18.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 331/18


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1230/2014

tas-17 ta' Novembru 2014

dwar l-awtorizzazzjoni tal-bilisinat tar-ram bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jistipula l-awtorizzazzjoni ta' addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta' din l-awtorizzazzjoni.

(2)

B'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-bilisinat tar-ram. Flimkien ma' dik l-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

L-applikazzjoni tikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-bisilinat tar-ram bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali, biex jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi nutrittivi”.

(4)

Fl-opinjoni tagħha tat-3 ta' Lulju 2014 (2), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li skont il-kundizzjonijiet ta' użu proposti, il-bisilinat tar-ram ma għandux effett ħażin fuq is-saħħa tal-annimali, fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent u l-użu tiegħu jista' jitqies bħala sors effikaċi ta' ram għall-ispeċijiet kollha tal-annimali. L-Awtorità mhijiex tal-fehma li jinħtieġu rekwiżiti speċifiċi ta' monitoraġġ wara l-kummerċjalizzazzjoni. L-Awtorità vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu tal-analiżi tal-addittivi tal-għalf fl-għalf, li ġie ppreżentat mil-Laboratorju ta' Referenza mwaqqaf bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(5)

L-evalwazzjoni tal-bisilinat tar-ram turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif stipulati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma sodisfatti. Għaldaqstant, l-użu ta' din is-sustanza għandu jiġi awtorizzat kif speċifikat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-sustanza speċifikata fl-Anness, li tifforma parti mill-kategorija ta' addittivi “addittivi nutrittivi” u mill-grupp funzjonali “komposti ta' mikroelementi”, hija awtorizzata bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali, suġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Novembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  The EFSA Journal (2014); 12(7):3796.


ANNESS

Numru ta' identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu ta' awtorizzazzjoni

Kontenut tal-element (Cu) f'mg/kg ta' għalf sħiħ b'kontenut ta' umdità ta' 12 %

Kategorija tal-addittivi nutrittivi. Grupp funzjonali: komposti ta' mikroelementi

3b411

Bisilinat tar-ram

Karatterizzazzjoni tal-addittiv:

Trab jew ramel b'kontenut ta' ram ≥ 14,5 % u ta' liżina ≥ 84,0 %.

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva:

Kelat tar-ram ta' liżinat-L-HCl

Formula kimika: Cu(C6H13N2O2)2 × 2HCl

Numru CAS: 53383-24-7

Metodi analitiċi  (1):

Għall-kwantifikazzjoni tal-kontenut ta' Liżina fl-addittiv tal-għalf:

Kromotografia tal-iskambju tal-jonji kkumbinata ma' derivatizzazzjoni postkolonna u detezzjoni kolorimetrika jew tal-fluworexxenza — EN ISO 17180.

Għall-kwantifikazzjoni tal-kontenut totali tar-ram fl-addittiv u fit-taħlitiet minn qabel:

Spettrometrija tal-Emissjoni Atomika bi Plażma Akkoppjata Induttivament (ICP-AES) — EN 15510;

jew

Spettrometrija tal-Emissjoni Atomika bi Plażma Akkoppjata Induttivament wara d-diġestjoni tal-pressjoni, (ICP-AES) — EN 15621.

Għall-kwantifikazzjoni tat-total tar-ram fil-materjali tal-għalf u fl-għalf kompost:

Spettrometrija tal-Assorbiment Atomiku (AAS) — Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 jew

Spettrometrija tal-Emissjoni Atomika bi Plażma Akkoppjata Induttivament (ICP-AES) — EN 15510 jew

Spettrometrija tal-Emissjoni Atomika bi Plażma Akkoppjata Induttivament wara d-diġestjoni tal-pressjoni (ICP-AES) — EN 15621.

L-ispeċijiet kollha tal-annimali

Bovini:

Bovini qabel ma jibdew jixtarru: 15 (total);

Bovini oħra: 35 (total).

Ovini: 15 (total).

Ħnienes sa 12-il ġimgħa: 170 (total).

Krostaċeji: 50 (total).

Annimali oħrajn: 25 (total).

1.

L-addittiv jiġi inkorporat fl-għalf f'forma ta' taħlita minn qabel.

2.

Għas-sikurezza tal-utent: waqt l-użu għandhom jintlibsu l-ingwanti, in-nuċċali tas-sikurezza u t-tagħmir għall-protezzjoni tan-nifs.

3.

It-tikketta għandha tinkludi dan il-kliem:

Għall-għalf tan-nagħaġ jekk il-livell tar-ram ikun ogħla minn 10 mg/kg:

“Il-livell tar-ram f'dan l-għalf jista' jikkawża l-ivvelenar f'ċerti razez ta' nagħaġ.”

Għall-għalf tal-bovini wara li jibdew jixtarru jekk il-livell tar-ram fl-għalf ikun inqas minn 20 mg/kg:

“Il-livell tar-ram f'dan l-għalf jista' jikkawża nuqqas ta' ram fil-bovini li jirgħu f'mergħat b'kontenut għoli ta' molibdenu jew ta' kubrit.”

“Il-kontenut ta' liżina fl-addittiv għandu jitqies meta jkun qed jiġi fformulat l-għalf.”

It-8 ta' Diċembru 2024


(1)  Id-dettalji dwar il-metodi analitiċi jinstabu fl-indirizz tal-Laboratorju ta' Referenza li ġej: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports