26.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 339/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1259/2014

tal-24 ta' Novembru 2014

dwar ir-rimborż, f'konformità mal-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-approprjazzjonijiet trasferiti mis-sena finanzjarja 2014

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26(6) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 169(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), approprjazzjonijiet mhux impenjati li jirrigwardaw l-azzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 (3) jistgħu jiġu trasferiti għas-sena finanzjarja ta' wara. Dan it-trasferiment huwa limitat għal 2 % tal-approprjazzjonijiet inizjali u għall-ammont tal-aġġustament ta' pagamenti diretti msemmijin fl-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (4) li kien applikat matul is-sena finanzjarja ta' qabel. Dan jista' jwassal għal pagament addizzjonali lill-benefiċjarji finali li kienu soġġetti għal dan l-aġġustament.

(2)

Skont l-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, b'deroga mill-Artikolu 169(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-Istati Membri għandhom jirrimborżaw dak it-trasferiment lid-destinatarji finali li huma soġġetti, fis-sena finanzjarja li għaliha l-approprjazzjonijiet jiġu ttrasferiti, għar-rata ta' aġġustament. Dan ir-rimborż japplika biss għall-benefiċjarji finali f'dawk l-Istati Membri fejn id-dixxiplina finanzjarja kienet tapplika (5) fis-sena finanzjarja preċedenti.

(3)

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 26(7) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, kwalunkwe ammont tar-riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu msemmija fl-Artikolu 25 ta' dak ir-Regolament mhux użat għandu jiġi rimborżat skont l-Artikolu 26(5) ta' dak ir-Regolament.

(4)

F'konformità mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1181/2013 (6), id-dixxiplina finanzjarja tiġi applikata għal pagamenti diretti fir-rigward tas-sena kalendarja 2013.

(5)

Ir-riżerva għall-kriżijiet ma kellhiex talbiet sal-15 ta' Ottubru 2014, li jimplika li l-ammont disponibbli fir-riżerva fil-baġit tal-FAEG għall-2014 mhux ser jintuża f'din is-sena finanzjarja. Barra minn hekk, fuq il-bażi tal-eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet tal-FAEG għall-2014 taħt ġestjoni konġunta għall-perjodu mis-16 ta' Ottubru 2013 sal-15 ta' Ottubru 2014 u stima ta' eżekuzzjoni taħt immaniġġjar dirett mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2014, se jibqgħu f'approprjazzjonijiet addizzjonali mhux impenjati tal-baġit tal-FAEG għall-2014.

(6)

Skont id-dikjarazzjonijiet tan-nefqa tal-Istati Membri għall-perjodu mis-16 ta' Ottubru 2013 sal-15 ta' Ottubru 2014, it-tnaqqis tad-dixxiplina finanzjarja applikat b'mod effettiv mill-Istati Membri fis-sena finanzjarja 2014 ammonta għal EUR 868,2 miljun.

(7)

Konsegwentement, approprjazzjoniet mhux użati li jikkorrespondu għall-ammont tad-dixxiplina finanzjarja applikata fl-2014 ta' EUR 868,2 miljun li jibqa' taħt il-limitu ta' 2 % tal-approprjazzjoniet inizjali li għandhom x'jaqsmu mal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 jistgħu jiġu ttrasferiti għas-sena finanzjarja 2015 wara deċiżjoni tal-Kummissjoni skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 169(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

(8)

Sabiex ikun żgurat li r-rimborż ta' dawk l-approprjazzjonijiet lid-destinatarji finali jibqa' proporzjonat għall-ammont tal-aġġustament tad-dixxiplina finanzjarja, huwa xieraq li l-Kummissjoni tiddetermina l-ammonti disponibbli lill-Istati Membri għar-rimborż.

(9)

Sabiex jiġi evitat li l-Istati Membri jagħmlu pagament addizzjonali għal dan il-rimborż, dan ir-Regolament irid japplika mill-1 ta' Diċembru 2014. Konsegwentement, l-ammonti stabbiliti minn dan ir-Regolament huma definittivi u japplikaw mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' tnaqqis skont l-Artikolu 41(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għal kwalunkwe korrezzjonijiet oħra kkunsidrati f'deċiżjoni dwar il-pagament ta' kull xahar li tikkonċerna n-nefqa magħmula mill-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri għal Ottubru 2014, f'konformità mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, u għal kwalunkwe tnaqqis u pagamenti supplimentari li għandhom isiru skont l-Artikolu 18(4) ta' dak ir-Regolament, jew għal kwalunkwe deċiżjonijiet li se jittieħdu fil-qafas tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-kontijiet.

(10)

F'konformità mal-Artikolu 169(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-approprjazzjonijiet mhux impenjati jistgħu jiġu ttrasferiti għas-sena finanzjarja segwenti biss. Huwa għalhekk xieraq li l-Kummissjoni tistabbilixxi dati ta' eliġibilità għan-nefqa tal-Istati Membri b'rabta mar-rimborż skont l-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, b'kunsiderazzjoni għas-sena finanzjarja agrikola kif definit fl-Artikolu 39 ta' dak ir-Regolament.

(11)

Sabiex jitqies il-perjodu ta' żmien qasir bejn il-komunikazzjoni tal-eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet tal-FAEG għall-2014 taħt immaniġġjar konġunt għall-perjodu mis-16 ta' Ottubru 2013 sal-15 ta' Ottubru 2014 mill-Istati Membri u l-ħtieġa li jiġi applikat dan ir-Regolament mill-1 ta' Diċembru 2014, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ammonti tal-approprjazzjonijiet li se jiġu trasferiti mis-sena finanzjarja 2014 f'konformità mal-Artikolu 169(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, u li skont l-Artikolu 26(5) tar- Regolament (UE) Nru 1306/2013 isiru disponibbli lill-Istati Membri għar-rimborż lid-destinatarji finali li huma soġġetti, fis-sena finanzjarja 2015, għar-rata ta' aġġustament skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1227/2014 (7), huma stabbiliti fl-Anness għal dan ir-Regolament.

L-ammonti li se jiġu ttrasferiti huma suġġetti għad-deċiżjoni dwar it-trasferiment tal-Kummissjoni skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 169(3) tar-Regolament (UE) Nru 966/2012.

Artikolu 2

In-nefqa tal-Istati Membri b'rabta mar-rimborż tal-approprjazzjonijiet trasferiti għandha tkun eliġibbli biss għall-finanzjament tal-Unjoni, jekk l-ammonti rilevanti jkunu tħallsu lill-benefiċjarji qabel is-16 ta' Ottubru 2015.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta' Diċembru 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Novembru 2014.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta' Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għal bdiewa (ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16).

(5)  Id-dixxiplina finanzjarja ma tapplikax fil-Bulgarija, fil-Kroazja u fir-Rumanija skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1181/2013 tad-19 ta' Novembru 2013 dwar l-iffissar ta' rata ta' aġġustament għall-pagamenti diretti previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tas-sena kalendarja 2013 u li jirrevoka r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 964/2013 (ĠU L 313, 22.11.2013, p. 13).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 1227/2014 tas-17 ta' Novembru 2014 dwar l-iffissar ta' rata ta' aġġustament għall-pagamenti diretti previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tas-sena kalendarja 2014 u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 879/2014 (ĠU L 331, 18.11.2014, p. 6).


ANNESS

Ammonti disponibbli għar-rimborż ta' approprjazzjonijiet ttrasferiti 'l quddiem

(EUR)

Il-Belġju

13 551 741

Ir-Repubblika Ċeka

21 168 544

Id-Danimarka

23 196 648

Il-Ġermanja

125 613 712

L-Estonja

1 999 607

L-Irlanda

27 196 811

Il-Greċja

35 594 447

Spanja

110 713 618

Franza

193 513 120

L-Italja

71 006 784

Ċipru

689 016

Il-Latvja

2 262 601

Il-Litwanja

6 011 809

Il-Lussemburgu

813 093

L-Ungerija

26 861 237

Malta

64 499

Il-Pajjiżi l-Baxxi

19 962 029

L-Awstrija

13 848 862

Il-Polonja

36 451 389

Il-Portugall

13 001 479

Is-Slovenja

1 777 463

Is-Slovakkja

8 891 177

Il-Finlandja

11 301 184

L-Iżvezja

15 739 925

Ir-Renju Unit

86 964 834