9.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 235/37


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1506

tat-8 ta' Settembru 2015

li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet marbutin mal-formati tal-firem elettroniċi avvanzati u tas-siġilli avvanzati li għandhom jiġu rrikonoxxuti mill-entitajiet tas-settur pubbliku skont l-Artikoli 27(5) u 37(5) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 27(5) u 37(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Jeħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw il-mezzi tekniċi meħtieġa li jippermettulhom jipproċessaw id-dokumenti ffirmati elettronikament li jkunu mitluba meta wieħed juża servizz onlajn offrut minn entità tas-settur pubbliku jew f'isimha.

(2)

Lill-Istati Membri li jeħtieġu firma jew siġill elettroniku avvanzat għall-użu ta' servizz onlajn offrut minn entità tas-settur pubbliku jew f'isimha, ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 jobbligahom jirrikonixxu l-firem u s-siġilli elettroniċi avvanzati, il-firem u s-siġilli elettroniċi avvanzati ibbażati fuq ċertifikat ikkwalifikat u l-firem u s-siġilli elettroniċi kkwalifikati f'formati speċifiċi, jew f'formati alternattivi vvalidati skont metodi ta' referenza speċifiċi.

(3)

Biex jiġu ddefiniti l-formati u l-metodi ta' referenza speċifiċi, għandhom jitqiesu l-prattiki, l-istandards u l-atti legali tal-Unjoni eżistenti.

(4)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/148/UE (2) iddefiniet x'uħud mill-formati l-iktar komuni tal-firem elettroniċi avvanzati li l-Istati Membri għandhom jappoġġaw mil-lat tekniku meta jitolbu l-firem elettroniċi avvanzati għal proċedura amministrattiva fuq l-Internet. L-għan tal-istabbiliment tal-formati ta' referenza huwa li jiffaċilita l-validazzjoni transfruntiera tal-firem elettroniċi u li jtejjeb l-interoperabbiltà transfruntiera tal-proċeduri elettroniċi.

(5)

L-istandards elenkati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni huma l-istandards eżistenti għall-formati tal-firem elettroniċi avvanzati. Minħabba r-reviżjoni tal-forom arkivjali fit-tul tal-formati referenzjati li qed jagħmlu bħalissal-entitajiet tal-istandardizzazzjoni, l-istandards li jiddettaljaw l-arkivjar fit-tul huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Meta l-verżjoni l-ġdida tal-istandards referenzjati tkun disponibbli, se jiġu riveduti r-referenzi għall-istandards u l-klawżoli dwar l-arkivjar fit-tul.

(6)

Il-firem elettroniċi avvanzati u s-siġilli elettroniċi avvanzati huma simili mil-lat tekniku. Għaldaqstant, l-istandards għall-formati tal-firem elettroniċi avvanzati għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-formati għas-siġilli elettroniċi avvanzati.

(7)

Fejn għall-iffirmar jew għas-siġillar jintużaw formati tal-firem jew tas-siġilli elettroniċi li ma jkunux dawk appoġġjati teknikament b'mod komuni, għandhom jiġu pprovduti mezzi ta' validazzjoni li jippermettu li l-firem jew is-siġilli elettroniċi jiġi vverifikati b'mod transfruntier. Sabiex l-Istati Membri riċevituri jkunu jistgħu jserrħu fuq dawk l-għodod ta' validazzjoni ta' Stat Membru ieħor, jeħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni faċilment aċċessibbli dwar dawk l-għodod ta' validazzjoni billi l-informazzjoni tiġi inkluża fid-dokumenti elettroniċi, fil-firem elettroniċi jew fil-kontenituri tad-dokumenti elettroniċi.

(8)

Fejn ikunu disponibbli possibbiltajiet ta' validazzjoni ta' firma jew ta' siġill elettroniku xierqa għall-ipproċessar awtomatiku fis-servizzi pubbliċi ta' Stat Membru, it-tali possibbiltajiet ta' validazzjoni għandhom jiġu pprovduti lill-Istat Membru riċevitur u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu. Madankollu, din id-Deċiżjoni ma għandhiex tkun ta' xkiel għall-applikazzjoni tal-Artikoli 27(1) u (2) u 37(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 f'każijiet fejn l-ipproċessar awtomatiku tal-possibbiltajiet ta' validazzjoni għal metodi alternattivi ma jkunx possibbli.

(9)

Sabiex jiġu pprovduti rekwiżiti komparabbli għall-validazzjoni, u sabiex tiżdied il-fiduċja fil-possibbiltajiet ta' validazzjoni fornuti mill-Istati Membri għal formati oħrajn ta' firem jew ta' siġilli elettroniċi li jkunu differenti minn dawk appoġġjati b'mod komuni, ir-rekwiżiti stipulati f'din id-Deċiżjoni għall-għodod ta' validazzjoni huma bbażati fuq ir-rekwiżiti għall-validazzjoni tal-firem u tas-siġilli elettroniċi kkwalifikati msemmija fl-Artikoli 32 u 40 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

(10)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri li jeħtieġu firma elettronika avvanzata jew firma elettronika avvanzata bbażata fuq ċertifikat ikkwalifikat kif stipulat fl-Artikolu 27(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, għandhom jirrikonoxxu l-firem elettroniċi avvanzati fil-format XML, CMS jew PDF li jkollhom il-livell ta' konformità B, T jew LT jew li jkunu jużaw kontenitur ta' firem assoċjat, meta dawk il-firem ikunu jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi elenkati fl-Anness.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri li jeħtieġu firma elettronika avvanzata jew firma elettronika avvanzata bbażata fuq ċertifikat ikkwalifikat kif stipulat fl-Artikolu 27(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, għandhom jirrikonoxxu formati oħrajn ta' firem elettroniċi li jkunu differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni, dejjem jekk l-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-fornitur tas-servizz ta' fiduċja użat mill-firmatarju joffri lill-Istati Membri l-oħra possibbiltajiet ta' validazzjoni tal-firem li jkunu xierqa, fejn dan ikun possibbli, għall-ipproċessar awtomatiku.

2.   Il-possibbiltajiet ta' validazzjoni tal-firem:

(a)

għandhom jippermettu lill-Istati Membri l-oħra jivvalidaw il-firem elettroniċi rċevuti permezz tal-Internet, mingħajr ħlas u b'mod li jinftiehem mill-kelliema mhux nattivi;

(b)

għandhom ikunu indikati fid-dokument iffirmat, fil-firma elettronika jew fil-kontenitur tad-dokument elettroniku; u

(c)

għandhom jikkonfermaw il-validità ta' firma elettronika avvanzata, dejjem jekk:

(1)

iċ-ċertifikat li jappoġġa l-firma elettronika avvanzata kien validu fil-mument tal-iffirmar u, meta l-firma elettronika avvanzata tkun appoġġjata minn ċertifikat ikkwalifikat, jekk iċ-ċertifikat ikkwalifikat li jappoġġa l-firma elettronika avvanzata kien ċertifikat ikkwalifikat għall-firma elettronika li jikkonforma mal-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 fil-mument tal-iffirmar u nħareġ minn fornitur ta' servizz ta' fiduċja kkwalifikat;

(2)

id-dejta ta' validazzjoni tal-firma tikkorrispondi mad-dejta pprovduta lill-parti dipendenti;

(3)

is-sett uniku ta' dejta li jirrappreżenta l-firmatarju jkun ingħata b'mod korrett lill-parti dipendenti;

(4)

l-użu ta' kwalunkwe psewdonimu jkun indikat b'mod ċar lill-parti dipendenti jekk ikun intuża psewdonimu fil-mument tal-iffirmar;

(5)

meta l-firma elettronika avvanzata tinħoloq permezz ta' tagħmir għall-ħolqien ta' firma elettronika kkwalifikat, l-użu tat-tali tagħmir ikun indikat biċ-ċar lill-parti dipendenti;

(6)

l-integrità tad-dejta ffirmata ma tkunx ġiet kompromessa;

(7)

ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 kienu ġew issodisfati fil-mument tal-iffirmar;

(8)

is-sistema użata għall-validazzjoni tal-firma elettronika avvanzata lill-parti dipendenti tipprovdilha r-riżultat korrett tal-proċess tal-validazzjoni u tippermettilha tinduna bi kwalunkwe kwistjoni rilevanti marbuta mas-sigurtà.

Artikolu 3

L-Istati Membri li jeħtieġu siġill elettroniku avvanzat jew siġill elettroniku avvanzat ibbażat fuq ċertifikat ikkwalifikat kif stipulat fl-Artikolu 37(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, għandhom jirrikonoxxu s-siġilli elettroniċi avvanzati fil-format XML, CMS jew PDF li jkollhom il-livell ta' konformità B, T jew LT jew li jkunu jużaw kontenitur ta' siġilli assoċjat, meta dawk is-siġilli jkunu jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi elenkati fl-Anness.

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri li jeħtieġu siġill elettroniku avvanzat jew siġill elettroniku avvanzat ibbażat fuq ċertifikat ikkwalifikat kif stipulat fl-Artikolu 37(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, għandhom jirrikonoxxu formati oħrajn ta' siġilli elettroniċi li jkunu differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 3 ta' din id-Deċiżjoni, dejjem jekk l-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-fornitur tas-servizz ta' fiduċja użat minn min ħalaq is-siġill joffri lill-Istati Membri l-oħra possibbiltajiet ta' validazzjoni tas-siġilli li jkunu xierqa, fejn dan ikun possibbli, għall-ipproċessar awtomatiku.

