25.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 337/1


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1252/2014

tat-28 ta' Mejju 2014

li jissupplimenta d-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' prinċipji u linji gwida ta' prassi tajba ta' manifattura għas-sustanzi attivi għal prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (1), u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 tagħha,

Billi:

(1)

Is-sustanzi attivi kollha mmanifatturati fl-Unjoni, inklużi s-sustanzi attivi maħsuba għall-esportazzjoni, għandhom jiġu mmanifatturati skont il-prinċipji u l-linji gwida ta' prassi tajba ta' manifattura għas-sustanzi attivi, li fil-preżent huma stabbiliti fil-linji gwida tekniċi dwar il-manifattura ta' sustanzi attivi, ippubblikati mill-Kummissjoni. Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti prinċipji u linji gwida ta' prassi tajba ta' manifattura għas-sustanzi attivi f'att legalment vinkolanti.

(2)

Sabiex jiġi promoss l-użu ta' standards armonizzati fuq livell globali, il-prinċipji u l-linji gwida ta' prassi tajba ta' manifattura għas-sustanzi attivi għandhom jiġu stabbiliti skont il-linji gwida għas-sustanzi attivi stabbiliti mill-Konferenza Internazzjonali dwar l-Armonizzazzjoni tal-Ħtiġiet Tekniċi għar-Reġistrazzjoni ta' Farmaċewtiċi għall-Użu mill-Bniedem.

(3)

Għandhom jiġu stabbiliti prinċipji u linji gwida ta' prassi tajba ta' manifattura fir-rigward tal-kwistjonijiet, l-operazzjonijiet u l-proċessi kollha li huma fundamentali sabiex tiġi determinata l-kwalità tas-sustanzi attivi, bħall-immaniġjar tal-kwalità, il-persunal, il-bini u t-tagħmir, id-dokumentazzjoni, l-immaniġjar tal-materjali, il-produzzjoni, il-kontrolli tal-kwalità waqt il-proċess, l-imballaġġ, it-tikkettar, il-kontrolli fil-laboratorju, ir-ritorn, l-ilmenti u s-sejħiet lura, l-għoti ta' kuntratti u l-imballaġġ mill-ġdid. Sabiex tiġi assigurata l-konformità ma' dawk il-prinċipji u l-linji gwida, il-manifatturi tas-sustanzi attivi għandhom ikunu meħtieġa li jistabbilixxu u jimplimentaw sistema effettiva għall-immaniġjar tal-kwalità ta' dawk is-sustanzi.

(4)

Persunal f'kundizzjonijiet mhux sanitarji, li jilbes ilbies mhux adatt jew li jipprattika attivitajiet potenzjalment kontaminanti fiż-żona tal-manifattura jista' jikkomprometti l-kwalità tas-sustanza attiva. Dan għandu jiġi evitat billi jiġu pprattikati drawwiet sanitarji u tajbin għas-saħħa li jkunu xierqa għall-operazzjonijiet tal-manifattura li jsiru. Dawk il-prattiċi għandhom ikunu previsti fis-sistema tal-immaniġjar tal-kwalità stabbilita mill-manifattur tas-sustanza attiva.

(5)

Sabiex tiġi assigurata kwalità adegwata tas-sustanza attiva, huwa neċessarju li tiġi minimizzata l-kontaminazzjoni u l-kontaminazzjoni kroċjata potenzjali billi jkun meħtieġ l-użu ta' faċilitajiet, proċessi ta' produzzjoni u kontenituri maħsuba għal dan il-għan, kif ukoll kontrolli xierqa tal-kontaminazzjoni.

(6)

Huwa importanti ħafna li tiġi evitata l-kontaminazzjoni kroċjata waqt il-produzzjoni ta' sustanzi attivi li jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem. Il-kontaminazzjoni ta' prodotti oħra b'sustanzi attivi sensitizzanti ħafna tista' toħloq theddida serja għas-saħħa pubblika billi l-esponiment għal dawn is-sustanzi ħafna drabi jirriżulta fl-iżvilupp ta' sensittività eċċessiva u reazzjonijiet allerġiċi. Għal dik ir-raġuni, il-manifattura ta' dawk is-sustanzi attivi għandha tkun permessa li ssir biss f'żoni ta' produzzjoni separati. L-użu ta' żoni ta' produzzjoni separati jista' jkun neċessarju wkoll għall-produzzjoni ta' sustanzi attivi li jistgħu jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem minħabba l-qawwa tagħhom jew in-natura infettiva jew tossika tagħhom. Għal dawk is-sustanzi, il-manifattur għandu jwettaq valutazzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ħtieġa ta' żoni ta' produzzjoni separati.

