19.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 45/16


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/266

tas-16 ta' Frar 2015

li tirrikonoxxi li l-Isle of Man hija ħielsa mill-varroażi u li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/503/UE

(notifikata bid-dokument C(2015) 715)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta' Lulju 1992, li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta', u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta' saħħa tal-annimali meħtieġa f'regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(2)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 92/65/KEE tistabbilixxi r-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjoni fl-Unjoni ta' annimali, semen, ova u embrijuni li mhumiex soġġetti għar-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali stabbiliti fl-atti speċifiċi tal-Unjoni msemmija fl-Anness F tagħha.

(2)

Il-varroażi fin-naħal qiegħda mniżżla fl-Anness B tad-Direttiva 92/65/KEE taħt l-isem preċedenti tagħha “varroażi”. Din jikkawżaha d-dud ektoparassita tal-ġeneru Varroa u ġiet irrappurtata madwar id-dinja kollha.

(3)

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 92/65/KEE jistipula li, meta Stat Membru iqis li t-territorju tiegħu jew parti mit-territorju tiegħu jkun ħieles minn waħda mill-mardiet imniżżlin fl-Anness B tagħha, dan għandu jippreżenta d-dokumentazzjoni rilevanti, li fuqha għandha tiġi adottata deċiżjoni, lill-Kummissjoni.

(4)

Il-varroażi tinfirex biċ-ċaqliq tad-doqqajs tan-naħal u b'kuntatt dirett bejn in-naħal adult infestat. Dan tal-aħħar isir biss fil-medda safejn itir in-naħal. Għaldaqstant, bħala ħielsa mill-mard jistgħu jitqiesu biss it-territorji fejn iċ-ċaqliq tax-xehdiet u d-doqqajs tan-naħal jista' jiġi kkontrollat u li huma ġeografikament iżolati biżżejjed biex tkun evitata l-migrazzjoni tan-naħal minn barra. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti jridu jagħtu prova b'riżultati ta' sorveljanza estiża, li r-reġjun huwa tabilħaqq ħieles mill-varroażi u li, biex tinżamm il-qagħda, l-introduzzjoni tan-naħal ħaj u d-doqqajs huwa kkontrollat b'mod strett.

(5)

Bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/503/UE (2), il-Gżejjer Åland fil-Finlandja ġew rikonoxxuti bħala territorju li hu ħieles mill-varroażi.

(6)

Ir-Renju Unit talab lill-Kummissjoni biex tirrikonoxxi t-territorju tal-Isle of Man bħala ħieles mill-varroażi.

(7)

Għalkemm l-Isle of Man mhix parti mill-Unjoni, peress li hija dipendenza internament awtogovernanti tal-Kuruna tal-Gran Brittanja, hija għandha relazzjoni speċjali limitata mal-Unjoni. Għaldaqstant, ir-Regolament (KEE) Nru 706/73 tal-Kunsill (3) jistipula li għall-applikazzjoni tar-regoli dwar, fost affarijiet oħra, il-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa tal-annimali, ir-Renju Unit u l-Isle of Man għandhom jitqiesu bħala Stat Membru wieħed.

(8)

Il-varroażi hija marda li trid tiġi nnotifikata fl-Isle of Man, u ma jistgħux jiġu trażlokati naħal, fi kwalunkwe stadju taċ-ċiklu tal-ħajja, xehdiet u skeps diġà użati, jew kull reċipjent li jkun intuża qabel biex iżomm in-naħal, mir-Renju Unit għall-Isle of Man. Barra minn hekk din hija gżira li tinsab fil-Baħar Irlandiż, 'il barra ħafna mill-medda li jistgħu jtiru n-naħal, u għaldaqstant hija mbegħda biżżejjed miż-żoni li jitgħu jkunu infettati mill-varroażi.

(9)

B'konformità mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 92/65/KEE, ir-Renju Unit ressaq quddiem il-Kummissjoni, d-dokumenti li jiddettaljaw il-miżuri ta' sorveljanza li ġew applikati tul bosta snin għall-popolazzjoni tan-naħal fl-Isle of Man, u l-arranġamenti biex jiġi vverifikat li ma teżistix varroażi f'dik il-popolazzjoni.

(10)

Wara evalwazzjoni tad-dokumenti li ressaq ir-Renju Unit, l-Isle of Man jista' jitqies li hu territorju tar-Renju Unit ħieles mill-varroażi.

(11)

Għalhekk il-garanziji addizzjonali meħtieġa fil-kummerċ għandhom jiġu ddefiniti, filwaqt li jitqiesu l-miżuri li diġà implimentat l-Isle of Man fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha.

(12)

L-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/503/UE għandu jiġi emendat kif xieraq.

(13)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/503/UE għandu jiġi sostitwit bl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/503/UE tal-11 ta' Ottubru 2013 li tirrikonoxxi partijiet tal-Unjoni bħala ħielsa mill-varroażi fin-naħal u li tistabbilixxi garanziji addizzjonali mitluba fil-kummerċ fl-Unjoni u fl-importazzjonijiet biex titħares il-qagħda ħielsa mill-varroażi tagħhom (ĠU L 273, 15.10.2013, p. 38).

(3)  Ir-Regolament (KEE) Nru 706/73 tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 1973 li jikkonċerna l-arranġamenti tal-Komunità applikabbli għall-Channel Islands u l-Isle of Man għal kummerċ fi prodotti agrikoli (ĠU L 68, 15.3.1973, p. 1).


ANNESS

“ANNESS

L-Istati Membri jew it-territorji tagħhom li huma rikonoxxuti bħala ħielsa mill-varroażi

1

2

3

4

5

Kodiċi ISO

Stat Membru

Territorju rikonoxxut bħala ħieles mill-varroażi

Kodiċi TRACES

Unità Veterinarja Lokali

Prodotti li l-introduzzjoni tagħhom hi pprojbita fit-territorju elenkat fit-tielet kolonna

FI

Il-Finlandja

Il-Gżejjer Åland

FI00300

AHVENANMAAN VALTIONVIRASTO

Doqqajs magħluq u naħal tal-għasel adult ħaj imfaqqas

UK

Ir-Renju Unit

L-Isle of Man

GB06301

L-ISLE OF MAN

Naħal fi kwalunkwe stadju tal-ħajja, xehed u skeps użati, jew kull reċipjent li jkun intuża biex iżomm in-naħal”