identifikati jiġu solvuti u billi jsir titjib żgħir fis-software kif mitlub mill-Utenti li jwettqu Testijiet Alpha. Ir-riżultat ta' din il-ħidma għandu jkun l-ewwel rilaxx uffiċjali tad-distribuzzjoni tal-Extended NDC-in-a-Box; u (b) l-indirizzar tal-ħtiġijiet ta' taħriġ fost l-NDCs, b'mod partikolari għall-għodod li għadhom kif ġew żviluppati li ser jiġu inklużi fl-Extended NDC-in-a-Box, u għall-pakkett tas-SeisComp3. Dan ser jinkiseb permezz ta' żewġ korsijiet ta' taħriġ għal speċjalisti li janalizzaw il-forma tal-mewġ u żewġ korsijiet ta' taħriġ iddedikati għas-SeisComp3 kif ukoll permezz ta' missjonijiet ta' Esperti fuq il-post għal NDCs li għandhom bżonn appoġġ fuq il-post.

3.   Benefiċċji u Eżitu

L-attivitajiet huma f'konformità mal-objettivi tal-Unjoni billi jippromwovu s-sigurtà globali mtejba permezz tas-sensibilizzazzjoni u l-intendiment tas-CTBT u permezz tal-komunikazzjoni intensifikata mal-Istati inklużi fil-lista fl-Anness 2 għas-CTBT, tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-livell tal-pajjiżi, inkluż il-manteniment tas-sistemi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet kif ukoll ta' adozzjoni aktar estiża tas-software NDC-in-a-Box.

III.   DURATA

Id-durata totali stmata għall-implimentazzjoni tal-proġetti hija ta' 24 xahar.

IV.   BENEFIĊJARJI

Il-benefiċjarji tal-proġetti li għandhom jiġu appoġġati skont din id-Deċiżjoni huma l-Istati Firmatarji kollha tas-CTBT, kif ukoll il-Kummissjoni Preparatorja.

V.   ENTITÀ IMPLIMENTATTIVA

Il-Kummissjoni Preparatorja ser tiġi fdata bl-implementazzjoni teknika tal-proġetti. Il-proġetti ser jiġu implementati direttament mill-persunal tal-Kummissjoni Preparatorja, mill-esperti mill-Istati Firmatarji tas-CTBT u mill-kuntratturi. Huwa previst li l-finanzjament ser jintuża biex jiġi kkuntrattat konsulent għall-ġestjoni tal-proġetti li ser ikun responsabbli biex: jassisti lill-Kummissjoni Preparatorja fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, tal-obbligi tar-rappurtar matul il-perijodu sħiħ ta' implimentazzjoni, inkluż ir-rapport narrattiv finali u r-rapport finanzjarju finali; iżomm arkivju tad-dokumenti kollha relatati ma' din id-Deċiżjoni, speċjalment fid-dawl ta' missjonijiet ta' verifika possibbli; jiżgura l-viżibbiltà tal-Unjoni fl-aspetti kollha tagħha; jiżgura li l-attivitajiet kollha li jinvolvu l-finanzi, il-liġi u l-akkwist ikunu konformi mal-ftehim ta' finanzjament, imsemmi fl-Artikolu 3(3) ta' din id-Deċiżjoni; u jiżgura li l-informazzjoni kollha, inkluża informazzjoni baġitarja, tkun kompleta, preċiża u pprovduta f'waqtha.

L-implimentazzjoni tal-proġetti ser tkun f'konformità mal-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv (FQFA) u l-ftehim ta' finanzjament, imsemmi fl-Artikolu 3(3) ta' din id-Deċiżjoni, li għandu jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissjoni Preparatorja.

VI.   PARTEĊIPANTI TERZI

L-esperti mill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO u mill-Istati Firmatarji tas-CTBT jistgħu jitqiesu bħala parteċipanti terzi. Huma ser jaħdmu skont ir-regoli ta' ħidma standard għall-esperti tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO.