3.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 27/12


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/162

tad-9 ta' Lulju 2014

dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36612 (2014/C) (ex 2013/NN) implimentata mil-Latvja għal Parex

(notifikata bid-dokument C(2014) 4550)

(Il-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) iċċitata/i iktar 'il fuq (1),

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri preċedenti favur Parex

(1)

Fl-10 ta' Novembru 2008 il-Latvja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar pakkett ta' miżuri ta' għajnuna mill-Istat favur AS Parex banka (“Parex banka”), imfassal sabiex isostni l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Il-Kummissjoni approvat b'mod temporanju dawk il-miżuri fl-24 ta' Novembru 2008 (2) (“l-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ”) fuq il-bażi tal-impenn min-naħa tal-Latvja li tissottometti pjan ta' ristrutturar għal Parex banka fi żmien sitt xhur.

(2)

Wara talbiet mil-Latvja, il-Kummissjoni approvat żewġ settijiet ta' bidliet fil-miżuri ta' għajnuna dwar Parex banka permezz tad-deċiżjonijiet tal-11 ta' Frar 2009 (3) (“it-tieni Deċiżjoni dwar is-salvataġġ”) u l-11 ta' Mejju 2009 (4) (“it-tielet Deċiżjoni dwar is-salvataġġ”).

(3)

Fil-11 ta' Mejju 2009 il-Latvja nnotifikat pjan ta' ristrutturar għal Parex banka. Permezz ta' deċiżjoni tad-29 ta' Ġunju 2009 (5) il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li l-miżuri ta' ristrutturar innotifikati kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat lil Parex banka u xeħtet dubji fuq kemm tali għajnuna tista' titqies kompatibbli mas-suq intern. B'hekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat u talbet lil-Latvja tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna.

(4)

Bejn il-11 ta' Mejju 2009 u l-15 ta' Settembru 2010, saru bosta skambji ta' informazzjoni u taħditiet bejn il-Latvja u l-Kummissjoni rigward ir-ristrutturar ta' Parex banka. Matul dak il-perjodu, il-Latvja aġġornat il-pjan ta' ristrutturar ta' Parex banka bosta drabi.

(5)

Il-pjan ta' ristrutturar kien jipprevedi li Parex banka jinqasam fl-hekk imsejjaħ “bank tajjeb” stabbilit ġdid bl-isem AS Citadele banka (“Citadele”), li jieħu f'idejh l-assi ċentrali kollha u xi assi mhux ċentrali (6), u fl-hekk imsejjaħ “bank ħażin” (“Reverta” (7)) li żamm l-assi mhux ċentrali u improduttivi li kien jifdal. Il-qasma daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2010.

(6)

Permezz ta' Deċiżjoni tal-15 ta' Settembru 2010 (8) (“id-Deċiżjoni Finali dwar Parex”), il-Kummissjoni approvat il-pjan ta' ristrutturar ta' Parex banka, fuq il-bażi tal-impenji meħudin mill-awtoritajiet tal-Latvja sottomessi fit-3 ta' Settembru 2010.

(7)

Permezz ta' Deċiżjoni tal-10 ta' Awwissu 2012 (“id-Deċiżjoni ta' Emenda”) (9), il-Kummissjoni approvat emendi fit-tliet impenji inklużi fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex, wara talba mil-Latvja. Dawk l-emendi: 1) estendew id-data ta' skadenza għaċ-ċessjoni tas-self fil-KSI (10) sal-31 ta' Diċembru 2014; 2) żiedu l-limitu tar-rekwiżiti tal-adegwatezza kapitali minimi awtorizzati għal Citadele fil-livell tal-bank u l-grupp u 3) ippermettew li jiġu riportati l-limiti massimi mhux użati mis-snin ta' qabel fuq is-self, filwaqt li jiġu rrispettati l-limiti massimi inizjali tas-sehem mis-suq.

(8)

Il-Kummissjoni tosserva li fil-5 ta' Ġunju 2014, il-Latvja aċċettat b'mod eċċezzjonali li din id-Deċiżjoni tiġi adottata fil-lingwa Ingliża.

1.2.   Il-proċedura ta' investigazzjoni formali

(9)

Fl-1 ta' Ottubru 2013 il-Latvja nnotifikat talba għal emenda ulterjuri fid-Deċiżjoni Finali ta' Parex, li fiha talbet li tiġi posposta d-data ta' skadenza għad-divestiment tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid (“Wealth Management Business”) ta' Citadele (11). Meta kienet qed tevalwa dik it-talba ta' emenda, il-Kummissjoni sabet li l-Latvja kienet tat għajnuna mill-Istat lil Parex u Citadele lil hinn mill-miżuri ta' għajnuna approvati mill-Kummissjoni.

(10)

Bejn il-[…] (*) u l-4 ta' Marzu 2014, saru bosta skambji ta' informazzjoni bejn il-Latvja u l-Kummissjoni fir-rigward ta' dawk il-miżuri ta' għajnuna addizzjonali. Il-Latvja ssottomettiet informazzjoni u dokumenti fit-30 ta' Ottubru 2013, il-31 ta' Jannar 2014 u l-4 ta' Marzu 2014 (inkluż pjan ta' ristrutturar rivedut għal Parex banka).

(11)

Mill-11 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni rċiviet ukoll aġġornamenti fix-xahar rigward il-progress tal-Latvja fil-bejgħ ta' Citadele, proċess li kien beda f'Ottubru 2013.

(12)

Permezz ta' deċiżjoni tas-16 ta' April 2014 (“id-Deċiżjoni ta' Ftuħ”) (12), il-Kummissjoni għarrfet lil-Latvja li, wara li eżaminat l-informazzjoni fornita mill-awtoritajiet Latvjani, iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”). Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni stiednet ukoll lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna, u bħala tweġiba rċiviet sottomissjoni waħda fit-23 ta' Mejju 2014.

(13)

Il-Latvja għarrfet lill-Kummissjoni li, għal raġunijiet ta' urġenza, ser taċċetta b'mod eċċezzjonali li din id-Deċiżjoni tiġi adottata bl-Ingliż.

2.   DESKRIZZJONI

2.1.   L-impriża kkonċernata

(14)

Parex banka kien it-tieni l-ikbar bank fil-Latvja, b'assi li jilħqu t-LVL 3,4 biljun (EUR 4,9 biljun) fil-31 ta' Diċembru 2008. Parex banka twaqqaf fl-1992. F'Novembru 2008 il-Latvja xtrat 84,83 % mill-kapital azzjonarju tal-bank mingħand l-ikbar żewġ azzjonisti bi prezz simboliku totali ta' xiri ta' 2 LVL (madwar 3 EUR), miżura ta' għajnuna mill-Istat approvata mill-Kummissjoni permezz tal-ewwel u t-tieni Deċiżjonijiet dwar is-salvataġġ. Wara r-rikapitalizzazzjoni approvata permezz tad-Deċiżjonijiet ta' salvataġġ, il-Latvja kompliet iżżid il-parteċipazzjoni tagħha f'Parex banka għal madwar 95 % permezz ta' injezzjoni ta' LVL 140,75 miljun addizzjonali li saret f'Mejju 2009, miżura li ġiet approvata mill-Kummissjoni permezz tat-tielet Deċiżjoni dwar is-salvataġġ.

(15)

F'April 2009, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (“BERŻ”) xtara 25 % mill-kapital azzjonarju ta' Parex banka flimkien ma' sehem wieħed. Wara l-qsim ta' Parex banka f'bank tajjeb u bank ħażin fl-2010 flimkien mal-bidliet sussegwenti fl-istruttura azzjonarja, l-azzjonisti ta' Citadele issa saru l-Latvja (75 %) u l-BERŻ (25 %), filwaqt li l-azzjonisti ta' Reverta huma l-Latvja (84,15 %), il-BERŻ (12,74 %) u oħrajn (3,11 %).

(16)

Deskrizzjoni ddettaljata ta' Parex banka qabel id-Deċiżjoni Finali dwar Parex tista' tinqara fil-premessi 11 sa 15 ta' dik id-Deċiżjoni.

2.2.   Il-miżuri ta' għajnuna approvati għal Citadele u Reverta

(17)

Parex banka ġie awtorizzat jirċievi sensiela ta' miżuri ta' għajnuna, approvati mill-Kummissjoni fl-ewwel, it-tieni u t-tielet Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ (id-“Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ”) kif ukoll fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex.

(18)

Il-pjan ta' ristrutturar approvat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex stabbilixxa li l-għajnuna ta' salvataġġ approvata qabel mill-Kummissjoni kellha tiġi estiża sa tmiem il-perjodu ta' ristrutturar u l-qasma bejn Citadele u Reverta. Id-Deċiżjoni Finali dwar Parex approvat għajnuna ta' ristrutturar addizzjonali għal Reverta u Citadele wkoll. Stabbilixxiet ukoll mekkaniżmu ta' użu għall-għajnuna li kienet ġiet approvata b'mod provviżorju permezz tad-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ wara li nqasam Parex banka, fir-rigward ta':

(a)

appoġġ ta' likwidità fil-forma ta' depożiti tal-Istat kemm għal Citadele kif ukoll għal Reverta; (13)

(b)

garanziji mill-Istat fuq obbligazzjonijiet ta' Citadele u Reverta; (14)

(c)

rikapitalizzazzjoni tal-Istat għal Reverta u Citadele; (15) u

(d)

miżura ta' salvataġġ tal-assi għal Citadele. (16)

3.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

3.1.   Il-miżuri addizzjonali implimentati mil-Latvja għal Parex banka, Citadele u Reverta.

(19)

Fuq il-bażi tar-rapport sottomess fid-29 ta' Awwissu 2013 mill-Fiduċjarju ta' Monitoraġġ (17) u d-dokumenti u l-informazzjoni sottomessi mil-Latvja minn Ottubru 2013 'l hemm, kien jidher li l-Latvja kienet daħħlet fis-seħħ il-miżuri li ġejjin mingħajr ma nnotifikat lill-Kummissjoni minn qabel:

(a)

fit-22 ta' Mejju 2009, il-Latvja tat lil Parex banka self subordinat ta' LVL 50,27 miljun (li jikkwalifika bħala kapital tal-Grad 2) b'maturità ta' seba' snin, jiġifieri sal-21 ta' Mejju 2016 (“l-Ewwel Miżura”). Il-maturità ta' dak is-self subordinat taqbeż il-maturità massima ta' ħames snin stabbilita fl-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ u kkonfermata fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex;

(b)

Fis-27 ta' Ġunju 2013, il-Latvja tat lil Citadele estensjoni tal-maturità għal 18-il xahar ieħor (“it-Tieni Miżura”) ta' LVL 37 miljun f'self subordinat (minn total ta' LVL 45 miljun miżmuma mil-Latvja dak iż-żmien). (18) Il-Latvja ma nnotifikatx l-estensjoni tal-maturità tas-self subordinat lill-Kummissjoni.

(c)

Barra minn hekk, mill-2011 il-Latvja pprovdiet lil Reverta b'appoġġ ta' likwidità li jaqbeż il-limiti massimi approvati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex (“it-Tielet Miżura”), kemm għax-xenarju bażi kif ukoll għall-agħar xenarju possibbli (19).

(20)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni li kienet disponibbli għall-Kummissjoni fi żmien id-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni kellha dubji serji jekk l-Ewwel u t-Tieni Miżuri jistgħux jiġu kkwalifikati bħala kompatibbli mas-suq intern, peress li:

(a)

fil-valutazzjoni oriġinali tal-kompatibbiltà tas-self subordinat mogħti mil-Latvja, maturità ta' ħames snin tas-self tqieset il-minimu meħtieġ u għaldaqstant setgħet tinstab kompatibbli fuq dik il-bażi u

(b)

ma ġie ppreżentat ebda argument ġdid li jiġġustifika għaliex maturità itwal tassew kienet il-minimu assolut meħtieġ.

(21)

B'mod simili, ma tressaq l-ebda argument suffiċjenti fi żmien id-Deċiżjoni ta' Ftuħ li juri l-kompatibbiltà tat-Tielet Miżura.

(22)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni bdiet bil-proċedura ta' investigazzjoni formali skont l-Artikolu 13(1) u 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (20), fir-rigward tal-għajnuna irregolari mogħtija permezz tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Miżuri deskritti fil-premessa 19.

3.2.   Il-ksur tal-impenn għad-divestiment tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid ta' Citadele

(23)

Il-Latvja naqset ukoll milli tikkonforma mal-impenn tagħha li huwa mniżżel fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex li tiddivesti n-Negojzu ta' Ġestjoni tal-Ġid ta' Citadele sat-30 ta' Ġunju 2013 mingħajr Fiduċjarju ta' Divestitura, jew sal-31 ta' Diċembru 2013 b'Fiduċjarju ta' Divestitura (“ir-Raba' Miżura”) (21). Għalhekk, inkiser dak l-impenn ta' divestiment tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid ta' Citadele sa dawk id-dati ta' skadenza.

(24)

Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ksur tal-impenn deskritt fil-premessa 21 jikkostitwixxi użu ħażin tal-għajnuna. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta' investigazzjoni formali għal użu ħażin tal-għajnuna skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

4.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(25)

Wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni rċiviet kummenti mingħand individwu li ma pprovdiex elementi li juru li jikkwalifika bħala parti interessata, jiġifieri parti li l-interessi tagħha stess setgħu jiġu affettwati mill-miżura (pereżempju kompetituri jew assoċjazzjonijiet kummerċjali (22)), jew li aġixxa f'isem parti interessata.

(26)

Il-kummenti riċevuti kienu marbutin ma' allegati illegalitajiet li involvew lil Parex banka u ma kinux marbutin mal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Miżuri implimentati mil-Latvja għal Parex banka, Citadele u Reverta u lanqas mar-Raba' Miżura. Essenzjalment kienu marbutin ma' fatti u informazzjoni mhux direttament relevanti għall-infurzar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-każ ikkonċernat. Għaldaqstant, għall-valutazzjoni mwettqa f'din id-deċiżjoni, ġew irreġistrati u kkunsidrati bħala informazzjoni ġenerika tas-suq.

5.   KUMMENTI MIL-LATVJA DWAR IL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

(27)

Wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, fis-26 ta' Mejju 2014 il-Latvja ssottomettiet kummenti maħsubin sabiex jindirizzaw id-dubji mqajmin mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Miżuri, kif ukoll il-ksur tal-impenn ta' divestiment tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid ta' Citadele.

(28)

Fit-30 ta' Mejju 2014 il-Latvja ssottomettiet pjan ta' ristrutturar aġġornat ukoll, li fih ġew inklużi l-informazzjoni u l-miżuri ta' kumpens ippreżentati fis-sezzjonijiet 5.1 sa 5.5 ta' din id-Deċiżjoni.

(29)

Wara talba ta' informazzjoni mill-Kummissjoni, fit-23 ta' Ġunju 2014 il-Latvja ssottomettiet elementi addizzjonali rigward it-Tieni Miżura.

5.1.   Dwar il-maturità inizjali tas-self subordinat li taqbeż it-termini tad-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ u d-Deċiżjoni Finali dwar Parex (l-Ewwel Miżura)

(30)

Fil-kummenti tagħha tas-26 ta' Mejju 2014, il-Latvja targumenta li l-adozzjoni tal-Ewwel Miżura kienet neċessarja biex Parex banka jkun jista' jikkonforma mar-rekwiżiti regolatorji applikabbli ta' solvenza u b'hekk jiġi evitat kollass irrekuperabbli tas-sistema bankarja fraġli, ferm minsuġa u interdipendenti tal-Latvja.

(31)

Il-Latvja tiddikjara li fi żmien l-adozzjoni tal-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ, l-awtoritajiet Latvjani kellhom biss informazzjoni limitata fuq is-sitwazzjoni finanzjarja propja ta' Parex banka u l-kwalità tal-assi tiegħu. Għaldaqstant, fit-talba inizjali tagħha lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni tal-miżuri ta' għajnuna mill-Istat, il-Latvja ħadet impenn li tagħti self subordinat b'maturità ta' ħames snin, peress li l-maturità kienet il-minimu meħtieġ sabiex is-self subordinat jikkwalifika bħala kapital tal-Grad 2 skont id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi Latvjana.

