29.7.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 199/43 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1302
tat-28 ta' Lulju 2015
dwar l-identifikazzjoni tal-profili tal-“Integrating the Healthcare Enterprise” għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(1) tiegħu,
Wara li kkonsultat il-Pjattaforma Ewropea ta' bosta Partijiet Interessati dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICT u l-esperti fis-settur,
Billi:
(1) |
L-istandardizzazzjoni għandha rwol importanti fil-ħidma favur l-Istrateġija Ewropa 2020, kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (2). Diversi inizjattivi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 jisħqu fuq l-importanza tal-istandardizzazzjoni volontarja fis-swieq tal-prodotti jew tas-servizzi sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà bejn il-prodotti u s-servizzi, sabiex jitrawwem l-iżvilupp teknoloġiku u sabiex jingħata appoġġ lill-innovazzjoni. |
(2) |
It-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali hija prijorità ewlenija għall-Unjoni Ewropea, kif ġie enfasizzat fl-Istrateġija Annwali ta' Tkabbir għall-2015 (3). Il-Kummissjoni nediet l-istrateġija għas-Suq Uniku Diġitali (4), li fiha ġie enfasizzat ir-rwol tal-istandardizzazzjoni u tal-interoperabbiltà fil-ħolqien ta' Ekonomija Ewropea diġitali b'potenzjal ta' tkabbir fit-tul. |
(3) |
Fis-soċjetà diġitali, l-istrumenti tal-istandardizzazzjoni huma indispensabbli biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tat-tagħmir, l-applikazzjonijiet, ir-repożitorji tad-dejta, is-servizzi u n-netwerks. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Viżjoni strateġika għal standards Ewropej: Il-mixja 'l quddiem biex jittejjeb u jitħaffef it-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Ewropea sal-2020” (5) tagħraf l-ispeċifiċità tal-istandardizzazzjoni tal-ICT, fejn is-soluzzjonijiet, l-applikazzjonijiet u s-servizzi tal-ICT ħafna drabi jiġu żviluppati minn Fora u Konsorzji globali tal-ICT li saru organizzazzjonijiet ewlenin għall-iżvilupp tal-istandards tal-ICT. |
(4) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 għandu l-għan li jimmodernizza u jtejjeb il-qafas Ewropew tal-istandardizzazzjoni. Huwa jistabbilixxi sistema li biha l-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tidentifika l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT li huma l-iktar rilevanti u aċċettati b'mod wiesa' maħruġin minn organizzazzjonijiet li mhumiex organizzazzjonijiet nazzjonali, Ewropej jew internazzjonali tal-istandardizzazzjoni. Il-possibbiltà li tintuża l-medda sħiħa tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT fl-akkwist ta' ħardwer, softwer u servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni se tippermetti l-interoperabbiltà, se tgħin sabiex jiġu evitati r-restrizzjonijiet għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u se tħeġġeġ il-kompetizzjoni fil-provvista ta' soluzzjonijiet interoperabbli tal-ICT. |
(5) |
L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT li jistgħu jkunu eliġibbli għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012. Il-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti tiggarantixxi lill-awtoritajiet pubbliċi li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT huma stabbiliti skont il-prinċipji tal-aċċess miftuħ, tal-imparzjalità, tal-oġġettività u tan-nondiskriminazzjoni li huma rrikonoxxuti mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fil-qasam tal-istandardizzazzjoni. |
(6) |
Id-deċiżjoni li tiġi identifikata l-ispeċifikazzjoni tal-ICT għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Pjattaforma Ewropea ta' bosta Partijiet Interessati dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICT, stabbilita permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/C 349/04 (6) ikkumplimentata minn forom oħra ta' konsultazzjoni ma' esperti fis-settur. |
(7) |
Fit-2 ta' Ottubru 2014, il-Pjattaforma Ewropea ta' bosta Partijiet Interessati dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICT evalwat 27 profil tal-“Integrating the Healthcare Enterprise” (IHE) billi qabblithom mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 u tat parir pożittiv dwar l-identifikazzjoni tagħhom għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku. Wara, l-evalwazzjoni tas-27 profil tal-IHE ntbagħtet lin-Netwerk tas-servizzi elettroniċi fil-qasam tas-saħħa stabbilit permezz tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) għall-konsultazzjoni tiegħu, li kkonferma l-parir pożittiv dwar l-identifikazzjoni tagħhom. |
(8) |
L-IHE tiżviluppa speċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT fil-qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni tal-kura tas-saħħa. Is-27 profil tal-IHE huma speċifikazzjonijiet iddettaljati żviluppati fuq perjodu ta' 15-il sena fil-kumitati tal-IHE li jtejbu kemm jista' jkun l-għażla ta' standards stabbiliti sew li jiddeskrivu l-livelli differenti tal-interoperabbiltà (jiġifieri l-livelli tal-komunikazzjoni tal-protokolli u l-livelli tekniċi, sintattiċi, semantiċi u ta' applikazzjoni) bil-ħsieb li jinstabu soluzzjonijiet tal-interoperabbiltà għall-iskambju tad-dejta medika u l-qsim tagħha. |
(9) |
Is-27 profil tal-IHE għandhom il-potenzjal iżidu l-interoperabbiltà tas-servizzi u l-applikazzjonijiet elettroniċi fil-qasam tas-saħħa għall-benefiċċju tal-pazjenti u tal-komunità medika. Għalhekk, is-27 profil tal-IHE għandhom ikunu identifikati bħala speċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT li huma eliġibbli għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-profili tal-“Integrating the Healthcare Enterprise” imniżżlin fl-Anness I huma eliġibbli għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Lulju 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.
(2) COM(2010) 2020 finali tat-3 ta' Marzu 2010.
(3) COM(2014) 902.
(4) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa COM(2015) 192 final tas-6 ta' Mejju 2015.
(5) COM(2011) 311 finali tal-1 ta' Ġunju 2011.
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/C 349/04 tat-28 ta' Novembru 2011 li twaqqaf Pjattaforma Ewropea ta' bosta Partijiet Interessati dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICT (ĠU C 349, 30.11.2011, p. 4).
(7) Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45).
ANNESS
LISTA TAL-PROFILI TAL-“INTEGRATING THE HEALTHCARE ENTERPRISE” LI HUMA ELIĠIBBLI GĦAR-REFERENZJAR FL-AKKWIST PUBBLIKU
1. |
IHE XCPD: Cross-Community Patient Discovery; |
2. |
IHE XCA: Cross-Community Access; |
3. |
IHE XCF: Cross-Community Fetch; |
4. |
IHE XDR: Cross-Enterprise Document Reliable Interchange; |
5. |
IHE CT: Consistent Time; |
6. |
IHE ATNA: Audit Trail and Node Authentication; |
7. |
IHE BPPC: Basic Patient Privacy Consents; |
8. |
IHE XUA: Cross-Enterprise User Assertion; |
9. |
IHE PRE: Pharmacy Prescription; |
10. |
IHE DIS: Pharmacy Dispense; |
11. |
IHE XPHR: Exchange of Personal Health Record Content; |
12. |
IHE XD-MS: Cross-Enterprise Sharing of Medical Summaries Integration Profile; |
13. |
IHE XD-SD: Cross-Enterprise Sharing of Scanned Documents; |
14. |
IHE PIX: Patient Identifier Cross-Referencing; |
15. |
IHE PDQ: Patient Demographics Query; |
16. |
IHE XDS.b: Cross-Enterprise Document Sharing; |
17. |
IHE XDS-I.b: Cross-Enterprise Document Sharing for Imaging; |
18. |
IHE XD-LAB: Laboratory Reports; |
19. |
IHE XDM: Cross-Enterprise Document Media Interchange; |
20. |
IHE SVS: Sharing Value Sets; |
21. |
IHE SWF: Radiology Scheduled Workflow; |
22. |
IHE SWF.b: Radiology Scheduled Workflow; |
23. |
IHE PIR: Patient Information Reconciliation; |
24. |
IHE PAM: Patient Administration Management; |
25. |
IHE LTW: Laboratory Testing Workflow; |
26. |
IHE LCSD: Laboratory Code Sets Distribution; |
27. |
IHE LWA: Laboratory Analytical Workflow. |