25.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 250/18


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1583

tal-4 ta' Awwissu 2014

dwar l-iskema ta' Għajnuna SA.18859 (11/C) (ex 65/10 NN) implimentata mir-Renju Unit — Għajnuna mill-Imposta fuq l-Aggregat fl-Irlanda ta' Fuq (ex N 2/2004)

(notifikata bid-dokument C(2014) 5466)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (1), u wara li qieset il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Ir-Renju Unit innotifika lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tiegħu li jintroduċi eżenzjoni mit-taxxa fl-Irlanda ta' Fuq, applikata għal aggregat mhux ipproċessat estratt fl-Irlanda ta' Fuq u sfruttat kummerċjalment hemmhekk u għal prodotti pproċessati minn aggregati mhux ipproċessati estratti fl-Irlanda ta' Fuq sfruttati kummerċjalment hemm minn imposta fuq l-aggregati stabbilita fir-Renju Unit (il-“miżura”) permezz ta' ittra tal-5 ta' Jannar 2004, irreġistrata fid-9 ta' Jannar 2004.

(2)

Il-miżura ġiet notifikata bħala modifika tal-eżenzjoni oriġinali mill-Imposta tal-Aggregati fl-Irlanda ta' Fuq (2) li kienet approvata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha tal-24 ta' April 2002 fil-każ N863/01 (3) (id-Deċiżjoni N863/01).

(3)

Fis-7 ta' Mejju 2004, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni “mingħajr l-ebda oġġezzjoni” rigward il-miżura (4) (id-Deċiżjoni tas-7 ta' Mejju 2004).

(4)

Fit-30 ta' Awwissu, l-Assoċazzjoni ta' Aggregati Brittanika, Healy Bros. Ltd u David K. Trotter & Sons Ltd newdew appell kontra d-Deċiżjoni tas-7 ta' Mejju 2004 (l-azzjoni kienet irreġistrata taħt il-Każ T-359/04).

(5)

Fid-9 ta' Settembru 2010, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tas-7 ta' Mejju 2004 (5). Skont din is-sentenza, il-Kummissjoni ma kellhiex dritt tadotta legalment id-Deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet minħabba li ma kinitx eżaminat il-kwistjoni tal-possibbiltà ta' diskriminazzjoni fiskali bejn il-prodotti domestiċi fil-kwistjoni u l-prodotti importati li joriġinaw mill-Irlanda. Il-Kummissjoni ma appellatx din is-sentenza.

(6)

Fil-15 ta' Diċembru 2010 u fil-21 ta' Diċembru 2011, ir-Renju Unit ippreżenta informazzjoni addizzjonali li tikkonċerna l-miżura, inklużi dokumenti li jikkonċernaw is-sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-miżura mill-1 ta' Diċembru 2010 bir-revoka tar-Regolament tal-2004 tal-Imposta tal-Aggregat (Kreditu tat-Taxxa għall-Irlanda ta' Fuq) (S.I. 2004/1959)].

(7)

Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali permezz ta' ittra tat-2 ta' Frar 2011. Ir-Renju Unit ippreżenta informazzjoni ulterjuri permezz ta' ittri tas-7 ta' Marzu 2011 u tal-10 ta' Ġunju 2011.

(8)

Permezz ta' ittra datata t-13 ta' Lulju 2011, il-Kummissjoni nfurmat lir-Renju Unit li hija kienet iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward tal-għajnuna.

(9)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (6) (id-'Deċiżjoni ta' Ftuħ'). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna.

(10)

Il-Kummissjoni rċeviet żewġ kummenti mingħand partijiet interessati, it-tnejn li huma fit-23 ta' Settembru 2011. Hija bagħtithom lir-Renju Unit fl-10 ta' Novembru 2011, li ngħata l-opportunità li jirreaġixxi; il-kummenti tar-Renju Uniti waslu permezz ta' ittra datata l-25 ta' Novembru 2011.

(11)

Ir-Renju Unit issottometta aktar informazzjoni fis-17 ta' Settembru 2012 u fl-10 ta' Ottubru 2012. Il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni fit-23 ta' Jannar 2014 u fis-7 ta' Frar 2014, li r-Renju Unit ipprovda fl-1 ta' April 2014 u rispettivament fl-4 ta' Ġunju 2014.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA

2.1.   L-Imposta fuq l-Aggregat

(12)

L-Imposta fuq l-Aggregat (l-“AGL”) hija taxxa ambjentali fuq l-isfruttar kummerċjali ta' aggregati u hija applikata għall-ġebel, ramel jew żrar. Hija kienet introdotta mir-Renju Unit b'effett mill-1 ta' April 2002 għal finijiet ambjentali sabiex jiġi massimizzat l-użu ta' aggregat riċiklat u alternattivi oħrajn għal aggregat mhux ipproċessat u għall-promozzjoni tal-estrazzjoni effiċjenti u għall-użu ta' aggregat mhux ipproċessat, li huwa riżorsa naturali mhux rinnovabbli. L-ispejjeż ambjentali mill-estrazzjoni tal-aggregat li qed jiġi indirizzat permezz tal-AGL jinkludu fastidju minħabba l-istorbju, it-trabijiet, it-theddida għall-bijodiversità u d-degradazzjonijiet viżivi.

(13)

L-AGL hija applikata għal aggregat mhux ipproċessat estratt fir-Renju Unit u għall-aggregat pur importat fl-ewwel użu jew bejgħ tiegħu fir-Renju Unit (7). Ir-rata fiż-żmien tan-notifika oriġinali kienet ta' GBP 1,60 għal kull tunnellata (8). L-AGL hija applikata wkoll għall-isfruttar kummerċjali tal-aggregat pur użat fil-manifattura ta' prodotti pproċessati. Ma tapplikax għall-aggregat ipproċessat u riċiklat u aggregat pur esportat mir-Renju Unit.

2.2.   L-eżenzjoni oriġinali mill-AGL fl-Irlanda ta' Fuq

(14)

Fid-Deċiżjoni tagħha N863/01, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-introduzzjoni progressiva tal-AGL fl-Irlanda ta' Fuq kienet kompatibbli mad-dispożizzjonijiet fit-Taqsima E.3.2 tal-Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent (9) (“il-Linji gwida tal-2001 dwar l-Għajnuna Ambjentali”). L-għajnuna approvata kienet tikkonsisti fi skema digressiva ta' eżenzjoni mit-taxxa ta' ħames snin, li bdiet fl-2002 u spiċċat fl-2007. L-eżenzjoni mill-AGL oriġinali fl-Irlanda ta' Fuq kienet tkopri biss l-isfruttar kummerċjali tal-aggregat użat fil-manifattura ta' prodotti pproċessati.

2.3.   L-eżenzjoni mill-AGL modifikata fl-Irlanda ta' Fuq

(15)

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna esklussivament l-eżenzjoni mill-AGL modifikata fl-Irlanda ta' Fuq, li kienet applikata għal aggregat mhux ipproċessat estratt fl-Irlanda ta' Fuq u sfruttat kummerċjalment hemmhekk u għal prodotti pproċessati minn aggregat mhux ipproċessat estratt fl-Irlanda ta' Fuq sfruttat kummerċjalment hemmhekk.

2.3.1.   Modifika

(16)

Kif spjegat fil-premessi 12 sa 14 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, ir-Renju Unit qies li ċ-ċirkostanzi speċjali fl-Irlanda ta' Fuq talbu għal estensjoni tal-qasam ta' applikazzjoni tal-eżenzjoni mill-AGL fl-Irlanda ta' Fuq.

(17)

L-iskema ta' eżenzjoni oriġinali (introduzzjoni f'fażijiet ta' AGL) ġiet modifikata. L-eżenzjoni applikata għat-tipi kollha tal-aggregat pur, jiġifieri mhux biss għall-aggregat użat fil-manifattura ta' prodotti proċessati, kif kien il-każ għal eżenzjoni oriġinali fid-Deċiżjoni N863/01, iżda wkoll għal aggregat pur użat direttament fl-istat nej (10).

(18)

L-eżenzjoni ġiet stabbilita għal 80 % tal-livell tal-AGL dovut, u kienet maħsuba bħala arranġament tranżitorju. Daħlet fis-seħħ fl-1 ta' April 2004 u kellha tkompli sal-31 ta' Marzu 2011 (jiġifieri disa' snin mill-bidu tal-AGL, fl-1 ta' April 2002).

(19)

L-iskema ta' eżenzjoni ġiet sospiża fl-1 ta' Diċembru 2010.

2.3.2.   Ftehimiet ambjentali

(20)

Sabiex jintlaħqu l-objettivi ambjentali b'mod aktar effettiv, ir-Renju Unit għamel l-eżenzjoni bil-kondizzjoni li r-rikorrenti formalment josservaw il-ftehimiet innegozjati mar-Renju Unit, bl-impenn tar-rikorrenti għal programm ta' titjib fil-prestazzjoni ambjentali matul iż-żmien tal-eżenzjoni.

(21)

Il-kriterji ewlenin għad-dħul fl-iskema kienu li:

(a)

il-permessa/i ta' ppjanar rekwiżita/i u permessi ambjentali regolatorji, eċċ. kellhom ikunu stabbiliti għal kull sit eliġibbli; kif ukoll

(b)

l-operatur tas-sit kien meħtieġ li “jirreġistra” għal reġim ta' awditjar ambjentali. L-ewwel awditu kellu jiġi kkummissjonat u ppreżentat fi żmien 12-il xahar mid-data ta' dħul għall-iskema u aġġornat kull sentejn, minn hemm 'il quddiem.

(22)

Kull ftehim ġie mfassal individwalment skont iċ-ċirkustanzi tal-barriera, filwaqt li jitqiesu, pereżempju, l-istandards attwali u lok għal titjib. L-oqsma ta' prestazzjoni koperti kienu: il-kwalità tal-arja; l-arkeoloġija u l-ġeodiversità; il-bijodiversità, l-isplużjonijiet; ir-responsabbiltà tal-Komunità; it-trab; l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; l-ilma ta' taħt l-art; il-pajsaġġ u l-fastidju viżiv; il-ħsejjes; il-ħżin u t-trattament taż-żejt u tal-kimika; ir-restawr u l-kura ta' wara; l-użu ta' alternattivi għal aggregat primarju; l-ilma tal-wiċċ; l-effetti barra mis-sit ta' trasport; u l-immaniġġar tal-iskart.

(23)

Id-Dipartiment tal-Ambjent fl-Irlanda ta' Fuq kien responsabbli għall-monitoraġġ ta' dawk il-ftehimiet, u l-eżenzjoni ġiet irtirata għal dawk il-kumpaniji li għandhom nuqqasijiet sinifikanti.

2.3.3.   L-ispejjeż tal-produzzjoni tal-aggregat, il-prezz tal-bejgħ u l-elastiċità tal-prezzijiet tad-domanda

(24)

Fir-rigward l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-aggregat, ir-Renju Unit spjega li dawn ivarjaw b'mod sinifikanti minn barriera għall-barriera u li l-istess ikun validu għall-prezzijiet (11). Il-prezz medju tal-bejgħ ex barriera għal klassijiet differenti ta' aggregat ġie miġbur fit-Tabella 1 (12). Il-marġnijiet ta' profitt kienu għal darb'oħra varjabbli, iżda l-industrija stmat li 2 % sa 5 % kien livell tipiku.

Tabella 1

Prezz tal-bejgħ

It-tip ta' blat

Il-prezz ex-quarry qabel it-taxxa (GBP/tunnellata)

Bażalt

4,21

Ġebel imrammel

4,37

Ġebla tal-ġir

3,72

Ramel & żrar

4,80

Oħrajn

5,57

Prezz medju peżat

4,42

(25)

Wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, ir-Renju Unit ipprovda aktar informazzjoni fir-rigward tal-ispejjeż ta' produzzjoni tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq u l-Gran Brittanja. Hemm spejjeż ogħla tal-elettriku u għall-permess tal-ippjanar fl-Irlanda ta' Fuq meta mqabbla mal-Gran Brittanja. L-ispejjeż tal-elettriku ta' impriża ta' daqs żgħir/medju fl-Irlanda ta' fuq huma f'medja ta' madwar 14p/kWh u 11p/kWh għal ditti ta' daqs simili fir-Renju Unit kollu. Konsumaturi kbar u kbar ħafna tal-elettriku fl-Irlanda ta' Fuq se jħallsu, fuq medja, 10p/kWh, meta mqabbla ma' 8p/kWh fir-Renju Unit kollu. L-istimi pprovduti mill-industrija jissuġġerixxu li l-ispejjeż tal-elettriku u tal-fjuwil se jikkostitwixxu bejn 30-46p għal kull tunnellata ta' aggregat li jkun prodott. Barra minn hekk, il-barrieri tal-Irlanda ta' Fuq jiffaċċjaw spejjeż tal-ippjanar akbar b'mod sinifikanti mill-kontrapartijiet tagħhom fil-Gran Brittanja u r-Repubblika tal-Irlanda. Ir-Renju Unit ipprovda tqabbil bejn l-ispejjeż bħala sostenn ta' dik id-dikjarazzjoni.

