14.7.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 185/23 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1143
tat-13 ta' Lulju 2015
dwar il-pubblikazzjoni b'restrizzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-proċeduri nazzjonali tar-referenza tal-istandard EN 60335-2-15:2002 dwar rekwiżiti partikolari għal apparati għat-tisħin ta' likwidi skont id-Direttiva 2006/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-vultaġġ (1),u b'mod partikolari t-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5 tagħha,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u b'mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 11(1) tiegħu,
Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma għad-Direttiva dwar il-Vultaġġ Baxx,
Billi:
(1) |
Fejn standard nazzjonali li jittrasponi standard armonizzat, li r-referenza tiegħu tkun ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-proċeduri nazzjonali, ikun ikopri wieħed jew iktar mill-elementi tal-objettivi tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2006/95/KE, l-apparat elettriku, iddisinjat għall-użu f'ċerti vultaġġi biss u mibni skont dan l-istandard, ikun meqjus li jikkonforma mar-rekwiżiti ta' sikurezza rilevanti. |
(2) |
F'Settembru 2014 Ċipru ressaq oġġezzjoni formali għall-istandard EN 60335-2-15:2002, kif emendat l-aħħar b'A11:2012, “Household and similar electrical appliances — Safety — Part 2-15: particular requirements for appliances for heating liquids”. |
(3) |
L-oġġezzjoni formali ta' Ċipru tiddikjara li l-istandard EN 60335-2-15:2002, kif l-aħħar emendat b'A11:2012, ma fihx dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kafè jew apparat ta' użu ġenerali maħsub, jew magħrufa mill-esperjenza li jintuża għat-tħejjija ta' ċertu tip ta' kafè jew għat-tisħin ta' ċerti likwidi (eż. ħalib). Dan l-apparat elettriku jikkonsisti minn kazzola miftuħa b'element ġo fiha fil-qiegħ għat-tisħin u manku. L-element li jsaħħan jiġi enerġizzat billi l-kazzola titqiegħed fuq bażi elettrika permezz ta' konnettur tond bi plakka u sokit simili għal dak tal-ktieli konvenzjonali. Qabel jagħli, il-kafè mitħun ifawwar ġol-kazzola u minħabba l-enerġija tas-sħana maħżuna fl-apparat, il-kafè sħun ifur, anke jekk l-operazzjoni titwaqqaf aktar tard jew l-apparat jitneħħa mill-bażi tiegħu. It-tisħin tal-ħalib għandu l-istess karatteristiċi ta' fawrien. Bħala riżultat, hemm riskju ta' ħruq serju meta l-likwidu li jkun qed jagħli jaqa' fuq il-ġilda tal-utenti jew ta' xi tfal li jkunu ħdejhom u l-istandard bħala tali ma jagħtix preżunzjoni ta' konformità mad-Direttiva 2006/95/KE. |
(4) |
Wara li eżaminat l-istandard EN 60335-2-15:2002, kif l-aħħar emendat bi A11:2012, il-Kummissjoni flimkien mar-rappreżentanti tal-Grupp ta' Ħidma għad-Direttiva ta' Vultaġġ Baxx ikkonkludiet li l-istandard ma jissodisfax l-għanijiet tas-sikurezza previsti fil-punt 1 (d) flimkien mal-punt 2(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2006/95/KE. |
(5) |
Minħabba l-aspetti tas-sikurezza li jridu jittejbu u sakemm l-istandard jiġi rivedut kif xieraq, ir-referenza tal-istandard EN 60335-2-15:2002, kif emendat l-aħħar b'A11:2012, għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-proċeduri nazzjonali flimkien ma' twissija xierqa. |
(6) |
Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-referenza tal-istandard EN 60335-2-15:2002, kif emendat l-aħħar b'A11:2012, “Apparati elettriċi domestiċi u apparati simili — Sigurtà — Parti 2-15: rekwiżiti partikolari għal apparati għat-tisħin ta' likwidi” għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-proċeduri nazzjonali bir-restrizzjoni kif stipulat fl-Anness.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 374, 27.12.2006, p. 10.
