14.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 884/2014

tat-13 ta' Awwissu 2014

li jimponi kundizzjonijiet speċjali għar-regolamentazzjoni tal-importazzjoni ta' ċertu għalf u ikel minn ċertu pajjiżi terzi minħabba r-riskju ta' kontaminazzjoni bl-aflatossini u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1152/2009

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1152/2009 (2) għandu jiġi emendat sostanzjalment u l-kamp ta' applikazzjoni għandu jiġi estiż għall-għalf.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (3) jistabbilixxi l-livelli massimi permessi ta' aflatossini fil-prodotti tal-ikel għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Wieħed jista' jinnota li dawn il-livelli massimi ta' aflatossini ta' spiss jinqabżu f'ċerti oġġetti tal-ikel li ġejjin minn ċerti pajjiżi. Din il-kontaminazzjoni tikkostitwixxi theddida serja għas-saħħa pubblika fl-Unjoni u għaldaqstant huwa xieraq li jiġu adottati miżuri speċjali fil-livell tal-Unjoni.

(3)

Id-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tistabbilixxi livelli massimi permessi ta' aflatossini B1 fl-għalf għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-annimali. Wieħed jista' josserva li l-livelli massimi tal-aflatossini B1 ta' spiss jinqabżu f'ċerti oġġetti tal-ikel li ġejjin minn ċerti pajjiżi. Din il-kontaminazzjoni tikkostitwixxi theddida serja għas-saħħa pubblika u tal-annimali tal-Unjoni u huwa għaldaqstant xieraq li jiġu adottati miżuri speċjali f'livell tal-Unjoni.

(4)

Għall-ħarsien tas-saħħa pubblika u tal-annimali huwa importanti li l-għalf u l-ikel komposti li fihom ammont sinifikanti mill-għalf u l-ikel koperti b'dan ir-Regolament, jidħlu wkoll taħt l-ambitu ta' dan ir-Regolament. Huwa xieraq li jiġi stabbilit livell ta' limitu sabiex jiġi żgurat l-infurzar armonizzat tal-kontrolli fl-UE kollha tal-għalf u l-ikel pproċessati u komposti. Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġu esklużi kunsinni mhux kummerċjali mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. It-teħid tal-kampjuni u l-analiżi tal-kunsinni għandhom jitwettqu skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni.

(5)

Id-dispożizzjonijiet dwar teħid tal-kampjuni u l-analiżi għall-kontroll tal-aflatossini fl-għalf huma stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 (5) u fl-ikel bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 401/2006 (6).

(6)

Peress li l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni tal-għalf minn ċerti pajjiżi terzi minħabba r-riskju ta' kontaminazzjoni bl-aflatossini jeħtieġu dispożizzjonijiet tal-applikazzjoni simili għal dawk tal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni tal-ikel minn ċerti pajjiżi terzi minħabba r-riskju ta' kontaminazzjoni bl-aflatossini, huwa xieraq li l-għalf u l-ikel, li għalihom huma imposti kundizzjonijiet speċjali minħabba r-riskju ta' kontaminazzjoni tal-aflatossini, jiġu inklużi f'Regolament wieħed. Għalhekk huwa xieraq li jkunu inklużi f'dan ir-Regolament id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-karawett mill-Indja u mill-Gana u ż-żrieragħ tad-dulliegħ min-Niġerja previsti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 91/2013 (7). Simultanjament, ir-Regolament (UE) Nru 91/2013 għandu jinbidel b'Regolament ġdid li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet rigward l-okra u l-weraq tal-kari mill-Indja.

(7)

Abbażi tar-riżultati tal-kontroll u l-eżitu tal-awditjar tal-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju (FVO), il-bidliet li ġejjin fil-prodotti li huma soġġetti għall-kundizzjonijiet speċifiċi u/jew frekwenzi ta' kontroll huma xierqa:

jitħassru l-kondizzjonijiet speċjali għall-importazzjoni ta' lewż mill-Istati Uniti minħabba riżultati favorevoli ta' kontroll u l-eżitu favorevoli tal-ispezzjoni tal-awditjar tal-FVO,

titnaqqas il-frekwenza tat-teħid tal-kampjuni tal-ġellewż mit-Turkija minħabba r-riżultati favorevoli ta' kontroll u l-eżitu favorevoli tal-ispezzjoni tal-awditjar tal-FVO,

titnaqqas il-frekwenza tat-teħid tal-kampjuni tal-ġewż tal-Brażil bil-qoxra mill-Brażil peress li m'hemmx nuqqas ta' konformità marbuta wkoll mal-kwantitajiet żgħar ħafna importati fl-UE.

(8)

Is-sistema ta' kontroll prevista għall-għalf u l-ikel koperti b'dan ir-Regolament ġiet applikata għal ħafna snin u ttejbet kontinwament abbażi tal-esperjenzi miksuba. Armonizzazzjoni sħiħa tal-kontrolli fuq l-importazzjoni tal-ikel ta' oriġini mhux mill-annimali mhix possibbli minħabba li ma jistgħux jitwettqu l-kontrolli fiżiċi kollha meħtieġa fuq l-aflatossini fil-punt tad-dħul magħżul. Il-kontroll fuq il-preżenza tal-aflatossini skont ir-Regolament (KE) Nru 401/2006 jieħu ħafna ħin u jeħtieġ li tinħatt il-kunsinna. Barra minn hekk, bosta komoditajiet koperti minn dan ir-Regolament huma trasportati f'ippakkjar tal-vakwu u l-qerda tal-ippakkjar tal-vakwu, ikkawżata minħabba t-teħid tal-kampjuni, tista' jirriżulta f'telf ta' kwalità f'każ li l-kunsinna trid tiġi ttrasportata għal distanza twila wara l-kontroll fiżiku. Madankollu, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, huwa xieraq li d-dokumenti amministrattivi marbutin mal-kontrolli tal-għalf u l-ikel ta' oriġini mhux mill-annimali jiġu armonizzati. Għalhekk, filwaqt li l-kundizzjonijiet għall-importazzjoni tal-għalf u l-ikel koperti b'dan ir-Regolament mhumiex identiċi għall-għalf u l-ikel koperti bir-Regolament tal-Kummissojni (KE) Nru 669/2009 (8), huwa xieraq li jintuża l-istess Dokument Komuni tad-Dħul (DKD) bil-ħsieb li jkun hemm simplifikazzjoni amministrattiva għall-operaturi tan-negozju tal-għalf u l-ikel. Madankollu, huwa meħtieġ għall-applikazzjoni ta' dak id-DKD għal dan ir-Regolament, jiġu pprovduti noti addizzjonali ta' spjega fin-noti ta' gwida biex jiġu indirizzati d-differenzi fis-sistemi ta' kontroll.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' Applikazzjoni

1.   Mingħajr ħsara għad-disposizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (9), dan ir-Regolament għandu japplika għall-importazzjoni tal-għalf u l-ikel li ġejjin li jaqgħu fi ħdan il-kodiċijiet tan-NM u l-klassifikazzjonijiet tat-TARIC stabbiliti fl-Anness I:

(a)

Ġewż tal-Brażil bil-qoxra u taħlitiet ta' ġewż jew frott imnixxef li fihom il-ġewż tal-Brażil bil-qoxra (ikel) li joriġinaw jew li jaslu mill-Brażil;

(b)

Karawett bil-qoxra u bla qoxra, butir tal-karawett, karawett ippreparat jew ippreservat mod ieħor (għalf u ikel) li joriġinaw jew li jaslu miċ-Ċina;

(c)

Karawett bil-qoxra u bla qoxra, butir tal-karawett, karawett ippreparat jew ippreservat mod ieħor (għalf u ikel) li joriġinaw jew li jaslu mill-Eġittu;

(d)

Pistaċċi bil-qoxra u bla qoxra, pistaċċi ppreparat jew ippreservat mod ieħor (ikel) li joriġinaw jew li jaslu mill-Iran;

(e)

L-ikel li ġej, li joriġina mit-Turkija jew li jasal minn hemm:

(i)

tin imnixxef;

(ii)

ġellewż (Corylus spp.) bil-qoxra u bla qoxra;

(iii)

pistaċċi bil-qoxra u bla qoxra;

(iv)

taħlitiet ta' ġewż jew frott imnixxef li fihom it-tin, il-ġellewż jew il-pistaċċi;

(v)

pejst tat-tin, pejst tal-pistaċċi u pejst tal-ġellewż;

(vi)

ġellewż, tin u pistaċċi, ippreparati jew ippreservati, inklużi taħlitiet;

(vii)

dqiq, pasta u trab tal-ġellewż u pistaċċi;

(viii)

ġellewż imqatta', imfellel u mkisser;

(ix)

żejt tal-ġellewż;

(f)

Karawett bil-qoxra u bla qoxra, butir tal-karawett, karawett ippreparat jew ippreservat mod ieħor (għalf u ikel) li joriġinaw jew li jaslu mill-Gana;

(g)

Karawett bil-qoxra u bla qoxra, butir tal-karawett, karawett ippreparat jew ippreservat mod ieħor (għalf u ikel) li joriġinaw jew li jaslu mill-Indja;

(h)

Żrieragħ tad-dulliegħ u prodotti dderivati minnu (ikel) li joriġinaw jew li jaslu min-Niġerja.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal għalf u ikel ipproċessat mill-għalf u l-ikel imsemmija fil-paragrafu 1 u l-għalf u l-ikel kompost, li fihom kull għalf jew ikel imsemmi fil-paragrafu 1 fi kwantità ta' 'l fuq minn 20 %.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-kunsinni tal-ikel imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 li huma ddestinati għal persuna privata għall-konsum u l-użu personali biss. F'każ ta' dubju, il-piż tal-provi huwa tar-riċevitur tal-kunsinna.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 u fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“il-punti magħżula għall-importazzjoni (PMI)” tfisser kull punt, magħżul mill-awtorità kompetenti, li minnu jistgħu jiġu importati fl-Unjoni l-għalf u l-ikel imsemmijin fl-Artikolu 1.

(b)

“il-punt tad-dħul magħżul (PDM)” tfisser il-punt tad-dħul kif definit fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament (KE) Nru 669/2009.

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, kunsinna tikkorrispondi għal lott kif imsemmi fir-Regolamenti (KE) Nru 401/2006/KE u (KE) Nru 152/2009.

Artikolu 3

Importazzjoni fl-Unjoni

Il-kunsinni tal-għalf u l-ikel imsemmija fl-Artikolu 1(1) u (2) (minn hawn 'il quddiem imsemmija bħala għalf u ikel) jistgħu jiġu importati fl-Unjoni biss skont il-proċeduri stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Ir-riżultati tat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi

1.   Kull kunsinna ta' għalf u ikel għandhom ikunu akkumpanjati mir-riżultati tat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tal-oriġini, jew tal-pajjiż minn fejn ġejja l-kunsinna jekk dak il-pajjiż huwa differenti mill-pajjiż tal-oriġini, sabiex tkun aċċertata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-livelli massimi tal-aflossini.

2.   It-teħid tal-kampjuni u l-analiżi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu skont ir-Regolament (KE) Nru 152/2009 għall-aflatossini fl-għalf u skont ir-Regolament (KE) Nru 401/2006 għall-aflatossini fl-ikel.

Artikolu 5

Ċertifikat tas-saħħa

1.   Kull kunsinna għandha tkun akkumpanjata wkoll minn ċertifikat tas-saħħa skont il-mudell stabbilit fl-Anness II.

2.   Iċ-ċertifikat tas-saħħa għandu jimtela, jiġi ffirmat u vverifikat minn rappreżentant awtorizzat tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż minn fejn ġejja l-kunsinna jekk dan il-pajjiż ikun differenti mill-pajjiż tal-oriġini.