(26)

Fir-rigward, b'mod ġenerali, id-differenza fil-livelli ta' prezzijiet bejn l-Irlanda ta' Fuq u l-Gran Brittanja, ir-Renju Unit kien spjega li l-fornituri fl-Irlanda ta' Fuq qatt ma kienu kapaċi jimponu l-istess prezz bħal fil-Gran Brittanja. Ir-Renju Unit kien wera dan bħala l-medja tal-prezzijiet tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq u l-Gran Brittanja bejn l-2001 u l-2008. L-imposta bir-rata sħiħa kienet għalhekk tkun tirrapprenżenta proporzjon akbar tal-prezz tal-bejgħ f'suq diġà soppress. Din l-inabilità storika li l-ispejjeż jiġu mgħoddija lill-konsumaturi ilha fattur sinifikanti f'nuqqas ta' investiment f'titjib ambjentali u hija ġġustifikata fatturi ekonomiċi (frammentazzjoni tas-suq) u fatturi ġeoloġiċi.

(27)

Wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, ir-Renju Unit ipprovda aktar informazzjoni dettaljata b'kunsiderazzjoni tal-medja totali tal-prezzijiet. Milli jidher, ħlief fil-każ ta' materjal aggregat speċjalist ta' valur kbir, ma jagħmilx sens ekonomiku li tittrasporta aggregat mill-Irlanda ta' Fuq lejn il-Gran Brittanja jew saħansitra fil-Gran Brittanja mill-Iskozja, pereżempju, għall-użu f'Londra. It-Tabella 2 turi l-prezzijiet medji ex-quarry fl-Irlanda ta' Fuq u fil-Gran Brittanja bejn l-2006 u l-2011, fil-każ tal-Irlanda ta' Fuq, u fl-2012 fil-każ tal-Gran Brittanja.

Tabella 2  (13)

Medja tal-prezzijiet ex-quarry

Is-sena

Il-prezz għal kull tunnellata fl-Irlanda ta' Fuq (GBP)

Il-prezz għal kull tunnellata fil-Gran Brittanja (GBP)

 

Ramel u Żrar

Blat Imfarrak

Ramel u Żrar

Blat Imfarrak

2006

3,81

3,60

9,18

7,34

2007

4,68

4,07

9,08

7,01

2008

3,74

4,84

10,05

8,11

2009

4,80

4,30

10,04

8,03

2010

3,38

4,25

10,47

7,90

2011

2,93

4,30

10,70

7,77

2012

 

 

10,02

8,28

(28)

Aktar informazzjoni dettaljata rigward il-prezzijiet li jikkonverġu f'konklużjoni waħda fir-Renju Unit kienet irrappurtata fil-passat (premessa 26), jiġifieri li l-AGL bir-rata sħiħa jkollha għalhekk tirrappreżenta proporzjon ħafna akbar tal-prezz tal-bejgħ f'suq diġà soppress. Id-dejta turi li ramel u żrar jew ġebel imfarrak ta' materjal aggregat mill-Irlanda ta' Fuq ma jkunux kapaċi jikkompetu ma' prezzijiet medji fil-Gran Brittanja ladarba l-ispejjeż GBP […] (*) għal kull tunnellata ta' trasport fuq bil-baħar ikunu kkunsidrati. Dan il-prezz baxx ta' aggregat b'mod ġenerali jipprojbixxi l-bejgħ tiegħu fi swieq imbiegħda kif, anki għal […] GBP għal kull tunnellata, vjaġġ ta' […] mil iżid kważi […] % tal-prezz ex-quarry. Huwa probabbli li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eqreb barriera se tkun tista' toffri prezz aktar kompetittiv.

(29)

Fir-rigward tal-elastiċità tal-prezz tad-domanda, ir-Renju Unit kien spjega, li l-elastiċità tal-prezz tad-domanda għal aggregat ivarja minn 0,2 sa 0,5. L-eżaminazzjoni tar-Renju Unit ta' kwantità ta' aggregat u dejta dwar il-prezzijiet għal Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq issuġġeriet li għal ħafna tipi ta' aggregat l-elastiċità tal-prezz kienet tvarja minn kważi xejn għal madwar 0,52. Wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, ir-Renju Unit wera li l-istimi dwar l-elastiċità tal-prezz tad-domanda għall-art prinċipali tar-Renju Unit ma jistgħux jiġu applikati għall-Irlanda ta' Fuq minħabba d-differenzi bejn iż-żewġ swieq. Għalhekk, iċ-ċifri prodotti inizjalment ma humiex rilevanti għas-suq tal-Irlanda ta' Fuq. Ir-Renju Unit indika li ppruva jiddetermina l-elastiċità applikabbli biss għall-Irlanda ta' Fuq, iżda li d-dejta rilevanti għall-kalkolu kienet nieqsa.

(30)

Wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, ir-Renju Unit ipprovda informazzjoni li turi kif id-differenzi fil-prezzijiet taffettwa d-domanda fis-suq tal-Irlanda ta' Fuq. L-informazzjoni waslet għal tali finijiet minn erba' mill-ħames l-akbar kumpaniji fis-settur tal-isfruttar tal-barrieri fl-Irlanda ta' Fuq. Minħabba li l-ispejjeż tat-trasportazzjoni għandhom it-tendenza li jillimitaw s-suq li fih il-barrieri jistgħu jbiegħu l-prodotti tagħhom bi prezzijiet kompetittivi, kienet diffiċli biex tiġi stabbilita korrelazzjoni diretta bejn il-prezzijiet u l-ishma tas-suq. It-talba u s-sehem tas-suq huma aktar probabbli li jirreaġixxu għall-bidu jew it-tlestija ta' proġetti kbar ta' kostruzzjoni fiż-żona lokali milli minn differenzi fil-prezz man-nazzjon. Barra minn hekk, dawk il-kumpaniji li jkollhom l-akbar sehem tas-suq fl-Irlanda ta' Fuq ukoll xi drabi jbiegħu prodotti speċjalizzati ta' kwalità ogħla, b'hekk paragun bejn il-produtturi għad-determinazzjoni ta' tendenza tas-suq ma jkunx korrett. Madanakollu, ir-Renju Unit juri li d-differenzi fil-prezz jaffetwaw id-domanda, iżda pjuttost fuq bażi aktar lokali. Kumpaniji li joperaw qrib il-fruntiera mar-Repubblika tal-Irlanda, jiġifieri bejn wieħed u ieħor fi 23 mil mill-fruntiera, urew li huma esperjenzaw tnaqqis sinifikanti fil-bejgħ meta huma jżidu l-prezzijiet tagħhom. Ġiet ipprovduta dejta speċifika fir-rigward ta' […] u […]. It-Tabella 3 turi l-impatt tal-bidliet tal-prezzijiet fi […] u […] […] il-post bejn l-2009 u l-2013 turi tnaqqis sinifikanti fil-volumi ta' bejgħ u dħul wara t-tneħħija tas-sospensjoni tal-eżenzjoni fl-2010. Meta tipprova tgħaddi t-taxxa b'mod sħiħ, […] u […] […] is-sit tilef […] % tal-bejgħ tiegħu — tnaqqis sinifikanti.

Tabella 3

L-impatt tal-bidliet tal-prezzijiet fi […] u […] […] il-post bejn l-2009 u l-2013

Is-sena

Tunnellati

Bejgħ

Il-prezz medju

2009

(…)

(…)

(…)

2010

(…)

(…)

(…)

2011

(…)

(…)

(…)

2012

(…)

(…)

(…)

2013

(…)

(…)

(…)

(31)

Siti ta' prodotti pproċessati qrib il-fruntiera mar-Repubblika tal-Irlanda wkoll esperjenzaw tnaqqis sinifikanti tal-bejgħ tagħhom meta jippruvaw jgħaddu l-ispejjeż ta' imposta fuq l-aggregat b'mod sħiħ. Pereżempju, […] […] f' […], li huwa biss mil mill-fruntiera, ra l-produzzjoni tiegħu tonqos minn […] m3 fl-2005 għal biss […] m3 fl-2013, wara żieda fil-prezzijiet tal-materjali tiegħu.

(32)

Barra minn hekk, ir-Renju Unit ipprovda informazzjoni li turi l-evoluzzjoni tal-infrastruttura u ħidma oħra tas-settur pubbliku bejn l-2000 u l-2012. L-evoluzzjoni turi żieda fil-produzzjoni ta' xogħol pubbliku fil-perjodu bejn l-2007 u l-2009 segwita bi tnaqqis u żieda żgħira fl-2012. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li x-xogħlijiet ta' kostruzzjoni b'mod ġenerali ġew influwenzati mir-riċessjoni ekonomika, għalhekk, xejriet bħal dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati fuq bażi awtonoma minħabba li dawn jistgħu jkunu minħabba l-ambjent ekonomiku u xejriet fis-suq tal-kostruzzjoni.

(33)

Ir-Renju Unit ipprovda ukoll il-prezzijiet tal-offerti għall-perjodu 2007 sa 2013 għal aggregati mixtrija mid-Dipartiment ta' Akkwist tat-Toroq tal-Irlanda ta' Fuq (Tabella 4) inklużi l-ispejjeż tat-trasport lejn l-impjanti tad-Dipartiment tat-Toroq lokali. Id-dejta turi b'mod ċar li wara l-2010, meta ġiet sospiża l-eżenzjoni tal-AGL, il-prezzijiet jew naqsu, xi drabi b'mod drammatiku, jew żdiedu bi ftit, iżda ħafna inqas mill-ammont tar-rata sħiħa tal-AGL, GBP 1,95. Dan juri li anke fir-rigward tal-bejgħ pubbliku, il-produtturi tal-aggregat tal-Irlanda ta' Fuq ma setgħux jgħaddu l-AGL lill-klijenti tagħhom. Dan huwa aktar evidenti hekk kif is-settur pubbliku huwa inqas probabbli li jiġi milqut mill-kriżi ekonomika u xogħol ta' kostruzzjoni tas-settur pubbliku, bħal dik imwettqa mid-dipartiment tat-toroq, żied is-sehem tiegħu mir-rata globali fid-domanda għal aggregati.

Tabella 4

Il-prezzijiet tal-offerta għall-perjodu 2007 sa 2013 għal aggregati mixtrija mid-Dipartiment ta' Akkwist tat-Toroq tal-Irlanda ta' Fuq

Is-sena

10 mm żrar (GBP)

Ramel għall-konkrit (GBP)

Ġebel tat-tip 3 (GBP)

2007

8,43

9,52

4,67

2008

8,49

9,52

4,70

2009

(…)

(…)

(…)

2010

(…)

(…)

(…)

2011

(…)

(…)

(…)

2012

(…)

(…)

(…)

2013

(…)

(…)

(…)

2.3.4.   Is-Suq tal-Aggregat tal-Irlanda

(34)

Billi l-barrieri tal-Irlanda ta' Fuq biss ibbenefikaw mill-iskema ta' eżenzjoni tal-AGL u mhux il-bqija tar-Renju Unit, ir-Renju Unit ipprovda informazzjoni dwar għaliex is-suq tal-aggregat tal-Irlanda ta' Fuq huwa suq ġeografiku differenti minn dak tas-suq ġenerali tar-Renju Unit u fejn jinsabu d-differenzi.

(35)

Ir-Renju Unit juri li s-swieq tal-aggregati fl-Irlanda ta' Fuq u fil-Gran Brittanja huma separati u distinti minn xulxin, bi ftit li xejn interazzjoni. Is-suq tal-aggregat għandu t-tendenza li jkun ta' natura lokali minħabba l-ispejjeż relattivament għoljin għat-trasportazzjoni ta' materjal fir-rigward il-prezzijiet tal-bejgħ tiegħu. Bl-użu ta' dejta disponibbli mid-Dipartiment għat-Trasport, ir-Renju Unit ikkalkula li l-ispiża medja tat-trasportazzjoni bit-triq ta' tunnellata ta' aggregat jammonta għal GBP 0,855 kull tunnellata għal kull mil. Dan il-prezz baxx ta' prodotti tal-aggregat ifisser li vjaġġi twal se jwasslu biex prodotti aggregati jkunu inqas kompetittivi mill-materjali li jinkiseb minn barrieri li huma aktar lokali lill-klijent. Barra minn hekk, esportaturi ta' materjal aggregat stmaw li l-ispiża tat-trasport bil-baħar aggregat bejn l-Irlanda ta' Fuq u l-Gran Brittanja tkun madwar GBP […] għal kull tunnellata. Il-ġarr bil-baħar imbagħad jiġi supplimentat bil-ġarr bit-triq meħtieġ mill-barriera għall-port u mill-mollijiet tal-wasla għall-post tal-użu. Ir-Renju Unit ikompli juri li t-trasport ta' aggregat bejn iż-żewġ reġjuni mhuwiex ekonomiku ħlief fil-każ ta' ġebel ikkulurit aktar speċjalizzat jew materjal aggregat bi prezz ogħla. Huwa stmat li anke għal dawk il-materjali, x'aktarx li jkun hemm aktar GBP […] — […] għal kull tunnellata fl-ispiża tat-trasport bit-triq tal-merkanzija minn moll fil-Gran Brittanja sal-eqreb impjant ta' taħlit tal-asfalt.

(36)

Il-provvista ta' aggregat tjvarja ħafna bejn l-Irlanda ta' Fuq u l-Gran Brittanja minħabba kemm id-disponibbiltà ta' materjali u l-għadd ta' kumpaniji operattivi differenti ta' barrieri. Minħabba n-natura ġeoloġika tagħha, l-Irlanda ta' Fuq tgawdi mill-aktar varjetà wiesa' ta' tipi ta' blat ta' kwalunkwe daqs komparabbli fir-reġjun tar-Renju Unit. Il-barrieri huma relattivament mifruxa b'mod ugwali madwar l-Irlanda ta' Fuq. Filwaqt li pajjiżi differenti għandhom depożiti akbar ta' ċerti tipi ta' blat, ġebel imfarrak aggregat huma kważi interkambjabbli, jiżguraw abbundanza ta' blat tajbin għal użu bħala aggregatt fiż-żona kollha. Għall-kuntrarju, l-Ingilterra m'għandhiex l-istess varjetà ġeoloġika. Minħabba d-depożiti diversi u rikki ta' blat, mifruxin b'mod uniformi madwar il-pajjiż u qrib is-swieq ewlenin kollha, l-Irlanda ta' Fuq għandha forniment ferm akbar ta' prodotti interkambjabbli mis-suq fil-Gran Brittanja. Li jwassal għal livelli ogħla ta' kompetizzjoni fl-Irlanda ta' Fuq u jnaqqas il-marġnijiet tal-produtturi tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq sabiex iżidu l-prezzijiet tagħhom.

(37)

Kif indikat mir-Renju Unit, fejn proporzjon ferm akbar ta' barrieri indipendenti u n-numru ogħla ta' barrieri għal kull mil kwadru fl-Irlanda aggregat jiżgura wkoll aktar kompetizzjoni fost il-fornituri. Fil-Gran Brittanja, 'il fuq minn 75 % tal-aggregati kollha huma pprovduti mill-ħames akbar kumpaniji (14). B'kuntrast, l-aqwa ħames kumpaniji fl-Irlanda ta' Fuq jirrappreżentaw biss madwar 39 % tal-produzzjoni globali totali tal-aggregat hemmhekk.

(38)

Ir-Renju Unit juri li ż-żewġ swieq huma kkaratterizzati minn xejriet tad-domanda differenti hekk kif it-tnaqqis fid-domanda għal aggregati matul u mit-tnaqqis ekonomiku kien ferm akbar fl-Irlanda ta' Fuq milli fil-Gran Brittanja. Barra minn hekk, hekk kif tonqos il-produzzjoni tal-kostruzzjoni u d-domanda għall-aggregati, tintensifika l-kompetizzjoni fost l-operaturi ta' barrieri għall-bqija tad-domanda.

(39)

L-Irlanda ta' Fuq għandha aktar volontà lejn operazzjonijiet awtonomi, b'integrazzjoni vertikali bejn il-produzzjoni tal-aggregati, ta' siment u konkrit ħafna inqas komuni fi ħdan is-suq fl-Irlanda ta' Fuq meta mqabbla mal-Gran Brittanja. Fil-Gran Brittanja, kif indikat fil-premessa 37, l-ikbar ħames kumpaniji jikkontrollaw 75 % tal-produzzjoni ta' aggregat. Dawn l-istess kumpaniji wkoll jikkontrollaw 70 % tal-produzzjoni tal-konkrit imħallat lest, u proporzjon kbir tal-impjanti tat-taħlit tal-asfalt kollha, it-tnejn swieq ewlenin għal bejgħ aggregat. B'hekk, meta l-kostruzzjoni, il-produzzjoni u d-domanda jonqsu għall-konkrit u l-asfalt, l-ikbar ħames kumpaniji fil-Gran Brittanja għandhom kontroll fuq it-tnaqqis aggregati tagħhom fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-aggregat. Fil-fatt, il-provvista ta' aggregati se taġġusta aktar malajr għad-domanda fil-Gran Brittanja, bil-limitazzjoni tal-pressjoni 'l isfel fuq il-prezzijiet. L-Irlanda ta' Fuq hija differenti minħabba n-nuqqas ta' integrazzjoni vertikali tas-suq, il-produttività tal-kostruzzjoni u mid-domanda għall-aggregat li qed tonqos, il-kompetizzjoni fost l-operaturi ta' barrieri għall-bqija tad-domanda qed tintensifika. Din tagħmel is-suq tal-Irlanda ta' Fuq ħafna iktar kompetittiv minn dak tal-Gran Brittanja, b'numru ikbar ta' barrieri għal kull mil kwadru u per capita u proporzjon akbar ta' barrieri indipendenti li jippruvaw ibigħu l-prodotti tagħhom lill-impjanti indipendenti, awtonomi, dawk li jipproċessaw il-prodotti.

(40)

Barra minn hekk, ir-Renju Unit wera li s-swieq tal-aggregati tal-Irlanda ta' Fuq u tar-Repubblika tal-Irlanda huma simili ħafna.

2.3.5.   L-espożizzjoni għall-kummerċ

(41)

Wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, ir-Renju Unit ipprovda informazzjoni dwar l-espożizzjoni għall-kummerċ lill-industrija tal-aggregati tal-Irlanda ta' Fuq bejn l-2002 u l-2013. L-istatistika uffiċjali tista' tagħti biss ċifri amalgamati biannwali minħabba regoli ta' żvelar ta' Her Majesty's Revenue and Customs (HMRC). Ma jippermettux tqassim skont it-tip ta' skopertura fit-total u għal xi snin l-istatistiċi tal-kummerċ ma kinux disponibbli. Kien hemm aktar diffikultajiet minħabba n-nuqqas ta' dejta uffiċjali dwar il-produzzjoni ta' prodotti pproċessati ta' konkrit u ta' asfalt. F'dawk il-każijiet, ir-Renju Unit għamel użu mill-istimi (15) tas-suq ipprovduti mill-Quarry Products Association Northern Ireland (“QPANI”). Minħabba li ma teżistix statistika nazzjonali għal kategoriji oħra ta' prodotti, ir-Renju Unit ipprovda l-aħjar stimi ta' kalkoli tal-iskoperturi kummerċjali ta' blat imfarrak, prodotti ipproċessati tal-konkrit, asfalt u ramel. Madankollu, anke meta wieħed iqis dawn il-limitazzjonijiet, ir-Renju Unit huwa tal-opinjoni li d-dejta dwar l-espożizzjoni għall-kummerċ turi l-grad ta' kummerċ bejn ir-Repubblika tal-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq. L-iskopertura kummerċjali hija deskritta fit-Tabella 5. Iċ-ċifri huma bbażati fuq iċ-ċifri annwali jew biannwali għall-importazzjonijiet u għall-esportazzjonijiet annwali u għall-produzzjoni annwali u li kienu ukoll provduti lill-Kummissjoni.

Tabella 5

L-espożizzjoni għall-kummerċ

Aggregat ta' Blat Imfarrak (GBP)

 

2006-2007

2008-2009

 

 

 

 

Importazzjonijiet

13 699 717

5 986 891

 

 

 

 

Esportazzjonijiet

28 519 715

19 938 824

 

 

 

 

Il-valur stmat tal-bejgħ domestiku

160 426 000

143 524 581

 

 

 

 

L-espożizzjoni għall-kummerċ (Importazzjonijiet + Esportazzjonijiet)/(Importazzjonijiet + Bejgħ)

24,25 %

17,34 %

 

 

 

 

Prodotti Pproċessati tal-Konkrit (GBP)

 

2008

2009

2010

2011

2012

2013

Importazzjonijiet

10

10

9

7

7,5

7,5

Esportazzjonijiet

70

35

28

21

16

15

Il-valur stmat tal-bejgħ domestiku

325

276

210

210

216

226

L-espożizzjoni għall-kummerċ (Importazzjonijiet + Esportazzjonijiet)/(Importazzjonijiet + Bejgħ)

23,9 %

15,7 %

16,9 %

12,9 %

10,5 %

9,6 %

Prodotti pproċessati tal-asfalt u r-ramel (16) (GBP)

 

2007-2008

2009-2010

2011-2012

 

 

 

Importazzjonijiet ta' prodotti ta' asfalt u ramel

1 540 633

1 909 210

4 489 366

 

Esportazzjonijiet ta' prodotti ta' asfalt u ramel

12 382 394

6 220 782

4 670 559

Valur stmat tal-bejgħ domestiku ta' prodotti ta' asfalt u ramel

384 518 301

310 666 790

293 343 700

Espożizzjoni għall-kummerċ (Importazzjonijiet + Esportazzjonijiet)/(Importazzjonijiet + Bejgħ)

3,61 %

2,60 %

3,08 %

(42)

In-numri fit-Tabella 5 juru li l-industrija tal-aggregat tal-Irlanda ta' Fuq hija soġġetta għal grad sinifikanti ta' skopertura tal-bejgħ ta' blat imfarrak tagħha. Ir-Renju Unit juri li l-importazzjonijiet mhux iddikjarati tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq żdiedu b'mod sinifikanti wara l-introduzzjoni tal-AGL fl-2002. Dan il-livell mhux iddikjarat tal-importazzjoni huwa probabbli li ġie aċċellerat għal darb'oħra wara s-sospensjoni tal-eżenzjoni tal-AGL fl-2010. Stħarriġ li sar fl-2002 mill-Università ta' Ulster għadd in-numru ta' trakkijiet li jġibu l-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq fit-tmien l-aktar qsim tal-fruntieri importanti. Ir-riżultati ta' dan l-istħarriġ urew li sa 89 trakk kienu qed jittrasportaw l-aggregat kuljum. It-total annwali ta' importazzjonijiet iddikjarati uffiċjalment kienu jeħtieġu biss 243 trakk għas-sena kollha. Dan issuġġerixxa li l-livell reali tal-importazzjonijiet ta' aggregat setgħu kienu sa 133 darba dak irreġistrat mill-istatistika uffiċjali fl-2002, u dan ifisser li l-istima ta' skoperturi kummerċjali x'aktarx tissottovaluta l-livell attwali ta' skopertura għall-kummerċ.

2.3.6.   Tnaqqis tal-bejgħ u tat-trasferimenti

(43)

Rigward it-trasferiment tal-ispejjeż ta' produzzjoni miżjuda lill-klijenti finali u l-potenzjal ta' tnaqqis ta' bejgħ, ir-Renju Unit kien ipprovda informazzjoni li turi li, wara l-introduzzjoni tat-taxxa fl-2002, il-prezz medju tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq kien żdied b'ferm inqas milli kien ikun mistenni kieku l-AGL għaddiet b'mod sħiħ, u li dan kien marbut ma' tnaqqis tal-bejgħ leġittimu, li kien proprozjonalment ħafna akbar mit-tnaqqis irreġistrat fil-Gran Brittanja.

(44)

Ir-Renju Unit kien ukoll spjega li l-bejgħ ta' aggregat u mili ta' grad baxx, waqa' fis-sena li ntemmet fil-31 ta' Marzu 2003 meta mqabbel mal-livelli esperjenzati fis-sentejn ta' qabel l-AGL. Il-produzzjoni minn barrieri leġittimi fis-sena kalendarja 2002 kienet inqas ferm mit-tendenza stabbilita tal-bejgħ aggregat (ġeneralment, matul dawn l-aħħar 30 sena, kien hemm tendenza ta' żieda f'bejgħ tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq). Fil-Gran Brittanja l-produzzjoni totali naqset fl-2002 b'5,7 %, meta mqabbel ma' żieda żgħira mis-sena ta' qabel (madankollu, ix-xejra fl-analiżi wriet li, fil-Gran Brittanja, il-produzzjoni ġeneralment kellha tendenza ta' tnaqqis matul l-aħħar 10 snin).

(45)

Ir-Renju Unit kien spjega wkoll li ladarba t-taxxa kienet ġiet introdotta għal GBP 1,60 għal kull tunnellata, il-prezz medju tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq kien żdied b'madwar GBP 0,25-0,30 għal kull tunnellata fl-2002 meta mqabbel mal-2001, billi fil-Gran Brittanja l-prezz tela' minn GBP 1–1,40 għal kull tunnellata. Anke meta jitqies li l-aggregat użat fi prodotti proċessati, li bbenefikaw minn eżenzjoni ta' 80 % skont l-iskema ta' kreditu digressiva oriġinali fl-Irlanda ta' Fuq, hija inkluża f'din il-medja, li jimplika li l-operaturi tal-barrieri fl-Irlanda ta' Fuq kienu qed ikollhom jassorbu proporzjon sostanzjali tal-imposta. Fuq is-suppożizzjoni li l-prodotti proċessati użaw nofs il-produzzjoni tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq, u li l-prezz tagħhom ma kienx affettwat mill-imposta fl-2002, li jimplika skont ir-Renju Unit li, bħala medja, aktar minn GBP 1 għal kull tunnellata tal-imposta li kellha tiġi assorbita fuq kull tunnellata ta' aggregat mibjugħ għall-użu fl-istat nej tiegħu.

(46)

Wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, ir-Renju Unit ipprovda spjegazzjonijiet ulterjuri għall-affermazzjoni tagħhom f'premessa 45 li, ladarba l-AGL ġiet introdotta, il-prezz medju fl-Irlanda ta' Fuq żdied b'ferm inqas mir-rata tat-taxxa, filwaqt li fil-Gran Brittanja żdied b'GBP 1–1,40 għal kull tunnellata peress li l-manifatturi ta' prodotti pproċessati minn aggregati qatt ma ħallsu r-rata sħiħa tal-AGL. Ir-Renju Unit wera stimi li bejn terz u nofs l-aggregat kollu prodott fl-Irlanda ta' Fuq huwa użat fil-manifattura ta' prodotti proċessati. Anki kieku, għall-argument, wieħed kellu jieħu ċifra ogħla u japplika eżenzjoni sħiħa ta' 100 % li applikat għall-prodotti pproċessati matul l-ewwel sena tat-taxxa, u għalhekk wieħed jassumi li ma kien hemm l-ebda żieda fl-ispejjeż ta' produzzjoni b'riżultat tal-imposta fuq 50 % ta' aggregati, allura dan biss jirdoppja ż-żieda fil-prezz fuq il-50 % li jifdal. Tali rduppjar jindika li ż-żieda fil-prezz miksub kien GBP 0,50-60 għal kull tunnellata, li għadu aktar baxx b'mod sinifikanti minn dak miksub fil-Gran Brittanja, u ma joqrobx lejn l-ispiża żejda addizzjonali ta' GBP 1,60 għal kull tunnellata imposta mill-imposta fl-ewwel tal-applikazzjoni.

(47)

Barra minn hekk, ir-Renju Unit ipprovda dejta miġbura minn kampjuni rappreżentattivi lill-industrija tal-aggregat tal-Irlanda ta' Fuq fir-rigward ix-xejriet tal-produzzjoni tal-aggregat, il-fatturat u l-qligħ. Madankollu, ix-xejriet murija huma marbuta u ma jistgħux jiġu diżassoċjati mit-tendenzi tas-suq tal-kostruzzjoni u r-riċessjoni ekonomika li bdiet fl-2008.

(48)

Id-dejta wriet li l-profittabbiltà u l-prezzijiet kienu diġà daqstant baxxi qabel is-sospensjoni tal-iskema ta' eżenzjoni li assorbiment sħiħ tat-taxxa ma jkunx finanzjarjament vijabbli. Il-kumpaniji minflok urew li t-taxxa ġiet mgħoddija, u, min-naħa l-oħra, kellhom jaċċettaw aktar telf fil-bejgħ, flimkien ma' dawk diġà kkawżati minn ċirkostanzi ekonomiċi diffiċli. Sabiex ikomplu joperaw in-negozji tagħhom, l-industrija ttardjat investimenti kapitali kritiċi, u keċċiet xi persunal. Il-prospetti tal-istħarriġ jindikaw li l-mgħoddija ta' GBP 1,95 kull tunnellata imposta fuq il-klijenti kienet ta' sfida minħabba li l-prezzijiet lill-klijenti jkollhom jiżdiedu bejn 50 % u 66 %. Minħabba wkoll il-klima ekonomika, il-klijenti qed iżommu lura li jħallsu prezz ogħla u minflok jew jiddifferixxu l-investiment jew ifittxu lil kompetituri għal materjali alternattivi jew prezz aktar kompetittiv. Dan huwa ta' ħsara kummerċjali għan-negozji tal-aggregat tal-Irlanda ta' Fuq li jirriżulta f'telf ta' klijenti, tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ u pressjoni 'l isfel fuq il-marġnjiet ta' profitt ulterjuri.

(49)

Għalhekk, għalkemm id-dejta li tinġabar minn kampjuni rappreżentattivi tal-industrija tal-aggregat tal-Irlanda ta' Fuq hija indikazzjoni tajba tal-evoluzzjoni tad-dħul mill-bejgħ u l-profitti tal-industrija tal-aggregat tal-Irlanda ta' Fuq, dawn ma jistgħux jiġu diżassoċjati mill-kuntest ekonomiku u mhumiex konklużivi biex jivvalutaw l-effetti tal-AGL sħiħa fuq bażi awtonoma.

2.3.7.   Informazzjoni oħra

(50)

Il-baġit annwali stmat tal-iskema ta' eżenzjoni (riżorsi tal-Istat mitlufin) varja fiż-żmien tan-notifika oriġinali bejn GBP 15-il miljun (2004-2005) u GBP 35 miljun (2010-2011).

(51)

Fir-rigward tan-numru ta' benefiċjarji, ġie stmat li madwar 170 tal-operaturi tal-barrieri jkunu eliġibbli għall-eżenzjoni.

(52)

L-awtorità tal-għoti ta' eżenzjoni tal-AGL fl-Irlanda ta' Fuq kienet l-HMRC.

2.3.8.   Raġunijiet li wasslu għall-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali

(53)

Kif spjegat fil-premessi 47 sa 54 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk l-eżenzjoni mill-AGL immodifikata applikabbli fl-Irlanda ta' Fuq kinitx konformi mat-Trattat, b'mod partikolari l-Artikolu 110 tagħha. Dawn id-dubji kienu jipprekludu lill-Kummissjoni milli ssib il-miżura kompatibbli mas-suq intern f'dan l-istadju.

(54)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-AGL kienet tammonta għal taxxa interna fis-sens tal-Artikolu 110 tat-Trattat. Sussegwentement hija qieset li kien hemm distinzjoni fl-applikazzjoni tal-AGL bejn il-produtturi fl-Irlanda ta' Fuq u l-produtturi minn Stati Membri oħra li ma jistgħux ikunu ġġustifikati.

(55)

Kif spjegat fil-premessa 56 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni qieset, abbażi tal-ġurisprudenza rilevanti, bħala riżultat tal-annullament tad-Deċiżjoni tas-7 ta' Mejju 2004, li l-miżura kif applikabbli minn dik id-data (u sas-sospensjoni tagħha fl-1 ta' Diċembru 2010) għandha tiġi kkunsidrata bħala illegali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddikjarat li għandha dejjem tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna illegali mill-Istat mas-suq intern b'konformtà mal-kriterji sostantivi stabbiliti f'kull strument fis-seħħ fiż-żmien meta tingħata l-għajnuna (17). Hekk kif l-għajnuna għandha titqies bħala illegali u kienet mogħtija matul il-perjodu li jkopri l-applikabbiltà tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2001 kif ukoll wara l-pubblikazzjoni tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2008 (18), il-Kummissjoni evalwat il-kompatibbiltà tal-iskema ta' eżenzjoni tal-AGL skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fiż-żmien meta l-għajnuna tkun ingħatat kif ġej:

(a)

il-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2001; kif ukoll

(b)

il-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2001 mit-2 ta' April 2008.

(56)

Dwar il-valutazzjoni tal-miżura skont il-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2001, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet ta' kompatibbiltà stabbiliti hemmhekk jistgħu jiġu kkunsidrati bħala sodisfatti. Madankollu, hija fakkret li fid-dawl tad-dubji espressi fir-rigward tal-Artikolu 110 tat-Trattat, hija kienet prekluża milli ssib il-miżura kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2001 f'dan l-istadju.

(57)

Fir-rigward il-kompatibbiltà tal-miżura skont il-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2008, il-Kummissjoni kkonkludiet:

(a)

li eżenzjoni tal-AGL fl-Irlanda ta' Fuq tikkontribwixxi mill-inqas indirettament għal titjib fil-ħarsien ambjentali u li ma timminax l-objettiv ġenerali segwit mill-AGL f'konformità mal-punt 151 tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2008;

(b)

li l-benefiċjarji tal-eżenzjoni huma definiti bl-użu ta' kriterji li huma oġġettivi u trasparenti skont il-punt 158(a) tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2008;

(c)

li t-taxxa mingħajr tnaqqis twassal għal żieda sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni meħtieġa skont il-punt 158(b) tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2008;

(d)

li l-kundizzjoni ta' proporzjonalità tal-għajnuna kif prevista mill-punt 159 tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2008 qed tiġi sodisfatta minħabba li l-benefiċjarji ta' eżenzjoni tal-AGL fl-Irlanda ta' Fuq għadhom iħallsu 20 % tat-taxxa.

(58)

Għalkemm l-informazzjoni pprovduta mir-Renju Unit turi żieda sinifikanti fl-ispejjeż tal-produzzjoni minħabba l-AGL, li normalment jagħmluha probabbli li tali żieda ma tistax tiġi riflessa mingħajr tnaqqis importanti fil-bejgħ, il-Kummissjoni f'dan l-istadju ma setgħetx tikkonkludi fid-dawl tal-informazzjoni mogħtija, b'mod partikolari informazzjoni mhux dettaljata biżżejjed, li l-kondizzjoni tal-kompatibbiltà fil-punt 158(c) tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2008 kienet sodisfatta.

(59)

Skont il-punt 158(c) tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2008, il-konformità mal-kriterji ta' neċessità teħtieġ li ż-żieda sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni msemmija fil-premessa 58 ma jistgħux jiġu mgħoddija mill-klijenti mingħajr ma jkun hemm tnaqqis sostanzjali fil-bejgħ. F'dan ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu stimi ta' elastiċità ta', inter alia, il-prezz ta' prodott tas-settur ikkonċernat fis-suq ġeografiku rilevanti kif ukoll stimi ta' bejgħ mitluf u/jew profitti mnaqqsa għall-kumpaniji fis-settur jew fil-kategorija kkonċernata.

(60)

Il-Kummissjoni nnotat f'dan il-kuntest li l-argumenti tar-Renju Unit li ż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni ma setgħetx tiġi mgħoddija mingħajr ma twassal għal tnaqqis importanti fil-bejgħ, kienu bbażati fuq tqabbil bejn iż-żieda fil-prezz minħabba l-introduzzjoni tal-AGL (madwar GBP 0,25–0,30 għal kull tunnellata fl-2002 meta mqabbla ma' 2001 fl-Irlanda ta' Fuq, billi fil-Gran Brittanja l-prezz żdied b'GBP 1–1,40 għal kull tunnellata). Fir-rigward tat-tnaqqis (leġittimu) ta' bejgħ fl-Irlanda ta' Fuq, il-Kummissjoni nnotat li dan ivarja f'total għat-tipi kollha ta' aggregati bejn – 17,6 % (2001-2003) u – 22,8 % (2002-2003) u kien b'mod proporzjonali ħafna akbar minn dak irreġistrat fil-Gran Brittanja. Il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn l-argumenti jistgħu jitqiesu bħala indikazzjoni tad-diffikultajiet li nstabu fil-mgħoddija tal-ispejjeż miżjuda tal-produzzjoni fl-Irlanda ta' Fuq.

(61)

Il-Kummissjoni madankollu osservat li r-Renju Unit ma pprovdiex dejta dettaljata biżżejjed li turi u tikkwantifika l-impatt fuq dawn l-argumenti tal-fatt li l-manifatturi ta' prodotti pproċessati minn aggregati li qatt ma ħallsu peress li l-introduzzjoni tal-modulazzjoni sħiħa tal-AGL fl-Irlanda ta' Fuq kienet iddaħħlet f'fażijiet.

(62)

Barra minn hekk, f'dak li jirrigwarda d-dimostrazzjoni ta' tnaqqis ta' bejgħ, ir-Renju Unit ma kienx ipprovda spjegazzjonijiet li jikkonċernaw l-iżvilupp ta' swieq tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq wara l-2002. Figura 2 tar-Rapport tal-Quarry Products Association Northern Ireland lill-Office of Fair Trading Market Study dwar is-Settur tal-Aggregati fir-Renju Unit (19) kif imressaq mir-Renju Unit wriet żieda fil-produzzjoni mill-2004 sal-2007.

(63)

Ir-Renju Unit kien indika fis-sottomissjoni tiegħu li l-“ispejjeż iżidu l-fatturat tal-operaturi affettwati u jnaqqsu l-profitti tagħhom”. Madankollu, ma ġiet pprovduta l-ebda dejta li tappoġġa dik l-istqarrija.

(64)

Biex juri l-konformità tiegħu mal-kondizzjoni ta' kompatibbiltà skont il-punt 158(c) tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2008, ir-Renju Unit kien ippreżenta biss dejta fuq livell ġenerali tal-industrija, ma ġew ipprovduti l-ebda kampjuni rappreżentattivi ta' benefiċjarji individwali bbażati, pereżempju, fuq id-daqs tagħhom.

(65)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni nnotat li l-osservazzjonijiet tar-Renju Unit issuġġerew li għal ħafna tipi ta' aggregati l-prezz tal-elastiċita kien jvarja minn kważi xejn għal madwar 0,52, jiġifieri jidher li hu relattivament mhux elastiku. Fil-prinċipju tfisser li ż-żieda fl-ispejjeż ta' produzzjoni setgħu jiġu mgħoddija lill-klijenti finali. Ir-Renju Unit ma kienx ipprovda spjegazzjonijiet oħrajn u lanqas l-kalkoli li jikkonċernaw speċifikament l-impatt ta' nuqqas relattiv ta' elastiċità kif konkluż fuq l-argumenti mogħtija fir-rigward (l-inkapaċità) li jgħaddu jiżdiedu l-ispejjeż ta' produzzjoni lill-klijenti finali.

3.   IL-KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

3.1   Kummenti li waslu mill-QPANI fit-23 ta' Settembru 2011

(66)

QPANI sostniet li l-produtturi tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq jiddaħħlu fl-iskema ta' eżenzjoni in bona fede, waqt li tkun qagħdet fuq il-fatt li r-Renju Unit kien fittex l-approvazzjoni tal-Kummissjoni u li l-Kummissjoni ħarġet deċiżjoni pożittiva. Barra minn hekk, huma daħlu fi ftehimiet ambjentali li kien ifisser investimenti sinifikanti min-naħa tagħhom.

(67)

L-applikanti li sfidaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-iskema ta' eżenzjoni qatt ma taw prova b'eżempji li kien hemm diskriminazzjoni reali kontra l-aggregati importati.

(68)

QPANI tallega li kwalunkwe rkupru tal-għajnuna mill-Istat jikser l-aspettattivi leġittimi lill-operaturi tal-barrieri fl-Irlanda ta' Fuq li l-għajnuna kienet legali. Billi l-operaturi tal-barrieri diġà investew għal titjib ambjentali, ordni ta' rkupru jkun ifisser li dawn tal-aħħar iħallsu l-ispejjeż darbtejn. Barra minn hekk, l-irkupru jkun kuntrarju għall-prinċipju ta' ċertezza legali.

(69)

QPANI tkompli ssemmi li l-aggregat importat lejn l-Irlanda ta' Fuq minn dejjem kien minimu. Dawn juru li wara l-introduzzjoni tal-AGL, l-importazzjonijiet fil-fatt żdiedu bħala żvilupp akbar tad-djar privati u żieda fil-kostruzzjoni tas-settur pubbliku.

(70)

Rigward l-impossibbiltà li l-AGL tiġi mgħoddija lill-klijenti, QPANI tinvoka li ż-żieda sinifikanti fl-ispejjeż tal-produzzjoni, diġà rikonoxxuta mill-Kummissjoni, ma setgħetx tiġi mgħoddija minħabba l-kapaċità żejda tas-settur tal-aggregat u s-suq ħafna iktar kompetittiv fl-Irlanda ta' Fuq. Barra minn hekk, fl-Irlanda ta' fuq hemm volum imdaqqas ta' materjal eżentat mill-applikazzjoni tat-taxxa, bħal shale, li jintuża kemm fis-setturi pubbliċi u privati u f'proġetti ta' kostruzzjoni mill-bdiewa. Stħarriġ ta' QPANI tal-bejgħ privat ta' kull xahar ta' ġebel (Settembru 2001 — Settembru 2002) wera tnaqqis konsiderevoli fin-negozju minn April 2002 meta mqabbla mas-sena ta' qabel. Il-fergħa tal-istatistika tad-Dipartiment tal-Intrapriżi, il-Kummerċ u l-Investimenti (NI) fid-dikjarazzjoni annwali tal-minerali tal-2002 żvelat tnaqqis ta' madwar 2,7 miljun tunnellata fis-sena tal-produzzjoni tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq li jirrappreżenta madwar 11 % tal-produzzjoni.

(71)

QPANI ssostni li l-inkjesta tal-Kumitat għall-Affarijiet tal-Irlanda ta' Fuq, “Introduzzjoni ta' Imposta fuq l-Aggregat — Sena Wara, it-tielet rapport tas-sessjoni 2003-2004” tiġbor evidenza ċara li turi l-impatt fuq il-bejgħ aggregat u l-livelli tal-impjiegi permezz tal-introduzzjoni tal-AGL.

(72)

QPANI targumenta li r-raġuni għal din iż-żieda fil-produzzjoni tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq mill-2004 sal-2007 kien riżultat ta' aktar attività ta' kostruzzjoni fi ħdan il-provinċja.

(73)

QPANI targumenta wkoll li ż-żieda fl-ispejjeż tal-operaturi affettwat il-marġini ta' profitt kif muri mill-fatt li ż-żidiet fil-prezzijiet kienu biss qed jiżdiedu minn GBP 0,25 sa 0,30 kif intqal fil-premessa 81 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ. B'hekk huma kienu qegħdin jassorbu l-biċċa l-kbira taż-żieda fl-ispejjeż ta' produzzjoni kkawżati mill-AGL u, minħabba n-natura ġenerali u intensiva ta' kapital għoli ta' din l-industrija, sar evidenti li l-marġnijiet tal-profitt stretti kienu qed jonqsu aktar.

(74)

QPANI targumenta li d-dejta dwar l-elastiċità tal-prezzijiet tirrigwarda s-suq tal-aggregat fil-Gran Brittanja u ma tirriflettix is-sitwazzjoni fl-Irlanda ta' Fuq.

3.2   Kummenti li waslu mill-British Aggregates Association (“BAA”) fit-23 ta' Settembru 2011

(75)

Il-BAA ssostni li jkun imposibbli li r-Renju Unit retroattivament jirrettifika diskriminazzjoni fiskali ta' prodotti importati minn Stati Membri oħrajn. Huwa mistqarr li anki jekk ir-Renju Unit kellu jħallas lura kwalunkwe ammont imħallas bħala imposta fuq l-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq għal prodotti importati minn Stati Membri oħra, din ma setgħetx tneħħi l-effett dissważiv gravi ta' diskriminazzjoni fiskali. Għalhekk, l-approvazzjoni retroattiva ta' skema ta' eżenzjoni ma tkunx possibbli.

(76)

Il-BAA tallega li l-iskema ta' eżenzjoni tal-AGL ma tkunx skont il-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2001. Allegatament l-AGL ma għandhiex impatt notevoli fuq l-ambjent kif meħtieġ mill-punt 51(2)(a) tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2001; l-iskema ta' eżenzjoni tal-2004 ma kinitx approvata meta l-AGL ġiet adottata kif meħtieġ skont il-punt 51(2)(b) tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2001; 20 % mhuwiex proporzjon sinifikanti tat-taxxa kif meħtieġ skont il-punt 51(1)(b) tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2001.

(77)

Il-BAA tkompli billi tiddikjara li l-iskema ta' eżenzjoni mhijiex konformi skont il-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2008. L-eżenzjoni tal-AGL tippreġudika l-objettiv ambjentali segwit mill-AGL, għall-kuntrarju tal-punt 151 tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2008, peress li tat lok għal “importazzjoni” ta' aggregati mill-Irlanda ta' Fuq lejn il-Gran Brittanja sa mill-2004. Dan jissuġġerixxi li kienu qed jiġu evitati r-regoli li jeħtieġu li l-aggregat jiġi estratt fl-Irlanda ta' Fuq iżda jintuża fil-Gran Brittanja, jiġu ntaxxati bir-rata sħiħa.

(78)

Barra minn hekk, il-BAA tistqarr li l-eżenzjoni tal-AGL mhijiex konformi mal-punt 158(c) tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2008 hekk kif ma ġietx ippruvata l-impossibbiltà li tiġi mgħoddija ż-żieda sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni. B'mod speċifiku, id-dejta ekonomika mressqa mir-Renju Unit, imsemmija fil-premessi 21 sa 23 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, hija dubjuża u possibilment qarrieqa. Il-prezzijiet medji imressqa mir-Renju Unit, allegatament, huma bla sinifikat, minħabba li hemm ħafna tipi differenti ta' aggregat u, b'mod korrispondenti, numru kbir ta' prezzijiet. Barra minn hekk, il-prezz ex-quarry jiddependi wkoll fuq il-post tal-barriera u d-distanza minn siti ta' kostruzzjoni. Għalhekk, paragun tal-prezz medju għall-Irlanda ta' Fuq (żona relattivament żgħira u rurali) u prezz medju għall-Gran Brittanja kollha mhuwiex rilevanti. Allegatament, jekk tabilħaqq il-prezzijiet ex-quarry fl-Irlanda ta' Fuq kienu 50 % inqas mill-prezzijiet fil-Gran Brittanja, kien ikun hemm talba kbira għal aggregat tal-Irlanda ta' Fuq fil-Gran Brittanja. Il-BAA ssostni li l-ispejjeż tat-trasportazzjoni mill-Irlanda ta' Fuq lejn Londra mhumiex ogħla minn spejjeż tat-trasport mill-Iskozja għal Londra.

4.   KUMMENTI MIR-RENJU UNIT LI WASLU FIL-25 TA' NOVEMBRU 2011

(79)

Ir-Renju Unit jargumenta li l-għajnuna ma għandhiex tiġi meqjusa bħala għajnuna illegali u li, sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern, jistgħu jiġu applikati biss il-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali tal-2011.

(80)

Ir-Renju Unit jargumenta li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni tagħha tas-7 ta' Mejju 2004 li tapprova li l-għajnuna ġiet iddikjarata nulla minħabba n-nuqqas illegali tal-Kummissjoni li tiftaħ l-investigazzjoni formali. Il-miżura kienet notifikata lill-Kummissjoni u kienet approvata qabel ma tingħata kwalunkwe eżenzjoni tat-taxxa. Meta ngħatat l-għajnuna, hija ma kinitx għajnuna illegali.

(81)

Ir-Renju Unit jallega li minħabba li d-Deċiżjoni tas-7 ta' Mejju 2004 kienet nulla, il-Kummissjoni fil-fatt ma ħaditx deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999 (20) (“ir-Regolament Proċedurali”), fil-limitu ta' żmien ta' xahrejn. Għalhekk, il-miżura għandha titqies bħala awtorizzata. Jekk l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Proċedurali hu applikat fuq notifika inizjali, allura l-għajnuna ġiet meqjusa bħala approvata fl-2004, u l-Kummissjoni m'għandha l-ebda kompetenza biex tadotta deċiżjoni ġdida skont l-Artikolu 4. Minflok, il-miżura għandha tiġi ttrattata bħala għajnuna eżistenti, li hija soġġetta għal rieżami biss dwar l-effetti futuri tagħha u li ma tistax tkun soġġetta għal ordni ta' rkupru retrospettiv. Madankollu, ittieħdet deċiżjoni skont l-Artikolu 4(3), għalkemm illegalment u minkejja li hija sussegwentement iddikjarata bla effett, f'liema każ l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Proċedurali ma jibqax iktar applikabbli. Ir-Renju Unit isostni li għandu jkun intitolat li jibbaża ruħu fuq il-fatt li deċiżjoni ta' approvazzjoni skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Proċedurali ġiet meħuda qabel ma ngħatat l-eżenzjoni mit-taxxa, sabiex l-għoti ta' għajnuna ma kinitx illegali fis-sens li tingħata mingħajr l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

(82)

Ir-Renju Unit isostni li, f'dan il-każ, ir-raġuni li l-għajnuna hija kkunsidrata bħala illegali huwa biss li d-Deċiżjoni tas-7 ta' Mejju 2004 ġiet iddikjarata nulla peress li naqset milli tiftaħ l-investigazzjoni formali fl-2004. Mhuwiex il-każ li r-Renju Unit kien, fiż-żmien li l-miżura daħlet fis-seħħ, fi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern, il-Linji gwida biss dwar l-Għajnuna Ambjentali għandhom jiġu applikati. Il-Kummissjoni għandha tipproċedi biex tevalwa l-għajnuna fuq il-bażi tan-notifika fl-2004 u tapplika r-regoli applikabbli f'dak iż-żmien.

(83)

Peress li r-Renju Unit isostni li l-għajnuna mhijiex kontra l-liġi, dan jallega li l-Kummissjoni mhijiex intitolata li taqsam l-għajnuna mogħtija bejn il-perjodi meta l-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2001 u l-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2008 kienu rispettivament fis-seħħ. Minn dan isegwi li, peress li l-Kummissjoni sabet li l-miżura kienet skont il-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2001, l-għajnuna kollha mogħtija skont l-iskema għandha tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern.

(84)

Ir-Renju Unit jirrifjuta l-argumenti mressqa mill-British Aggregates Association (“BAA”) fir-risposta tiegħu għad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, li fiha l-BAA ssostni li l-miżura, hekk kif innotifikata fl-2004, ma osservatx il-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2001. Ir-Renju Unit jenfasizza l-fatt li l-Kummissjoni diġà kkonstatat kif iddikjarat fil-premessa 63 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ li l-AGL kellha effetti ambjentali sinifikanti u li l-BAA ma tikkontestax il-konklużjoni tal-Kummissjoni li ftehimiet konklużi ma' kumpaniji tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq jibbenefikaw minn 80 % ta' eżenzjoni tal-AGL jkollhom effetti ambjentali pożittivi u ma tippreġudikax l-objettivi imfittxija permezz tal-AGL. Barra minn hekk, ir-Renju Unit juri li l-miżura approvata mill-Kummissjoni fl-2004 kienet estensjoni tal-iskema ta' eżenzjoni li kienet oriġinarjament introdotta fl-istess ħin tat-taxxa. Il-punt 51(2)(b) tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2001 ma jeħtieġx li kull aspett singolu ta' din id-deroga jrid jkun ġie stabbilit jew implimentat fiż-żmien meta ġiet introdotta t-taxxa. F'dan il-każ qatt ma jkun possibbli li tiġi introdotta deroga modifikata u l-punt 51(2) jkun dispożizzjoni superfluwa. Barra minn hekk, ir-Renju Unit qed jipproponi li l-punt 51(1)(b) tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2001 hu sodisfatt u, billi l-Kummissjoni diġà rrikonoxxiet fil-premessa 67 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ li r-rekwiżit li jitħallas 20 % tal-AGL jirrappreżenta rekwiżit ta' ħlas għal proporzjon sinifikanti tat-taxxa. Il-kwistjoni dwar jekk dak il-proporzjon ikun sinifikanti trid tqes ukoll li l-operaturi tal-barriera li huma eliġibbli għall-eżenzjoni għandhom iħallsu l-ispejjeż għal titjib fir-rendiment ambjentali globali u li l-prezzijiet tal-aggregat huma ġeneralment irħas fl-Irlanda ta' Fuq milli fil-bqija tar-Renju Unit. F'termini assoluti, il-valur monetarju ta' 20 % tat-taxxa nazzjonali pagabbli għalhekk huwa akbar milli fil-bqija tar-Renju Unit.

(85)

Ir-Renju Unit isostni li l-kunċett li l-iskema tal-eżenzjoni setgħet tikkostitwixxi taxxa diskriminatorja kontra l-Artikolu 110 tat-Trattat huwa żbaljat. L-importazzjonijiet mill-Irlanda lejn ir-Renju Unit huma ntaxxati b'mod ekwivalenti għall-produzzjoni fir-Renju Unit, inkluża l-produzzjoni fl-Irlanda ta' Fuq fejn il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni ma jkunux sodisfatti. Għalhekk, ma hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn prodotti importati mill-Irlanda lejn ir-Renju Unit u oġġetti prodotti fir-Renju Unit. L-Irlanda ta' Fuq mhijiex Stat Membru, b'tali mod li ma hemmx lok li jiġi applikat l-Artikolu 110 tat-Trattat biex jiddetermina li t-trattament fiskali speċifiku ta' ċerti produtturi fi ħdan l-imsemmija żona jikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra prodotti importati minn Stati Membri oħra u mibjugħa f'dik iż-żona. Ir-Renju Unit jallega li d-diskriminazzjoni għandha tiġi evalwata għall-prodotti nazzjonali, u, peress li prodotti nazzjonali fir-Renju Unit huma suġġetti għall-AGL sħiħa, ma jista' jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni. Barra minn hekk, il-fatt li ċerti produtturi f'żona partikolari ta' Stat Membru huma mogħtija eżenzjoni mit-taxxa hija kwistjoni għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107 tat-Trattat u mhux l-Artikolu 110. Huwa biss l-Artikolu 107(3) tat-Trattat li għandu jkun applikabbli għal miżuri ta' għajnuna fiskali mogħtija lill-produtturi u mhux l-Artikolu 110. Li kieku, l-għajnuna fiskali kollha lil produtturi tkun trid tiġi estiża għal prodotti minn Stati Membri oħra. Barra minn hekk, ma teżisti l-ebda regola fil-liġi tal-Unjoni li teżiġi għajnuna mogħtija permezz ta' eżenzjoni mit-taxxa lill-produtturi f'parti ta' Stat Membru għandha tkun disponibbli ugwalment għall-importaturi ta' prodotti simili minn Stati Membri oħra.

(86)

Ir-Renju Unit ma jaċċettax li l-għajnuna hija illegali, iżda li kieku kellha tiġi meqjusa hekk mill-Kummissjoni, jemmen li ordni ta' rkupru ma jkunx xieraq. Ordni ta' rkupru jikser l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji u jkun sproporzjonat.

5.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA

5.1   Għajnuna tal-Istat fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat (ex Artikolu 87(1) KE)

(87)

L-għajnuna tal-Istat hija definita fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat bħala għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(88)

L-eżenzjoni tal-AGL ingħatat permezz tar-riżorsi tal-Istat, f'forma ta' tnaqqis tar-rata tat-taxxa, lill-kumpaniji li jinsabu fuq parti ddefinita tat-territorju tar-Renju Unit (l-Irlanda ta' Fuq), li tiffavorixxihom billi jnaqqsu l-ispejjeż li normalment huma jkollhom iħallsu. Il-benefiċjarji tal-għajnuna huma involuti fl-estrazzjoni ta' aggregati jew fil-manifattura ta' prodotti pproċessati, li huma attivitajiet ekonomiċi li jinvolvu kummerċ bejn l-Istati Membri.

(89)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet fil-premessa 39 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ li l-miżura notifikata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat (l-ex Artikolu 87(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea).

5.2   Valutazzjoni tal-għajnuna tal-Istat

5.2.1   Bażi legali

(90)

Kif deskritt fil-premessa 55, il-Kummissjoni kkonkludiet li peress li l-għajnuna għandha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna illegali, u, meta jitqies l-objettiv ambjentali tal-miżura, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-kompatibbiltà tal-miżura skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, ibbażat fuq il-bażi legali fis-seħħ f'dak il-waqt li ngħatat l-għajnuna, kif ġej:

(a)

il-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2001; kif ukoll

(b)

il-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2001 mit-2 ta' April 2008.

(91)

Ir-Renju Unit iqis, għar-raġunijiet deskritti fil-premessi 79 sa 83, li l-għajnuna m'għandhiex tiġi meqjusa bħala għajnuna illegali u li din għandha tiġi vvalutata biss fuq il-bażi tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2001.

(92)

Minbarra s-sejbiet tagħha f'dan ir-rigward fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, minħabba l-pożizzjoni espressa mir-Renju Unit, il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b'mod konsistenti li fejn deċiżjoni pożittiva mill-Kummissjoni hija kkontestata fit-termini preskritti u annullata mill-Qorti, il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u b'mod partikolari l-prinċipji ta' ċertezza legali u ta' protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ma jipprekludux li l-Kummissjoni tiddikjara li miżura ta' għajnuna partikolari tikkostitwixxi għajnuna illegali u inkompatibbli u ordnat l-irkupru. F'CELF I (21), il-Qorti ddikjarat li “l-għajnuna implementata wara d-deċiżjoni pożittiva tal-Kummissjoni hija preżunta legali sad-deċiżjoni ta' annullament ta' dik id-deċiżjoni mill-qorti Komunitarja. Imbagħad, fid-data ta' din id-deċiżjoni tal-aħħar, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 231 KE, jiġi preżunt li l-għajnuna inkwistjoni ma ġietx iddikjarata bħala kompatibbli mid-deċiżjoni annullata, b'tali mod li l-implementazzjoni tagħha għandha tiġi kkunsidrata bħala illegali”. F'CELF II (22) il-Qorti tikkonferma s-sejbiet tagħha li “deċiżjoni pożittiva mill-Kummissjoni ma tistax tagħti lok għal stennija leġittima mill-parti tal-benefiċjarju tal-għajnuna, minn naħa, meta din id-deċiżjoni tkun ġiet ikkontestata f'ħin tajjeb quddiem il-ġudikatura tal-Komunità, u li tkun sussegwentement ġiet annullata u lanqas, min-naħa l-oħra, sakemm ma jiskadi t-terminu għall-preżentata ta' rikors jew, fil-każ li jiġi ppreżentat rikors, sakemm il-qorti Komunitarja ma tkunx tat deċiżjoni finali f'dan ir-rigward”.

(93)

Għalhekk, il-Kummissjoni tibqa' tal-opinjoni li l-eżenzjoni tal-AGL għandha tiġi kkunsidrata bħala li hija għajnuna illegali. Konsegwentement, l-għajnuna mogħtija wara t-2 ta' April 2008 tkun skont il-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2008. Madankollu, anki kif qed jistqarr ir-Renju Unit, l-eżenzjoni tal-AGL kellha titqies bħala għajnuna eżistenti, hija xorta waħda għandha tiġi adattata skont il-punt 200 tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2008.

5.2.2   Ksur tal-Artikolu 110 tat-Trattat

(94)

Kif spjegat fil-premessi 53 u 54, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-eżenzjoni tal-AGL li ma tingħatax għall-prodotti impurtati lejn l-Irlanda ta' Fuq minn Stati Membri oħra tista' tikser l-Artikolu 110 tat-Trattat.

(95)

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 tat-Trattat jidher li jipprekludi skema nazzjonali bħal dik applikabbli ta' eżenzjoni tal-AGL fl-Irlanda ta' Fuq li tipprovdi għal tnaqqis tar-rata tal-AGL fir-rigward tal-aggregat mhux ipproċessat estratt fl-Irlanda ta' Fuq minn produtturi li jkunu daħlu fi ftehimiet ambjentali, filwaqt li prodotti identiċi importati minn Stati Membri oħra huma esklużi mill-iskema tar-rata mnaqqsa u għalhekk huma ntaxxati bir-rata sħiħa tal-AGL (23). Kuntrarjament għas-sottomissjoni tar-Renju Unit deskritta fil-premessa 85, il-fatt li l-iskema tar-rata mnaqqsa għandha tapplika għal żona definita biss, ma tbiddilx din l-interpretazzjoni. Fil-fatt jekk dispożizzjonijiet, bħall-iskema tal-eżenzjoni tar-Renju Unit, kienu permessi, l-Istati Membri jkunu jistgħu jevitaw faċilment il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 110 tat-Trattat.

(96)

Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet (24), hekk kif isostni r-Renju Unit, li “il-liġi tal-Komunità ma tirrestrinġix il-libertà ta' kull Stat Membri li jistabbilixxi sistema tat-taxxa li tiddistingwi bejn ċerti prodotti, anke prodotti li huma simili fi ħdan it-tifsira tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 90 KE.” Tali divrenzjar, madankollu, huwa biss kompatibbli mad-dritt Komunitarju, “jekk ifittex li jilħaq l-objettivi li huma kompatibbli mar-rekwiżiti tat-Trattat u tad-dritt sekondarju u jekk ir-regoli dettaljati tiegħu huma ta' natura li jevitaw kull forma ta' diskriminazzjoni, diretta jew indiretta, fir-rigward tal-importazzjonijiet li ġejjin minn Stati Membri oħra, jew ta' protezzjoni favur prodotti nazzjonali li jikkompetu magħhom”. Fir-rigward ta' eżenzjoni tal-AGL, it-trattament differenti tal-aggregat importat huwa manifestament mhux konformi mar-rekwiżiti għal distinzjoni kif stabbilit mill-Qorti.

(97)

Il-prinċipju gwida fir-rigward tal-liġi tal-Unjoni huwa li l-prinċipji tat-Trattat għandhom jiġu interpretati u applikati b'mod li jagħti effett lill-għanijiet tagħhom. L-Artikolu 110 tat-Trattat jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-tassazzjoni internazzjonali, li jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jimponu taxxi interni ta' natura diskriminatorja. Sabiex miżura fiskali, li tikkostitwixxi għajnuna, tkun valida, il-Kummissjoni għandha għalhekk, tkun sodisfatta li l-miżura inkwistjoni, l-ewwel nett, ma tiksirx l-Artikolu 110 tat-Trattat, u min-naħa l-oħra, tissodisfa l-kondizzjonijiet rilevanti kollha stipulati fl-Artikoli 107 u 108 (25). M'hemm l-ebda raġuni biex jitqies li miżura ta' għajnuna fil-forma ta' eżenzjoni mit-taxxa li hija applikata biss f'parti ta' Stat Membru tikkostitwixxi eċċezzjoni minn din l-interpretazzjoni.

(98)

Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li r-Renju Unit impenja ruħu permezz tal-ittra tiegħu mill-1 ta' April 2014 sabiex jirrimedja l-inkompatibbiltà ta' eżenzjoni tal-AGL mal-Artikolu 110 tat-Trattat billi jirrimborża l-ammonti miġbura li huma inkompatibbli mas-suq intern skont il-kriterji deskritti fil-premessi 99 sa 103. L-ambitu tar-rimedju huwa li jippermetti l-akkwisti tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq minn Stati Membri oħrajn, u li titħallas ir-rata sħiħa tal-AGL matul il-perjodu fejn tħaddmet l-iskema ta' eżenzjoni tal-AGL bejn l-2004 u l-2010, li tibbenefika minn kreditu tal-imposta fuq l-aggregat ta' 80 % li kien disponibbli għall-operaturi ta' barrieri fl-Irlanda ta' Fuq li ħadu sehem fl-eżenzjoni tal-AGL. L-għan tal-introduzzjoni tal-iskema proposta għandu jkun li jindirizzaw kwalunkwe inġustizzja li setgħet isseħħ.

(99)

Il-Kummissjoni tinnota l-impossibbiltà, allegata mir-Renju Unit fl-ittra tiegħu tas-17 ta' Settembru 2012, li jidentifika l-barrieri barranin li biegħu l-aggregat suġġett għall-AGL li kienu importati u użati fl-Irlanda ta' Fuq. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, fil-verità, entitajiet li jħallsu l-AGL ma kinux barrieri barranin, iżda l-importaturi rreġistrati għall-ħlas tat-taxxa. Għalhekk, jidher xieraq u konsistenti mal-prattika tal-każijiet tal-Kummissjoni (26) li l-entitajiet li effettivament iħallsu t-taxxa u li kkawżaw li l-aggregati li jgħaddu l-punt tat-taxxa huma dawk intitolati għal rimborż. L-iskema retroattiva proposta tiżgura li kwalunkwe persuna li tipprovdi evidenza għal ħlas tal-kontijiet għal HMRC għall-AGL bir-rata sħiħa fuq l-akkwisti ta' aggregat li ġew impurtati lejn l-Irlanda ta' Fuq minn Stati Membri oħra bejn l-1 ta' April 2004 u t-30 ta' Novembru 2010 (“il-perjodu rilevanti”), u ssodisfat il-kriterji ambjentali speċifiċi u l-kundizzjonijiet speċifiċi, tista' tkun eleġibbli għal intitolament ta' kreditu ta' 80 % fuq it-taxxa mħallsa.

(100)

Peress li l-iskema retroattiva teħtieġ li tiżgura li huma biss l-importazzjonijiet ta' aggregati minn barrieri li jissodisfaw l-istess standards ambjentali bħall-barrieri tal-Irlanda ta' Fuq li kienu eliġibbli għall-eżenzjoni jibbenefikaw minn mekkaniżmu ta' rimborż, ir-Renju Unit kellu jipprovdi għal mekkaniżmu ta' verifika. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li biex l-iskema retroattiva tkun verament applikabbli u mhux ta' piż bla bżonn, ir-Renju Unit mhux se jivverifika jekk il-barrieri barranin laħqux l-istandards eżatti imposti fuq il-barrieri tal-Irlanda ta' Fuq, hekk kif fir-realtà dawn ma kien ikollhom l-ebda inċentiv biex jagħmlu dan, iżda tal-anqas kienu jkun bħall-istandards ambjentali pprovduti f'dak iż-żmien skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni trasposta fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali rispettivi. Id-Dipartiment tal-Ambjent (DoE) tal-Irlanda ta' Fuq għandu jiżgura l-istandards ambjentali ta' kwalunkwe rikorrent potenzjali u għandu jkun hemmw perjodu għar-reġistrazzjoni ta' sena li jibda mill-pubblikazzjoni tal-abbozz ta' leġiżlazzjoni dwar eżenzjoni retroattiva fir-Renju Unit.

