7.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 31/31


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/191

tal-5 ta' Frar 2015

li temenda d-Deċiżjoni 2010/670/UE fir-rigward tal-estensjoni ta' ċerti limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 9 u l-Artikolu 11(1) ta' dik id-Deċiżjoni

(notifikata bid-dokument C(2015) 466)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(8) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/670/UE (2) tistabbilixxi r-regoli u l-kriterji għall-għażla u l-implimentazzjoni ta' proġetti kummerċjali ta' dimostrazzjoni li l-għan tagħhom huwa l-qbid u l-ħżin sikur ġeoloġiku ta' CO2 (minn hawn 'il quddiem, “proġetti ta' dimostrazzjoni CCS”) u proġetti ta' dimostrazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi ta' enerġija rinnovabbli (minn hawn 'il quddiem, “proġetti ta' dimostrazzjoni RES”), li jkopru 300 miljun kwota mir-riżerva għall-parteċipanti ġodda tal-iskema tal-Unjoni għan-negozjar ta' emissjonijiet u r-regoli bażiċi għall-konverżjoni tal-kwoti f'valur monetarju u għall-ġestjoni tad-dħul.

(2)

Minħabba l-kriżi ekonomika, mhux se jkun possibbli li fir-rigward ta' għadd sinifikanti ta' proġetti mogħtija skont id-Deċiżjoni 2010/670/UE tintlaħaq deċiżjoni finali ta' investiment fi żmien 24 xahar mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-għoti għal proġetti ta' dimostrazzjoni RES jew fi żmien 36 xahar mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-għoti għal proġetti ta' dimostrazzjoni CCS. Għalhekk ukoll mhux se jkun possibbli li proġetti bħal dawn jidħlu fis-seħħ fi żmien erba' snin mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-għoti. B'hekk il-limiti ta' żmien għal deċiżjoni finali dwar l-investiment u d-data tad-dħul fis-seħħ għandhom jiġu estiżi b'sentejn. Għandu jiġi applikat ukoll perjodu ta' grazzja ta' sena fir-rigward tad-data tad-dħul fis-seħħ.

(3)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/670/UE hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

fl-ewwel paragrafu, “24 xahar” tinbidel bi “48 xahar”;

(b)

fit-tieni paragrafu, “36 xahar” tinbidel b'“60 xahar”;

2.

L-Artikolu 11(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

fit-tieni subparagrafu il-“31 ta' Diċembru 2015” tinbidel bil-“31 ta' Diċembru 2017” u “erba' snin” tinbidel b'“sitt snin”;

(b)

jiżdiedu t-tielet u r-raba' subparagrafi li ġejjin:

“Meta l-proġett ma jkunx daħal fis-seħħ sad-data tad-dħul fis-seħħ stabbilita għal dak il-proġett, dik id-data tiġi awtomatikament estiża b'sena.

Id-deċiżjonijiet tal-għoti ta' finanzjament ma jibqgħalhomx effett legali meta l-proġett ma jkunx daħal fis-seħħ sad-data ta' dħul fis-seħħ applikabbli skont it-tielet subparagrafu. F'dan il-każ, kull finanzjament żburżjat jew irċevut għall-iskop ta' żborż għandu jingħata lura.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tapplika wkoll għal proġetti ta' dimostrazzjoni CCS u RES li għalihom tkun ġiet adottata deċiżjoni tal-għoti qabel ma din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Miguel ARIAS CAÑETE

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/670/UE tat-3 ta' Novembru 2010 li tistabbilixxi l-kriterji u l-miżuri għall-finanzjament ta' proġetti kummerċjali ta' dimostrazzjoni li l-għan tagħhom huwa l-qbid u l-ħżin ġeoloġiku ta' CO2, f'kundizzjonijiet ta' sigurtà għall-ambjent, kif ukoll ta' proġetti ta' dimostrazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi ta' enerġija rinnovabbli, fl-ambitu tal-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità, stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 290, 6.11.2010, p. 39).