25.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 281/1


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1001/2014

tat-18 ta' Lulju 2014

li jemenda l-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 46(9)(c) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kapitolu 3 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet biex jingħata l-ħlas għal prattiki agrikoli li huma ta' benefiċċju għall-klima u l-ambjent. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu regoli dwar iż-żoni li huma fokus għall-ekoloġizzazzjoni biex jintlaħqu l-miri tal-bijodiversità.

(2)

Biex l-amministrazzjoni ta' dawn iż-żoni ta' fokus ekoloġiku u biex jitqiesu l-karatteristiċi tat-tipi ta' żoni diversi, l-Artikolu 46(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jipprevedi l-użu ta' fatturi ta' konverżjoni u ta' ponderazzjoni.

(3)

Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 (2) emenda l-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 biex jiġu stabbiliti l-fatturi rilevanti ta' konverżjoni u ponderazzjoni msemmijin fl-Artikolu 46(3) ta' dak ir-Regolament.

(4)

Bħala riżultat tat-taħdidiet mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill dwar ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 639/2014, il-Kummissjoni impenjat ruħha biex iżżid il-fattur ta' ponderazzjoni għaż-żoni fejn jitkabbru għelejjel li jassimilaw in-nitroġenu kif imsemmi fil-punt (j) tal-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 biex jintlaħqu l-miri msemmijin hawn fuq.

(5)

Għalhekk, l-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Dan ir-Regolament għandu japplika fir-rigward ta' applikazzjonijiet għall-għajnuna għas-snin kalendarji wara s-sena kalendarja 2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda fir-Regolament (UE) Nru 1307/2013

Fl-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-fattur ta' ponderazzjoni ta' “0,3” għaż-żoni fejn jitkabbru għelejjel li jassimilaw in-nitroġenu jiġi sostitwit b'“0,7”.

Artikolu 2

Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika fir-rigward ta' applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mas-snin kalendarji wara s-sena kalendarja 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608.

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal-11 ta' Marzu 2014, li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-pagamenti diretti lill-bdiewa skont skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta' dak ir-Regolament (ĠU L 181, 20.6.2014, p. 1).