(101)

Biex ikun intitolat għal eżenzjoni, ir-rikorrent għandu juri li l-barriera barra r-Renju Unit li minnha oriġina l-aggregat u japplika għall-DOE fl-Irlanda ta' Fuq għal ċertifikat li l-istandards ambjentali li huma konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ġew sodisfatti mill-barriera f'dak iż-żmien. Id-DOE għandu mbagħad jikkonsulta lill-awtoritajiet fi Stati Membri oħrajn biex jiġu żgurati l-istandards applikabbli u l-konformità tagħhom. Jekk ikun sodisfatt, id-DOE imbagħad joħroġ ċertifikat ta' konformità li jkun disponibbli għal HMRC (27) għall-iżgurar li din kellha l-informazzjoni neċessarja sabiex tipproċessa t-talbiet għal ħlas lura ta' taxxa. Għal applikazzjonijiet dwar l-istess barriera, l-istess ċertifikat ikun applikabbli.

(102)

It-talbiet għar-rimborż għandhom jinkludu din l-evidenza dokumentata: l-aggregati ġew akkwistati minn barriera minn Stat Membru ieħor matul il-perjodu rilevanti; il-barriera tkun ġiet iċċertifikata mid-DoE; tħallset ir-rata sħiħa tal-AGL; u l-ebda eżenzjoni għal skopijiet oħra ma ġiet mitluba. Prova ta' akkwist għandha tikkonsisti minn dokumentazzjoni kummerċjali xierqa li turi d-data ta' tranżazzjoni u l-oriġini tal-aggregat. Il-kont tal-imposta fuq l-aggregati tal-kontribwenti reġistrati jista' jservi bħala prova li tħallset ir-rata sħiħa tal-AGL u li l-ebda eżenzjoni oħra ma ġiet mitluba. Dan hwau parti mir-reġsitri ta' dawk li jħallsu t-taxxi, hekk kif l-awtoritajiet ikunu provduti biss bl-ammont totali tal-imposta dovuta fuq aggregat taxxabbli użat kummerċjalment. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi d-diffikultajiet li rikorrenti possibbli jistgħu jkollhom sabiex jipprovdu tali dokumentazzjoni minħabba l-perjodu twil ta' żmien li għadda mill-introduzzjoni tal-eżenzjoni tal-AGL (28). Madankollu, hi tieħu nota li r-Renju Unit qed jitlob biss prova raġonevoli disponibbli għall-eżenzjoni retroattiva, fid-dawl tal-fatt li ma hemm l-ebda reġistri pubbliċi b'din l-informazzjoni kollha.

(103)

Ir-rimedju retroattiv propost mir-Renju Unit għandu l-karatteristiċi ewlenin li ġejjin:

(a)

Se jiġi ppubbliċizzat b'mod qawwi, inkluż permezz ta' reklamar fl-istampa nazzjonali fl-Irlanda ta' Fuq u fir-Repubblika tal-Irlanda. Peress li l-punt tat-taxxa għall-imposta fuq l-aggregat joriġina minn sit barra mir-Renju Unit hu meta aggregat huwa sfruttat kummerċjalment, jiġifieri jkun suġġett għal ftehim ta' forniment fir-Renju Unit, użat għal skopijiet ta' kostruzzjoni jew jitħallat ma' xi ħaġa oħra għajr l-ilma, entitajiet possibbilment eliġibbli jistgħu jiġu identifikati b'mod l-aktar preċiż billi wieħed jibbaża fuq l-informazzjoni ta' reġistrazzjoni tal-imposta fuq l-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq. Għalhekk, l-ippubbliċizzar tal-iskema retroattiva se jinkludi, fost l-oħrajn, ittri lil kull negozju bl-imposta tal-aggregat irreġistrat fl-Irlanda ta' Fuq, inkluż kull min seta' jiġi rreġistrat matul il-perjodu rilevanti iżda li minn dak iż-żmien 'l hawn tneħħa mir-reġistru.

(b)

Se jkun illeġiżlat fil-Karta Finanzjarja fattibbli li jmiss wara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni. Ir-Renju Unit informa lill-Kummissjoni li x-xogħol fuq l-abbozz ta' liġi kien diġà beda f'April 2014 waqt li diġà qed jipprovdi lill-Kummissjoni b'kampjun tal-formoli ta' ritorn tal-AGL. Huwa previst li l-iskema retroattiva tista' tidħol fis-seħħ f'April jew Mejju 2015.

(c)

Hija se tipprovdi perjodu ta' reġistrazzjoni ta' sena mad-DOE mill-punt fejn l-abbozz tal-liġi jiġi ppubblikat, li jiżgura li d-DOE jkollu biżżejjed żmien biex jinvestiga l-barrieri rilevanti.

(d)

Dan se jdum għaddej għal 4 snin mill-punt li tiġi approvata l-leġiżlazzjoni (jiġifieri wara l-Kunsens Irjali għall-Karta Finanzjarja rilevanti).

(e)

Mhux se tkun limitata f'termini tad-daqs tal-fond.

(f)

Hija se tinkludi ħlasijiet ta' imgħax għar-rimborż retrospettiv tal-imposta. Ir-rata tal-interessi għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 (29).

(g)

Se jiżgura li l-ħlasijiet ikunu pproċessati malajr kemm jista' jkun (il-perjodu eżatt se jiddependi fuq kemm idumu l-awtoritajiet fi Stati Membri oħra biex jivverifikaw il-kredenzjali ambjentali ta' barrieri li minnhom ġie importat l-aggregat lejn l-Irlanda ta' Fuq).

(104)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li r-Renju Unit impenja ruħu li jistabbilixxi strument xieraq biex jirrimedja kull diskriminazzjoni li setgħet isseħħ fil-passat.

5.2.3   Valutazzjoni skont il-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2011

(105)

Kif indikat fil-premessa 56, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi b'mod pożittiv il-valutazzjoni tagħha tal-eżenzjoni tal-AGL skont il-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2001 minħabba dubji li kellha fir-rigward tal-Artikolu 110 tat-Trattat. Peress li r-Renju Unit se jistabbilixxi strument xieraq biex jirrimedja kull diskriminazzjoni li tirriżulta mill-miżura, il-Kummissjoni issa tista' tikkonkludi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2001.

(106)

Il-Kummissjoni tinnota l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-BAA fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-miżura fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ u dwar il-kummenti mir-Renju Unit f'dan ir-rigward. Il-Kummissjoni ssib li l-ebda argument ġdid ma ġie ppreżentat li ma kienx diġà ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni u li ma hemm l-ebda raġuni għalfejn l-valutazzjoni tagħha fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ għandha tinbidel.

5.2.4   Valutazzjoni skont il-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2008

(107)

Il-Kummissjoni vvalutat fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ il-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern fuq il-bażi tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2008. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kienet pożittiva f'kull aspett minbarra għall-konformità mal-punt 158(c) tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2008, jiġifieri permezz ta' kriterji ta' neċessità li jirrikjedu li ż-żieda sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni kkawżati mill-AGL ma setgħux jiġu trasferiti lill-klijenti mingħajr ma jwasslu għal tnaqqis importanti fil-bejgħ mill-benefiċjarji ta' eżenzjoni tal-AGL fl-Irlanda ta' Fuq.

(108)

Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni osservat li r-Renju Unit ma kienx ħa inkunsiderazzjoni b'mod xieraq l-impatt tal-fatt li l-manifatturi ta' prodotti pproċessati minn aggregati li qatt ma kienu ħallsu l-AGL sħiħa fuq il-medja ta' żidiet fil-prezzijiet fl-Irlanda ta' Fuq meta mqabbla ma' żidiet fil-prezzijiet fil-Gran Brittanja fl-2001 u 2002 wara l-introduzzjoni tal-AGL. Ir-Renju Unit issa pprovda stima dwar l-impatt ta' prodotti pproċessati bħal dawn fuq id-dejta li turi li, fil-fatt, il-livell taż-żidiet fil-prezzijiet jindika l-impossibbiltà li tgħaddi l-AGL (ara l-premessa 46).

(109)

Barra minn hekk, f'dak li jirrigwarda d-dimostrazzjoni ta' tnaqqis ta' bejgħ, il-Kummissjoni nnotat li r-Renju Unit ma kienx pprovda spjegazzjonijiet dwar l-iżvilupp ta' swieq tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq wara l-2002. Id-dejta li ġiet ipprovduta wriet żieda fil-produzzjoni mill-2004 sal-2007. Kif indikat fil-premessi 47 sa 49, id-dejta minn kampjun rappreżentattiv tal-produtturi tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq ġiet ipprovduta, inklużi xejriet ta' produzzjoni. Madankollu, dawn jidhru li jkunu segwew mill-qrib ix-xejriet tal-kostruzzjoni u ġew affettwati serjament mir-riċessjoni ekonomika fl-2008 u għalhekk ma jkunux kompletament rilevanti biex juru tnaqqis tal-bejgħ minħabba l-introduzzjoni tal-AGL.

(110)

Il-Kummissjoni nnutat ukoll fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ li ma ġiet ippreżentata l-ebda dejta għall-appoġġ tas-sottomissjoni li ż-żieda fl-ispejjeż affettwat id-dħul tal-operaturi u naqset l-profitti tagħhom. Minkejja diffikultajiet kbar biex tinġabar l-informazzjoni rilevanti, ir-Renju Unit ipprovda informazzjoni b'appoġġ ta' din l-allegazzjoni, kif deskritt fit-Taqsimiet 2.3.4 sa 2.3.7. Barra minn hekk, ir-Renju Unit ipprovda informazzjoni li wriet il-kompetizzjoni kbira li jridu jiffaċjaw il-produtturi tal-aggregat tal-Irlanda ta' Fuq u l-marġnijiet żgħar tagħhom għal żidiet fil-prezzijiet minħabba provvista ikbar ta' prodotti interkambjabbli, in-nuqqas ta' integrazzjoni vertikali tas-suq, għadd kbir ta' produtturi li għandhom ishma żgħar fis-suq (ara l-premessi 34 sa 40).

(111)

Il-Kummissjoni nnutat ukoll, fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, li d-dejta dwar l-elastiċità tal-prezz tad-domanda mitluba enfasizzat il-fatt li d-domanda tkun riġida. Ir-Renju Unit issa wera li d-dejta rispettiva kienet qed tirreferi għar-Renju Unit kollu u ma setgħetx tkun rilevanti għall-Irlanda ta' Fuq biss. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-ispjegazzjonijiet tar-Renju Unit li l-elastiċità speċifika tas-suq tal-Irlanda ta' Fuq ma tistax tiġi kkalkolata.

(112)

Il-Kummissjoni tinnota li, wara kumment tal-BAA li d-dejta ekonomika mressqa mir-Renju Unit, indikat fil-premessi 21 sa 23 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ hija dubjuża u possibilment qarrieqa, ir-Renju Unit ipprovda aktar dejta dettaljata (premessa 27) fir-rigward il-prezzijiet tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq u fil-Gran Brittanja. Id-dejta turi li l-AGL bir-rata sħiħa kienet fil-fatt rappreżentanti ħafna aktar ta' proporzjon tal-prezz tal-bejgħ f'suq diġà soppress.

(113)

Il-Kummissjoni qieset ukoll ir-raġuni għalfejn l-AGL setgħet tiġi mgħoddija fuq il-konsumaturi fil-Gran Brittanja, iżda mhux fl-Irlanda ta' Fuq. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-valutazzjoni tar-Renju Unit kif deskritt fil-premessi 34 sa (40), ikkonfermata mill-Office of Fair Trading (OFT) fir-rapport tiegħu fuq l-Aggregati (30) li s-suq tal-aggregati tal-Irlanda ta' Fuq huwa suq ġeografiku differenti minn dak tal-Gran Brittanja u li jista' jkun hemm inqas diskrezzjoni biex il-produtturi tal-aggregat tal-Irlanda ta' Fuq jgħaddu l-imposta sħiħa lill-klijenti tagħhom.

(114)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-ambitu għal żidiet fil-prezzijiet fl-Irlanda ta' Fuq huwa wkoll limitat, apparentement, fil-parti l-kbira permezz ta' spejjeż tal-produzzjoni ogħla li jiffaċċjaw f'ħafna oqsma. Ir-Renju Unit wera li d-dejta pprovduta minn erba' mill-aħjar ħames kumpaniji fi ħdan l-industrija żvelat li l-marġnijiet ta' qligħ li diġà huma estremament stretti, b'ħafna barrieri jaħdmu b'telf għal xi snin, ukoll minħabba spejjeż ogħla minħabba permessi tal-elettriku u tal-ippjanar (ara l-premessa 25).