L-awtorità kompetenti tal-pajjiż tal-oriġini hija

(a)

il-Ministério da Agricultura, Pecuária e Abastecimento (MAPA) għall-ikel mill-Brażil;

(b)

l-Amministrazzjoni Statali għall-Ispezzjoni tad-Dħul-Ħruġ u tal-Kwarantina tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-għalf u l-ikel miċ-Ċina;

(c)

il-Ministeru tal-Agrikoltura Eġizzjan għall-għalf u l-ikel mill-Eġittu;

(d)

il-Ministeru tas-Saħħa Iranjan għall-ikel mill-Iran;

(e)

id-Direttorat Ġenerali tal-Protezzjoni u l-Kontroll tal-Ministeru tal-Agrikoltura u Affarijiet Rurali tar-Repubblika tat-Turkija għall-ikel mit-Turkija;

(f)

l-Awtorità tal-Istandards tal-Gana għall-għalf u l-ikel mill-Gana;

(g)

il-Kunsill tal-Ispezzjoni tal-Esportazzjoni tal-Indja tal-Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija għall-għalf u l-ikel mill-Indja;

(h)

l-Aġenzija Nazzjonali għall-Amministrazzjoni u l-Kontroll tal-Ikel u l-Mediċinali (NAFDAC) għall-ikel min-Niġerja.

3.   Iċ-ċertifikat tas-saħħa għandu jinkiteb bil-lingwa uffiċjali, jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn jinsab il-punt tad-dħul magħżul. Madankollu, Stat Membru jista' jaċċetta li ċ-ċertifikati tas-saħħa jinkitbu b'lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni.

4.   Iċ-ċertifikat tas-saħħa għandu jkun validu biss għal erba' xhur mid-data tal-ħruġ tiegħu.

Artikolu 6

Identifikazzjoni

Kull kunsinna ta' għalf u ikel għandha tiġi identifikata b'kodiċi ta' identifikazzjoni (il-kodiċi tal-kunsinna) li jikkorrispondi mal-kodiċi tal-identifikazzjoni miktub fuq ir-riżultati tat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi msemmija fl-Artikolu 4 u fuq iċ-ċertifikat tas-saħħa msemmi fl-Artikolu 5. Kull borża individwali, jew forma oħra ta' imballaġġar, tal-kunsinna għandha tiġi identifikata b'dan il-kodiċi ta' identifikazzjoni.

Artikolu 7

Notifika bil-quddiem tal-wasla tal-kunsinni

1.   L-operaturi tan-negozju tal-għalf jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom javżaw bil-quddiem id-data u l-ħin mistennija tal-wasla fiżika tal-għalf u l-ikel lill-awtoritajiet kompetenti fil-PDM, u dwar in-natura tal-kunsinna.

2.   Għall-fini tan-notifika minn qabel, għandhom jimlew il-Parti I tad-dokument komuni tad-dħul (DKD) imsemmi fl-Artikolu 3 (a) tar-Regolament (KE) Nru 669/2009 u jibagħtu d-dokument lill-awtorità kompetenti fil-PDM, mill-inqas ġurnata waħda tax-xogħol qabel il-wasla fiżika tal-kunsinna.

3.   Biex jimlew id-DKD fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, l-operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom jirreferu għan-noti ta' gwida stabbiliti fl-Anness III.

4.   F'każ li l-PMI hu differenti mill-PDM, l-operatur tan-negozju tal-għalf u l-ikel għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti fil-PMI, mill-inqas ġurnata waħda tax-xogħol qabel il-wasla fiżika tal-kunsinna.. In-notifika għandha ssir billi l-operatur tan-negozju tal-ikel u l-għalf jibgħat kopja tad-DKD mimli fir-rigward tal-kontroll dokumentat mill-awtorità kompetenti fil-PDM.