(2) ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.
ANNESS
Pubblikazzjoni ta' titoli u referenzi tal-istandard armonizzat Ewropew EN 60335-2-15:2002 skont id-Direttiva 2006/95/KE
ESO (1) |
Referenza u titlu tal-istandard armonizzat (u d-dokument tar-referenza) |
Referenza tal-istandard sostitwit |
Id-data tat-tmiem tal-preżunzjoni tal-konformità tal-istandard sostitwit |
Nota 1 |
|||
Cenelec |
EN 60335-2-15:2002 Household and similar electrical appliances — Safety — Part 2-15: particular requirements for appliances for heating liquids. IEC 60335-2-15:2002 |
EN 60335-2-15:1996 + A1:1999 + A2:2000 |
Data tal-iskadenza (1.7.2007) |
Nota 2.1 |
|||
EN 60335-2-15:2002/A1:2005 IEC 60335-2-15:2002/A1:2005 |
Nota 3 |
Data tal-iskadenza (1.9.2008) |
|
EN 60335-2-15:2002/A2:2008 IEC 60335-2-15:2002/A2:2008 |
Nota 3 |
Data tal-iskadenza (1.8.2013) |
|
EN 60335-2-15:2002/A11:2012 |
Nota 3 |
23.1.2015 |
|
EN 60335-2-15:2002/A11:2012/AC:2013 |
|
|
|
EN 60335-2-15:2002/AC:2006 |
|
|
|
Restrizzjoni: L-applikazzjoni ta' din il-pubblikazzjoni ma tagħtix preżunzjoni ta' konformità mal-għanijiet tas-sikurezza previsti fil-punt 1(d) flimkien mal-punt 2(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2006/95/KE, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-perikli li jinħolqu mill-fawrien tal-kafè sħun jew likwidi li jisomtu, fir-rigward ta' apparat maħsub, jew magħrufa mill-esperjenza li jintuża għat-tħejjija ta' ċerti tipi ta' kafè, jew għat-tisħin ta' ċerti likwidi (eż. ħalib) li jespandu matul il-proċess tat-tħejijja tal-kafè jew tat-tisħin tal-likwidu. |
|||
(1) ESO: Organizzazzjoni Ewropea għall-Istandardizzazzjoni:
CENELEC: Avenue Marnix 17, B-1000, Brussels, Tel.+32 2 5196871; faks +32 2 5196919 (http://www.cenelec.eu)
Nota 1: Ġeneralment id-data li fiha tintemm il-preżunzjoni tal-konformità tkun id-data tar-revoka (“dow”, date of withdrawal), stabbilita mill-Organizzazzjoni Ewropea tal-Istandardizzazzjoni, iżda l-utenti għandhom jinnotaw li f'ċerti każijiet eċċezzjonali dan jista' jkun mod ieħor.
Nota 2.1: L-istandard il-ġdid (jew emendat) għandu l-istess kamp ta' applikazzjoni bħall-istandard sostitwit. Fid-data speċifikata, l-istandard li ġie sostitwit ma jibqax jagħti preżunzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti essenzjali jew ma' rekwiżiti oħrajn fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni.
Nota 3: F'każ ta' emendi, l-istandard ta' referenza ikun EN CCCCC:YYYY, l-emendi tiegħu ta' qabel, jekk ikun hemm, u l-emenda l-ġdida kkwotata. Għalhekk, l-istandard li ġie sostitwit jikkonsisti f'EN CCCCC:YYYY u l-emendi preċedenti tiegħu, jekk ikun hemm, iżda mingħajr l-emenda l-ġdida kkwotata. Fid-data speċifikata, l-istandard li ġie sostitwit ma jibqax jagħti preżunzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti essenzjali jew ma' rekwiżiti oħrajn fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni.