30.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 370/21


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1392/2014

tal-20 ta' Ottubru 2014

li jistabbilixxi pjan ta' rimi għal ċertu sajd ta' ħut pelaġiku żgħir fil-Baħar Mediterran

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 15(6) u 18(1) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu l-għan li progressivament jelimina r-rimi ta' ħut tas-sajd kollu tal-Unjoni permezz tal-introduzzjoni tal-obbligu ta' ħatt għal qabdiet ta' speċi suġġetti għal limiti ta' qbid.

(2)

L-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta pjanijiet ta' rimi permezz ta' att delegat għal perjodu ta' mhux aktar minn tliet snin, abbażi ta' rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri f'konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti.

(3)

Il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Malta u s-Slovenja għandhom interess dirett ta' ġestjoni tas-sajd fil-Baħar Mediterran. Dawk l-Istati Membri ppreżentaw rakkomandazzjonijiet konġunti (2) lill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar Mediterran. Inkiseb kontribut xjentifiku minn korpi xjentifiċi rilevanti. F'konformità mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dawk il-miżuri fir-rakkomandazzjonijiet konġunti li jikkonformaw mal-Artikolu 15(6) ta' dak ir-Regolament biss għandhom jiġu inklużi f'dan ir-Regolament.

(4)

Fir-rigward tal-Baħar Mediterran, l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jistabbilixxi l-obbligu ta' ħatt l-art tal-qabdiet kollha ta' speċijiet li huma soġġetti għal limiti ta' qbid u wkoll għal qabdiet ta' speċijiet li huma soġġetti għal daqsijiet minimi, kif definit fl-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 (3). Skont l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu ta' ħatt l-art għandu japplika f'sajd pelaġiku żgħir, sajd pelaġiku kbir u sajd għal skopijiet industrijali mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2015.

(5)

Skont ir-rakkomandazzjoni konġunta, il-pjan ta' rimi għandu jkopri l-qabdiet tal-ispeċijiet kollha soġġetti għal daqsijiet minimi kif iddefinit fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 li jinqabdu f'sajd pelaġiku żgħir bl-użu ta' xbieki tat-tkarkir pelaġiċi u/jew bit-tartaruni magħluqin fil-Baħar Mediterran mill-1 ta' Jannar 2015 (jiġifieri sajd għall-inċova, sardin, kavalli u sawrell).

(6)

Biex jiġu evitati spejjeż sproporzjonati ta' ġestjoni ta' qabdiet mhux mixtieqa u skont l-Artikolu 15(5)(c)(ii) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, huwa xieraq li tiġi stabbilita eżenzjoni de minimis mill-obbligu ta' ħatt l-art f'termini ta' perċentwali tal-qabdiet annwali totali ta' speċijiet suġġetti għall-obbligu tal-ħatt f'sajd pelaġiku żgħir. Ir-rakkomandazzjonijiet konġunti mressqa mill-Istati Membri kkonċernati jappoġġjaw il-każ għal eżenzjoni de minimis, minħabba l-ispejjeż akbar fil-ġestjoni ta' qabdiet mhux mixtieqa, kemm abbord (l-issortjar u t-tqegħid fil-kaxxi, il-ħażna u l-konservazzjoni) kif ukoll fuq l-art (it-trasport u l-ħażna, il-konservazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-ipproċessar jew il-qerda bħala skart speċjali), meta mqabbla mal-profitt ekonomiku limitat u li xi kultant ineżistenti li jista' jinkiseb minn dawk il-qabdiet mhux mixtieqa. L-evidenza pprovduta mill-Istati Membri ġiet analizzata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (KXTES) li kkonkluda li r-rakkomandazzjonijiet konġunti fihom argumenti motivati marbuta maż-żieda tal-ispejjeż fil-ġestjoni ta' qabdiet mhux mixtieqa, sostnuta f'xi każijiet b'valutazzjoni kwalitattiva tal-ispejjeż (4). Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq u fin-nuqqas ta' informazzjoni xjentifika differenti, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-eżenzjoni de minimis skont il-livelli ta' perċentwali proposti fir-rakkomandazzjonijiet konġunti u f'livelli li ma jaqbżux dawk permessi skont l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013