5.   Iċ-ċertifikat tas-saħħa għandu jinkiteb bil-lingwa uffiċjali, jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn jinsab il-PDM. Madankollu, Stat Membru jista' jaċċetta li d-DKDi jinkitbu b'lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni.

Artikolu 8

Il-punti magħżula għall-importazzjoni (PMI)

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-PMI jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

li jkun hemm staff imħarreġ biex iwettaq il-kontrolli uffiċjali fuq il-kunsinni tal-għalf u l-ikel;

(b)

li jkun hemm disponibbli struzzjonijiet dettaljati dwar it-teħid tal-kampjuni u kif dawn għandhom jintbagħtu lil-laboratorju, skont id-dispożizzjonijiet fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 152/2009 għall-għalf u fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 401/2006 għall-ikel;

(c)

li jkun possibbli li jitwettqu l-ħatt u t-teħid tal-kampjuni f'post protett fil-punt magħżul għall-importazzjoni; għandu jkun possibbli li l-kunsinna tal-għalf u l-ikel titqiegħed taħt il-kontroll uffiċjali tal-awtorità kompetenti mill-PMI 'il quddiem f'każijiet fejn, wara qbil mal-awtorità kompetenti, il-kunsinna trid tiġi trasportata għal post fl-akkwati viċin tal-PMI sabiex jitwettaq it-teħid tal-kampjuni;

(d)

li jkun hemm disponibbli kmamar għall-ħżin, imħażen fejn il-kunsinni tal-għalf u l-ikel jistgħu jinżammu f'kundizzjonijiet tajba fl-istennija għar-riżultati tal-analiżi;

(e)

li jkun hemm disponibbli tagħmir tal-ħatt u tagħmir xieraq għat-teħid tal-kampjuni;

(f)

li jkun hemm disponibbli laboratorju uffiċjali għall-analiżi tal-aflatossina, lokat f'post fejn il-kampjuni jistgħu jittieħdu f'perjodu ta' żmien qasir u li hu kapaċi jwettaq l-analiżi fiż-żmien limitat xieraq.

L-Istati Membri għandhom iżommu lista aġġornata tal-PMIs u jagħmluha disponibbli lill-pubbliku. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw din il-lista lill-Kummissjoni.

Fuq is-sit tal-Internet tagħha, il-Kummissjoni għandha turi l-ħoloq elettroniċi nazzjonali li jwasslu għal dawn il-listi, għal skopijiet ta' informazzjoni.

L-operaturi tan-negozji tal-għalf u l-ikel għandhom jiżguraw il-ħatt tal-kunsinna tal-għalf u l-ikel meħtieġa biex ikun jista' jseħħ it-teħid rappreżentattiv tal-kampjuni.

F'każi ta' trasport speċjali jew forom speċifiċi ta' imballaġġar, l-operatur għandu jagħmel disponibbli lill-ispettur uffiċjali t-tagħmir xieraq tat-teħid tal-kampjuni jekk dan it-teħid tal-kampjuni ma jkunx jista' jitwettaq b'mod rappreżentattiv bit-tagħmir normali tat-teħid tal-kampjuni.

Artikolu 9

Kontrolli uffiċjali

1.   Il-kontrolli kollha uffiċjali u l-mili tad-DKD għandhom jitwettqu fi żmien 15-il ġurnata tax-xogħol mill-mument li l-kunsinna tiġi offerta għall-importazzjoni u tkun fiżikament disponibbli għat-teħid tal-kampjuni fil-PMI.

2.   Il-kunsinni tal-għalf u l-ikel jistgħu jidħlu biss fl-Unjoni mill-PDM. L-awtorità kompetenti fil-PDM għandha tagħmel verifiki dokumentati fuq kull kunsinna tal-għalf u l-ikel intiża għall-importazzjoni fl-Unjoni biex taċċerta konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5.

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, dawk il-Punti tad-Dħul magħżula biss huma awtorizzati biex iwettqu l-verifiki dokumentati. F'dak il-każ dawn il-PDM ma għandhomx jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi kif previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 669/2009.

3.   Meta l-kunsinna tal-għalf u l-ikel ma tkunx akkumpanjata mir-riżultati tat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi u ċ-ċertifikat tas-saħħa jew fejn ir-riżultati tat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi jew iċ-ċertifikat tas-saħħa ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament, il-kunsinna ma tkunx tista' tidħol fl-Unjoni u għandha tintbagħat lura lejn il-pajjiż tal-oriġini jew tinqered.

4.   L-awtorità kompetenti fil-PDM għandha tawtorizza t-trasferiment tal-kunsinna għall-PMI wara li jitlestew b'mod favorevoli l-verifiki msemmija fil-paragrafu 2. Iċ-ċertifikat oriġinali, ir-riżultati tat-teħid ta' kampjuni u l-analiżi msemmija fl-Artikolu 4 u d-DKD għandhom jakkumpanjaw il-kunsinna fit-trasferiment. L-awtorità kompetenti tal-PDM għandha tinforma immedjatament lill-awtorità kompetenti fil-PMI bit-trasferiment tal-kunsinna u l-operatur tan-negozju għandu jinforma lill-awtorità kompetenti tal-PMI bil-wasla tal-kunsinna mill-inqas ġurnata waħda tax-xogħol qabel il-wasla fiżika tal-kunsinna. F'każ li l-operatur tan-negozju jiddeċiedi li jbiddel il-PMI wara li l-kunsinna tkun telqet mill-PDM, id-dokumenti għandhom jerġgħu jiġu ppreżentati lill-awtorità kompetenti tal-PDM biex taqbel u twettaq il-bidliet neċessarji fid-DKD u għaldaqstant, l-awtorità kompetenti tal-PDM tinforma lill-PMI b'dawn il-bidliet rilevanti.

5.   L-awtorità kompetenti fil-PMI għandha twettaq verifika tal-identità u verifika fiżika billi jittieħed kampjun għall-analiżi tal-aflatossina B1 għall-għalf jew l-aflatossina B1 u għall-kontaminazzjoni totali tal-aflatossini għall-ikel fuq kunsinni bi frekwenza stabbilita fl-Anness I ta' dan ir-Regolament qabel ma taċċetta r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni. It-teħid tal-kampjuni jitwettaq għall-għalf skont l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 152/2009 u għall-ikel skont l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 401/2006.

6.   L-awtoritajiet kompetenti, wara li jtemmu l-verifiki, għal dawk li jkunu għamlu huma stess, għandhom:

(a)

jimlew l-annotazzjonijiet rilevanti tal-Parti II tad-DKD;

(b)

jgħaqqdu r-riżultati tat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi mwettqa;

(c)

jipprovdu u jimlew in-numru ta' referenza tad-DKD fuq id-DKD;

(d)

jittimbraw u jiffirmaw l-oriġinali tad-DKD;

(e)

jagħmlu u jżommu kopja tad-DKD iffirmat u ttimbrat.

Biex id-DKD jimtela fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti għandha tirreferi għan-noti ta' gwida stabbiliti fl-Anness III.

7.   L-oriġinali taċ-ċertifikat tas-saħħa msemmi fl-Artikolu 5, ir-riżultati tat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi msemmijin fl-Artikolu 4 u d-DKD għandhom jakkumpanjaw il-kunsinna matul it-trasferiment tagħha, sa ma tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera.

Artikolu 10

Qsim tal-kunsinna

1.   Il-kunsinni ma għandhomx jinqasmu qabel ma jkunu tlestew il-kontrolli uffiċjali kollha, u jkun imtela kompletament id-DKD mill-awtoritàjiet kompetenti kif stipulat fl-Artikolu 9.

2.   Fil-każ li wara dan, il-kunsinna tinqasam, għandha tintbagħat kopja awtentikata tad-DKD ma' kull parti tal-kunsinna matul it-trasport tagħha sakemm din tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera.