(32)

Il-Latvja kompliet billi ddikjarat li, sabiex tevalwa aħjar il-pożizzjoni finanzjarja ta' Parex banka, talbet lil PricewaterhouseCoopers tagħmel diliġenza dovuta ta' Parex banka, li tlestiet fis-26 ta' Jannar 2009, wara l-adozzjoni tal-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ.

(33)

Fl-istess ħin, il-Latvja tenfasizza l-fatt li s-sitwazzjoni tas-suq fl-2008-2009 kienet ferm dinamika u l-kwalità tas-self kienet sejra lura iktar minn kif kien mistenni. Dik is-sitwazzjoni li qalbet għall-agħar kienet riflessa minn u rriżultat fl-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' tliet deċiżjonijiet dwar is-salvataġġ għal Parex banka u s-sottomissjoni mil-Latvja ta' bosta verżjonijiet tal-pjan ta' ristrutturar għal Parex banka, bl-aħħar verżjoni li kienet dik innotifikata fil-11 ta' Mejju 2009 (il-“Pjan ta' Ristrutturar tal-2009”).

(34)

F'dak il-kuntest, il-Latvja tispjega li s-suppożizzjonijiet u l-projezzjonijiet li jinsabu fid-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ malajr saru obsoleti, minħabba l-bidliet rapidi fl-ambjent ekonomiku primarjament ikkaġunati mill-kriżi finanzjarja globali u t-tnaqqis fil-fiduċja tas-suq f'Parex banka. B'hekk, il-Latvja kkonkludiet li maturità ta' ħames snin għas-self subordinat mogħti mil-Latvja lil Parex banka ma baqgħetx biżżejjed għall-fini ta' stabbilizzazzjoni tas-sistema bankarja dgħajfa tal-Latvja. Tabilħaqq, irriżulta li Parex banka, bank sistemiku dak iż-żmien, kellu bżonn jirċievi self subordinat b'maturità ta' iktar minn ħames snin sabiex jissodisfa r-rekwiżiti ta' solvenza tiegħu u b'mod partikolari jissodisfa rekwiżiti applikabbli dwar l-adegwatezza kapitali.

(35)

Skont il-qafas regolatorju (ibbażat fuq l-istandards ta' Basel II (23)) applikabbli għal Parex banka fi żmien il-ħruġ tas-self subordinat, 80 % biss mis-self ta' LVL 50,27 miljun (jiġifieri LVL 40,22 miljun biss) fuq ħames snin kien jikkwalifika bħala kapital tal-Grad 2. B'mod partikolari, għal skopijiet regolatorji, kellu jiġi applikat fattur ta' skont kumulattiv (jew amortizzazzjoni) b'mod annwali għall-ammont ta' self subordinat biex jiġi rifless il-valur li qed jonqos ta' dawk l-istrumenti bħala komponenti pożittivi tal-kapital regolatorju. B'hekk, self fuq ħames snin fil-bidu huwa eliġibbli biss għal 80 % tal-ammont tiegħu għal finijiet ta' adegwatezza kapitali; għal 60 % fil-bidu tat-tieni sena; u l-bqija.

(36)

Dik is-sottomissjoni hija sostanzjata iktar mil-Latvja permezz ta' kalkoli komparattivi li juru li, kieku s-self subordinat ingħata mil-Latvja għal terminu ta' ħames snin biss, ma kienx ikun eliġibbli bħala kapital tal-Grad 2 mill-bidu tiegħu.

(37)

L-istabbiliment tal-maturità tas-self subordinat mogħti mil-Latvja lil Parex banka għal seba' snin sar neċessarju biex l-ammont sħiħ ta' LVL 50,27 miljun f'self subordinat mogħti mill-Istat jikkwalifika bħala kapital tal-Grad 2 tul il-perjodu 2009 — 2010 b'tali mod li Parex banka jkun jista' jissodisfa l-proporzjon tal-adegwatezza kapitali fil-mira tiegħu. It-Tabella 1 turi l-ammonti ta' kapital eliġibbli tal-Grad 2 miżmum minn Parex banka fi tmiem kull sena fuq il-bażi tat-terminu ta' self subordinat ta' LVL 50,27 miljun maħruġ f'Mejju 2009.

Tabella 1

It-terminu tas-self subordinat maħruġ f'Mejju 2009 u l-kwalifikazzjoni tiegħu bħala Grad 2 (LVL miljuni)

Terminu tal-Maturità

2009

2010

2011

self ta' 5 snin

40,22

30,16

20,11

self ta' 6 snin

50,27

40,22

30,16

self ta' 7 snin

50,27

50,27

40,22

self ta' 8 snin

50,27

50,27

50,27

(38)

Il-Latvja tispjega li fid-9 ta' Ġunju 2009 Nomura International (imqabbda mil-Latvja f'Marzu 2009 biex torganizza l-bejgħ ta' Parex banka) ippreżentat lill-awtoritajiet Latvjani strateġija ta' bejgħ għal Parex banka bi skeda ta' żmien ferm aggressiva, bil-pjan li l-proċess ta' bejgħ jitlesta fl-2010. Għalhekk, kien hemm bżonn li Parex banka jibqa' kompletament konformi mar-rekwiżiti kapitali applikabbli tal-inqas sa tmiem l-2010.

(39)

Finalment, il-Latvja targumenta li, li kieku l-maturità tas-self subordinat kienet ta' ħames snin biss, il-Pjan ta' Ristrutturar tal-2009 missu kien jinkludi miżuri oħrajn bl-għan li jsaħħu b'xi mod ieħor l-adegwatezza kapitali ta' Parex banka (eż. injezzjonijiet ta' ekwità ġdida, estensjoni minnufih tas-self subordinat eċċ.). Fin-nuqqas ta' miżuri bħal dawn, id-depożitanti kienu jibqgħu bla protezzjoni u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Latvja kienet tkun mhedda serjament.

5.2.   Dwar l-estensjoni tal-maturità mhux innotifikata tas-self subordinat (it-Tieni Miżura)

(40)

Fir-rigward tat-Tieni Miżura, il-Latvja tiddikjara li l-estensjoni ulterjuri tal-maturità tas-self subordinat kienet meħtieġa minħabba bidliet regolatorji li seħħew fl-2013. B'mod partikolari, fl-1 ta' Marzu 2013, Citadele ġie mgħarraf mill-Kummissjoni tas-Suq Finanzjarju u Kapitali tal-Latvja (“FCMC”) li l-proporzjon tal-adegwatezza kapitali tal-Grupp kien meħtieġ jilħaq minimu ta' 10 % f'termini assoluti sa tmiem l-2013, filwaqt li l-proporzjon irrakkomandat għall-indirizzar tar-riskji eżistenti u potenzjali kien ta' […]. Qabel Marzu 2013, il-proporzjon minimu meħtieġ tal-adegwatezza kapitali kien ta' 8,4 %.

(41)

Il-Latvja tiddikjara li t-Tieni Miżura ġiet adottata bona fide, peress li l-awtoritajiet Latvjani qiesu li l-Miżura kienet konformi mal-prinċipju tal-investitur f'ekonomija tas-suq, u peress li ma tirriżultax f'telf pekunarju tal-Istat.

(42)

Il-Latvja tiddikjara wkoll li fi żmien l-adozzjoni tat-Tieni Miżura, hi, flimkien ma' Citadele, qieset bona fide li l-possibbiltà ta' estensjoni tal-maturità tas-self subordinat inkwistjoni kienet stabbilita fid-Deċiżjonijiet relevanti tal-Kummissjoni u fil-Pjan ta' Ristrutturar.

(43)

Il-Latvja targumenta li kwalunkwe investitur tas-suq, li jkun fil-pożizzjoni ta' azzjonist ta' maġġoranza ta' Citadele, kien jagħmel l-aqwa sforzi tiegħu biex iżomm, kemm jista' jkun, il-valur tal-investiment tiegħu u kien ikun inklinat li jadotta u jimplimenta l-miżuri meħtieġa sabiex jevita tnaqqis fil-valur kontabilistiku tal-parteċipazzjoni azzjonarja tiegħu minħabba nuqqas min-naħa tal-bank sabiex jissodisfa r-rekwiżiti kapitali tiegħu. Li kieku Citadele naqas milli jikkonforma mar-rekwiżiti tal-adegwatezza kapitali iktar strinġenti imposti mill-FCMC dak iż-żmien, l-istabbiltà, il-vijabblità u l-kummerċjabbiltà tal-bank kienu jinxteħtu f'riskju, u finalment kienet tiġi affettwata l-possibbiltà ta' bejgħ f'kundizzjonijiet finanzjarji tajbin.

(44)

Il-Latvja tippreżenta xenarju kontrofattwali wkoll, li fih ma tingħatax it-Tieni Miżura. F'dak ix-xenarju kontrofattwali, il-proporzjon kapitali rrakkomandat ma kienx jintlaħaq, peress li l-proporzjon tal-adegwatezza kapitali kien ikun inqas minn 9,3 % fil-31 ta' Diċembru 2013 meta mqabbel mal-minimu meħtieġ ta' 10 %.

(45)

Il-Latvja targumenta wkoll li l-miżuri alternattivi biex tissaħħaħ l-adegwatezza kapitali ta' Citadele (jiġifieri żieda kapitali jew ħruġ ta' self subordinat ġdid) ma kinux fattibbli. B'mod iktar speċifiku, tiddikjara li kien ikun impossibbli għal Citadele li jikseb self subordinat mingħand investituri li huma partijiet terzi fl-2013 minħabba l-impenn tal-awtoritajiet Latvjani li jiddivestu lil Citadele fi żmien perjodu qasir (jiġifieri sal-31 ta' Diċembru 2014). L-inċertezza rigward l-akkwirent potenzjali u l-istrateġija għall-ġejjieni tiegħu kienet twassal sabiex il-fornituri tas-self subordinat jitolbu opzjoni put fuq kwalunkwe self subordinat li jagħtu lil Citadele (bidla fil-klawżola ta' kontroll) (24). Effettivament kien ifisser li l-maturità propja tat-tali self subordinat mal-ħruġ kienet titqies li hija inqas minn ħames snin u b'hekk is-self ma kienx jikkwalifika bħala kapital tal-Grad 2.

(46)

Bħala tweġiba għal talba ta' informazzjoni mingħand il-Kummissjoni dwar jekk il-Latvja daħlitx f'kuntatt mal-BERŻ fuq estensjoni possibbli minnu tal-maturità tas-self subordinat rigward Citadele, l-awtoritajiet Latvjani pprovdew sottomissjoni fit-23 ta' Ġunju 2014. Fiha jikkonfermaw li qabel ma taw it-Tieni Miżura ma daħlux f'kuntatt mal-BERŻ biex jipproponu lil dan tal-aħħar sabiex jestendi l-maturità tas-self subordinat li kellu. F'dak il-kuntest, tennew li t-Tieni Miżura kellha tiġi adottata sabiex Citadele ma jiksirx ir-rekwiżiti kapitali l-ġodda li kienu iktar strinġenti.

(47)

Il-Latvja targumenta li kellha tipproċedi bl-estensjoni tat-terminu tal-maturità tad-dejn subordinat li kellha f'Citadele bla dewmien u ma nnegozjatx estensjoni paragunabbli b'rabta mad-dejn subordinat li anki hu kien miżmum mill-BERŻ.

(48)

Il-Latvja tiddikjara li d-deċiżjoni tagħha f'dak ir-rigward kienet imsejsa fuq it-tliet punti li ġejjin.

(a)

Il-ħtieġa ta' indirizzar effettiv tal-ksur imminenti tar-rekwiżiti kapitali l-ġodda: Citadele kien ikkalkola l-ħtiġijiet tiegħu biex jikkwalifika l-kapital tal-Grad 2 u kkonkluda li, għall-kuntrarju tal-adozzjoni tat-Tieni Miżura li tinvolvi prolungament tal-maturità bi 18-il xahar, kwalunkwe bidla potenzjali fil-maturità għad-dejn subordinat li fih kien parti l-BERŻ ukoll kienet teħtieġ estensjoni kemxejn itwal. Dik id-differenza kienet dovuta għall-fatt li l-kapital ta' dak is-self kien inqas u b'hekk l-impatt tiegħu fuq il-pożizzjoni kapitali ta' Citadele kien ikun ferm iżgħar. Il-Latvja tiddikjara wkoll li estensjoni tad-dejn subordinat miżmum mill-BERŻ kienet tippresupponi negozjar mal-BERŻ f'dak ir-rigward. Barra minn hekk, fid-dawl tad-differenzi fir-rigward tal-liġi governattiva u tal-istruttura legali ġenerali meħtieġa li jkollha tiġi implimentata sabiex jiġi estiż is-self subordinat li għalih anki l-BERŻ kien parti filwaqt li fl-istess ħin tiġi estiża parti mid-dejn subordinat miżmum mil-Latvja biss kienet tkun teħtieġ arranġamenti legali kumplessi.

(b)

Il-Latvja tisħaq li fi żmien l-estensjoni qieset ukoll li estensjoni tal-maturità tad-dejn subordinat miżmum mill-BERŻ kienet trendi d-divestiment ta' Citadele saħansitra iktar diffiċli, peress li fi żmien il-bejgħ kienu jkunu jeżistu kuntratti iktar minsuġin fuq id-dejn subordinat. Qieset li possibbiltà bħal din kienet tikkomplika l-bejgħ ta' Citadele peress li kien ikollha riperkussjonijiet fuq il-kundizzjonijiet relevanti tal-għeluq u aktarx li tista' żżid l-ispejjeż tranżazzjonali relevanti.

(c)

Barra minn hekk, il-Latvja tosserva li l-istatus tal-BERŻ fir-rigward ta' Citadele seta' jagħmilha deċiżjoni iktar kumplessa għall-BERŻ sabiex jagħti l-kunsens għall-estensjoni. Fid-dikjarazzjoni tagħha tat-23 ta' Ġunju 2014, il-Latvja tidikkjara li fil-prinċipju hija tal-opinjoni assoluta li l-BERŻ kien ikun inklinat li jaqbel mal-prolungament tal-maturità tal-istrument relevanti. Madankollu, għarfet ukoll li l-pożizzjoni tal-BERŻ kienet differenti minn dik tal-Latvja peress li din tal-aħħar kienet l-azzjonista ta' maġġoranza ta' Citadele u f'dik il-kapaċità setgħet teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-proċess ta' bejgħ u setgħet tinnegozja bosta għażliet fir-rigward tal-ħlas tas-self subordinat mal-offerenti. Għaldaqstant, il-Latvja għarfet li n-nuqqas ta' kontroll min-naħa tal-BERŻ fuq il-bejgħ ta' Citadele seta' jikkostitwixxi diżinċentiv għall-estensjoni tat-terminu tal-maturità tas-self rispettiv jew fi kwalunkwe każ kien iwassal għal negozjati li jieħdu ż-żmien.

5.3.   Rigward l-appoġġ ta' likwidità mhux innotifikat mogħti lil Reverta (it-Tielet Miżura)

(49)

Il-Latvja u Reverta jagħrfu li minn Diċembru 2010, l-appoġġ ta' likwidità mogħti mil-Latvja lil Parex banka (u mbagħad lil Reverta) qabeż il-limitu massimu tal-likwidità awtorizzat stabbilit fil-premessa 55 tad-Deċiżjoni Finali dwar Parex. Id-Deċiżjoni ta' Ftuħ indikat li l-appoġġ ta' likwidità pendenti lil Reverta mill-31 ta' Diċembru 2013 kien ta' LVL 362,52 miljun, li qabeż b'LVL 55,52 miljun il-limitu massimu ta' likwidità ta' LVL 307 miljun stabbilit għall-“agħar xenarju” possibbli.

