16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 359/90


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1331/2014

tal-15 ta' Diċembru 2014

li jissottometti l-importazzjonijiet ta' prodotti ta' stainless steel irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mit-Tajwan għal reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku dwar l-antidumping”) u b'mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku antisussidji”) u b'mod partikolari l-Artikolu 24(5) tiegħu,

Wara li infurmat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Ġunju 2014, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta' avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3), it-tnedija ta' proċediment antidumping rigward l-importazzjonijiet ta' prodotti ta' stainless steel irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“iċ-Ċina”) u mit-Tajwan, wara li tressaq ilment fit-13 ta' Mejju 2014 minn EUROFER (“l-ilmentatur”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' prodotti ta' stainless steel irrumblati ċatti fil-kiesaħ.

(2)

Fl-14 ta' Awwissu 2014, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta' avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4), it-tnedija tal-proċediment antisussidji rigward l-importazzjonijiet ta' prodotti ta' stainless steel irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw miċ-Ċina wara li tressaq ilment fl-1 ta' Lulju 2014 minn EUROFER f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli llaminati bil-kesħa.

A.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT

(3)

Il-prodott soġġett għal din ir-reġistrazzjoni huwa prodotti ta' stainless steel irrumblati ċatti, mhux maħdumin aktar ħlief irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsin bla sħana), li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7219 31 00, 7219 32 10, 7219 32 90, 7219 33 10, 7219 33 90, 7219 34 10, 7219 34 90, 7219 35 10, 7219 35 90, 7220 20 21, 7220 20 29, 7220 20 41, 7220 20 49, 7220 20 81 u 7220 20 89, u li joriġinaw miċ-Ċina u t-Tajwan (“il-prodott ikkonċernat”).

B.   TALBA

(4)

It-talbiet ta' reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku dwar l-antidumping u l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku antisussidji saru mill-ilmentatur fil-25 u d-29 ta' Settembru 2014 rispettivament. L-ilmentatur talab li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni sabiex sussegwentament ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta' tali reġistrazzjoni.

C.   IR-RAĠUNIJIET GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(5)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku dwar l-antidumping u l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku antisussidji, il-Kummissjoni tista' tagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet tad-dwana jieħdu l-passi meħtieġa għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, sabiex il-miżuri jkunu jistgħu jiġu applikati sussegwentement fuq dawk l-importazzjonijiet. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni wara talba mill-industrija tal-Unjoni li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika din l-azzjoni.

(6)

L-ilmentatur iddikjara li r-reġistrazzjoni hija ġustifikata billi l-prodott ikkonċernat kien qed ikun l-oġġett ta' dumping u ssussidjat. L-importazzjonijiet bi prezz baxx kienu qed jikkawżaw dannu sinifikanti lill-industrija tal-Unjoni, li huwa diffiċli li jissewwa.

(7)

Fir-rigward tad-dumping, il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza prima facie li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat qed ikunu l-oġġett ta' dumping. Għaċ-Ċina, l-ilmentatur ipprovda evidenza dwar il-valur normali bbażat fuq il-kost totali tal-produzzjoni flimkien ma' ammont raġonevoli għall-bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi u għall-profitti, abbażi tal-għażla tal-Istati Uniti tal-Amerka bħala pajjiż analogu. Għat-Tajwan, l-ilmentatur ipprovda evidenza dwar il-valur normali bbażat fuq il-valur normali maħdum (il-kostijiet ta' manifattura, il-bejgħ, il-kostijiet ġenerali u amministrattivi — SG&A — u l-profitt).

(8)

L-evidenza dwar id-dumping hija bbażata fuq tqabbil tal-valuri normali b'dan stabbiliti mal-prezz tal-esportazzjoni (fuq livell ex-works) tal-prodott ikkonċernat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. B'mod ġenerali, u meta titqies il-firxa tal-marġinijiet tad-dumping allegati, din l-evidenza tipprovdi biżżejjed sostenn f'dan l-istadju li l-esportaturi kemm fiċ-Ċina kif ukoll fit-Tajwan jeżerċitaw id-dumping.

(9)

Fir-rigward tas-sussidjar, il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza prima facie li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat miċ-Ċina qed ikunu ssussidjati. Is-sussidji allegati jikkonsistu, fost l-oħrajn, fi:

Trasferiment dirett tal-fondi u trasferiment dirett potenzjali tal-fondi jew tal-obbligazzjonijiet, pereżempju self għall-politika għall-industrija tal-prodotti ta' stainless steel irrumblati ċatti fil-kiesaħ.

Programmi ta' ekwità: pereżempju skambji ta' dejn ma' ekwità, infużjoni ta' ekwità, dividendi mhux imħallsa fil-każ tal-SOEs.

Programmi ta' għotjiet: pereżempju, iċ-China World Top Brand Programme, il-Famous Brands Programmes/programmi tal-gvern subċentrali għall-promozzjoni ta' ditti famużi tal-esportazzjoni (pereżempju Chongqing; Hubei; Ma'anshan: il-Wuhan Famous Brands u x-Shandong Top Brands Programme), programmi għar-rifużjoni tat-tariffi legali antidumping, Il-Fond Statali għal Proġetti Teknoloġiċi Ewlenin, għotjiet ta' assistenza għall-esportazzjoni.

Programmi reġjonali: pereżempju l-Programm ta' Rivitalizzazzjoni tal-Grigal, is-sussidji fuq l-imgħax tal-esportazzjoni, is-self għall-esportazzjoni, l-għotjiet fil-qafas tal-Programm tax-Xjenza u t-Teknoloġija tal-Provinċja ta' Jiangsu, l-Għotjiet mill-Provinċja ta' Liaoning — il-Five Point One Line Programme, is-sussidji pprovduti fiż-Żona Ġdida ta' Tianjin Binhai (TBNA) u ż-Żona tal-Iżvilupp Teknoloġiku u Ekonomiku ta' Tianjin: Fond għax-Xjenza u t-Teknoloġija;

Dħul tal-gvern li suppost huwa dovut u jiġi mitluf jew ma jinġabarx (pereżempju maħfra fuq self u imgħax għall-SOEs).

Programmi ta' taxxa fuq l-introjtu u taxxi diretti oħra, pereżempju:

kreditu ta' taxxa fuq l-introjtu għax-xiri ta' tagħmir tal-produzzjoni manifatturat domestikament;

politiki ta' taxxi preferenzjali għal kumpaniji li huma rikonoxxuti bħala intrapriżi ta' teknoloġija għolja u ġdida.

politiki ta' taxxa għat-tnaqqis tal-ispejjeż fuq ir-riċerka u l-iżvilupp;

vantaġġi fiskali fuq l-introjtu għall-intrapriżi involuti fl-użu ta' riżorsi komprensivi (“materja prima speċjali”);

kreditu ta' taxxa fir-rigward tax-xiri ta' tagħmir speċjali;

politika preferenzjali ta' taxxa fuq l-introjtu għall-intrapriżi fir-reġjun tal-Grigal;

diversi skontijiet lokali tat-taxxa bħal dawk tal-provinċja ta' Shandong, il-Belt ta' Chongqing, ir-Reġjun Guangxi ta' Zhuang u l-privileġġi tat-taxxa biex jiġu żviluppati r-reġjuni ċentrali u tal-Punent;

eżenzjoni fuq id-dividendi bejn l-intrapriżi residenti kwalifikati;

programmi ta' eżenzjoni fuq taxxa indiretta u tariffi, pereżempju: eżenzjonijiet mit-tariffi fuq l-importazzjoni u l-VAT għal intrapriżi b'investiment barrani (FIEs) u ċerti intrapriżi domestiċi li jużaw tagħmir importat f'industriji mħeġġa;

rifużjonijiet tal-VAT għal FIEs li jixtru tagħmir prodott domestikament;

benefiċċji ta' taxxa għar-reġjuni ċentrali u tal-Punent;

tnaqqis tal-VAT fuq assi fissi fir-reġjun ċentrali.

Programmi reġjonali: pereżempju sussidji pprovduti fiż-Żona Ġdida ta' Tianjin Binhai (TBNA) u ż-Żona ta' Żvilupp Teknoloġiku u Ekonomiku ta' Tianjin

Forniment ta' oġġetti jew servizzi għal remunerazzjoni xejn adegwata, pereżempju l-forniment tal-materja prima għall-prodotti ta' stainless steel irrumblati ċatti fil-kiesaħ (bħal ferrokromu, nikil u nikil ta' ħadid fondut grezz, molibdenu u skart tal-azzar inossidabbli) għal remunerazzjoni xejn adegwata.

Il-forniment ta' inputs għal remunerazzjoni xejn adegwata, pereżempju l-azzar inossidabbli rrumblat bis-sħana u ċangaturi, drittijiet tal-użu tal-art, ilma u elettriku, il-forniment tal-elettriku u l-ilma fil-Provinċja ta' Jiangsu.

(10)

Huwa allegat li l-iskemi ta' hawn fuq huma sussidji peress li jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-gvern taċ-Ċina jew minn gvernijiet reġjonali oħra (inklużi korpi pubbliċi) u jikkonferixxu benefiċċju lir-riċevituri. Huwa allegat li dawn huma kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni u/jew fuq l-użu ta' prodotti domestiċi minflok ta' dawk importati u/jew huma limitati għal ċerti setturi u/jew għal ċerti tipi ta' intrapriżi u/jew postijiet, u għalhekk huma speċifiċi u kumpensatorji.

(11)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, f'dan l-istadju l-evidenza tipprovdi prova suffiċjenti li l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat qed jibbenefikaw minn sussidji kumpensatorji.

(12)

Fir-rigward tad-dannu, it-talba tipprovdi biżżejjed evidenza ta' ċirkostanzi kritiċi, fejn għall-prodott ikkonċernat, qed jiġi kkawżat dannu li diffiċli li jissewwa minħabba importazzjonijiet massivi ta' prodotti li jibbenefikaw minn sussidji kumpensatorji f'perjodu relattivament qasir. Evidenza ta' dawn iċ-ċirkustanzi tinkludi ż-żieda sinifikanti ta' importazzjonijiet f'perjodu qasir (Jannar-Lulju 2014) li tammonta għal madwar 90 % għaż-żewġ pajjiżi flimkien.

(13)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza prima facie li l-prattiki ta' dumping u sussidju tal-esportaturi qed jikkawżaw dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni. Fl-ilmenti u l-preżentazzjonijiet sussegwenti relatati mat-talbiet għar-reġistrazzjoni, l-evidenza rigward il-prezz u l-volum tal-importazzjonijiet turi żieda sostanzjali ta' importazzjonijiet f'termini assoluti u f'termini tas-sehem mis-suq fil-perjodu bejn l-2010 u l-2013, u żieda addizzjonali ta' madwar 115 % għaċ-Ċina u ta' 66 % għat-Tajwan fl-2014. Il-volum u l-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat kellhom impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa u fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba fis-suq tal-Unjoni u s-sehem mis-suq li kellha l-industrija tal-Unjoni. Dan qed jirriżulta f'effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali u l-qagħda finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni. L-evidenza dwar il-fatturi ta' dannu stabbiliti fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku dwar l-antidumping u l-Artikolu 8(4) tar-Regolament bażiku antisussidji tikkonsisti f'dejta li tinsab fl-ilmenti u l-preżentazzjonijiet sussegwenti rigward ir-reġistrazzjoni, appoġġata minn dejta disponibbli pubblikament mill-Eurostat.

(14)

Il-Kummissjoni għandha wkoll għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza prima facie, fl-ilment antidumping u l-korrispondenza sussegwenti, li l-importaturi kienu jafu, jew misshom kienu jafu, li l-prattiki ta' dumping tal-esportaturi kienu dannużi jew li x'aktarx ikunu dannużi għall-industrija tal-Unjoni. L-importaturi Ċiniżi u Tajwaniżi kienu diġà soġġetti għal investigazzjoni ta' antidumping fl-Unjoni fl-2008 — 2009. Fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttemm l-investigazzjoni (5), ġie stabbilit li l-prezzijiet Ċiniżi u Tajwaniżi kienu aktar baxxi mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, u li l-apparenza ta' dumping dannuż ma setgħetx tiġi eskluża. Barra minn hekk, l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat saru soġġetti għal monitoraġġ, fost l-oħrajn għall-iskop li jingħata bidu għal proċedura ġdida. Barra minn hekk, il-Brażil, it-Tajwan, it-Tajlandja u l-Vjetnam sussegwentement imponew dazji ta' antidumping kontra l-esportazzjonijiet Ċiniżi tal-prodott investigat. Fl-aħħar nett, meta titqies il-firxa tad-dumping li jista' jkun qed isseħħ, ikun raġjonevoli li wieħed jassumi li l-importaturi jkunu jafu, jew imisshom ikunu jafu, bis-sitwazzjoni.

(15)

Fir-rigward tad-dumping il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza prima facie li dan id-dannu qed jiġi kkawżat jew jista' jiġi kkawżat minn żieda sostanzjali addizzjonali f'dawn l-importazzjonijiet. Fid-dawl taż-żmien, il-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping u ċirkostanzi oħrajn (bħal-livell dejjem akbar ta' stokkijiet jew użu tal-kapaċità ridott) x'aktarx li jimmina serjament l-effett ta' rimedju ta' kull dazju definittiv, sakemm dawn id-dazji ma jiġux applikati b'mod retroattiv. Barra minn hekk, fid-dawl tat-tnedija tal-proċedimenti attwali, huwa raġonevoli li wieħed jassumi li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jistgħu jiżdiedu ulterjorment qabel l-adozzjoni ta' miżuri provviżorji, jekk ikun hemm minnhom, u li l-inventarji jistgħu jinbnew b'mod rapidu mill-importaturi.

D.   PROĊEDURA

(16)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ilmentatur ipprovda biżżejjed evidenza prima facie sabiex tiġġustifika li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni, b'konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku dwar l-antidumping u l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku antisussidji.

(17)

Il-partijiet kollha interessati huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, sakemm jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn dawn għandhom jinstemgħu.

E.   REĠISTRAZZJONI

(18)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku dwar l-antidumping u l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku antisussidji, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat għandhom isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni bl-iskop li jiżguraw li, jekk l-investigazzjonijiet jirriżultaw f'konklużjonijiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta' dazji antidumping u/jew dazji kumpensatorji, dawk id-dazji jistgħu, jekk il-kundizzjonijiet neċessarji jiġu ssodisfati, jiġu imposti b'mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f'konformità mal-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku dwar l-antidumping u l-Artikolu 16(4) tar-Regolament bażiku antisussidji.

(19)

L-ammont ta' kwalunkwe obbligazzjoni futura jiġi mis-sejbiet konġunti tal-investigazzjonijiet antidumping u antisussidji rispettivament.

(20)

L-ilmentatur li qed jirrekjedi li tinbeda investigazzjoni antidumping jikkalkula marġini tad-dumping medju ta' madwar 10 % - 25 % għaċ-Ċina u t-Tajwan u marġinijiet ta' bejgħ bi prezz imwaqqa' ta' 40 % - 50 % għaċ-Ċina u 20 % - 40 % għat-Tajwan għall-prodott ikkonċernat. L-ammont stmat ta' obbligazzjoni possibbli fil-futur huwa stabbilit fil-livell ta' dumping stmat abbażi tal-ilment antidumping, jiġifieri 10 % - 25 % ad valorem fuq il-valur ta' importazzjoni CIF tal-prodott ikkonċernat.

(21)

L-ilmentatur li qed jirrekjedi li tinbeda investigazzjoni antisussidji jikkalkula l-livell ta' sussidjar bħala sinifikanti mingħajr ma jipprovdi kwantifikazzjoni preċiża tal-marġini tas-sussidju. Huwa jikkalkula marġni medju ta' bejgħ bi prezz imwaqqa' ta' 40 % - 50 % għall-prodott ikkonċernat għaċ-Ċina. L-ammont stmat ta' obbligazzjoni possibbli fil-futur huwa stabbilit fil-livell ta' sussidjar stmat abbażi tal-ilment antisussidji, jiġifieri 40 % - 50 % ad valorem fuq il-valur ta' importazzjoni CIF tal-prodott ikkonċernat.

F.   PROĊESSAR TA' DEJTA PERSONALI

(22)

Kwalunkwe dejta personali miġbura fil-kuntest ta' din ir-reġistrazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (6).

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-Awtoritajiet Doganali huma b'dan mogħtija l-istruzzjonijiet, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 u l-Artikolu 24(5) tar-Regolament (KE) Nru 597/2009, sabiex jieħdu l-miżuri xierqa bil-għan li jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti ta' stainless steel irrumblati ċatti, mhux maħdumin aktar ħlief irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsin bla sħana), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7219 31 00, 7219 32 10, 7219 32 90, 7219 33 10, 7219 33 90, 7219 34 10, 7219 34 90, 7219 35 10, 7219 35 90, 7220 20 21, 7220 20 29, 7220 20 41, 7220 20 49, 7220 20 81 u 7220 20 89, u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mit-Tajwan.

Ir-reġistrazzjoni tiskadi disa' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub, jipprovdu evidenza ta' sostenn jew jitolbu li jinstemgħu fi żmien 20 jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(3)  ĠU C 196, 26.6.2014, p. 9.

(4)  ĠU C 267, 14.8.2014, p. 17.

(5)  ĠU L 98, 17.4.2009, p. 42, premessa (18).

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.