2.   Il-possibbiltajiet ta' validazzjoni tas-siġilli:

(a)

għandhom jippermettu lill-Istati Membri l-oħra jivvalidaw is-siġilli elettroniċi rċevuti permezz tal-Internet, mingħajr ħlas u b'mod li jinftiehem mill-kelliema mhux nattivi;

(b)

għandhom ikunu indikati fid-dokument issiġillat, fis-siġill elettroniku jew fil-kontenitur tad-dokument elettroniku;

(c)

għandhom jikkonfermaw il-validità ta' siġill elettroniku avvanzat, dejjem jekk:

(1)

iċ-ċertifikat li jappoġġa s-siġill elettroniku avvanzat kien validu fil-mument tal-iffirmar, u meta s-siġill elettroniku avvanzat ikun appoġġjat minn ċertifikat ikkwalifikat, jekk iċ-ċertifikat ikkwalifikat li jappoġġa s-siġill elettroniku avvanzat kien ċertifikat ikkwalifikat għas-siġill elettroniku li jikkonforma mal-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 fil-mument tal-iffirmar u nħareġ minn fornitur ta' servizz ta' fiduċja kkwalifikat;

(2)

id-dejta ta' validazzjoni tas-siġill tikkorrispondi mad-dejta pprovduta lill-parti dipendenti;

(3)

is-sett uniku ta' dejta li jirrappreżenta lil min ħalaq is-siġill ikun ingħata b'mod korrett lill-parti dipendenti;

(4)

l-użu ta' kwalunkwe psewdonimu jkun indikat b'mod ċar lill-parti dipendenti jekk ikun intuża psewdonimu fil-mument tas-siġillar;

(5)

meta s-siġill elettroniku avvanzat jinħoloq permezz ta' tagħmir għall-ħolqien ta' siġill elettroniku kkwalifikat, l-użu tat-tali tagħmir ikun indikat biċ-ċar lill-parti dipendenti;

(6)

l-integrità tad-dejta ssiġillata ma tkunx ġiet kompromessa;

(7)

ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 kienu ġew issodisfati fil-mument tas-siġillar;

(8)

is-sistema użata għall-validazzjoni tas-siġill elettroniku avvanzat lill-parti dipendenti tipprovdilha r-riżultat korrett tal-proċess tal-validazzjoni u tippermettilha tinduna bi kwalunkwe kwistjoni rilevanti marbuta mas-sigurtà.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha torbot fl-intier tagħha u tapplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Settembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/148/UE tas-17 ta' Marzu 2014 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/130/UE li tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-ipproċessar transkonfinali ta' dokumenti ffirmati elettronikament minn awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 80, 19.3.2014, p. 7).


ANNESS

Lista ta' speċifikazzjonijiet tekniċi għall-firem elettroniċi avvanzati fil-format XML, CMS jew PDF u għall-kontenitur tal-firem assoċjat

Il-firem elettroniċi avvanzati msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni għandhom jikkonformaw ma' waħda mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ETSI li ġejjin, minbarra l-klawżola 9 tagħhom:

Profil bażiku XAdES

ETSI TS 103171 v.2.1.1. (1)

Profil bażiku CAdES

ETSI TS 103173 v.2.2.1. (2)

Profil bażiku PAdES

ETSI TS 103172 v.2.2.2. (3)

Il-kontenitur tal-firem assoċjat imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni għandu jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ETSI li ġejjin:

Profil bażiku tal-Kontenitur tal-Firem Assoċjat

ETSI TS 103174 v.2.2.1 (4)

Lista ta' speċifikazzjonijiet tekniċi għas-siġilli elettroniċi avvanzati fil-format XML, CMS jew PDF u għall-kontenitur tas-siġilli assoċjat

Is-siġilli elettroniċi avvanzati msemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni għandhom jikkonformaw ma' waħda mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ETSI li ġejjin, minbarra l-klawżola 9 tagħhom:

Profil bażiku XAdES

ETSI TS 103171 v.2.1.1

Profil bażiku CAdES

ETSI TS 103173 v.2.2.1

Profil bażiku PAdES

ETSI TS 103172 v.2.2.2

Il-kontenitur tas-siġilli assoċjat imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni għandu jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ETSI li ġejjin:

Profil bażiku tal-Kontenitur tas-Siġilli Assoċjat

ETSI TS 103174 v.2.2.1


(1)  http://www.etsi.org/deliver/etsi_ts/103100_103199/103171/02.01.01_60/ts_103171v020101p.pdf

(2)  http://www.etsi.org/deliver/etsi_ts/103100_103199/103173/02.02.01_60/ts_103173v020201p.pdf

(3)  http://www.etsi.org/deliver/etsi_ts/103100_103199/103172/02.02.02_60/ts_103172v020202p.pdf

(4)  http://www.etsi.org/deliver/etsi_ts/103100_103199/103174/02.02.01_60/ts_103174v020201p.pdf