(50)

Il-Latvja targumenta li l-Kummissjoni oriġinarjament kienet awtorizzat fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex il-konverżjoni f'kapital ta' appoġġ ta' likwidità li jammonta għal LVL 218,7 miljun lil Parex banka. Dak l-ammont li kellu jiġi kkonvertit iktar tard tnaqqas fid-Deċiżjoni Emendata għal LVL 118,7 miljun. Kieku l-LVL 118,7 miljun ta' appoġġ ta' likwidità ġie kkonvertit f'kapital, l-appoġġ ta' likwidità kien jitnaqqas u kien ikun konformi mal-limiti awtorizzati. Madankollu, LVL 49,5 miljun biss mill-LVL 118,7 miljun ta' appoġġ ta' likwidità fil-fatt ġie kkonvertit f'kapital. Dak il-fattur ġie propost mil-Latvja bħala l-kawża ewlenija għal-livell eċċessiv ta' likwidità.

(51)

Barra minn hekk, il-Latvja targumenta li l-appoġġ eċċessiv kien ikkaġunat ukoll minn dewmien fil-ġenerazzjoni tal-flus meta mqabbel mar-rati ta' ġenerazzjoni tal-flus previsti fi żmien id-Deċiżjoni Finali dwar Parex. Debituri ħżiena dewmu l-pagamenti u b'hekk l-irkupru tal-flus ittardja b'madwar sentejn. Il-Latvja tqis li l-fenomenu huwa wieħed temporanju u tistenna li l-appoġġ ta' likwidità eċċessiva jintemm fis-snin 2015-2016.

(52)

Minkejja dan, il-Latvja u Reverta jagħrfu d-devjazzjoni mill-ammonti tal-għajnuna awtorizzati li rriżultat mid-diffikultajiet li sabu fl-allokazzjoni xierqa tal-appoġġ mill-Istat bejn l-appoġġ ta' likwidità awtorizzat u l-kontribuzzjonijiet kapitali wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta' Emenda.

(53)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Latvjani spjegaw li kieku nżammet il-liċenzja bankarja ta' Parex banka (issa Reverta), il-Latvja kien ikollha tinjetta iktar kapital f'Parex banka milli kien oriġinarjament previst (tabilħaqq, il-livell minimu ta' kapital meħtieġ skont ir-regoli ta' solvenza kien iktar mill-appoġġ kapitali massimu ta' LVL 218,7 miljun awtorizzat mid-Deċiżjoni Finali dwar Parex). Fuq il-bażi tal-pjan ta' ristrutturar oriġinali sottomess lill-Kummissjoni, il-valur ekonomiku realizzat miċ-ċessjonijiet ta' assi u l-konverżjoni ta' LVL 218,7 miljun ma kienx ikun biżżejjed sabiex Parex banka (Reverta) jikkonforma mar-rekwiżiti regolatorji tal-adegwatezza kapitali.

(54)

Għaldaqstant, li kieku nżammet il-liċenzja, Parex banka (Reverta) kien ikun jeħtieġ kapital addizzjonali. Wara l-irtirar tal-liċenzja bankarja, il-livell ta' għajnuna addizzjonali kien limitat għall-ammont meħtieġ għall-proċess ta' stralċ.

(55)

Skont il-Latvja, ma kienx għad hemm bżonn li jkompli jiġi kkonvertit iktar appoġġ ta' likwidità f'kapital wara l-31 ta' Diċembru 2011 għaliex il-liċenzja bankarja ta' Reverta kienet ġiet irtirata. Matul skambji li saru qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta' Emenda l-Latvja kienet ikkomunikat il-pjan tagħha li ma tikkonvertix appoġġ ta' likwidità f'kapital lill-Kummissjoni wara l-31 ta' Diċembru 2011, għad li ma kkonfermatx l-intenzjoni tagħha li fil-fatt tagħmel dan u la identifikat u lanqas ma qasmet b'mod espliċitu mal-Kummissjoni l-konsegwenzi tekniċi tan-nuqqas ta' konverżjoni. B'mod partikolari, il-Latvja ma semmietx li minħabba n-“nuqqas ta' konverżjoni” tal-fondi f'kapital, il-fondi li diġà kienu ngħataw bħala appoġġ ta' likwidità ma kinux ser jaqgħu bir-rata meħtieġa mid-Deċiżjoni Finali dwar Parex.

(56)

Peress li LVL 49,5 miljun biss mill-appoġġ ta' likwidità fil-fatt kienu ġew ikkonvertiti f'kapital sal-31 ta' Diċembru 2011 u LVL 69,2 miljun f'appoġġ ta' likwidità ma kinux ġew ikkonvertiti f'kapital, il-livell ta' appoġġ ta' likwidità baqa' ogħla minn dak approvat b'madwar l-istess ammont.

(57)

Għaldaqstant, skont il-Latvja, iż-żamma tal-appoġġ ta' likwidità u l-evitar tal-konverżjoni tiegħu f'kapital kienu l-inqas miżura oneruża għall-awtoritajiet Latvjani u fil-fatt din il-miżura tnaqqas l-għajnuna mill-Istat għall-minimu meħtieġ.

(58)

Il-Latvja u Reverta jikkonfermaw li Reverta ma għadux jeħtieġ “flejjes ġodda”. Minħabba l-ammont baxx ta' appoġġ ta' likwidità kkonvertit f'kapital, il-Latvja tistenna li Reverta ser iżomm LVL [300-350] miljun f'appoġġ ta' likwidità fi tmiem l-2014, LVL [250-300] miljun fi tmiem l-2015, u LVL [200-250] miljun fi tmiem l-2016 u l-2017 (meta jiġi likwidat Reverta). Għaldaqstant, skont il-Latvja, dak l-appoġġ ta' likwidità ser jaqbeż il-limitu massimu oriġinarjament awtorizzat, għaliex (i) inqas appoġġ ta' likwidità ġie kkonvertit f'kapital u (ii) ir-“running off” ta' Reverta huwa mistenni jrendi inqas rikavati fi flus minn dak inizjalment ippjanat.

(59)

Skont il-projezzjoni l-ġdida tal-flus li tirrifletti d-diffikultajiet fl-irkupru tal-assi, il-Latvja tistenna li Reverta jkollu pożizzjoni kapitali negattiva ta' LVL [250-300] miljun fi tmiem il-proċess ta' likwidazzjoni (31 ta' Diċembru 2017).

5.4.   Dwar l-impenn ta' divestiment tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid (ir-Raba' miżura)

(60)

Il-Latvja bdiet bil-proċess ta' bejgħ ta' Citadele fl-2011 biex tirrispetta l-impenji li kienet ħadet stipulati fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex. L-ewwel tentattiv ta' bejgħ sar b'Nomura International bħala konsulent iżda minħabba taqlib kbir fiż-żona tal-euro kkaġunat mill-kriżi finanzjarja u ekonomika fil-Greċja, kif ukoll il-kollass ta' Snoras u Krajbanka fil-Litwanja u l-Latvja, dak it-tentattiv ma rnexxiex.

(61)

Barra minn hekk, fi Frar 2013 il-Latvja ordnat studju speċifiku minn espert indipendenti […] fuq, inter alia, l-impatt tal-bejgħ tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid fid-data speċifikata fl-impenji. L-espert wera li l-valur taż-żewġ entitajiet uniċi (Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid u l-parti li fadal ta' Citadele) kien jiswa inqas mill-valur ta' Citadele sħiħ. Konsegwentement, id-deprivazzjoni ta' Citadele min-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid tiegħu kien inaqqas il-valur kontabilistiku tal-bank u b'hekk idgħajjef il-valur tal-azzjonisti. Permezz ta' projezzjonijiet differenti, l-espert wera li mingħajr in-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid, il-profitt operazzjonali tal-bank kien jikkrolla, […] u li […] tiegħu kien imur għall-agħar.

(62)

Skont il-Latvja, fuq il-bażi tal-istudju tal-esperti, id-divestiment tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid b'mod separat mill-bqija ta' Citadele fl-2013 kien ixekkel il-vijabbiltà ta' Citadele u, konsegwentement, il-kummerċjabbiltà tiegħu. Kien inaqqas b'mod sinifikanti l-ħila tal-bank sabiex jattira atturi privati biex jinvestu f'Citadele bi prezz raġonevoli. Għalhekk, fl-2013 beda t-tieni proċess ta' bejgħ għal Citadele sħiħ bl-assistenza ta' Société Générale u Linklaters LLP bħala konsulenti esterni. Iż-żewġ metodi ta' bejgħ li bħalissa qed jiġu kkontemplati huma Fużjoni u Akkwiżizzjoni (“M&A”) jew Offerta Inizjali għall-Pubbliku (“IPO”).

5.5.   Miżuri ta' kumpens proposti mil-Latvja

(63)

Sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà mas-suq intern skont ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat tal-miżuri ta' għajnuna addizzjonali mogħtijin mil-Latvja lil Parex banka, Citadele u Reverta permezz tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Miżuri, kif ukoll in-nuqqas ta' divestiment tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid ta' Citadele sad-data ta' skadenza impenjata (ir-Raba' Miżura), il-Latvja pproponiet sensiela ta' impenji li huma stabbiliti fil-premessi 64 sa 73.

5.5.1.   Data ta' skadenza għall-bejgħ ta' Citadele u għad-divestiment tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid

(64)

Il-Latvja u Citadele jieħdu impenn li jagħmlu l-ikbar sforzi biex jiksbu malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ qabel […] offerti vinkolanti għall-bejgħ tas-sehem sħiħ tar-Repubblika tal-Latvja f'Citadele (inkluż in-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid). Il-bejgħ għandu jitlesta sa mhux iktar tard minn […]. Għandu jitħalla għad-diskrezzjoni tar-Repubblika tal-Latvja (u l-konsulent tagħha) li tiddeċiedi x'inhuma l-istruttura u l-modalitajiet xierqa tat-tranżazzjoni ta' bejgħ (eż. bejgħ ta' negozju jew IPO), dment li r-Repubblika tal-Latvja eventwalment tiddivesti s-sehem sħiħ tagħha f'Citadele sa mhux iktar tard minn […]. Fil-każ ta' IPO, ir-Repubblika tal-Latvja tieħu impenn li taqbel fuq prospett vinkolanti mal-FCMC sa […].

(65)

Il-Latvja u Citadele jieħdu impenn ukoll li jaħtru fiduċjarju ta' divestitura jekk, sa […], ma tasal ebda offerta vinkolanti jew, fil-każ ta' IPO, bl-istess objettiv, ma jkun intlaħaq ebda qbil mal-FCMC. F' tali każ, ir-Repubblika tal-Latvja ser tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiżgura li l-fiduċjarju tad-divestitura jinħatar u jibda jaħdem minn […]. Huwa mifhum li l-konsulent finanzjarju għall-bejgħ ta' Citadele jista' jinħatar ukoll bħala fiduċjarju tad-divestitura minn […]. Jekk jinħatar fiduċjarju ta' divestitura, il-Latvja u Citadele jieħdu impenn li jirċievu offerti vinkolanti u irrevokabbli għall-partijiet kollha sa […] u jidħlu fi ftehim vinkolanti u irrevokabbli għall-bejgħ tas-sehem sħiħ tar-Repubblika tal-Latvja f'Citadele sa […], li jrid jingħalaq sa mhux iktar tard minn […].

(66)

Barra minn hekk, il-Latvja u Citadele jieħdu impenn li minn […] Citadele […] negozju ġdid u n-negozju li jfidal ta' Citadele ser […], jekk ir-Repubblika tal-Latvja ma tkunx daħlet fi ftehim vinkolanti u irrevokabbli sa […], li jipprovdi għall-għeluq tal-bejgħ sa […] tas-sehem sħiħ tar-Repubblika tal-Latvja f'Citadele, jew jekk l-IPO ma tippermettix lir-Repubblika tal-Latvja tbigħ is-sehem sħiħ tagħha f'Citadele sa […].

(67)

Il-Latvja u Citadele jieħdu impenn li jgħalqu t-tranżazzjoni ta' bejgħ u xiri tas-sehem sħiħ f'Citadele tar-Repubblika tal-Latvja sa […]. Jekk il-bejgħ ta' dak is-sehem ma jkunx sar sa […], jieħdu impenn li Citadele […] negozju ġdid u n-negozu li jifdal ta' Citadele ser jiġi […].

(68)

Jekk Citadele jkun […] f'xi wieħed mill-avvenimenti msemmijin fil-premessi 64 sa 67, kwalukwe parti min-negozju ta' Citadele, li fiha hemm interess ta' partijiet terzi, tista' tinbiegħ u tiġi ttrasferita mir-Repubblika tal-Latvja u/jew Citadele lit-tali parti terza (mingħajr preġudizzju għall-prinċipji […] u ebda għajnuna ġdida mill-Istat).

5.5.2.   Tnaqqis ulterjuri tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet kapitali awtorizzati

(69)

Fir-rigward ta' Reverta, id-Deċiżjoni ta' Emenda awtorizzat il-konverżjoni f'kapital ta' depożiti tal-Istat u l-imgħax (l-appoġġ ta' likwidità) għall-ammont totali ta' LVL 118,7 miljun. Peress li s'issa LVL 49,5 miljun biss mill-appoġġ ta' likwidità ġie kkonvertit f'kapital, il-Latvja tipproponi li l-ammont totali massimu ta' kapital li jista' jiġi pprovdut lil Reverta mil-Latvja jonqos b'mod immedjat u permanenti għal LVL 49,5 miljun, mill-ammont stabbilit qabel ta' LVL 118,7 miljun.

5.5.3.   Impenn li jissaħħu l-miżuri ta' qsim tal-piżijiet billi jiġi evitat kull ħruġ ta' flus lill-Kredituri Subordinati Legati ta' Reverta

(70)

Il-Latvja tirrikonoxxi li hemm bżonn ta' miżuri msaħħin għall-qsim tal-piżijiet biex tiġi żgurata kompatibbiltà tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Miżuri mas-suq intern. Tali miżuri jkunu qed jiżguraw inter alia li ebda parti terza ma tingħata benefiċċju bi żball mill-għajnuna mill-Istat addizzjonali mogħtija lil Reverta u Citadele.

(71)

Għal dan il-għan, il-Latvja tieħu impenn li ssaħaħ l-impenji preċedenti ta' qsim tal-piżijiet permezz ta' rikapitalizzazzjoni interna tal-eks azzjonisti ta' maġġoranza ta' Parex banka, l-affiljati tagħhom, u kredituri oħrajn (il-“Kredituri Subordinati Legati”) li kienu taw self subordinat (is-“Self Subordinat Legat”).

(72)

Reverta qabeż l-ammonti ta' likwidità awtorizzati mid-Deċiżjoni Finali ta' Parex f'parti minnhom minħabba l-ħlas tal-imgħax fuq is-Self Subordinat Legat. Li kieku Reverta ma ħallasx dan l-imgħax jew li kieku s-Self Subordinat Legat tniżżel fil-valur eżatt wara d-Deċiżjoni Finali ta' Parex, il-Latvja jaf ma kienx ikollha bżonn timplimenta l-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Miżuri sa fejn fil-fatt ġew implimentati.

(73)

Fid-dawl ta' dan li ntqal, il-Latvja toffri li tiċċara u ssaħħaħ l-impenji tagħha rigward il-kapital u l-imgħax dovut rigward is-Self Subordinat Legat kif ġej:

(a)

Citadele u Reverta (qabel kienu Parex banka) kif ukoll l-impriżi affiljati magħhom ma għandhomx iħallsu mgħax, dividendi jew kupuni fuq strumenti kapitali eżitenti (inklużi azzjonijiet privileġġati, ishma B, u strumenti superjuri u inferjuri tal-grad 2) (dovuti jew akkumulati) jew jeżerċitaw xi dritt ta' opzjoni eżerċitata b'rabta mal-istess, lil xi debituri jew azzjonisti subordinati, li mhumiex strettament l-Istat Latvjan jew il-BERŻ, qabel u sakemm ma tkunx tħallset lura totalment l-għajnuna mill-Istat lil Reverta u/jew Citadele u sakemm ma jkunx hemm obbligu legali li jagħmlu hekk. Jekk jeżistu obbligi legali bħal dawn, il-Latvja tieħu impenn li tneħħihom malajr kemm jista' jkun (u żgur sa mhux iktar tard mit-30 ta' April 2015).

(b)

Il-Latvja tieħu l-impenn ukoll li ma tħallasx lura xi dejn (kapital) pendenti tas-Self Subordinat Legat (qabel u sakemm ma titħallasx lura kompletament l-għajnuna mill-Istat lil Reverta/Citadele), li ser ikun:

i.

soġġett għal ordni vinkolanti li ma jsir dovut u pagabbli ebda pagament skont is-Self Subordinat Legat; jew

ii.

ikkonvertit f'kapital tal-Grad 1 mingħajr id-dritt tal-vot; jew

iii.

jitniżżel fil-valur;

sa fejn hemm bżonn biex ikopri l-valur negattiv nett tal-assi ta' Reverta, u dment li hemm bażi legali disponibbli.

(c)

Il-Latvja ser twettaq il-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li kull dispożizzjoni legali meħtieġa biex tinżamm konformità mal-impenji ta' hawn fuq tiġi implimentata sa mhux iktar tard mit-30 ta' April 2015.

5.6.   Ir-reazzjoni tal-Latvja għall-kummenti tal-partijiet terzi

(74)

Fis-6 ta' Ġunju 2014, il-Latvja ssottomettiet it-tweġiba tagħha b'rabta mal-kummenti tal-partijiet terzi li rċiviet il-Kummissjoni. Il-Latvja tiddikjara li l-allegazzjonijiet imressqin mill-kummenti mhumiex sostanzjati u ma huma ta' ebda relevanza b'rabta mad-Deċiżjoni ta' Ftuħ. Il-Latvja tiċħad l-allegazzjonijiet tal-parti terza u titlob lill-Kummissjoni sabiex tinjorahom.

6.   VALUTAZZJONI

6.1.   L-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat wara l-miżuri l-ġodda

(75)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni billi tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti għandha titqes inkompatibbli mas-suq intern jekk taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(76)

Il-kwalifikazzjoni ta' miżura bħala għajnuna mill-Istat teħtieġ li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin f'daqqa: (a) il-miżura trid tkun iffinanzjata mir-riżorsi tal-Istat; (b) trid tagħti vantaġġ selettiv li jista' jiffavorixxi lil ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti; (c) il-miżura trid toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u jkollha l-potenzjal li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

6.1.1.   L-Ewwel Miżura

(77)

Il-fatt li l-għoti mil-Latvja ta' self subordinat lil Parex banka kien jinvolvi għajnuna mill-Istat ġie stabbilit fl-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ, meta l-Kummissjoni approvat il-ħruġ ta' dejn subordinat b'maturità ta' ħames snin bħala miżura ta' għajnuna kompatibbli. Dak iż-żmien il-Kummissjoni ddeċidiet li investitur f'ekonomija tas-suq ma kienx jagħti dejn subordinat b'maturità ta' ħames snin (25).

(78)

Is-self subordinat li fil-fatt ingħata mil-Latvja favur Parex banka kien l-istess bħall-miżura li kienet ġiet approvata mill-Kummissjoni ħlief għall-fatt li kellha maturità itwal, u din iġġenerat vantaġġ addizzjonali għal Parex banka.

(79)

Id-dejn subordinat b'maturità ta' seba' snin kien jagħti lill-mutwatarju vantaġġ ikbar mid-dejn subordinat b'maturità ta' ħames snin peress li r-riskju għal investitur ta' kwalunkwe investiment jiżdied iktar ma tittawwal il-maturità tal-investiment. Meta ngħata d-dejn subordinat b'maturità ta' seba' snin, kien ikun inqas probabbli għal investitur f'ekonomija tas-suq li jagħti d-dejn subordinat b'dawk it-termini estiżi milli kien jagħmel l-istess ħaġa għal ħames snin. Għalhekk, il-maturità itwal tad-dejn subordinat kienet tirrappreżenta vantaġġ addizzjonali għal Parex banka meta mqabbla mal-forma tad-dejn subordinat li kienet approvata fid-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ u d-Deċiżjoni Finali dwar Parex. Peress li r-rekwiżiti kollha l-oħrajn sabiex ikun hemm għajnuna mill-Istat diġà kienu ġew stabbiliti fl-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ, l-Ewwel Miżura tirrappreżenta għajnuna addizzjonali mill-Istat.

6.1.2.   It-Tieni Miżura

(80)

Fis-27 ta' Ġunju 2013 il-Latvja tat estensjoni ta' 18-il xahar addizzjonali għall-maturità ta' LVL 37 miljun f'self subordinat lil Citadele (mit-total ta' LVL 45 miljun miżmuma mil-Latvja dak iż-żmien).

(81)

Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, fin-nuqqas ta' argumenti oħrajn, il-Kummissjoni vvalutat li tali estensjoni ta' maturità ma kinitx tingħata minn investitur f'ekonomija tas-suq, peress li kienet tippreżenta riskji oħrajn meta mqabbla mal-forma eżistenti preċedenti tas-self subordinat. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-maturità itwal tad-dejn subordinat kienet tirrappreżenta vantaġġ addizzjonali mogħti mill-Istat lil Citadele meta mqabbla mal-forma tad-dejn subordinat li kienet approvata fid-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ u d-Deċiżjoni Finali dwar Parex, u b'hekk għajnuna addizzjonali.

(82)

Il-Latvja ddikjarat li investitur f'suq b'mod razzjonali kien jagħżel li jieħu miżuri speċifiċi biex iżomm l-adegwatezza kapitali tal-bank biex jippreserva l-valur tal-investiment tiegħu. Għaldaqstant, essenzjalment targumenta li t-Tieni Miżura ma tat ebda vantaġġ lil Citadele għaliex il-forniment ta' appoġġ addizzjonali kien konformi mal-prinċipju tal-operatur f'ekonomija tas-suq.

(83)

Il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-prinċipju tal-operatur f'ekonomija tas-suq huwa applikabbli għal tranżazzjoni bħat-Tieni Miżura. Madankollu, tfakkar li l-Qrati tal-Unjoni saħqu li jekk Stat Membru jiddependi minn dak it-test matul il-proċedura amministrattiva, meta jkollu dubju jrid jistabbilixxi mingħajr ekwivoku u fuq il-bażi ta' evidenza oġġettiva u verifikabbli li l-miżura implimentata taqa' sabiex tiġi kkredidata lill-Istat li jaġixxi bħala azzjonist u li, f'dak ir-rigward, jista' jkun hemm bżonn li tiġi prodotta evidenza li turi li d-deċiżjoni hija bbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi paragunabbli għal dawk li, fiċ-ċirkustanzi, kien jagħmel investitur privat razzjonali f'sitwazzjoni li tixbah kemm jista' jkun lil dik tal-Istat Membru, qabel ma jagħmel l-investiment, sabiex jistabbilixxi l-profitabbiltà tiegħu fil-ġejjieni. (26)

(84)

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li d-dikjarazzjoni tal-Latvja li hija aġixxiet skont il-prinċipju tal-operatur f'ekonomija tas-suq ma kinitx issostanzjata bl-argumenti sottostanti u b'analiżi ddettaljata.

(85)

L-ewwel nett, ma ġiet ipprovduta ebda evidenza lill-Kummissjoni li l-Latvja wettqet valutazzjoni tal-investiment tagħha f'Citadele fl-istess ħin mad-deċiżjoni tagħha li timplimenta t-Tieni Miżura. Investitur tas-suq li jaġixxi bħala azzjonist kien jivvaluta l-valur ta' Citadele biex jistabbilixxi l-valur attwali tal-investiment tiegħu f'dak il-bank qabel (u, b'hekk, mingħajr) u wara l-implimentazzjoni tat-Tieni Miżura u kien iqabbel dawk iż-żewġ valuri. Il-Kummissjoni tqis li investitur tas-suq bi skop ta' profitt kien jibda billi jistabbilixxi l-valur attwali tal-investiment tiegħu fil-bank u mbagħad kien jiżgura jekk il-valur attwali ta' dak l-investiment kienx ikun protett bl-estensjoni addizzjonali tal-maturità tas-self subordinat. Jekk ir-riżultat ta' dik l-analiżi kien juri li l-valur seta' jkun protett jew saħansitra jiżdied, bħala t-tieni pass, investitur tas-suq bi skop ta' profitt kien iqabbel il-kost tal-għażla ta' salvagwardja (jew saħansitra żieda) tal-valur u d-differenza fil-valur.

(86)

Kieku l-Latvja għamlet analiżi bħal din, missha wriet li l-għoti tal-maturità prolungata kien miżura effettiva tal-inqas sabiex jiġi ssalvagwardjat il-valur tal-investiment u mbagħad missha wriet li l-kost tal-għażla talli pprovdiet tali miżura kien inqas miż-żieda fil-valur. Huwa biss jekk il-kostijiet tal-għażla talli pprovdiet il-maturità addizzjonali kienu inqas mill-preservazzjoni tal-valur li tirriżulta mit-Tieni Miżura li l-Kummissjoni tkun tista' taċċetta li l-Latvja aġixxiet skont il-prinċipju tal-operatur f'ekonomija tas-suq. Madankollu, il-Latvja la pprovdiet valutazzjoni simultanja tal-valur tal-investimenti u lanqas analiżi li turi li l-kostijiet tal-għażla talli pprovdiet il-maturità addizzjonali kienu inqas mill-preservazzjoni tal-valur li tirriżulta mill-implimentazzjoni tat-Tieni Miżura.

(87)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li t-Tieni Miżura ma tistax titqies konformi mal-imġiba ta' operatur f'ekonomija tas-suq f'pożizzjoni paragunabbli ma' dik tal-Latvja f'Ġunju 2013.

(88)

It-tieni nett u fi kwalunkwe każ, il-prinċipji stabbiliti għall-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur f'ekonomija tas-suq jeħtieġu li t-tqabbil mal-imġiba ta' investitur privat razzjonali jsir f'sitwazzjoni li tixbah kemm jista' jkun dik tal-Istat Membru. (27) Konsegwentement, meta vvalutat il-valur tal-investiment tagħha f'Citadele, il-Latvja missha kkunsidrat l-impenji stipulati fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex b'rabta mal-bejgħ ta' Citadele. F'Ġunju 2013, meta daħlet fis-seħħ it-Tieni Miżura, dawk l-impenji kienu jinkludu obbligi ta' divestiment ta' Citadele sal-31 ta' Diċembru 2014 kif ukoll divestiment ta' Citadele mingħajr in-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid (peress li n-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid kellu jiġi divestit għalih jekk ma jinbiegħx sat-30 ta' Ġunju 2013). Peress li fis-27 ta' Ġunju 2013, meta ngħatat l-estensjoni tal-maturità, ma kien għadu nstab ebda xerrej għan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid, il-konklużjoni ta' investitur privat kienet tkun li ma kienx possibbli li n-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid jinbiegħ flimkien ma' Citadele sad-data ta' skadenza ta' 30 ta' Ġunju 2013 stabbilita mid-Deċiżjoni Finali dwar Parex u, għalhekk, iż-żewġ entitajiet kellhom jinbiegħu b'mod separat.

(89)

Barra minn hekk, azzjonist privat tal-bank f'sitwazzjoni li tixbah kemm jista' jkun lil dik tal-Istat Membru ma kien ikollu ebda raġuni għaliex jassumi li l-issodisfar ta' dawk l-impenji kien jiġi rrinunzjat jew pospost, peress li kull modifika bħal din kienet soġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, meta kellu jiġi stabbilit il-valur tal-investiment f'Ġunju 2013, ma setax ikun mistenni li dawk l-obbligi jkunu irrelevanti peress li ma setax jiġi supponut li l-Kummissjoni kienet ser tapprova kwalunkwe modifika ta' xi obbligu qabel il-perjodu li fih il-Latvja kienet ħadet impenn li teżegwih.

(90)

Konsegwentement, għall-fini ta' deċiżjoni dwar jekk għandhiex tagħti l-maturità prolungata, il-parametri għall-valutazzjoni tal-valur tal-investiment tal-Latvja f'Citadele f'Ġunju 2013 iridu jinkludu l-impenji li huma stipulati fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex. Il-Latvja kienet naqset milli tipprovdi evidenza li ħadet dawk il-parametri kollha f'kunsiderazzjoni jew li l-valur tal-investiment tagħha f'dak il-mument li kien jirriżulta mit-teħid f'kunsiderazzjoni tagħhom huwa ikbar mill-kost tal-għażla talli pprovdiet l-estensjoni tal-maturità. Għalhekk ukoll, il-Kummissjoni tqis li t-Tieni Miżura ma tistax titqies li hija konformi mal-imġiba ta' operatur f'ekonomija tas-suq li jsib lilu nnifsu f'pożizzjoni paragunabbli għal dik tal-Latvja f'Ġunju 2013.

(91)

It-tielet, anki kieku l-Latvja għamlet analiżi ddettaljata biżżejjed tat-Tieni Miżura bħala mezz ta' preservazzjoni tal-valur tal-investiment tagħha f'Citadele sa Ġunju 2013 u anki li kieku f'din l-analiżi kkalkolat ir-restrizzjonijiet li operatur f'ekonomija tas-suq kien jieħu f'kunsiderazzjoni minħabba l-bejgħ pendenti ta' Citadele u d-divestiment separat tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid, id-dikjarazzjonijiet tal-Latvja dwar l-ispejjeż tat-Tieni Miżura u l-livell tal-valur tal-investiment f'Citadele suppost preservat minn dik il-miżura mhumiex plawżibbli.

(92)

Minn naħa, filwaqt li l-Latvja tiddikjara li t-Tieni Miżura ma involviet ebda spejjeż għall-Istat, dik id-dikjarazzjoni ma hija sostnuta minn ebda dettall ieħor jew evidenza rigward il-valutazzjoni tal-ispejjeż imwettqa mil-Latvja meta ġiet approvata t-Tieni Miżura. Din l-analiżi tal-kostijiet tal-għażla u kull tip ieħor ta' kost marbut mat-Tieni Miżura kienet tkun prerekwiżit għal investitur privat li jfittex li jieħu deċiżjoni razzjonali dwar jekk jestendix il-maturità tas-self subordinat. L-assenza ta' evalwazzjoni tal-ispejjeż twassal sabiex il-Kummissjoni tikkonkludi li investitur privat ma kienx ikun jista' jivvaluta kemm hija meħtieġa t-Tieni Miżura f'termini ta' massimizzazzjoni tal-profitt.

(93)

Min-naħa l-oħra, filwaqt li l-Latvja tiddikjara li t-Tieni Miżura ppreservat il-valur tal-investiment tal-Latvja f'Citadele, dik id-dikjarazzjoni mhijiex riflessa fil-karatteristiċi tal-investiment f'Citadele li għamel l-Istat Membru sa Ġunju 2013. Il-Kummissjoni tosserva li għal investitur orjentat lejn il-profitt, il-valur attwali ta' investiment jiddependi mill-prospettiva ta' flussi ta' dħul fil-ġejjieni minn dak l-investiment (fil-forma ta', pereżempju, dividendi) flimkien mal-valur kapitali ta' dak l-investiment f'dak iż-żmien partikolari (li jista' jiġi derivat, pereżempju, mill-prezz li akkwirent kieku jħallas għall-investiment tal-azzjonist f'dak iż-żmien partikolari jew mill-valur skontat biż-żmien tal-prezz li akkwirent kieku jħallas għall-investiment tal-azzjonist fil-ġejjieni). L-indiċijiet kollha għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni jindikaw li l-valur tal-investiment tal-Latvja f'Citadele f'Ġunju 2013 kien baxx, jekk kellu valur pożittiv affattu.

(94)

Fir-rigward tal-flussi ta' dħul possibbli fil-ġejjieni mill-investiment tal-Latvja f'Citadele, ma ġiet ipprovduta ebda evidenza li tindika li sa Ġunju 2013 l-azzjonisti setgħu jistennew xi dividendi mingħand Citadele f'xi punt fil-futur qrib. Kwalunkwe valutazzjoni ta' azzjonist privat tal-bank f'sitwazzjoni li tixbah kemm jista' jkun dik tal-Istat Membru tad-dħul mistenni mid-distribuzzjoni tad-dividendi kienet tkun marbuta mal-obbligu ta' divestiment ta' Citadele sal-31 ta' Diċembru 2014. Barra minn hekk, l-istudju deskritt fil-premessa 61 stabbilixxa li, mingħajr in-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid, Citadel kien jagħmel inqas telf, konklużjoni li kompliet tnaqqas il-prospettiva ta' benefiċċju minn kwalunkwe distribuzzjoni ta' dividendi peress li sas-27 ta' Ġunju 2013 operatur f'ekonomija tas-suq kien ikollu jassumi li Citadele u n-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid kienu ser jiġu divestiti b'mod separat.

(95)

B'hekk, meta ġiet ipprovduta l-estensjoni tal-maturità, ma kien hemm ebda evidenza li Citadele jkun jista' (wara li jitqiesu l-profitti u l-proporzjon tal-kapital mistennijin tiegħu) jiddistribwixxi dividendi qabel il-31 ta' Diċembru 2014, peress li l-proporzjon tal-kapital ta' 10,3 % ippjanat li jinkiseb għall-31 ta' Diċembru 2013 bilkemm jaqbeż il-proporzjon tal-kapital minimu meħtieġ ta' 10 % u jkun ferm inqas mill-proporzjon tal-kapital ta' […] % irrakkomandat mill-FCMC sabiex jiġu indirizzati riskji eżistenti u potenzjali għal Citadele. Għaldaqstant, investitur privat kien jieħu f'kunsiderazzjoni li sa Ġunju 2013 kien hemm probabbiltà baxxa li l-azzjonisti setgħu jistennew xi distribuzzjoni ta' dividendi minn Citadele fil-futur qrib.

(96)

Rigward il-valur tal-kapital tal-investiment tal-Latvja f'Citadele f'Ġunju 2013, l-istudju sottomess mill-awtoritajiet tal-Latvja li huwa deskritt fil-premessa (61) u li tfassal fi Frar 2013 juri li Citadele kien ikun affettwat ħażin mid-divestiment separat tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid. Investitur privat f'sitwazzjoni li tixbah kemm jista' jkun lil dik tal-Latvja f'Ġunju 2013 kien jieħu f'kunsiderazzjoni l-fatt li madwar erba' xhur qabel, espert indipendenti kien stabbilixxa li l-valur tal-bejgħ ta' Citadele mingħajr in-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid kien ikun inqas minn dak taż-żewġ entitajiet flimkien. Konsegwentement, tali investitur privat kien ikollu bżonn raġunijiet validi f'termini ta' massimizzazzjoni tar-redditu aġġustat għar-riskju biex jieħu riskji addizzjonali billi jagħti l-estensjoni tal-maturità tas-self subordinat. Madankollu, il-Latvja ma pprovdiet ebda evidenza ta' tali raġunijiet validi sabiex operatur f'ekonomija tas-suq jieħu dawk ir-rsikji addizzjonali f'dak iż-żmien. B'hekk, anki kieku ġiet ipprovduta l-estensjoni tal-maturità, ma kien hemm ebda evidenza li Citadele mingħajr in-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid seta' jinbiegħ għal […] u dan iwassal sabiex il-Kummissjoni tikkonkludi li f'Ġunju 2013 il-Latvja ma kellhiex […] fl-investiment tagħha li kellu jiġi ppreservat li kien […] għall-għoti tat-Tieni Miżura.

(97)

Dawk ir-raġunijiet ulterjuri jwasslu wkoll sabiex il-Kummissjoni tqis li t-Tieni Miżura ma tistax tiġi kkunsidrata konformi mal-imġiba ta' operatur f'ekonomija tas-suq li jsib lilu nnifsu f'pożizzjoni li tixbah lil dik tal-Latvja f'Ġunju 2013.

(98)

Ir-raba' u l-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-BERŻ, li f'Ġunju 2013 kien l-uniku azzjonist ieħor ta' Citadele minbarra l-Istat Latvjan, ma tawwalx il-maturità tas-self subordinat pendenti tiegħu lil Citadele u li l-Latvja qatt ma daħlet f'kuntatt mal-BERŻ biex tiddiskuti l-parteċipazzjoni ta' dan tal-aħħar fit-Tieni Miżura, kif spjegat fil-premessi 46 sa 48. Dak in-nuqqas ta' kull tentattiv li tiddiskuti l-qsim tal-piżijiet tal-kost tat-Tieni Miżura jekk dik il-miżura kellha tkun mezz biex jiġi ppreservat il-valur tal-investimenti f'Citadele huwa indikazzjoni oħra li t-Tieni Miżura ma kinitx konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju tal-operatur f'ekonomija tas-suq.

(99)

F'dak ir-rigward, il-Kummissjoni l-ewwel tfakkar li skont l-ittra tal-FCMC, Citadele kellu għaxar xhur (mill-1 ta' Marzu sal-31 ta' Diċembru 2013) biex jikkonforma mal-proporzjon il-ġdid tal-adegwatezza kapitali. F'dak il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li azzjonist ta' maġġoranza kien jisfrutta l-perjodu ta' għaxar xhur kollu kemm hu sabiex jidentifika soluzzjoni adegwata ħalli jissodisfa r-rekwiżit kapitali l-ġdid li naqqas l-ispejjeż proprji tiegħu. B'hekk, l-argument tal-Latvja fuq it-tħaffif tal-bejgħ ta' Citadele ma jispjegax għaliex it-Tieni Miżura ġiet adottata bla ma daħlet f'kuntatt mal-azzjonist ta' minoranza ta' Citadele fi żmien erba' xhur mill-ittra tal-FCMC minflok ma sfruttat iktar mill-perjodu sa għaxar xhur li setgħet tieħu.

(100)

Barra minn hekk, anki jekk il-parteċipazzjoni tal-BERŻ f'estensjoni tal-maturità kienet tinvolvi miżura b'karatteristiċi differenti minn dawk tat-Tieni Miżura, il-Latvja ma tipprovdi ebda evidenza li miżura differenti bħal din li tinkludi l-BERŻ kienet tkun inqas effettiva mit-Tieni Miżura jew li kienet tiġi ogħla għall-azzjonist ta' maġġoranza meta mqabbla mal-ispejjeż tat-Tieni Miżura stess.

(101)

Rigward l-argument tal-Latvja li estensjoni mill-BERŻ tal-maturità tas-self subordinat tiegħu kienet twassal għal piżijiet addizzjonali fi żmien il-bejgħ ta' Citadele, l-awtoritajiet tal-Latvja ma pproduċew ebda element biex juru li tali estensjoni fil-fatt kienet toħloq it-tali spejjeż addizzjonali. Ma sar ebda studju speċifiku fuq l-ispejjeż tad-divestiment ta' Citadele wara t-Tieni Miżura meta mqabbla mal-ispejjeż ta' bejgħ ipotetiku ta' Citadele wara estensjoni li fiha ħa sehem il-BERŻ li jiġġustifika d-dikjarazzjoni tal-Latvja li kien ikun hemm piżijiet addizzjonali. Il-Kummissjoni tqis li kwalunkwe operatur privat li jikkunsidra kif jippreserva l-valur tal-investiment tiegħu f'Citadele tal-inqas kien ikun kapaċi jindika evalwazzjoni kontemporanja ta' x'kienu b'rabta ma' bejgħ sussegwenti dawk l-ispejjeż alternattivi li jirriżultaw jekk l-azzjonist ta' minoranza f'Citadele jestendi d-durata tas-self subordinat tiegħu lil dak il-bank.

(102)

Fl-aħħar, kif osservat fil-premessa 48(c), il-Latvja tispjega li kienet temmen li l-BERŻ kien ikun lest li jestendi l-maturità tas-self tiegħu lil Citadele. F'dik is-sitwazzjoni, anki kieku l-involviment tal-BERŻ kien iwassal għal iktar kumplessità, il-Kummissjoni tqis li azzjonist ta' maġġoranza privat li kien qed jikkontempla l-estensjoni tal-maturità tad-dejn subordinat eżistenti tiegħu stess favur Citadele tal-inqas kien jidħol f'kuntatt mal-azzjonist ta' minoranza li kien ukoll detentur ta' dejn subordinat ta' Citadele biex jara jekk dan tal-aħħar kienx jew (i) jaqsam l-ispejjeż tal-appoġġ addizzjonali lil Citadele billi jestendi d-data ta' maturità tas-self tiegħu stess jew inkella (ii) jidħolx f'xi arranġament ieħor dirett mal-azzjonist ta' maġġoranza biex iħallas għal parti mill-ispejjeż tat-Tieni Miżura lill-azzjonist ta' maġġoranza. Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur f'ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta li azzjonist ta' maġġoranza ta' kumpanija kien jaċċetta l-ispiża kollha ta' protezzjoni tal-valur tal-investimenti kollha f'dik il-kumpanija u b'hekk ikun ipproteġa l-valur tal-investiment ta' azzjonist ta' minoranza mingħajr ma jidħol f'kuntatt ma' dan tal-aħħar sabiex ifittex kontribuzzjoni mingħandu.

(103)

Fid-dawl ta' kull wieħed minn dawn il-fatturi, l-assenza ta' kwalunkwe approċċ għall-BERŻ fil-perjodu ta' bejn l-1 ta' Marzu 2013 u s-27 ta' Ġunju 2013 hija indikazzjoni oħra li t-Tieni Miżura ma saritx skont ir-rekwiżiti tal-prinċipju tal-operatur f'ekonomija tas-suq.

(104)

Għal kull waħda mill-erba' raġunijiet stabbiliti fil-premessi 85 sa 103, ma ġiex stabbilit mingħajr ekwivoku u fuq il-bażi ta' evidenza oġġettiva u verifikabbli li t-Tieni Miżura trid tiġi attribwita lill-Istat Membru li aġixxa bħala azzjonist privat. F'dawk iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta li Citadele, f'ċirkustanzi li jikkorrispondu għal kundizzjonijiet normali tas-suq, seta' jikseb l-istess vantaġġ bħal dak li tqiegħed għad-dispożizzjoni permezz ta' riżorsi tal-Istat fil-forma tat-Tieni Miżura.

(105)

Il-Latvja kienet implimentat it-Tieni Miżura għal Citadele li huwa u ser ikun attiv fi swieq miftuħin għal kompetizzjoni internazzjonali. Għaldaqstant, kull vantaġġ mir-riżorsi tal-Istat jaffettwa l-kompetizzjoni fis-settur bankarju u jħalli impatt fuq il-kummerċ intra-Unjoni. Barra minn hekk, dik il-miżura hija selettiva peress li tibbenefika lil Citadele biss. Hija ffinanzjata mir-riżorsi tal-Istat. F'Ġunju 2013, kif spjegat mil-Latvja fil-premessa (45), parti terza li taġixxi ta' operatur f'ekonomija tas-suq ma kinitx tawtorizza miżura li tixbah it-Tieni Miżura b'termini paragunabbli. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonferma l-valutazzjoni preċedentement provviżorja tagħha mid-Deċiżjoni ta' Ftuħ li t-Tieni Miżura tirrappreżenta għajnuna addizzjonali mill-Istat.

6.1.3.   It-Tielet Miżura

(106)

Fir-rigward ta' appoġġ ta' likwidità mogħti lil Reverta, għall-ewwel dan kien approvat bħala parti mill-miżuri kompatibbli ta' għajnuna mill-Istat approvati fl-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ, fil-forma ta' depożiti tal-Istat. Dak iż-żmien, il-Kummissjoni osservat li Parex banka kien nieqes minn kollateral likwidu u li l-Latvja kienet iddepożitat il-fondi, wara li qieset il-ħtiġijiet ta' likwidità tal-bank, meta ebda investitur tas-suq ma kien lest jipprovdi likwidità fid-dawl tas-sitwazzjoni dgħajfa ta' Parex banka. (28)

(107)

Wara d-Deċiżjoni Finali dwar Parex (u l-qasma f'bank tajjeb u bank ħażin), l-għajnuna ta' likwidità mbagħad ġiet ittrasferita lil Citadele u Reverta. L-ewwel wieħed diġà ħallas għal kollox is-sehem tiegħu mill-appoġġ ta' likwidità. Reverta kien meħtieġ jillimita l-ammonti ta' appoġġ ta' likwidità li rċieva, kif stipulat fil-premessa (19)c). Madankollu, l-ammont ta' appoġġ ta' likwidità fil-fatt mogħti lil Reverta jaqbeż anki l-livelli previsti għall-agħar xenarju possibbli li kien approvat fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex. Dak l-appoġġ ta' likwidità addizzjonali jipprovdi vantaġġ supplimentari għal Reverta meta mqabbel mal-għajnuna approvata mid-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ u d-Deċiżjoni Finali dwar Parex. Il-Latvja ma ddikjaratx li operat bħala mutwanti tas-suq fil-forniment ta' tali likwidità u lanqas ma ppreżentat xi element li jippermetti li l-Kummissjoni tikkonkludi li Reverta, fiċ-ċirkustanzi li jikkorrispondu għal kundizzjonijiet normali tas-suq, setgħet tikseb l-istess vantaġġ bħal dak li tqiegħed għad-dispożizzjoni għaliha mir-riżorsi tal-Istat fil-forma tat-Tielet Miżura. Ma nbidlet ebda waħda mill-karatteristiċi l-oħrajn tal-appoġġ ta' likwidità minbarra l-kwantità tiegħu u, għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

(108)

Fuq il-bażi tal-premessi 106 u 107, peress li huwa ċar li l-appoġġ ta' likwidità miżjud jirrappreżenta vantaġġ addizzjonali meta mqabbel mal-miżuri ta' għajnuna approvati, dan għaldaqstant jirrappreżenta għajnuna addizzjonali (peress li l-kriterji kollha l-oħrajn skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat għadhom fis-seħħ).

6.2.   Bażi legali għall-kompatibbiltà tal-għajnuna addizzjonali l-ġdida

(109)

L-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tqis li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern jekk isservi “sabiex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta' Stat Membru”.

(110)

Minħabba l-importanza sistemika ta' Parex banka (li kien bank importanti fil-Latvja) u l-importanza tal-attivitajiet ta' self tiegħu għall-ekonomija Latvjana fi żmien l-approvazzjoni tal-miżuri ta' għajnuna, il-Kummissjoni aċċettat li n-nuqqas ta' indirizzar tad-diffikultajiet tal-bank kien iwassal għal konsegwenzi serji għall-ekonomija tal-Latvja.

(111)

Għalhekk, fid-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ u d-Deċiżjoni Finali dwar Parex, il-miżuri ta' għajnuna approvati għal Parex banka ġew ivvalutati skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat kif ukoll fuq il-bażi tal-Komunikazzjonijiet (29) adottati fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja li kienu fis-seħħ fi żmien l-għoti tal-għajnuna.

(112)

Il-Kummissjoni tqis li l-istess bażi legali tapplika għall-għajnuna addizzjonali mogħtija permezz tal-Ewwel u t-Tieni Miżuri, fuq il-bażi tat-twaqqit tal-implimentazzjoni tagħhom u l-karatteristiċi tagħhom li jixbhu lil dawk tal-miżuri ta' għajnuna approvati.

(113)

Fir-rigward tat-Tielet Miżura, il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-Kummissjoni trid issir fuq il-bażi tal-kriterji aġġornati stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-2013 dwar il-Banek (30). Tabilħaqq, kwalunkwe għajnuna mogħtjia bis-sħiħ jew b'mod parzjali mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kumissjoni (u b'hekk bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat) wara l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2013 dwar il-Banek fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea trid tiġi eżaminata fuq il-bażi ta' dik il-Komunikazzjoni. Peress li t-Tielet Miżura ġiet applikata kontinwament mill-2011 s'issa, jista' jiġi konkluż li l-għajnuna ngħatat b'mod parzjali wara l-1 ta' Awwissu 2013, id-data ta' pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-Komunikazzjoni tal-2013 dwar il-Banek.

6.3.   Kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern

6.3.1.   Rigward l-Ewwel Miżura

(114)

Mid-data tal-ħruġ tiegħu (22 ta' Mejju 2009), is-self subordinat mogħti mil-Latvja lil Parex banka kellu maturità ta' seba' snin (jiġifieri sal-21 ta' Mejju 2016) u b'hekk jaqbeż il-maturità massima ta' ħames snin li kienet stabbilita fl-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ u mbagħad ikkonfermata fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex. Il-miżura ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni.

(115)

Fir-rigward ta' dik il-miżura ta' għajnuna addizzjonali, irrappreżentata minn maturità tas-self subordinat li taqbeż it-termini tad-Deċiżjonijiet, il-Kummissjoni kellha dubji fuq kemm inżammet għall-minimu meħtieġ u, għalhekk, ma setgħetx tikkonkludi li ġew issodisfati l-kriterji kollha għall-kompatibbiltà.

(116)

Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni fakkret li, fid-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ, is-self subordinat approvat għal Parex banka b'maturità ta' ħames snin kien ġie vvalutat li huwa limitat għall-minimu meħtieġ fl-ammont u l-maturità. Għalhekk, fuq il-bażi ta' dik il-konklużjoni, is-self subordinat ta' ħames snin kien ġie kkwalifikat bħala kompatibbli mid-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ u d-Deċiżjoni Finali dwar Parex.

(117)

Fuq il-bażi tal-argumenti ppreżentati fid-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ u d-Deċiżjoni Finali dwar Parex, u fin-nuqqas ta' argumenti ġodda, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-maturità estiża tas-self subordinat maħruġ b'maturità ta' seba' snin minflok il-ħames snin approvati inizjalment.

(118)

Fid-dawl tal-argumenti l-ġodda mressqin mil-Latvja wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, u rrapportati fis-sezzjoni 5.1, il-Kummissjoni hija f'pożizzjoni li terġa' tivvaluta jekk is-self subordinat b'maturità ta' seba' snin mogħti mil-Latvja lil Parex banka jissodisfax ir-rekwiżit ta' kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat, jiġifieri jekk huwiex limitat għall-minimu meħtieġ.

(119)

Skont il-Komunikazzjoni tal-2008 dwar il-Banek, miżura ta' għajnuna trid tkun meħtieġa fl-ammont u l-forma tagħha sabiex jinkiseb l-objettiv fil-mira. Dan ifisser li l-injezzjoni kapitali trid tkun tal-ammont minimu meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv. L-objettiv tal-għoti ta' self subordinat li jikkwalifika bħala kapital tal-Grad 2 lil Parex banka kien li dan tal-aħħar jibqa' jissodisfa l-proporzjon ta' adegwatezza kapitali u jiżgura li huwa kapitalizzat biżżejjed sabiex ikampa aħjar fil-każ ta' telf potenzjali, bil-għan li jevita tfixkil serju fl-ekonomija tal-Latvja.

(120)

Fl-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ, ir-rekwiżiti minimi sabiex is-self subordinat ikun eliġibbli bħala kapital tal-Grad 2 ta' Parex banka meħudin f'kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni kienu bbażati fuq il-leġiżlazzjoni Latvjana applikabbli kif ikkomunikata mil-Latvja (31). B'hekk ġie stabbilit li l-maturità minima sabiex is-self subordinat jikkwalifika bħala kapital tal-Grad 2 kienet ta' ħames snin. Dik il-valutazzjoni ma nbidlitx mad-deċiżjonijiet sussegwenti.

(121)

Wara li rrevediet l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mil-Latvja u riflessa fil-premessi 30 sa 39, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li r-restrizzjonijiet addizzjonali mmodifikaw il-karatteristiċi tas-self subordinat meħtieġ sabiex dan jikkwalifika totalment bħala Grad 2 sal-2010.

(122)

B'mod partikolari, il-Kummissjoni tosserva li l-impatt tal-kriterji tal-qafas ta' Basel II fuq l-ammont tas-self subordinat li rċieva Parex banka fl-2009 li huwa eliġibbli bħala kapital tal-Grad 2 kien jirrappreżenta element fundamentali għad-definizzjoni tal-maturità inizjali minima tas-self subordinat. Il-kunsiderazzjoni xierqa tal-fattur ta' amortizzazzjoni ta' Basel II kien meħtieġ sabiex jinkiseb l-objettiv finali tal-miżura ta' għajnuna, jiġifieri li tiġi żgurata kapitalizzazzjoni suffiċjenti ta' Parex banka u jiġi evitat tfixkil serju fl-ekonomija tal-Latvja meta ngħata s-self subordinat inizjali.

(123)

Il-Kummissjoni tqis li, kieku s-suppożizzjonijiet u l-projezzjonijiet ippreżentati mil-Latvja fi żmien id-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ kienu jirriflettu b'mod adegwat u sħiħ l-amortizzazzjoni tad-dejn subordinat skont ir-regoli ta' Basel II kif riflessi fil-premessa (37), dawn kienu jwasslu għal valutazzjoni differenti tal-maturità tas-self subordinat, b'tali mod li kien jiġi konkluż li seba' snin kienu l-minimu meħtieġ u mhux ħamsa.

(124)

Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li l-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna fit-tielet Deċiżjoni dwar is-salvataġġ kienet imsejsa fuq, inter alia, l-impenn tal-awtoritajiet Latvjani li kienu ser ibigħu l-ishma tagħhom f'Parex banka malajr kemm jista' jkun, iżda mhux iktar tard minn perjodu ta' tliet snin wara li ġew ipprovduti l-ewwel miżuri ta' salvataġġ lil Parex banka (32), jiġifieri mhux iktar tard mill-2011.

(125)

Fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li l-istabbiliment tal-maturità inizjali għal seba' snin jista' jitqies bħala l-minimu meħtieġ biex is-self subordinat ipprovdut mil-Latvja jkun jista' jikkwalifika totalment bħala kapital tal-Grad 2 u jiġi żgurat li Parex banka jikseb il-proporzjon tal-adegwatezza kapitali fil-mira, għal raġunijiet ta' preservazzjoni tal-istabbiltà fis-sistema bankarja tal-Latvja, kif ukoll sabiex tinżamm konformità mal-impenn li jinbiegħ il-bank.

6.3.2.   Rigward l-estensjoni tal-maturità mhux notifikata tas-self subordniat (it-Tieni miżura)

(126)

Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni xeħtet dubji fuq kemm l-għajnuna addizzjonali rrappreżentata mill-estensjoni ta' 18-il xahar tal-maturità tas-self subordinat tista' titqies kompatibbli, għaliex il-valutazzjoni eżistenti kienet li maturità ta' ħames snin tad-dejn subordinat kienet dik li żgurat limitazzjoni għall-minimu meħtieġ u ma kien ġie ppreżentat ebda argument ġdid għall-ġustifikazzjoni tal-kompatibbiltà.

(127)

Fid-dawl tal-informazzjoni ppreżentata mil-Latvja wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni tosserva li fl-2013 (33) seħħew bidliet regolatorji fir-rigward tar-rekwiżiti kapitali minimi.

(128)

F'dani r-rigward, il-Kummissjoni ġiet ippreżentata bl-ittra tal-1 ta' Marzu 2013 tal-FCMC lil Citadele. L-ittra tirrappreżenta reazzjoni tar-regolatur bankarju għal rapport intern dwar il-valutazzjoni tal-adegwatezza kapitali li Citadele kien issottometta lill-FCMC fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu tat-30 ta' Ġunju 2012.

(129)

L-ittra tal-1 ta' Marzu 2013 l-ewwel tiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li skont id-dokumenti dwar il-politiki tal-FCMC, il-banek kollha jridu jżommu l-proporzjon tal-adegwatezza kapitali tagħhom 'il fuq minn 10 %. Imbagħad din tiddikjara li “jekk il-proporzjon tal-adegwatezza kapitali ta' bank u grupp ta' konsolidazzjoni jinżel f'livell inqas minn 10 %, il-bank u l-grupp ta' konsolidazzjoni jitqiesu li mhumiex kapitalizzati biżżejjed u l-FCMC tista' timponi miżuri korrettivi, eż. tillimita l-operazzjonijiet tal-bank”. Fil-każ ta' Citadele u l-grupp ta' konsolidazzjoni tiegħu, l-ittra żżid li sabiex tkopri riskji eżistenti u potenzjali li jirriżultaw mill-operazzjonijiet ta' Citadele, sa tmiem l-2013, il-proporzjon tal-adegwatezza kapitali tal-grupp kellu jilħaq l-[…] %.

(130)

Fuq il-bażi ta' dik l-ittra, il-Kummissjoni taċċetta li Citadele kellu jkollu l-proporzjon tal-adegwatezza kapitali tiegħu tal-inqas ogħla minn 10 % fi tmiem l-2013 sabiex l-operazzjonijiet tiegħu jkomplu għal kollox.

(131)

Il-Kummissjoni tfakkar li l-objettiv finali tal-għoti tal-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' self subordinat, kif iddefinit fid-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ u d-Deċiżjoni Finali dwar Parex, kien li jiżgura kapitalizzazzjoni suffiċjenti ta' Parex banka (Citadele wara l-2010) sabiex jiġi evitat tfixkil serju fl-ekonomija Latvjana.

(132)

Għalhekk, il-Kummissjoni taqbel li f'Ġunju 2013, il-Latvja kellha tieħu azzjonijiet korrettivi sabiex tevita r-riskji li kienu jinbtu minn nuqqas ta' konformità min-naħa ta' Citadele maż-żieda mhux mistennija fir-rekwiżiti superviżorji. Biex jiġi indirizzat in-nuqqas potenzjali fil-kapital meta mqabbel mar-rekwiżiti l-ġodda, l-uniċi għażliet possibbli kienu jkunu li:

(a)

jiġu injettati fondi addizzjonali — jew bħala kapital tal-Grad 1 jew kapital tal-Grad 2 (eż. għoti ta' self subordinat ġdid)

(b)

tiġi estiża l-maturità tas-self subordinat eżistenti sabiex tiġi mmodifikata r-rata ta' amortizzazzjoni tiegħu u jkun jista' jiġi kkontribwit perċentwal ogħla tas-self għall-kapital tal-bank.

(133)

It-Tabella 2 tirrifletti xenarju komparattiv bejn sitwazzjonijiet li fihom, bil-parametri kollha l-oħrajn li jibqgħu l-istess, il-maturità subordinata tiġi estiża fl-2013 (kif sar bit-Tieni Miżura) jew tinżamm bl-istess kundizzjonijiet li bihom oriġinarjament inħareġ is-self. Fuq il-bażi tal-kalkolu, il-Kummissjoni ssib li, bil-fatturi kollha l-oħrajn li jibqgħu l-istess, iż-żamma tal-maturità tas-self subordinat kien iwassal għal nuqqas ta' Citadele fl-issodisfar tal-proporzjon tal-adegwatezza kapitali ta' 10 % fi tmiem l-2013.

Tabella 2

Tqabbil tal-livell tal-proporzjon tal-adegwatezza kapitali bl-estensjoni tal-maturità jew mingħajr:

Proporzjon tal-adegwatezza kapitali f'%

fil-31 ta' Diċembru 2013

Previżjonijiet finanzjarji qabel l-estensjoni tal-maturità bi 18-il xahar (stabbiliti f'Ġunju 2013)

9,75

Figuri propji fil-31 ta' Diċembru 2013 inkluża l-estensjoni tal-maturità

10,30 (34)

Pro forma tas-sitwazzjoni propja mingħajr l-estensjoni tal-maturità bi 18-il xahar

9,30

(134)

Peress li:

(a)

ir-rekwiżit kapitali l-ġdid kellu jiġi ssodisfat sal-31 ta' Diċembru 2013,

(b)

in-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid kellu jiġi divestit sal-31 ta' Diċembru 2013, u

(c)

l-amortizzazzjoni tad-dejn subordinat taffettwa l-proporzjon tal-kapital b'mod dirett,

il-Kummissjoni taqbel li t-Tieni Miżura kienet tirrappreżenta soluzzjoni effettiva u effiċjenti sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-adegwatezza kapitali l-ġodda għal Citadele u li l-estensjoni mogħtija kienet il-minimu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan. Dik is-soluzzjoni ma sejħitx għal xi trasferiment ta' flus ġodda (għad li kienet teħtieġ li l-Latvja żżomm lura milli tirkupra fondi li kienet tkun dovuta titħallas lura) filwaqt li indirizzat it-talba superviżorja fuq il-bażi tal-ħtieġa ta' salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja.

(135)

Fuq nota pożittiva, il-Kummissjoni tosserva wkoll li fil-31 ta' Diċembru 2013, il-proporzjon tal-adegwatezza kapitali ta' Citadele kien ftit ogħla mill-minimu meħtieġ ta' 10 % (35), u dan jikkonferma l-fehma tagħha li l-estensjoni ta' 18-il xahar mogħtija kienet limitata għall-minimu meħtieġ.

6.3.3.   Rigward l-appoġġ ta' likwidità mhux innotifikat mogħti lil Reverta (it-Tielet Miżura)

(136)

Mill-2011, il-Latvja pprovdiet lil Reverta b'appoġġ ta' likwidità li jaqbeż il-limiti massimi approvati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex, kemm għax-xenarju bażi kif ukoll għall-agħar xenarju possibbli. Dawk il-limiti huma mfakkrin fit-Tabella 3 (36). L-ammonti propji ta' appoġġ ta' likwidità li minnu bbenefika Reverta (ikkomunikati mil-Latvja fil-pjan ta' ristrutturar rivedut sottomess f'Jannar 2014), kif irrapportati fit-Tabella 4, konsistentement qabżu lil dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex:

Tabella 3

Limiti massimi tal-likwidità għal Reverta kif riflessi fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex

LVL miljuni

1.8.10

31.12.10

31.12.11

31.12.12

31.12.13

Xenarju bażi

458

446

419

349

315

L-aqwa xenarju

458

446

419

356

322

L-agħar xenarju

458

446

419

344

307

Tabella 4

ammonti propji ta' likwidità li minnhom ibbenefika Reverta

LVL miljuni

1.8.10

31.12.10

31.12.11

31.12.12

31.12.13

Ammont pendenti ta' appoġġ ta' likwidità

446

446

428

385

363

(137)

L-appoġġ ta' likwidità mogħti lil Reverta għall-ewwel kien approvat bħala parti mill-miżuri kompatibbli ta' għajnuna mill-Istat koperti mill-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ, fil-forma ta' depożiti tal-Istat.

(138)

Wara d-Deċiżjoni Finali dwar Parex (u l-qsim ta' Parex banka f'bank tajjeb u bank ħażin) l-għajnuna ta' likwidità mbagħad ġiet ittrasferita lil Citadele u Reverta. Citadele diġà ħallas lura kompletament is-sehem tiegħu mill-appoġġ ta' likwidità, filwaqt li Reverta kellu jillimita l-ammonti ta' appoġġ ta' likwidità li rċieva. Madankollu, l-ammont ta' appoġġ ta' likwidità fil-fatt mogħti lil Reverta jaqbeż il-livelli kollha approvati fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex.

(139)

Il-valutazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex kienet ibbażata fuq suppożizzjonijiet ippreżentati dak iż-żmien rigward l-influssi mistennijin ta' likwidità f'Reverta, li kienu jippermettulu jerġa' jibda jħallas l-appoġġ ta' likwidità mogħti fil-forma ta' depożiti tal-Istat sal-livelli predefiniti fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex (37).

(140)

L-ammonti mistennijin li jibqgħu mhux imħallsin, kif deskritti fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex, varjaw bejn LVL [0-100] miljun (ix-xenarju bażi) u LVL [100-200] miljun (l-agħar xenarju possibbli). Madaknollu, wara l-aħħar projezzjonijiet tal-fluss tal-flus ippreżentati mil-Latvja, l-appoġġ ta' likwidità pprovdut huwa ppjanat li jaqbeż il-limitu stabbilit fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex sal-2017, kif rifless fit-Tabella 5:

Tabella 5

Ammonti eċċessivi ta' likwidità għal Reverta vs il-Pjan ta' Risturtturar tal-2010

LVL miljuni

31.12.14

31.12.15

31.12.16

31.12.17

L-agħar xenarju (pjan ta' ristrutturar inizjali)

[250-300]

[250-300]

[200-250]

[150-200]

Appoġġ ta' likwidità stmat (aġġornament tal-2014)

[300-350]

[250-300]

[250-300]

[250-300]

Differenza

(…)

(…)

(…)

(…)

(141)

Il-Kummissjoni tifhem li, minħabba d-diffikultajiet li ġejjin:

(a)

Kwalità u valur inqas tal-assi meta mqabblin ma' dak li kien ippjanat fil-pjan ta' ristrutturar, u

(b)

Irkupri mdewmin tal-kollateral u litigazzjoni mad-debituri,

l-irkupru tal-flus ittardja b'sentejn (kif imsemmi fil-premessa 45) meta mqabbel ma' dak li kien ippjanat fi żmien l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Finali dwar Parex. Dak id-dewmien irriżulta fi ħtieġa ta' żieda fl-appoġġ mill-Istat.

(142)

Għaldaqstant, il-ħtieġa addizzjonali għal appoġġ ta' likwidità rriżultat minħabba t-tgħarriq tal-qagħda finanzjarja ta' Reverta meta mqabbla ma' dik li kienet prevista fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex. Il-Kummissjoni tosserva li l-appoġġ ta' likwidità pprovdut żdied b'mod progressiv tul l-aħħar snin minħabba d-diffikultajiet ta' Reverta biex jirkupra l-assi.

(143)

Kif intqal fil-premessa 56, il-Latvja tiddikjara li peress li LVL 49,5 miljun biss mill-appoġġ ta' likwidità ta' LVL 118,7 miljun kienu ġew ikkonvertiti f'kapital, l-appoġġ ta' likwidità ta' LVL 69,2 miljun li jifdal iġġenera livell eċċessiv ta' appoġġ ta' likwidità b'madwar l-istess ammont.

(144)

Madankollu, il-Kummissjoni tfakkar li, kif stipulat fil-premessa 63(b) tad-Deċiżjoni Finali dwar Parex, id-depożiti tal-Istat biss jistgħu jiġu kkonvertiti f'kapital. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li livell inqas ta' likwidità kkonvertita f'kapital mhux bilfors kien iwassal għal appoġġ ta' likwidità eċċessiv.

(145)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-liċenzja bankarja ta' Reverta kienet ġiet irtirata fl-2011 u dan evita l-ħtieġa li tkompli tiġi kkonvertita iktar likwidità f'kapital sabiex jiġi ssodisfat il-proporzjon tas-solvenza regolatorja. B'hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-waqfien tar-rekwiżiti kapitali (38) ppermetta li l-Latvja tagħti ammont inqas ta' għajnuna ta' rikapitalizzazzjoni lil Reverta meta mqabbel mal-ammont massimu ta' rikapitalizzazzjoni approvat bid-Deċiżjonijiet.

(146)

Fuq il-bażi tad-diffikultajiet affaċċjati minn Reverta fl-irkupru ta' assi u l-ammont limitat ta' kapitalizzazzjoni meħtieġ wara l-irtirar tal-liċenzja bankarja, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-appoġġ ta' likwidità li rċieva Reverta ġie limitat għall-minimu meħtieġ għall-ġestjoni ordinata tal-proċess ta' stralċ.

(147)

Il-Kummissjoni tikkonkludi wkoll li l-appoġġ ta' likwidità addizzjonali jikkonforma mar-rekwiżit ta' qsim tal-piżijiet stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-2013 dwar il-Banek. B'mod partikolari, il-Kummissjoni tosserva li, skont il-punt 77 tal-Komunikazzjoni tal-2013 dwar il-Banek, l-ekwità tal-eks azzjonisti ta' Parex banka tniżżlet fil-valur għal kollox u li l-Latvja issa ħadet impenn li tipprevjeni milli tingħata għajnuna addizzjonali għall-benefiċċju tad-detenturi ta' dejn subordinati.

6.3.4.   Rigward il-ksur tal-impenn ta' divestiment tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid ta' Citadele (ir-Raba' Miżura)

(148)

L-awtoritajiet tal-Latvja jiddikjaraw li, minħabba l-kundizzjonijiet attwali diffiċli tas-suq, il-Latvja ma rnexxilhiex issib akkwirenti interessati għan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid ta' Citadele sad-data ta' skadenza stabbilita u mhuwiex ser jirnexxielha tagħmel dan lanqas fil-futur qarib.

(149)

L-awtoritajiet tal-Latvja fakkru li l-bejgħ ta' Citadele kien identifikat, fost impenji oħrajn, bħala miżura ewlenija biex tiġi indirizzata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mill-miżuri ta' għajnuna. Iżda minħabba li l-qagħda finanzjarja ta' Citadele kienet sejra għall-agħar meta mqabbla ma' dik li kienet prevista fi żmien id-Deċiżjoni Finali dwar Parex, id-divestiment ta' Citadele ma setax jinkiseb fil-perjodu ta' żmien previst.

(150)

Il-Latvja tiddikjara wkoll li t-tgħaqqid tal-bejgħ tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid ma' Citadele ser itejjeb l-interess tas-suq f'Citadele u li estensjoni tal-perjodu ta' divestiment għandha probabbiltà ikbar li tippermetti li Citadele jerġa' jiġi privatizzat.

(151)

Il-Kummissjoni taċċetta li l-qagħda finanzjarja ta' Citadele hija agħar minn dik li kienet mistennija fil-pjan ta' ristrutturar inizjali. Dik l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-Fiduċjarju ta' Montiroraġġ (39) ukoll u hija riflessa fl-indikaturi stabbiliti fit-Tabella 6:

Tabella 6

Paragun tal-indikaturi finanzjarji ewlenin meta mqabblin mal-Pjan ta' Ristrutturar

 

31.12.2013

 

Pjan ta' Ristrutturar

Realtà

Spejjeż operatorji/dħul totali

[50-60]

57,0 %

Indebolimenti/self nett

[0-5]

2,0 %

Dħul Nett (Telf), f'LVL miljuni

[20-30]

10,8

ROE %

[20-30]

8,1 %

Ekwità/assi totali

[5-10]

6,9 %

Proporzjon tal-adegwatezza kapitali

[10-20]

11,7 %

Minħabba l-livell inqas ta' profittabilità ta' Citadele meta mqabbel mal-Pjan ta' Ristrutturar inizjali, il-Kummissjoni tifhem id-diffikultajiet tad-divestiment ta' Citadele f'perjodu ta' żmien strett.

(152)

Il-Kummissjoni tfakkar li l-impenn dwar il-bejgħ tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid, flimkien mal-impenn ta' bejgħ ta' Citadele stess, kien inkluż fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex biex jillimita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, peress li dawn l-impenji taw lill-kompetituri l-possibbiltà li jagħmlu offerti għal dawk in-negozji. (40)

(153)

Fuq nota pożittiva, il-Kummissjoni tosserva li wara d-Deċiżjoni Finali dwar Parex, Citadele beda bi proċess ta' bejgħ biex jittestja l-interess tas-suq u ħatar ukoll espert indipendenti biex ifassal l-aħjar strateġija ta' bejgħ, kif intqal fil-premessi 61 u 62, biex b'hekk jipprova jikkonforma ma' dawk l-impenji in bona fide.

(154)

Il-Kummissjoni tieħu nota li l-Latvja issa qed tfittex li ttawwal id-data ta' skadenza biex tlesti l-bejgħ tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid meta mqabbla mad-dati ta' skadenza li ħadet impenn li tikkonforma magħhom fl-2009. Il-Latvja tfittex emenda għad-Deċiżjoni Finali dwar Parex biex tiġi posposta d-data ta' skadenza tad-divestiment inizjali tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid, sabiex tbigħu flimkien ma' Citadele, fuq il-bażi tal-impenji addizzjonali stabbiliti fil-premessi 64 sa 68.

6.3.5.   Miżuri ta' kumpens li jimmitigaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u jsaħħu l-qsim tal-piżijiet

(155)

Sabiex il-Kummissjoni tapprova emenda għad-deċiżjonijiet finali tagħha, il-bidliet iridu jkunu bbażati fuq impenji ġodda li jistgħu jitqiesu ekwivalenti għal dawk ipprovduti oriġinarjament (41). F'dak il-każ, il-miżuri ta' għajnuna jibqgħu kompatibbli fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat biss jekk jinżamm il-bilanċ ġenerali tad-deċiżjoni oriġinali. Sabiex jinżamm il-bilanċ oriġinali, l-impenji mibdulin ma għandhomx jaffettwaw ħażin il-vijabbiltà tal-benefiċjarju tal-għajnuna, bis-sett ġenerali ta' impenji li baqa' tal-inqas ekwivalenti f'termini ta' qsim tal-piżijiet u miżuri ta' kumpens filwaqt li jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti tal-Komunikazzjonijiet applikabbli tal-Kummissjoni.

(156)

F'dak ir-rigward, il-Kummissjoni tħares minn lenti pożittiva lejn is-sett ta' impenji proposti mil-Latvja u ppreżentati fil-premessi 64 sa 73, peress li jikkontribwixxu għall-indirizzar tad-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-Ewwel, it-Tieni, it-Tielet u r-Raba' Miżuri u jiżguraw qsim adegwat tal-piżijiet mill-partijiet interessati tal-benefiċjarji.

(157)

Is-Sezzjoni 4 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar issejjaħ għall-applikazzjoni ta' miżuri effettivi u proporzjonati li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

(158)

Id-Deċiżjoni Finali dwar Parex inkludiet bosta miżuri bħal dawn, fosthom l-impenn ewlieni tal-Latvja li ċċedi jew tikseb iċ-ċessjoni ta' Citadele sal-31 ta' Diċembru 2015 (42). Il-Kummissjoni qieset li huwa biżżejjed u adegwat li jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-għajnuna mill-Istat mogħtija lil Parex banka, l-impenji li Citadele jinbiegħ f'dak il-perjodu ta' żmien, flimkien mat-tiċkin u t-tnaqqis tal-preżenza fis-suq ta' Citadele.

(159)

Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni qieset li kemm il-maturità inizjalment itwal tad-dejn subordinat kif ukoll il-prolungament ta' 18-il xahar tagħha implimentati fl-2013 kienu jirrappreżentaw vantaġġi addizzjonali għal Parex banka meta mqabbla mal-forma tad-dejn subordinat approvat fid-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ u d-Deċiżjoni Finali dwar Parex.

(160)

F'dak il-kuntest, il-Kummissjoni tilqa' l-impenn offrut mil-Latvja li titmexxa 'l quddiem id-data ta' skadenza għat-tlestija tal-bejgħ ta' Citadele, mill-31 ta' Diċembru 2015 għall-[…], bħala miżura li tikkumpensa għall-vantaġġ addizzjonali li jirriżulta mill-maturità itwal tas-self subordinat. It-tħaffif tal-bejgħ ta' Citadele jikkontribwixxi għaż-żamma tal-kundizzjonijiet ekwi.

(161)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-Latvja ħadet impenn ċar li […] jekk ma jinkisibx il-bejgħ sa dik id-data ta' skadenza bikrija. Dak l-impenn jipprovdi salvagwardja addizzjonali (li ma ġietx inkluża b'mod espliċitu fil-Pjan ta' Ristrutturar inizjali) sabiex jiġi żgurat li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jiġu mmitigati b'mod adegwat, peress li f'livelli inqas minn […] Citadele ser […]

(162)

Fuq nota pożittiva, il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-Latvja ħadet impenn li tkompli tnaqqas l-ammont tal-kapital li jista' jiġi pprovdut lil Reverta mill-awtoritajiet tal-Latvja kif ippreżentati fil-premessa 69.

(163)

Is-Sezzjoni 3 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar tistipula li l-banek u l-partijiet interessati tagħhom għandhom jikkontribwixxu għall-ispejjeż tar-ristrutturar kemm jista' jkun sabiex l-għajnuna tiġi limitata għall-minimu, jiġu indirizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u kwistjonijiet tal-periklu morali.

(164)

F'dak ir-rigward, il-Kummissjoni tieħu nota tal-miżuri ta' kumpens addizzjonali proposti mil-Latvja biex tiżgura li l-partijiet terzi ma jibbenefikawx mill-ammont addizzjonali ta' għajnuna riċevut minn Reverta, jiġifieri l-impenn fuq l-arranġamenti rfinati ta' qsim tal-piżijiet deskritti fil-premessi 70 sa 73.

(165)

Il-Latvja tieħu impenn li Citadele u Reverta (qabel kienu Parex banka), kif ukoll l-impriżi affiljati tagħhom, mhumiex ser iħallsu mgħax, dividendi jew kupuni fuq strumenti kapitali eżistenti (inklużi ishma ta' preferenza, ishma B, u strumenti superjuri u inferjuri tal-grad 2) (dovut jew akkumulat) jew teżerċita xi dritt ta' eżerċizzju b'rabta mal-istess, lil kwalunkwe detentur ta' dejn jew azzjonist subordinat li mhumiex l-Istat tal-Latvja jew il-BERŻ, qabel u sakemm ma tkunx tħallset għal kollox l-għajnuna mill-Istat lil Reverta u/jew Citadele u sakemm ma jkunx hemm obbligu legali li jsir hekk. F'dak ir-rigward, il-Latvja tieħu anki l-impenn li tneħħi kwalunkwe obbligu legali bħal dan malajr kemm jista' jkun u mhux iktar tard mit-30 ta' April 2015. B'hekk, id-detenturi tal-istrumenti kapitali eżistenti mhumiex ser jirċievu xi ħlas, peress li dawk l-istrumenti kapitali eżistenti ma jġorrux kupun obbligatorju u matul il-likwidazzjoni ta' Reverta (li ser isseħħ sa tmiem l-2017) jikklassifikaw wara d-dejn superjuri. Peress li Reverta għandu kapital negattiv, f'termini prattiċi ser ikun impossibbli li d-detenturi ta' dawk l-istrumenti kapitali jirċievu xi ħlas jew rimborż.

(166)

Barra minn hekk, minbarra l-impenji msemmijin fil-premessa (165), il-Latvja tieħu anki l-impenn li ma tħallas lura ebda dejn pendenti (kapital) mis-Self Subordinat Legat qabel u sakemm ma titħallasx lura għal kollox lil Reverta/Citadele l-għajnuna kollha mill-Istat, sal-punt meħtieġ li jkopri l-valur negattiv nett tal-assi ta' Reverta u dment li jkun hemm bażi legali disponibbli. Għal dak l-għan, id-dejn pendenti (kapital) tas-Self Subordinat Legat ser ikun jew (i) soġġett għal ordni vinkolanti li ebda pagament skont is-Self Subordinat Legat ma jkun dovut u pagabbli; jew (ii) ikkonvertit f'kapital tal-Grad 1 mhux votanti; jew (iii) jitniżżel fil-valur. F'dak ir-rigward, peress li bħalissal-liġi nazzjonali ma tipprovdix bażi ġuridika xierqa li tippermetti li tinżamm konformità ma' dak l-impenn, il-Latvja tieħu impenn li twettaq il-miżuri neċessarji kollha sabiex tiżgura li kull dispożizzjoni legali meħtieġa biex tinżamm konformità ma' dak l-impenn tiġi implimentata sa mhux iktar tard mit-30 ta' April 2015.

(167)

Il-Kummissjoni tilqa' l-impenji tal-Latvja msemmijin fil-premessi 165 u 166 peress li, billi għandhom l-għan li jillimitaw il-pagamenti tal-kapital u l-imgħax dovut fir-rigward tas-Self Subordinat Legat u l-istrumenti kapitali ta' Reverta u Citadele, jipprovdu qsim addizzjonali tal-piżijiet.

(168)

B'hekk, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri ta' kumpens proposti msemmijin fis-sezzjoni 5.5 jistgħu jitqiesu adegwati u ekwivalenti (f'termini ta' effettività) għal dawk proposti qabel mil-Latvja u approvati mill-Kummissjoni bid-Deċiżjoni Finali dwar Parex kif emendata mid-Deċiżjoni ta' Emenda. Tabilħaqq, il-miżuri ta' kumpens proposti għandhom l-istess għan ta' limitazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Huma mmirati tajjeb peress li għandhom l-għan li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-swieq fejn jopera Citadele.

(169)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-impenji emendati huma ekwivalenti għal dawk oriġinali f'termini ta' restawr tal-vijabbiltà, il-qsim tal-piżijiet u l-mitigazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Is-sostituzzjoni tal-impenji oriġinali mal-impenji l-ġodda ma tibdilx il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern kif stabbilit mid-Deċiżjoni Finali dwar Parex kif emendata mid-Deċiżjoni ta' Emenda.