(115)

Il-Kummissjoni tinnota li, għalkemm mhux mifruxa fi snin u skont it-tip ta' aggregati, id-dejta pprovduta mir-Renju Unit u deskritta fit-Taqsima 2.3.6, fil-fatt turi li lill-industrija tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq kienet qed tiffaċċja skopertura kummerċjali għolja, b'mod ġenerali aktar minn 10 % u laħqet il-24,25 %. Kif ġie osservat mir-Renju Unit, minħabba importazzjonijiet li ma ġewx iddikjarati mill-Irlanda ta' Fuq, l-espożizzjoni għall-kummerċ tista' possibbilment anke tkun ħafna ogħla. Fil-prattika preċedenti tagħha (31), il-Kummissjoni diġà kkunsidrat li esponiment tal-kummerċ li jaqbeż l-10 % jikkostitwixxi riskju għall-kompetittività tal-industrija rispettiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li skopertura kummerċjali għolja flimkien ma' ishma tas-suq baxxi tagħmilha impossibbli li jiġu mgħoddija l-ispejjeż addizzjonali sostanzjali fuq il-klijenti (32) mingħajr fil-volumi ta' bejgħ.

(116)

Il-Kummissjoni madankollu tinnota li d-dejta ta' asfalt u ramel ma ssegwix din it-tendenza u għandha ħafna inqas skopertura għall-kummerċ. Madankollu, ramel u asfalt ma jsegwux l-istess xejriet bħall-aggregat mhux ipproċessat ieħor jew ipproċessat. B'mod ġenerali, iċ-ċifri juru tnaqqis fl-importazzjonijiet u fl-esportazzjonijiet. Madankollu, l-importazzjonijiet tar-ramel u l-asfalt jidhru li rduppjaw f'dawn l-aħħar snin. Li, naturalment, jaffettwa l-kalkolu tal-parametru ta' skopertura għall-kummerċ. Għandu jissemma wkoll li l-aggregati proċessati importati qatt ma kienu responsabbli għall-AGL, li jfisser li wara s-sospensjoni ta' eżenzjoni tal-AGL, meta l-asfalt fl-Irlanda ta' Fuq kien suġġett għall-AGL sħiħa, l-asfalt importat awtomatikament ġie ferm irħas. Għaldaqstant, it-tendenza tal-importazzjonijiet tista' tiġi influwenzata minn din id-differenza fil-prezz.

(117)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li s-suq tal-aggregat għal kull tip ta' aggregat pur jirrappreżenta suq ta' prodott uniku. Dan huwa minħabba l-interkambjalità ta' aggregati mhux ipproċessati differenti u ġiet ikkonfermata mill-OFT fir-rapport tagħha tal-2012 (33) meta evalwat is-swieq għal aggregati (aggregat pur), siment u konkrit mħallat lest u ma qassmitx is-suq tal-aggregat. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-diversi livelli ta' esponiment ta' kummerċ għal ramel u asfalt b'paragun ma' tipi oħra ta' aggregati mhumiex rilevanti għall-valutazzjoni tagħha hekk kif l-ewwel nett, ramel u asfalt huma meħudin flimkien, meta dawn huma fi swieq ta' prodotti differenti, ramel li jappartjeni għall-ewwel kategorija ta' blat imfarrak aggregat u asfalt li hu aggregat ipproċessat, u, it-tieni nett, iċ-ċifri huma influwenzati minn xejriet tal-importazzjonijiet, probabbilment dwar asfalt.

(118)

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-Renju Unit issa wera li żieda sinifikanti fl-ispejjeż tal-produzzjoni minħabba l-AGL ma setgħetx tiġi riflessa mingħajr tnaqqis importanti fil-bejgħ u li l-kundizzjoni tal-kompatibbiltà li hemm fil-punt 158(c) tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2008 jintlaħaq.

(119)

Il-Kummissjoni għalhekk tista' tikkonkludi pożittivament dwar l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura mal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat fuq il-bażi tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2008.

6.   KONKLUŻJONI

(120)

Kif spjegat fil-premessa 40 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni kkonstatat li r-Renju Unit kien implimenta illegalment l-eżenzjoni mmodifikata tal-AGL fl-Irlanda ta' Fuq bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Madankollu, il-Kummissjoni, fid-dawl tal-obbligi għar-rimedju retroattiv meħud mir-Renju Unit, sabet li l-eżenzjoni tal-AGL modifikata hija kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat fuq il-bażi tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2001 u tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2008.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-eżenzjoni modifikata tal-Imposta fuq l-Aggregat li r-Renju Unit implimenta bejn l-1 ta' April 2004 u t-30 ta' Novembru 2010 hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, sakemm ir-Renju Unit jissodisfa l-impenji stipulati fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

1.   Biex ineħħu d-diskriminazzjoni li sofrew il-kumpaniji li importaw l-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq fil-ħlas sħiħ tal-Imposta tal-Aggregat mingħajr ma setgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni modifikata minn dik l-Imposta applikata fl-Irlanda ta' Fuq, l-awtoritajiet tar-Renju Unit għandhom jimplimentaw mekkaniżmu biex b'mod retroattiv iħallsu lura 80 % tal-imposti kollha miġburin minn importaturi tal-aggregat fl-Irlanda ta' Fuq, bejn l-1 ta' April 2004 u t-30 ta' Novembru 2010.

2.   Il-mekkaniżmu ta' rimborż għandu jipprovdi għal perjodu ta' reġistrazzjoni ta' sena mad-Dipartiment tal-Ambjent tal-Irlanda ta' Fuq mid-data tal-pubblikazzjoni tal-abbozz ta' leġiżlazzjoni. Il-mekkaniżmu ta' rimborż għandu jdum għal erba' snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

3.   Ir-rimborż għandu jkun stabbilit b'liġi għall-Karta tal-Finanzi li jmiss fattibbli wara din id-Deċiżjoni.

4.   Il-mekkaniżmu ta' rimborż ma għandux ikun limitat f'termini tad-daqs tal-fond u se jinkludi ħlasijiet ta' imgħax b'rata ikkalkulata skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 659/1999.

5.   Ir-Renju Unit għandu jippubbliċizza b'mod estensiv il-mekkaniżmu tar-rimborż, inkluż permezz ta' reklamar fl-istampa nazzjonali fl-Irlanda ta' Fuq u r-Repubblika tal-Irlanda.

Artikolu 3

Fi żmien sena mid-data li fiha din id-Deċiżjoni tiġi nnotifikata, ir-Renju Unit għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda sabiex jikkonforma magħha.

Huwa għandu jibgħat lill-Kummissjoni rapporti annwali dwar il-progress tal-proċedura ta' rimborż imsemmija fl-Artikolu 2, li jibdew mid-data li fiha din id-Deċiżjoni tiġi nnotifikata sa tmiem il-perjodu ta' erba' snin imsemmi fl-Artikolu 2(2).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Awwissu 2014.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  ĠU C 245, 24.8.2011, p. 10 b'Rettifika fil-ĠU C 328, 11.11.2011, p. 11.

(2)  L-introduzzjoni f'fażijiet tal-imposta tal-aggregati.

(3)  ĠU C 133, 5.6.2002, p. 11.

(4)  ĠU C 81, 2.4.2005, p. 4.

(5)  Il-Każ T-359/04 British Aggregates a. o. vs Il-Kummissjoni, sentenza tad-9 ta' Settembru 2010, 2010 II-04227.

(6)  Idem [1].

(7)  L-AGL hija applikata għal aggregat importat mhux maħdum, iżda mhux għal aggregat li jkun jinsab fi prodotti proċessati importati.

(8)  Fit-2 ta' April 2008, jiġifieri l-ġurnata li minnha kienu applikabbli l-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2008, il-livell tal-AGL kien ta' GBP/tunnellata 1,95.

(9)  ĠU C 37, 3.2.2001, p. 3.

(10)  L-aggregat estratt fl-Irlanda ta' Fuq u mibgħut lejn kwalunkwe destinazzjoni fil-Gran Brittanja kien suġġett għall-AGL bir-rata sħiħa. Dak kien ukoll il-każ għall-aggregat estratt fl-Irlanda ta' Fuq li kien użat fil-manifattura ta' prodotti pproċessati ttrasportati lejn il-Gran Brittanja. Li żgura li l-aggregat u prodotti pproċessati mill-Irlanda ta' Fuq ma kellhomx vantaġġ kompetittiv fis-suq tal-Gran Brittanja.

(11)  L-informazzjoni ġiet sottomessa mir-Renju Unit għall-finijiet ta' valutazzjoni tal-miżura fuq il-bażi tal-Linji gwida għall-Għajnuna Ambjentali tal-2008. Dikjarazzjoni tal-2009 tal-Minerali DETI.

(12)  L-ispejjeż ta' distribuzzjoni jiddependu fuq id-distanzi tat-trasport tal-merkanzija, bl-ispejjeż tat-trasportazzjoni tal-merkanzija fil-medda ta' GBP 0,15-0,20 għal kull tunnellata għal kull mil, b'aggregat li qed jitwassal f'żona 10 sa 15-il mil, jiddependi fuq iċ-ċirkostanzi lokali.

(13)  Dejta għall-Irlanda ta' Fuq minn mill-Istħarriġ Annwali tal-Minerali tad-Dipartiment tal-Intrapriżi, tal-Kummerċ u tal-Investiment tal-Irlanda ta' Fuq u dejta għall-Gran Brittanja minn ONS, liema dejta hi miġbura permezz tal-Istħarriġ Annwali tal-Minerali Misjuba.

(*)  Sigriet kummerċjali.

(14)  Il-konċentrazzjoni ta' numru żgħir ta' kumpaniji kbar u l-integrazzjoni vertikali tal-operazzjonijiet tagħhom ngħataw bħala uħud mir-raġunijiet għall-Uffiċċju tal-Kummerċ Ġust biex jirreferi għas-swieq tal-aggregati, tas-siment u l-konkrit għall-Kummissjoni tal-Kompetizzjoni f'Awwissu 2011. Fl-istess perjodu ta' riferiment, l-Uffiċċju tal-Kummerċ Ġust jiddistingwi s-suq tal-Irlanda ta' Fuq mis-suq ġenerali tar-Renju Unit minħabba l-karatteristiċi tiegħu. Barra minn hekk, l-Uffiċċju tal-Kummerċ Ġust qies li s-suq tal-aggregat tal-Irlanda ta' Fuq ma joħloqx l-istess tħassib dwar il-kompetizzjoni bħas-suq ġenerali tar-Renju Unit.

(15)  Dawn l-aktar li jiddependu fuq ċifri mir-rapport ta' Grant Thornton's InterTradeIreland, ippubblikat fl-2012, u l-projezzjoni tad-dejta 'l quddiem u lura skont il-bidliet perċentwali annwali b'mod ġenerali fil-produttività tal-kostruzzjoni fl-Irlanda ta' Fuq. Iċ-ċifri kienu wkoll verifikati bħala li jkunu stimi ġusti minn operaturi ewlenin fi ħdan l-industrija.

(16)  Ir-Renju Unit wera li l-importazzjoni ta' prodotti ta' asfalt u ramel żdied f'daqqa fis-snin 2011-12 wara s-sospensjoni tal-AGL fl-2010. Madankollu, bħala riżultat tar-regoli ta' żvelar tal-HMRC, huwa diffiċli li tagħraf kemm minn din iż-żieda hija minħabba r-ramel u kemm minnha hija r-riżultat ta' prodotti pproċessati tal-asfalt. Madankollu, huwa probabbli li proporzjon kbir ta' dik iż-żieda huwa attribwibbli f'prodotti pproċessati tal-asfalt importati mir-Repubblika tal-Irlanda. Filwaqt li r-ramel xorta jkun suġġett għall-AGL meta jkun importat fir-Renju Unit, prodotti pproċessati tal-asfalt mhumiex u għalhekk ikunu jistgħu jibbenefikaw minn spejjeż ta' produzzjoni aktar baxxi u jkunu aktar kompetittivi fuq l-istess suq fl-Irlanda ta' Fuq minn asfalt lokali.

(17)  Avviż mill-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni ta' għajnuna mill-Istat illegali (ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22).

(18)  Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali tal-2008 (ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1).

(19)  Ara: http://webarchive.nationalarchives.gov.uk/20140402142426/http://www.oft.gov.uk/OFTwork/markets-work/aggregates/, aċċessat fit-18 ta' Lulju 2014.

(20)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 [illum l-Artikolu 108 tat-Trattat], (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(21)  C-199/06 — CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, paragrafu 63, 2008 I-00469.

(22)  C-1/09 — CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, paragrafu 45, 2010 I-02099. Ara wkoll T-116/01 — P & O European Ferries (Vizcaya) vs Il-Kummissjoni, paragrafu 205, 2003 II-02957.

(23)  Ara l-każ C-221/06, Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten, paragrafi 56-73, 2007 I-09643

(24)  Idem 22

(25)  E. Szyszczak, Research Handbook on European State Aid Law, Edward Elgar Publishing Limited, UK, 2011, p. 287.

(26)  C-43/02 (ex NN 75/01) — il-Lussemburgu, C-7/05 — is-Slovenja, NN 162/A/2003 u N 317/A/2006 — l-Awstrija, C-4/09 (ex N 679/97) — Franza.

(27)  HMRC amministra l-iskema tal-imposta u ta' eżenzjoni.

(28)  Negozji fir-Renju Unit huma normalment meħtieġa li jżommu reġistri tat-taxxa għal sitt snin għal skopijiet ta' taxxa fuq l-aggregat.

(29)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).

(30)  Aggregati — Ir-raġuni tal-OFT biex issir referenza tal-investigazzjoni tas-suq lill-Kummissjoni tal-kompetizzjoni minn Jannar 2012

(31)  N 327/08 — id-Danimarka, premessa 64.

(32)  Idem 31, premessa 66.

(33)  Idem 29