28.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 57/15


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/321

tas-26 ta' Frar 2015

li temenda d-Deċiżjoni 2008/989/KE li tawtorizza lill-Istati Membri, skont id-Direttiva tal-Kunsill 1999/105/KE, biex jieħdu deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza tal-garanziji mogħtija permezz tal-materjal riproduttiv għall-foresti li għandu jiġi importat minn ċerti pajjiżi terzi

(notifikata bid-dokument C(2015) 1045)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 1999/105/KE tat-22 ta' Diċembru 1999 dwar il-marketing ta' materjali riproduttivi tal-foresti (1), u partikolarment l-Artikolu 19(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/971/KE (2) tat l-ekwivalenza lil ċerta pajjiżi terzi rigward is-sistemi għall-approvazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' materjal bażiku u l-produzzjoni sussegwenti tal-materjal riproduttiv minn dak il-materjal bażiku. Għal ċerta pajjiżi terzi oħra l-informazzjoni disponibbli fuq il-livell tal-Unjoni ma kinitx biżżejjed biex tinkludi dawk il-pajjiżi terzi f'dik id-Deċiżjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/989/KE (3).

(2)

Sabiex ix-xejriet tal-kummerċ ma jiġux imħarbta wara l-31 ta' Diċembru 2014, huwa xieraq li jiġi estiż il-perjodu ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/989/KE sakemm tiġi adattata d-Deċiżjoni 2008/971/KE.

(3)

Sakemm ikun hemm emenda futura tad-Deċiżjoni 2008/971/KE, huwa wkoll xieraq li tingħata awtorità temporanja lill-Istati Membri sabiex jieħdu deċiżjonijiet rigward il-materjal riproduttiv tal-foresti tal-kategorija “ittestjat” prodott fil-pajjiżi terzi diġà elenkati fid-Deċiżjoni 2008/971/KE.

(4)

L-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri turi li l-materjal riproduttiv tal-foresti li ġej minn New Zealand mhuwiex akkompanjat minn ċertifikat ewlieni jew ċertifikat uffiċjali maħruġ minn dak il-pajjiż. Għalhekk, New Zealand għandha, titħassar mil-lista ta' pajjiżi li magħha l-Istati Membri huma awtorizzati sabiex jieħdu deċiżjonijiet rigward l-ekwivalenza tal-garanziji mogħtija mill-materjal riproduttiv tal-foresti.

(5)

Għalhekk, id-Deċiżjoni 2008/989/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2008/989/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2019”

.

(2)

L-Anness huwa emendat skont l-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta' Jannar 2015.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 11, 15.1.2000, p. 17.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/971/KE tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-ekwivalenza ta' Materjal Riproduttiv tal-Foresti prodott f'pajjiżi terzi (ĠU L 345, 23.12.2008, p. 83).

(3)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/989/KE tat- 23 ta' Diċembru 2008 li tawtorizza lill-Istati Membri, skont id-Direttiva tal-Kunsill 1999/105/KE, biex jieħdu deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza tal-garanziji mogħtija permezz tal-materjal riproduttiv għall-foresti li għandu jiġi importat minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 352, 31.12.2008, p. 55).


ANNESS

L-Anness tad-Deċiżjoni 2008/989/KE huwa mibdul b'dan li ġej:

“L-ANNESS

Pajjiż tal-oriġini

Speċi

Kategorija

It-tip ta' materjal bażiku

Il-Bjelorussja

Picea abies Karst.

SI

SŻ, P

Il-Bożnja Ħerzegovina

Pinus nigra Arnold

SI

SŻ, P

Il-Kanada

L-ispeċi kollha u ibridi artifiċjali

T

P, ĠŻ, Ġ, K, TK

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

Abies alba Mill.

SI

SŻ, P

In-Norveġja

L-ispeċi kollha u ibridi artifiċjali

T

P, ĠŻ, Ġ, K, TK

Ir-Repubblika tas-Serbja

L-ispeċi kollha u ibridi artifiċjali

T

P, ĠŻ, Ġ, K, TK

L-Isvizzera

L-ispeċi kollha u ibridi artifiċjali

T

P, ĠŻ, Ġ, K, TK

It-Turkija

L-ispeċi kollha u ibridi artifiċjali

T

P, ĠŻ, Ġ, K, TK

L-Istati Uniti

L-ispeċi kollha u ibridi artifiċjali

T

P, ĠŻ, Ġ, K, TK

Kategorija

SI

Sors Identifikat

T

Ittestjat

It-tip ta' materjal bażiku

Sors taż-Żrieragħ

P

Popolament

ĠŻ

Ġardina taż-Żrieragħ

Ġ

Ġenituri ta' familja/i

K

Klonu

TK

Taħlita ta' Kloni.”