7.   KONKLUŻJONI

(170)

Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li l-Latvja implimentat l-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Miżuri b'mod irregolari bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, u li kisret l-impenn ta' divestiment tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid ta' Citadele sad-data ta' skadenza stipulata fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex (ir-Raba' Miżura).

(171)

Madankollu, għar-raġunijiet stabbiliti hawn fuq u minħabba l-impenji addizzjonali mwettqin mil-Latvja u Citadele,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri li ġejjin jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat:

(a)

l-għoti lil Parex banka ta' self subordinat b'maturità inizjali li taqbeż it-termini tal-miżura approvata fid-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ u d-Deċiżjoni Finali dwar Parex (l-ewwel Miżura);

(b)

l-għoti lil Citadele ta' estensjoni ta' 18-il xahar addizzjonali tal-maturità ta' LVL 37 miljun ta' self subordinat (it-Tieni Miżura);

(c)

l-għoti lil Reverta ta' appoġġ ta' likwidità li jaqbeż il-limiti massimi approvati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni Finali dwar Parex (it-Tielet Miżura).

Artikolu 2

Il-miżuri ta' għajnuna msemmijin fl-Artikolu 1 huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat fid-dawl tal-impenji mwettqin mil-Latvja kif stipulat fl-Anness I.

Artikolu 3

Id-dati ta' skadenza għad-divestiment tan-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid (WMB) ta' Citadele, sat-30 ta' Ġunju 2013 mingħajr Fiduċjarju ta' Divestitura (ir-Raba' Miżura), stipulati fil-premessa 73 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 6202 korr. finali tal-15 ta' Settembru 2009 dwar l-għajnuna mill-Istat C 26/09 (ex N 289/09) li l-Latvja qed tippjana li timplimenta għar-ristrutturar ta' AS Parex Banka huma emendati skont l-impenn ipprovdut mil-Latvja li huwa stabbilit fl-Anness II.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.36612 — 2014/C (ex 2013/NN) (ĠU C 147, 16.5.2014, p. 11).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni NN 68/08 (ĠU C 147, 27.6.2009, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni NN 3/09 (ĠU C 147, 27.6.2009, p. 2).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N 189/09 (ĠU C 176, 29.7.2009, p. 3).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C 26/09 (ex N 289/2009) (ĠU C 239, 6.10.2009, p. 11).

(6)  B'mod partikolari, self produttiv lil mutwatarji li jinsabu fil-Komunità ta' Stati Indipendenti (“KSI”), is-sussidjarja Litwana, il-fergħat fl-Isvezja u l-Ġermana u n-negozju ta' ġestjoni tal-ġid, b'dan tal-aħħar li kien jinkludi s-sussidjarja Svizzera.

(7)  Għall-ewwel, il-bank ħażin żamm l-isem Parex banka wara li saret il-qasma fl-1 ta' Awwissu 2010, iżda f'Mejju tal-2012 bidel l-isem korporattiv tiegħu għal “AS Reverta”.

(8)  d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/364/UE (ĠU L 163, 23.6.2011, p. 28).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.34747 (ĠU C 273, 21.9.2013, p. 1).

(10)  Jiġifieri self lil mutwatarji li jinsabu fil-KSI.

(11)  In-Negozju ta' Ġestjoni tal-Ġid jikkonsisti fis-settur ta' ġestjoni tal-kapital privat ta' Citadele, is-sussidjarji ta' ġestjoni tal-assi u AP Anlage & Privatbank AG, l-Isvizzera.

(*)  Informazzjoni kunfidenzjali

(12)  Ara n-nota 1 f'qiegħ il-paġna.

(13)  Premessi 55-57 tad-Deċiżjoni Finali dwar Parex.

(14)  Premessi 58-61 tad-Deċiżjoni Finali dwar Parex.

(15)  Premessi 62-68 tad-Deċiżjoni Finali dwar Parex.

(16)  Premessi 69-70 tad-Deċiżjoni Finali dwar Parex.

(17)  Il-Fiduċjarju ta' Monitoraġġ inħatar permezz ta' Mandat iffirmat minn Reverta, Citadele u l-awtoritajiet tal-Latvja fit-28 ta' Frar 2011. Il-Fiduċjarju ta' Monitoraġġ issottometta rapporti ta' monitoraġġ biannwali li jkopru s-simestru ta' qabel, u beda minn dak li ntemm fil-31 ta' Diċembru 2010.

(18)  Wara l-qasma ta' Parex banka, Citadele twaqqaf fl-1 ta' Awwissu 2010. Id-Deċiżjoni Finali dwar Parex approvat it-trasferiment lil Citadele tas-self subordinat kollu li qabel ingħata lil Parex banka. Il-Latvja pprovdiet kapital tal-Grad 2 lil Parex banka fi żmien meta saret il-qasma jew inkella dan seta' jiġi pprovdut mil-Latvja wara l-qasma, kif spjegat iktar fil-premessa (21) tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ

Fit-3 ta' Settembru 2009 il-BERŻ qabel li jirrifinanzja parti mis-self subordinat li qabel kien ingħata mil-Latvja lil Parex banka. Mill-31 ta' Diċembru 2009 is-self subordinat mogħti mil-Latvja lil Parex banka ammonta għal LVL 37 miljun, filwaqt li s-self subordinat rifinanzjat mill-BERŻ ammonta għal LVL 13-il miljun.

Fi żmien il-qasma, il-Latvja ħadet f'idejha LVL 8 miljun mit-LVL 13-il miljun f'self subordinat miżmum mill-BERŻ. Fl-1 ta' Awwissu 2010, l-ammont totali ta' self subordinat mil-Latvja kien ta' LVL 45 miljun (b'maturitajiet differenti), filwaqt li dak miżmum mill-BERŻ kien ta' LVL 5 miljun.

(19)  Iktar dettalji fil-premessa 21 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

(20)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (traduzzjoni mhux uffiċjali) (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(21)  Ara l-premessa 73 tad-Deċiżjoni Finali dwar Parex.

(22)  Ara l-Artikolu 1(h) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

(23)  Il-Basel II huwa l-isem komuni mogħti lill-“Konverġenza Internazzjonali ta' Ġestjoni tal-Kapital u Standards tal-Kapital: Qafas Rivedut”, qafas li jiddefinixxi sett ta' standards għall-istabbiliment ta' rekwiżiti kapitali minimi għall-organizzazzjonijiet bankarji, imħejji mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja, grupp ta' banek ċentrali u awtoritajiet superviżorji tal-banek fil-Grupp ta' Għaxra (G10), li żviluppa l-ewwel standard fl-1988.

(24)  Jiġifieri opzjoni li tagħti lid-detentur tad-dejn subordinat id-dritt li jesiġi lill-bank sabiex jerġa' jakkwista d-dejn tiegħu f'każ li l-azzjonisti kontrollanti tal-bank jinbidlu minn dawk li kienu fi żmien il-ħruġ tad-dejn.

(25)  Premessa (40) tal-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ.

(26)  Sentenza f'Il-Kummissjoni Ewropea v EDF, C-124/10 P, ECLI: EU: C: 2012:318, paragrafi 82 u 84.

(27)  Fuq dan, ara l-paragrafu 20 tas-sentenza f'L-Italja v Il-Kummissjoni Ewropea, 303/88, ECLI: EU: C: 1991:136.

(28)  Premessa 41 tal-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ.

(29)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — L-applikazzjoni ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti (“Il-Komunikazzjoni tal-2008 dwar il-Banek”) (ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8); Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja preżenti: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet ta' kompetizzjoni mhux mistħoqqa (“Il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni”) (ĠU C 10, 15.1.2009, p. 2); Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Trattament ta' Assi indeboliti fis-Settur Bankarju tal-Komunità (“Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti”) (ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1) u l-Komunikazzjoni tal-kummissjoni fuq ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta' miżuri ta' ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat (“Il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar”) (ĠU C 195, 19.8.2009, p. 9).

(30)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill- 1 ta' Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri ta' appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“il-komunikazzjoni dwar il-banek”) (ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1).

(31)  Premessa 55 tal-ewwel Deċiżjoni dwar is-salvataġġ.

(32)  Deskritti fil-premessa 21 tat-Tielet Deċiżjoni dwar is-Salvataġġ.

(33)  Deskritti fil-premessa 40.

(34)  Informazzjoni żvelata fir-rapport annwali tal-2013 ta' Citadele p. 75: http://west.citadele.lv/common/img/uploaded/doc/reports/annual_report_2013_en.pdf

(35)  Ara t-Tabella 2.

(36)  Dik l-informazzjoni hija inkluża fit-Tabella 6 tad-Deċiżjoni Finali dwar Parex.

(37)  Premessa 55 tad-Deċiżjoni Final dwar Parex.

(38)  Kif spjegat fil-premessi 53 sa 57.

(39)  Rapport tal-Fiduċjarju ta' Monitoraġġ għall-31 ta' Diċembru 2013 ikkomunikat fid-9 ta' Mejju 2014.

(40)  Premessa 152 tad-Deċiżjoni Finali dwar Parex.

(41)  Għal deċiżjonijiet simili oħrajn, ara, pereżempju, SA.29833 KBC — Estensjoni tad-data fil-mira ta' ċerti divestimenti minn KBC u Emenda tal-impenji ta' ristrutturar (ĠU C 135, 9.5.2012, p. 5); SA.29833 KBC — Eliminazzjoni gradwali aċċelerata tal-miżura ta' Protezzjoni mill-Istat u emendi għall-pjan ta' ristrutturar tal-KBC (ĠU C 163, 8.6.2013, p. 1); SA.34539 Commerzbank — Emenda għall-pjan ta' ristrutturar ta' Commerzbank (ĠU C 177, 20.6.2012, p. 20) (traduzzjonijiet mhux uffiċjali).

(42)  Premessa 76 tad-Deċiżjoni Finali dwar Parex.


ANNESS I

L-Awtoritajiet tal-Latvja joffru li jiċċaraw u jsaħħu l-impenji tagħhom fir-rigward tal-kapital u l-imgħax dovut rigward is-Self Subordinat Legat kif ġej:

(a)

Citadele banka u Reverta (qabel kienu Parex banka), kif ukoll l-impriżi affiljati tagħhom ma għandhomx iħallsu mgħax, dividendi jew kupuni fuq strumenti kapitali eżistenti (inklużi ishma ta' preferenza, ishma B u strumenti superjuri u inferjuri tal-Grad 2) (dovut jew akkumulat) jew iħaddmu xi dritt ta' eżerċizzju b'rabta magħhom, lil kwalunkwe detentur ta' dejn jew azzjonist subordinat, li mhuwiex strettament l-Istat tal-Latvja jew il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), qabel u sakemm ma titħallasx lura għal kollox lil Reverta u/jew Citadele l-għajnuna kollha mill-Istat u sakemm ma jkunx hemm obbligu legali li jsir hekk. Jekk jeżistu t-tali obbligi ġuridiku, l-Awtoritajiet Latvjani jieħdu impenn li jneħħuhom malajr kemm jista' jkun (u mhux iktar tard mit-30 ta' April 2015).

(b)

L-Awtoritajiet Latvjani jieħdu l-impenn ukoll li ma jħallsu lura ebda dejn pendenti (kapital) tas-Self Subordinat Legat (qabel u sakemm titħallas lura bis-sħiħ lil Reverta/Citadele l-għajnuna kollha mill-Istat), li ser ikun jew:

(i)

soġġett għal ordni vinkolanti ma jkun dovut u pagabbli ebda pagament għas-Self Subordinat Legat; jew

(ii)

ikkonvertit f'kapital mingħajr id-dritt tal-vot tal-Grad 1; jew

(iii)

jitniżżel fil-valur;

kemm hemm bżonn biex ikun kopert il-valur nett negattiv tal-assi ta' Reverta, u dment li jkun hemm bażi ġuridika disponibbli.

(c)

L-Awtoritajiet Latvjani ser iwettqu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li tiġi implimentata kull dispożizzjoni legali meħtieġa biex tinżamm konformità mal-impenji msemmijin hawn fuq sa mhux iktar tard mit-30 ta' April 2015.

(d)

L-ammont totali massimu tal-kapital ipprovdut lil Reverta mill-Awtoritajiet Latvjani jitnaqqas għal LVL 49,5 miljun, mill-ammont preċedenti ta' LVL 118,7 miljun.


ANNESS II

(1)

L-Awtoritajiet Latvjani u Citadele jieħdu impenn li jagħmlu ħilithom kollha sabiex jiksbu malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ qabel il-[…] offerti vinkolanti għall-bejgħ tas-sehem sħiħ tar-Repubblika tal-Latvja f'Citadele (inkluż id-WMB). Il-bejgħ jitlesta sa mhux iktar tard mill-[…]. Huwa jitħalla għad-diskrezzjoni tar-Repubblika tal-Latvja (u l-konsulent tagħha) li tiddeċiedi x'inhuma l-istruttura u l-modalitajiet xierqa tat-tranżazzjoni ta' bejgħ (eż. bejgħ ta' negozju jew IPO), dment li r-Repubblika tal-Latvja eventwalment tiddivesti s-sehem sħiħ tagħha f'Cidatele sa mhux iktar tard mill-[…]. Fil-każ ta' IPO, ir-Repubblika tal-Latvja tieħu impenn li taqbel fuq prospett vinkolanti mal-FCMC tal-Latvja sal-[…].

(2)

L-Awtoritajiet Latvjani u Citadele jieħdu impenn ukoll li jaħtru fiduċjarju ta' divestitura jekk, sal-[…], ma jkunux daħlu offerti vinkolanti jew, fil-każ ta' IPO bl-istess objettiv, ma jkun intlaħaq ebda qbil fuq prospett mal-FCMC. F'dan il-każ, ir-Repubblika tal-Latvja tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura li l-fiduċjarju ta' divestitura jinħatar u jkun operazzjonali mill-[…]. Huwa mifhum li l-konsulent finanzjarju għall-bejgħ ta' Citadele jista' jinħatar ukoll bħala fiduċjarju ta' divestitura mill-[…]. Jekk jinħatar fiduċjarju ta' divestitura, l-Awtoritajiet Latvjani u Citadele jieħdu impenn li jirċievu offerti vinkolanti u irrevokabbli għall-partijiet kollha sal-[…] u li jidħlu fi ftehim vinkolanti u irrevokabbli għall-bejgħ tas-sehem kollu tar-Repubblika tal-Latvja f'Citadele sal-[…], li jrid jitlesta sa mhux iktar tard mill-[…].

(3)

Barra minn hekk, l-Awtoritajiet Latvjani u Citadele jieħdu impenn li mill-[…] Citadele […] negozju ġdid u n-negozju li jifdal ta' Citadele […], jekk sal-[…] ir-Repubblika tal-Latvja ma tkunx daħlet fi ftehim vinkolanti u irrevokabbli, li jipprovdi għall-għeluq tal-bejgħ sal-[…] tas-sehem sħiħ tar-Repubblika tal-Latvja f'Citadele, jew jekk l-IPO ma tippermettix li r-Repubblika tal-Latvja tbigħ is-sehem sħiħ tagħha fil-Bank il-Ġdid sal-[…].

(4)

L-Awtoritajiet Latvjani u Citadele jieħdu impenn li jagħlqu t-tranżazzjoni ta' bejgħ u akkwist għall-bejgħ tas-sehem sħiħ f'Citadele tar-Repubblika tal-Latvja sal-[…]. Jekk il-bejgħ ta' dak is-sehem ma jitlestiex sal-[…], dawn jieħdu impenn li Citadele […] negozju ġdid u n-negozju li jifdal ta' Citadele ikun […] mill-[…].

(5)

Jekk in-negozju ta' Citadele jkun […] f'xi wieħed mill-avvenimenti msemmijin hawn fuq, kwalunkwe parti min-negozju ta' Citadele, li fiha hemm interess ta' partijiet terzi, tista' tinbiegħ u tiġi ttrasferita mir-Repubblika tal-Latvja u/jew Citadele lil tali parti terza (mingħajr ħsara għall-prinċipju ta' […] u ebda għajnuna ġdida mill-Istat).