(7)

Sabiex jiġu faċilitati t-traċċar, l-identifikazzjoni u s-soluzzjoni ta' problemi potenzjali relatati mal-kwalità kif ukoll sabiex tiġi verifikata l-konformità mal-prassi tajba ta' manifattura, il-manifattur għandu jżomm rekords dettaljati bil-miktub tal-proċessi kollha li jwettaq b'rabta mal-manifattura tas-sustanzi attivi, inkluż tad-devjazzjonijiet minn dawk il-proċessi.

(8)

Sabiex ikun assigurat li l-prodotti mediċinali jkollhom l-istandards xierqa ta' kwalità, sigurtà u effikaċja u sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika, il-manifatturi ta' sustanza attiva għandhom jikkomunikaw mingħajr dewmien kwalunkwe tibdil li jista' jaffettwa l-kwalità tas-sustanza attiva lill-manifatturi ta' prodotti mediċinali li jużaw is-sustanza attiva.

(9)

Huwa neċessarju li jkun hemm fis-seħħ proċeduri xierqa biex jiġu rreġistrati u investigati l-ilmenti relatati mal-kwalità u jitwettqu sejħiet lura tal-prodott sabiex jiġi indirizzat malajr it-tħassib dwar is-sigurtà u jitneħħew mis-suq sustanzi attivi li ma jilħqux l-istandards tal-kwalità jew jippreżentaw theddida serja għas-saħħa pubblika.

(10)

Meta l-manifattur tas-sustanza attiva jiddelega kwalunkwe parti tal-manifattura lil parti oħra, huwa importanti li jiġu ċċarati bil-miktub ir-responsabbiltajiet ta' dik il-parti l-oħra fir-rigward tal-konformità mal-prattiki tajba tal-manifattura u l-miżuri tal-kwalità,

(11)

L-applikazzjoni ta' prattiki tajba tal-manifattura għall-proċess tal-imballaġġ mill-ġdid u tat-tikkettar mill-ġdid hija neċessarja sabiex ikun evitat li s-sustanzi attivi jiġu ttkkettati b'mod żbaljat jew jiġu kontaminati fil-proċess,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-prinċipji u l-linji gwida ta' prassi tajba ta' manifattura għas-sustanzi attivi għal prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, inklużi sustanzi attivi maħsuba għall-esportazzjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“manifattura” tfisser kwalunkwe operazzjoni totali jew parzjali ta' riċeviment tal-materjali, produzzjoni, imballaġġ, imballaġġ mill-ġdid, tikkettar, tikkettar mill-ġdid, kontroll tal-kwalità jew rilaxx tas-sustanzi attivi, u l-kontrolli relatati;

(2)

“materjal tal-bidu ta' sustanza attiva” tfisser kwalunkwe sustanza li minnha tiġi mmanifatturata jew estratta sustanza attiva;

(3)

“sustanza intermedja ta' sustanza attiva” tfisser sustanza li tinkiseb matul il-produzzjoni ta' sustanza attiva u li tkun maħsuba għal aktar ipproċessar;

(4)

“materja prima” tfisser kwalunkwe sustanza, reaġent jew solvent li jkunu maħsubin għall-użu fil-produzzjoni ta' sustanza attiva u li s-sustanza attiva ma tiġix immanifatturata jew estratta direttament minnhom.

Artikolu 3

Immaniġjar tal-kwalità

1.   Il-manifatturi tas-sustanzi attivi (“il-manifattur”) għandhom jistabbilixxu, jiddokumentaw u jimplimentaw sistema effettiva għall-immaniġjar tal-kwalità ta' dawk is-sustanzi matul l-operazzjonijiet tal-manifattura li jwettqu (il-“proċess tal-manifattura”). Is-sistema għandha tipprovdi għall-parteċipazzjoni attiva tal-persunal amministrattiv u tal-manifattura.

Is-sistema għandha tassigura li s-sustanzi attivi jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tal-kwalità u l-purità tagħhom stabbiliti skont l-Artikolu 12(1).

Is-sistema għandha tinkludi ġestjoni tar-riskju tal-kwalità.

2.   Il-manifattur għandu jaħtar unità tal-kwalità li tkun indipendenti mill-unità tal-produzzjoni u li għandha tkun responsabbli għall-assigurazzjoni tal-kwalità u l-kontroll tal-kwalità.

3.   Il-manifattur għandu jwettaq verifiki interni regolari u segwitu fuq is-sejbiet.

Artikolu 4

Persunal

1.   Il-manifattur għandu jassigura għadd xieraq ta' persunal li jkollhom il-kwalifiki neċessarji miksuba permezz ta' edukazzjoni, taħriġ jew esperjenza sabiex iwettqu u jissorveljaw il-manifattura tas-sustanzi attivi.

2.   Il-persunal għandu jipprattika sanità u iġjene tajba fiż-żona tal-manifattura. Il-persunal ma għandux jaċċessa ż-żona tal-manifattura jekk:

(a)

ikollu marda infettiva jew ikollu feriti miftuħa jew kundizzjonijiet dermatoloġiċi oħra fuq is-superfiċje esposta tal-ġisem li jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv il-kwalità u l-purità tas-sustanza attiva;

(b)

ikun liebes ilbies li jidher maħmuġ, jew li ma jipproteġix is-sustanza attiva minn kontaminazzjoni potenzjali li tkun ġejja mill-persunal, jew li ma jipproteġix il-persunal minn esponiment għal sustanzi attivi li jistgħu jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem;

(c)

meta jidħol fiż-żona tal-manifattura, ikun qiegħed iwettaq attivitajiet li jistgħu jikkontaminaw jew jikkompromettu mod ieħor il-kwalità tas-sustanza attiva.

Artikolu 5

Bini u faċilitajiet

1.   Il-bini u l-faċilitajiet użati fil-manifattura tas-sustanzi attivi għandhom ikunu pożizzjonati, imfassla u mibnija biex jaqdu l-operazzjonijiet maħsuba u sabiex jiffaċilitaw it-tindif u l-manutenzjoni filwaqt li jitqies it-tip u l-istadju tal-manifattura li għalihom jintużaw il-bini u l-faċilitajiet.

Il-faċilitajiet u l-fluss tal-materjal u l-persunal minn ġol-faċilitajiet għandhom ikunu mfassla b'mod li jassigura li s-sustanzi u l-materjali differenti jinżammu separati u ma jikkontaminawx lil xulxin.

2.   Għandha ssir manutenzjoni u tiswija sewwa fuq il-bini u għandu jinżamm f'kundizzjoni nadifa.

3.   Is-sustanzi attivi sensitizzanti ħafna għandhom jiġu prodotti f'żoni ta' produzzjoni separati.

Meta jwettaq operazzjonijiet tal-produzzjoni, il-manifattur għandu jivvaluta l-ħtieġa ta' żoni ta' produzzjoni separati għal sustanzi attivi oħra li jkollhom il-potenzjal li jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem minħabba l-qawwa tagħhom jew in-natura infettiva jew tossika tagħhom. Din il-valutazzjoni għandha tevalwa r-riskju għas-saħħa tal-bniedem li jippreżentaw dawk is-sustanzi attivi billi jitqiesu l-qawwa, it-tossiċità, l-infettività u l-proċeduri ta' minimizzazzjoni tar-riskju li jkun hemm fis-seħħ. Il-valutazzjoni għandha tiġi dokumentata bil-miktub.

Fejn il-valutazzjoni turi riskju ta' ħsara għas-saħħa tal-bniedem, is-sustanza attiva għandha tiġi prodotta f'żoni ta' produzzjoni separati.

Artikolu 6

Tagħmir

1.   It-tagħmir użat fil-manifattura tas-sustanzi attivi għandu jkun iddisinjat, ta' daqs u pożizzjonat b'mod xieraq għall-użu, it-tindif, il-manutenzjoni u, fejn ikun xieraq, għas-sanitizzazzjoni tiegħu.

It-tagħmir għandu jkun mibni u jitħaddem b'mod li l-uċuħ li jiġu f'kuntatt mal-materja prima, il-materjal tal-bidu ta' sustanza attiva, is-sustanzi intermedji ta' sustanza attiva jew is-sustanzi attivi ma jbiddlux il-kwalità tal-materja prima, il-materjal tal-bidu tas-sustanza attiva, is-sustanzi intermedji tas-sustanza attiva jew is-sustanzi attivi b'mod li ma jibqgħux jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti skont l-Artikolu 12(1).

2.   Il-manifattur għandu jistabbilixxi proċeduri bil-miktub għat-tindif tat-tagħmir u l-verifika sussegwenti tal-idoneità tiegħu għall-użu fil-proċess tal-manifattura.

3.   It-tagħmir ta' kontroll, użin, kejl, monitoraġġ u ttestjar li jkun essenzjali biex tiġi assigurata l-kwalità tas-sustanza attiva għandu jiġi kkalibrat skont proċeduri bil-miktub u skont skeda stabbilita.

Artikolu 7

Dokumentazzjoni u rekords

1.   Il-manifattur għandu jistabbilixxi u jżomm sistema ta' dokumentazzjoni u proċeduri bil-miktub li jkopru l-proċess tal-manifattura.

Id-dokumenti kollha relatati mal-proċess tal-manifattura għandhom jiġu ppreparati, riveduti, approvati u mqassma skont proċeduri bil-miktub.

Il-manifattur għandu jżomm rekords tal-anqas tal-elementi li ġejjin b'rabta mal-proċess tal-manifattura:

(1)

it-tindif u l-użu tat-tagħmir;

(2)

l-oriġini tal-materja prima, il-materjal tal-bidu ta' sustanza attiva u s-sustanzi intermedji ta' sustanza attiva;

(3)

il-kontrolli fir-rigward tal-materja prima, il-materjal tal-bidu ta' sustanza attiva u s-sustanzi intermedji ta' sustanza attiva;

(4)

l-użu tal-materja prima, il-materjal tal-bidu ta' sustanza attiva u s-sustanzi intermedji ta' sustanza attiva;

(5)

it-tikkettar tas-sustanzi attivi u tal-materjal tal-imballaġġ;

(6)

l-istruzzjonijiet dwar il-produzzjoni prinċipali;

(7)

il-produzzjoni u l-kontroll tal-lottijiet;

(8)

il-kontrolli fil-laboratorju.

Il-ħruġ, ir-reviżjoni, is-sostituzzjoni u l-irtirar ta' dokumenti relatati mal-proċess tal-manifattura għandhom ikunu kkontrollati, u għandhom jinżammu rekords tar-reviżjoni, is-sostituzzjoni u l-irtirar tagħhom.

2.   L-attivitajiet kollha relatati mal-kwalità li jitwettqu matul il-proċess tal-manifattura għandhom jiġu rreġistrati fil-ħin li jitwettqu. Kwalunkwe devjazzjoni mill-proċeduri bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 7(1) għandha tiġi dokumentata u spjegata. Id-devjazzjonijiet li jaffettwaw il-kwalità tas-sustanza attiva jew li jostakolaw lis-sustanza attiva milli tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12(1) għandhom jiġu investigati, u l-investigazzjoni u l-konklużjonijiet tagħha għandhom jiġu dokumentati.

3.   Wara li jwettaq l-operazzjonijiet ta' produzzjoni u kontroll, il-manifattur għandu jżomm ir-rekords kollha tal-produzzjoni u kontroll għal tal-anqas sena wara d-data ta' skadenza tal-lott. Għal sustanza attiva b'dati għall-ittestjar mill-ġdid, il-manifattur għandu jżomm rekords għal tal-anqas tliet snin wara li l-lott sħiħ ikun tqiegħed fis-suq.

Artikolu 8

Immaniġjar tal-materjali

1.   Il-manifattur għandu jkollu fis-seħħ proċeduri bil-miktub sabiex jassigura l-kwalità tal-materjal li jidħol, li jkopru l-elementi li ġejjin:

(1)

ir-riċeviment;

(2)

l-identifikazzjoni;

(3)

il-kwarantina;

(4)

il-ħażna;

(5)

l-immaniġġjar;

(6)

it-teħid tal-kampjuni;

(7)

l-ittestjar;

(8)

l-approvazzjoni;

(9)

iċ-ċaħda.

2.   Il-manifattur għandu jkollu fis-seħħ sistema sabiex jevalwa l-fornituri ta' materjal kritiku.

Artikolu 9

Produzzjoni u kontroll waqt il-proċess

1.   L-operazzjonijiet tal-produzzjoni għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli sabiex jiġi mmonitorjat u aġġustat il-proċess tal-produzzjoni jew biex jiġi vverifikat li s-sustanza attiva tikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kwalità u l-purità skont l-Artikolu 12(1). L-operazzjonijiet tal-produzzjoni li jkunu kritiċi sabiex jiġi assigurat li s-sustanza attiva tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12(1) għandhom jitwettqu taħt is-superviżjoni viżwali ta' persunal kwalifikat jew ikunu soġġetti għal kontroll ekwivalenti.

2.   L-użin u l-kejl tal-materja prima u tal-materjal tal-bidu ta' sustanza attiva għandu jkun preċiż u għandu jitwettaq b'mod li ma jaffettwax l-idoneità għall-użu tagħhom.

3.   L-operazzjonijiet tal-produzzjoni, inkluża kwalunkwe operazzjoni wara l-purifikazzjoni tas-sustanzi intermedji ta' sustanza attiva jew tas-sustanza attiva, għandhom jitwettqu b'mod li l-materja prima, il-materjal tal-bidu ta' sustanza attiva, is-sustanzi intermedji ta' sustanza attiva u s-sustanzi attivi ma jkunux jistgħu jiġu kkontaminati minn materjali oħra.

Artikolu 10

Imballaġġ u tikkettar

1.   Il-kontenituri għandhom jipprovdu protezzjoni adegwata kontra d-deterjorament jew il-kontaminazzjoni tas-sustanza attiva mill-mument li tiġi ppakkjata s-sustanza attiva sal-mument li tintuża fil-manifattura ta' prodotti mediċinali.

2.   Il-ħażna, l-istampar u l-użu tat-tikketti fuq l-imballaġġ tas-sustanzi attivi għandhom ikunu kkontrollati. It-tikketti għandhom jinkludu l-informazzjoni neċessarja sabiex tiġi assigurata l-kwalità tas-sustanza attiva.

Artikolu 11

Tqegħid fis-suq

Sustanza attiva għandha titqiegħed fis-suq biss wara li tkun ġiet rilaxxata għall-bejgħ mill-unità responsabbli mill-kwalità.

Artikolu 12

Kontrolli fil-laboratorju

1.   Il-manifattur għandu jistabbilixxi speċifikazzjonijiet għall-kwalità u l-purità tas-sustanzi attivi li jimmanifattura u għall-materja prima, il-materjal tal-bidu ta' sustanza attiva u s-sustanzi intermedji ta' sustanza attiva użati f'dak il-proċess.

2.   Għandhom jitwettqu testijiet fil-laboratorju sabiex tiġi verifikata l-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet imsemmija f'paragrafu 1.

Il-manifattur għandu joħroġ ċertifikati tal-analiżi għal kull lott ta' sustanza attiva fuq talba ta':

(a)

l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru;

(b)

manifatturi ta' sustanzi attivi forniti direttament jew indirettament mas-sustanza attiva għall-iskop ta' aktar ipproċessar, imballaġġ, imballaġġ mill-ġdid, tikkettar jew tikkettar mill-ġdid tas-sustanza attiva;

(c)

distributuri u sensara ta' sustanzi attivi;

(d)

manifatturi ta' prodotti mediċinali forniti direttament jew indirettament mas-sustanza attiva.

3.   Il-manifattur għandu jimmonitorja l-istabbiltà tas-sustanza attiva permezz ta' studji dwar l-istabbilità. Id-dati għall-iskadenza jew l-ittestjar mill-ġdid tas-sustanzi attivi għandhom jiġu stabbiliti abbażi ta' evalwazzjoni tad-dejta miksuba mill-istudji dwar l-istabbiltà. Kampjuni tas-sustanza attiva identifikati b'mod xieraq għandhom jinżammu skont pjan għat-teħid tal-kampjuni li jiġi stabbilit fuq il-bażi taż-żmien kemm iddum tajba s-sustanza attiva.

Artikolu 13

Validazzjoni

Il-manifattur għandu jistabbilixxi u jimplimenta politika ta' validazzjoni għal dawk il-proċessi u l-proċeduri li jkunu kritiċi sabiex jiġi assigurat li s-sustanza attiva tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tal-kwalità u l-purità stabbiliti skont l-Artikolu 12(1).

Artikolu 14

Kontroll tal-bidliet

1.   Il-manifattur għandu jevalwa l-impatt potenzjali fuq il-kwalità tas-sustanza attiva, ta' kwalunkwe bidla fil-proċess tal-manifattura li tista' taffettwa l-produzzjoni u l-kontroll tas-sustanza attiva, qabel ma jimplimenta dawk il-bidliet.

2.   Ma għandhomx jiġu implimentati bidliet fil-proċess tal-manifattura li jaffettwaw b'mod negattiv il-kwalità tas-sustanza attiva.

3.   Il-manifattur ta' sustanza attiva għandu jinnotifika mingħajr dewmien lill-manifatturi tal-prodotti mediċinali li lilhom huwa jipprovdi s-sustanza attiva, dwar kwalunkwe tibdil fil-proċess tal-manifattura li jista' jaffettwa l-kwalità tas-sustanza attiva.

Artikolu 15

Rifjut u ritorn

1.   Il-lottijiet ta' sustanzi attivi u sustanzi intermedji ta' sustanzi attivi li ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti skont l-Artikolu 12(1) għandhom jiġu rifjutati, tikkettati bħala tali u jitpoġġew fi kwarantina.

2.   Il-manifattur li jerġa' jipproċessa jew jerġa' jaħdem lottijiet rifjutati ta' sustanza attiva li ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjonijiet, jew jirkupra materja prima u solventi għall-użu mill-ġdid fil-proċess tal-manifattura, għandu jsegwi l-proċeduri stabbiliti skont l-Artikolu 7(1) u għandu jwettaq kontrolli xierqa biex jassigura li:

(a)

is-sustanza attiva pproċessata mill-ġdid jew maħduma mill-ġdid tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti skont l-Artikolu 12(1);

(b)

il-materja prima u s-solventi rkuprati jkunu adatti għall-użu maħsub tagħhom fil-proċess tal-manifattura.

3.   Is-sustanzi attivi ritornati għandhom jiġu identifikati bħala tali u jitpoġġew fi kwarantina.

Artikolu 16

Ilmenti u sejħiet lura

1.   Il-manifattur għandu jirreġistra u jinvestiga l-ilmenti kollha relatati mal-kwalità.

2.   Il-manifattur għandu jistabbilixxi proċeduri għas-sejħa lura ta' sustanzi attivi mis-suq.

3.   F'każ li s-sustanza attiva msejħa lura toħloq riskju serju għas-saħħa pubblika, il-manifattur għandu jinforma mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 17

Manifattura b'kuntratt

1.   Operazzjoni tal-manifattura jew operazzjoni marbuta magħha li trid titwettaq f'isem il-manifattur tas-sustanza attiva minn parti oħra (“il-manifattur b'kuntratt”) għandha tkun is-suġġett ta' kuntratt bil-miktub.

Il-kuntratt għandu jiddefinixxi b'mod ċar ir-responsabbiltajiet tal-manifattur b'kuntratt fir-rigward tal-prassi tajba ta' manifattura.

2.   Il-manifattur tas-sustanza attiva għandu jikkontrolla li l-operazzjonijiet imwettqa minn manifattur b'kuntratt jikkonformaw mal-prassi tajba ta' manifattura.

3.   Operazzjoni tal-manifattura jew operazzjoni marbuta magħha li tkun ġiet iddelegata lil manifattur b'kuntratt ma għandhiex tiġi subkuntrattata lil parti terza mingħajr il-kunsens bil-miktub tal-manifattur tas-sustanza attiva.

Artikolu 18

Imballaġġ mill-ġdid

Fejn is-sustanza attiva tiġi ppakkjata mill-ġdid minn manifattur f'kontenitur li jvarja mill-kontenitur oriġinali fir-rigward tal-volum tiegħu, jew il-materjal li jkun magħmul minnu, jew l-opaċità tiegħu għad-dawl, huwa għandu jwettaq studji tal-istabbiltà fuq is-sustanza attiva u jassenja data ta' skadenza jew tal-ittestjar mill-ġdid għaliha fuq il-bażi ta' dawk l-istudji.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-25 ta' Mejju 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67.