(7)

Skont ir-rakkomandazzjonijiet konġunti u b'kont meħud tal-qafas ta' żmien stipulat fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2015. Skont l- Artikolu 15(6) ta' dak ir-Regolament, huwa għandu japplika għal mhux aktar minn 3 snin,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jispeċifika d-dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt, kif previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, mill-1 ta' Jannar 2015 fil-Baħar Mediterran, għall-qabdiet kollha ta' speċijiet li huma soġġetti għal daqsijiet minimi ta' sajd ta' ħut pelaġiku żgħir stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“daqs minimu” tfisser l-iżgħar daqs ta' organiżmi tal-baħar kif stabbilit fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

“Baħar Mediterran” tfisser l-Ilmijiet Marittimi tal-Mediterran 'il-Lvant mil-linja 5° 36′ Punent;

(b)

“Sub-Żona Ġeografika GFCM” tfisser is-subżona ġeografika tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) kif definit fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5)

(c)

“Baħar Mediterran tal-Punent” tfisser Subżoni Ġeografiċi tal-GFCM 1, 2, 5, 6, 7, 8, 9, 10, 11.1, 11.2, 12,

(d)

“Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana” tfisser is-Subżona Ġeografika tal-GFCM 17

(e)

“Baħar Adrijatiku u Joniku tan-Nofsinhar” tfisser is-Subżoni Ġeografiċi tal-GFCM 18, 19 u 20

(f)

“Il-Gżira ta' Malta u n-Nofsinhar ta' Sqallija” tfisser is-Subżoni Ġeografiċi tal-GFCM 15 u 16

(g)

“Il-Baħar Eġew u l-Gżira ta' Kreta” tfisser is-Subżoni Ġeografiċi tal-GFCM 22 u 23

Artikolu 3

Eżenzjoni de minimis

B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-kwantitajiet li ġejjin jistgħu jiġu skartati:

(a)

fil-Baħar Mediterran tal-Punent, sa 5 % tal-qabdiet annwali totali ta' speċijiet li huma soġġetti għal daqsijiet minimi żgħar fis-sajd pelaġiku bix-xibka tat-tkarkir u bit-tartaruni magħluqin kif stipulat fil-punt 1 tal-Anness;

(b)

fil-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana, sa 5 % tal-qabdiet annwali totali ta' speċijiet li huma soġġetti għal daqsijiet minimi fis-sajd pelaġiku żgħir bix-xibka tat-tkarkir u bit-tartaruni magħluqin kif stipulat fil-punt 2 tal-Anness;

(c)

fl-Adrijatiku tan-Nofsinhar u l-Baħar Jonju:

(i)

sa 3 % tal-qabdiet annwali totali ta' speċijiet li huma soġġetti għal daqsijiet minimi fis-sajd pelaġiku żgħir bit-tartaruni magħluqin u

(ii)

sa 7 % fl-2015 u 2016 u sa 6 % fl-2017 tal-qabdiet annwali totali ta' speċijiet li huma soġġetti għal daqsijiet minimi fis-sajd pelaġiku żgħir bix-xibka tat-tkarkir u bit-tartaruni magħluqin, kif stipulat fil-punt 3 tal-Anness;

(d)

fil-Gżira ta' Malta u n-Nofsinhar ta' Sqallija:

(i)

sa 3 % tal-qabdiet annwali totali ta' speċijiet li huma soġġetti għal daqsijiet minimi fis-sajd pelaġiku żgħir bit-tartaruni magħluqin; kif ukoll

(ii)

sa 7 % fl-2015 u 2016 u sa 6 % fl-2017 tal-qabdiet annwali totali ta' speċijiet li huma soġġetti għal daqsijiet minimi fis-sajd pelaġiku żgħir bix-xibka tat-tkarkir, kif stipulat fil-punt 4 tal-Anness;

(e)

fil-Baħar Eġew u l-Gżira ta' Kreta, sa 3 % tal-qabdiet annwali totali ta' speċijiet li huma soġġetti għal daqsijiet minimi fis-sajd pelaġiku żgħir bit-tartaruni magħluqin, kif stipulat fil-punt 5 tal-Anness.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)  “Discard management plan for Western Mediterranean Sea (GSAs 1-12 except for GSAs 3 and 4): joint recommendation agreed by fisheries directors of France, Spain and Italy”, trażmess fit-2 ta' Lulju 2014; “Discard management plan in North Adriatic Sea (GSA 17): joint recommendation by Croatia, Italy and Slovenia”, trażmess fil-25 ta' Ġunju 2014; “Greek discard plan for pelagic fisheries in Aegean Sea and Crete island (GSAs 22 and 23)”, trażmess fit-30 ta' Ġunju 2014; “Joint recommendation to the European Commission for a specific discard plan for pelagic fisheries in Southern Adriatic Sea, Western and Eastern Ionian Seas (GSAs 18-19-20)”, tranżmessa mill-Greċja u l-Italja fil-25 ta' Ġunju 2014; “Discard management plan for Malta and the South of Sicily (GSAs 15-16): joint recommendation agreed by Italy and Malta”, trażmess fid-19 ta' Ġunju 2014.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11).

(4)  Ir-rapport tas-46 laqgħa plenarja tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (PLEN-14-02), 7-11 ta' Lulju 2014, Kopenħagen, Edizzjoni Norman Graham, John Casey & Hendrik Doerner, 2014.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU L 347, 30.12.2011, p. 44).


ANNESS

1.   Sajd pelaġiku żgħir fil-Baħar Mediterran tal-Punent

Kodiċi

Rkaptu tas-sajd

Speċijiet fil-mira

[daħħal il-kodiċi fejn japplika]

xbieki tat-tkarkir pelaġiku

Inċova, sardin, kavalli u sawrell

[daħħal il-kodiċi fejn japplika]

tartarun magħluq

Inċova, sardin, kavalli u sawrell

2.   Sajd pelaġiku żgħir fil-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana

Kodiċi

Rkaptu tas-sajd

Speċijiet fil-mira

[daħħal il-kodiċi fejn japplika]

xbieki tat-tkarkir pelaġiku

Inċova, sardin, kavalli u sawrell

[daħħal il-kodiċi fejn japplika]

tartarun magħluq

Inċova, sardin, kavalli u sawrell

3.   Sajd pelaġiku żgħir fl-Adrijatiku tan-Nofsinhar u l-Baħar Jonju

Kodiċi

Rkaptu tas-sajd

Speċijiet fil-mira

[daħħal il-kodiċi fejn japplika]

xbieki tat-tkarkir pelaġiku

Inċova, sardin, kavalli u sawrell

[daħħal il-kodiċi fejn japplika]

tartarun magħluq

Inċova, sardin, kavalli u sawrell

4.   Sajd pelaġiku żgħir fil-Gżira ta' Malta u Nofsinhar ta' Sqallija

Kodiċi

Rkaptu tas-sajd

Speċijiet fil-mira

[daħħal il-kodiċi fejn japplika]

xbieki tat-tkarkir pelaġiku

Inċova, sardin, kavalli u sawrell

[daħħal il-kodiċi fejn japplika]

tartarun magħluq

Inċova, sardin, kavalli u sawrell

5.   Sajd pelaġiku żgħir fil-Baħar Eġew u l-Gżira ta' Kreta

Kodiċi

Rkaptu tas-sajd

Speċijiet fil-mira

[daħħal il-kodiċi fejn japplika]

tartarun magħluq

Inċova, sardin, kavalli u sawrell