20.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 366/15


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1368/2014

tas-17 ta' Diċembru 2014

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta' sigurtà soċjali u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1372/2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 48 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 72(f) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta' sigurtà soċjali (2), u b'mod partikolari l-Artikoli 8, 9 u 92 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Istati Membri ressqu talbiet lill-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali biex jiġu emendati l-entrati tal-Anness 1 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 sabiex dak l-Anness jiġi magħmul konformi mal-iżviluppi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

(2)

L-Anness 1 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 għandu l-għan li jagħti ħarsa ġenerali dwar id-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni għall-ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri li jibqgħu fis-seħħ fuq il-bażi tal-Artikolu 8(1) ta' dak ir-Regolament jew li jiġu konklużi u elenkati fuq il-bażi tal-Artikoli 8(2) u 9(2) tal-istess Regolament.

(3)

Il-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali għamlet proposti rilevanti lill-Kummissjoni għall-emendi mitluba fuq il-bażi tal-Artikolu 72(f) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

(4)

Il-Kummissjoni qablet li tinkludi l-proposti għall-emendi tekniċi tal-Anness 1 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009.

(5)

Fl-Artikolu 1(2) tiegħu, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1372/2013 (3) emenda, bi żball, l-Anness XI tar-Regolament (KE) Nru 883/2004. B'hekk, dik id-dispożizzjoni ta' emenda għandha tiġi mħassra. Għal raġunijiet ta' ċarezza ġuridika, it-tħassir tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1372/2013 għandu japplika b'mod retroattiv mill-1 ta' Jannar 2014.

(6)

Għalhekk, ir-Regolamenti (KE) Nru 987/2009 u (KE) Nru 1372/2013 għandhom jiġu emendati skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

(1)

L-Anness 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

It-taqsima “DANIMARKA — ITALJA” hija mħassra;

(2)

Fit-taqsima “FRANZA — LUSSEMBURGU”, il-punt (b) huwa mibdul b'dan li ġej:

“(b)

L-Iskambju ta' Ittri tas-17 ta' Lulju u tal-20 ta' Settembru 1995 li jikkonċerna l-kondizzjonijiet dwar ir-riżoluzzjoni ta' pretensjonijiet reċiproċi taħt l-Artikoli 93, 95 u 96 tar-Regolament (KEE) Nru 574/72 u l-Iskambju ta' Ittri tal-10 ta' Lulju u tat-30 ta' Awwissu 2013”

.

Artikolu 2

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1372/2013 huwa mħassar.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

Huwa japplika mill-1 ta' Jannar 2015, bl-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 2, li japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1372/2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 27).