23.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 128/27


DEĊIŻJONI (UE) 2015/811 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-27 ta' Marzu 2015

dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew li jkunu fil-pussess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (BĊE/2015/16)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 34 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) flimkien mal-Artikolu 6(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Bord Superviżorju b'konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti,

Billi:

(1)

Ir-reġim dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huwa stabbilit fid-Deċiżjoni BĊE/2004/3 (2).

(2)

Dokumenti tal-BĊE jistgħu jkunu fil-pussess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bħala riżultat tad-dmir tagħhom li jassistu lill-BĊE, li jikkooperaw in bona fede u li jiskambjaw informazzjoni mal-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013. It-twettiq tal-kompiti superviżorji kkonferiti lill-BĊE u l-funzjonament effettiv tal-mekkaniżmu superviżorju uniku jistgħu jkunu mfixkla jekk il-BĊE ma jiġix ikkonsultat dwar l-ambitu tal-aċċess li għandu jingħata fir-rigward ta' dokumenti tal-BĊE li jkunu fil-pussess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew, jekk b'mod alternattiv, it-talbiet għal aċċess għal dawk id-dokumenti ma jiġux irreferuti lill-BĊE. Għaldaqstant, it-talbiet għal aċċess għal dawk id-dokumenti għandhom jew jiġu rreferuti lill-BĊE jew inkella l-BĊE għandu jiġi kkonsultat qabel kwalunkwe deċiżjoni dwar żvelar.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:

(1)

“dokument” u “dokument tal-BĊE” ifissru kull kontenut irrispettivament mill-mezz (miktub fuq karta jew maħżun f'forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni fonika, viżwali jew awdjoviżwali) magħmula jew miżmuma mill-BĊE u li hija dwar il-politiki, l-attivitajiet jew id-deċiżjonijiet tiegħu taħt ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(2)

“awtorità nazzjonali kompetenti” (ANK) għandha jkollha t-tifsira mogħtija fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Din it-tifsira hija mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti taħt il-liġi nazzjonali li jassenjaw ċerti kompiti superviżorji lil bank ċentrali nazzjonali (BĊN) li ma jkunx innominat bħala ANK. Fir-rigward ta' dawn l-arranġamenti, referenza għal ANK f'din id-Deċiżjoni għandha tirreferi wkoll għall-BĊN fir-rigward tal-kompiti superviżorji assenjati lilu bil-liġi nazzjonali.

Artikolu 2

Dokumenti f'idejn l-ANK

Meta ANK tirċievi talba għal dokument tal-BĊE li jkun fil-pussess tagħha, l-ANK għandha tikkonsulta lill-BĊE dwar l-ambitu tal-aċċess li għandu jingħata, qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar żvelar, ħlief jekk ikun ċar li d-dokument għandu għandu jiġi żvelat jew ma għandux jiġi żvelat.

Inkella, l-ANK tista' tirreferi t-talba lill-BĊE.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċìżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lid-destinatarji.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-BĊNi.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-27 ta' Marzu 2015.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Id-Deċiżjoni BĊE/2004/3 tal-4 ta' Marzu 2004 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 42).