5.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 349/30


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1294/2014

tal-4 ta' Diċembru 2014

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1238/95 rigward il-livell tat-tariffa fuq l-applikazzjoni u tat-tariffa fuq l-eżami li jridu jitħallsu lill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta' Lulju 1994 dwar drittijiet ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti,

Billi:

(1)

L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1238/95 (2) jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar il-livell tat-tariffa fuq l-applikazzjoni li trid titħallas lill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (“l-Uffiċċju”) għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal għotja ta' dritt ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità.

(2)

Fuq l-esperjenza li għandu l-Uffiċċju dwar l-ispiża marbuta mal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-għotja ta' drittijiet ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità li ma jkunux validi, jixraq li jitnaqqas l-ammont tat-tariffa fuq l-applikazzjoni li jżomm l-Uffiċċju.

(3)

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1238/95 u l-Anness I tiegħu jistabbilixxu l-livell tat-tariffi li jridu jitħallsu lill-Uffiċċju, “il-piż tal-eżami”, għall-arranġament u t-twettiq tal-eżami tekniku ta' varjetà li tkun is-suġġett ta' applikazzjoni għal dritt ta' Varjetà tal-Pjanti fil-Komunità.

(4)

Rigward l-eżami tekniku tal-varjetajiet li għalihom irid jintuża ripetutament materjal b'komponenti speċifiċi għall-produzzjoni ta' materjal, l-esperjenza turi li l-ispiża fuq dan l-eżami tista' tvarja ħafna minn każ għal ieħor. It-tariffa fuq l-eżami tekniku għandha tkopri l-ispiża tal-eżami tekniku tal-varjetà u tal-eżami ta' kull komponent speċifiku tal-varjetà. Għaldaqstant ma għandux jiġi stabbilit ammont fiss għat-tariffa fuq l-eżami tekniku f'dawn il-każijiet.

(5)

L-esperjenza miksuba dwar l-eżami tekniku turi wkoll li l-ammont totali tat-tariffi fuq l-eżami li jitlob l-Uffiċċju ma jkoprix l-ammont totali tat-tariffi li jridu jitħallsu mill-Uffiċċju lill-Uffiċċji tal-Eżami. Iżda fil-prinċipju, it-tariffi li jitlob l-Uffiċċju għandhom ikopru t-tariffi li dan iħallas. Għaldaqstant, għandhom jiżdiedu t-tariffi stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1238/95. Fl-istess ħin, il-gruppi ta' spejjeż stabbiliti f'dak l-Anness għandhom jiġu ssimplifikati.

(6)

Għaldaqstant ir-Regolament (KE) Nru 1238/95 għandu jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar id-Drittijiet Komunitarji tal-Varjetajiet tal-Pjanti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1238/95 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 7, il-paragrafu 7 jinbidel b'dan li ġej:

“7.   Fejn titħallas it-tariffa fuq l-applikazzjoni iżda l-applikazzjoni ma tkunx valida skont l-Artikolu 50 tar-Regolament bażiku, l-Uffiċċju għandu jżomm EUR 200 mit-tariffa fuq l-applikazzjoni u jagħti rifużjoni tal-bqija meta javża lill-applikant bin-nuqqasijiet li jkunu nstabu fl-applikazzjoni.”

(2)

Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   It-tariffi fuq l-arranġament u t-twettiq tal-eżami tekniku ta' varjetà li tkun is-suġġett ta' applikazzjoni għal (tariffa fuq l-eżami) għad-dritt ta' varjetà tal-pjanti fil-Komunità, għandhom jitħallsu skont l-Anness I għal kull perjodu ta' tkabbir li jinbeda. Fil-kaz tal-varjetajiet li għalihom irid jintuża ripetutament materjal b'komponenti speċifiċi għall-produzzjoni tal-materjal, għandha titħallas it-tariffa fuq l-eżami stabbilita fl-Anness I rigward din il-varjetà u għal kull komponent li dwaru ma jkunx hemm deskrizzjoni uffiċjali u li jrid jiġi eżaminat ukoll.”

(3)

L-Anness I huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta' Jannar 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1238/95 tal-31 ta' Mejju 1995 li jistabbilixxi r-regoli tal-implimentazzjoni sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 rigward il-piżijiet pagabbli lill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (ĠU L 121, 1.6.1995, p. 31).


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1238/95 għandu jiġi sostitwit bl-Anness li ġej:

“ANNESS I

It-tariffi fuq l-eżamijiet tekniċi kif imsemmija fl-Artikolu 8

It-tariffa li trid titħallas fuq l-eżami tekniku ta' varjetà skont l-Artikolu 8 għandha tiġi determinata skont it-tabella:

(f'EUR)

 

Grupp ta' spiża

Tariffa

Grupp agrikolu

1

Patata

1 960

2

Kolza

1 860

3

Ħaxix

2 210

4

Speċijiet agrikoli oħrajn

1 430

Grupp tal-frott

5

Tuffieħ

3 210

6

Frawli

2 740

7

Speċijiet ta' frott oħrajn

2 550

Grupp ornamentali

8

Pjanti ornamentali b'kollezzjoni ta' referenza ħajja, test fis-serra

2 140

9

Pjanti ornamentali b'kollezzjoni ta' referenza ħajja, test fil-beraħ

1 960

10

Pjanti ornamentali mingħajr kollezzjoni ta' referenza ħajja, test fis-serra

1 770

11

Pjanti ornamentali mingħajr kollezzjoni ta' referenza ħajja, test fil-beraħ

1 570

12

Pjanti ornamentali, kundizzjonijiet fitosanitarji speċjali

3 040

Grupp tal-ħxejjex agrikoli

13

Ħxejjex agrikoli, test fis-serra

2 150

14

Ħxejjex agrikoli, test fil-beraħ

1 960 ”