Artikolu 11

Rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera

Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-kunsinni għandu jkun suġġett għall-preżentazzjoni (b'mod fiżiku jew elettroniku) mill-operaturi tan-negozju tal-għalf u l-ikel jew mir-rappreżentant tagħhom lill-awtoritajiet tad-dwana ta' DKD mimli mill-awtorità kompetenti ladarba jkunu saru l-kontrolli uffiċjali kollha. L-awtoritajiet doganali għandhom jirrilaxxaw il-kunsinna għaċ-ċirkolazzjoni libera biss jekk l-awtorità kompetenti tindika deċiżjoni favorevoli għal dan fil-kaxxa II.14 u ffirmata fil-kaxxa II.21 tad-DKD.

Artikolu 12

Nuqqas ta' konformità

Jekk il-kontrolli uffiċjali jistabbilixxu li hemm nuqqas ta' konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti, l-awtorità kompetenti għandha timla l-Parti III tad-DKD u għandha tittieħed azzjoni skont l-Artikoli 19, 20 u 21 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

Artikolu 13

Rapporti

Kull tliet xhur, l-Istati Membri għandhom jissottomettu rapport lill-Kummissjoni bir-riżultati analitiċi kollha tal-kontrolli uffiċjali fuq il-kunsinni tal-għalf u l-ikel skont dan ir-Regolament. Dan ir-rapport għandu jiġi ppreżentat matul ix-xahar li jaħbat wara kull tliet xhur fis-sena.

Ir-rapport għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

l-għadd ta' kunsinni importati;

l-għadd ta' kunsinni li minnhom ittieħdu l-kampjuni għall-analiżi;

ir-riżultati tal-verfiki kif stipulat fl-Artikolu 9(5);

Artikolu 14

Spejjeż

L-ispejjeż kollha tal-kontrolli uffiċjali, inkluż it-teħid tal-kampjuni, l-analiżi, il-ħżin u kull miżura li tittieħed wara r-riżultat ta' nuqqas ta' konformità, għandhom jitħallsu mill-operatur tan-negozju tal-għalf u l-ikel.

Artikolu 15

Revoka

Ir-Regolament (KE) Nru 1152/2009 huwa b'dan imħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness IV.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Awwissu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1152/2009 tas-27 ta' Novembru 2009 li jimponi kundizzjonijiet straordinarji għar-regolamentazzjoni tal-importazzjoni ta' ċerti oġġetti tal-ikel minn ċerti pajjiżi terzi minħabba r-riskju ta' kontaminazzjoni bl-aflatossini u li jħassar id-Deċiżjoni 2006/504/KE (ĠU L 313, 28.11.2009, p. 40).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta' Diċembru 2006 li jiffissal-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).

(4)  Id-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Mejju 2002 dwar sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali (ĠU L 140, 30.5.2002, p. 10).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 tas-27 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi l-metodi ta' teħid ta' kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-għalf (ĠU L 54, 26.2.2009, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 401/2006 tat-23 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi l-metodi tat-teħid ta' kampjuni u l-metodi ta' analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta' mikotossini fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 70, 9.3.2006, p. 12).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 91/2013 tal-31 ta' Jannar 2013 li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-importazzjoni ta' karawett mill-Gana u l-Indja, okra u weraq tal-kari mill-Indja u żrieragħ tad-dulliegħ min-Niġerja u li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009 u (KE) Nru 1152/2009 (ĠU L 33, 2.2.2013, p. 2).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissojni (KE) Nru 669/2009 tal-24 ta' Lulju 2009 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż- żieda fil-livell tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq l-importazzjoni ta' ċertu għalf u ikel ta' oriġini mhux mill-annimali u li jemenda d-Deċiżjoni 2006/504/KE (ĠU L 194, 25.7.2009, p. 11).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).


ANNESS I

Għalf u ikel soġġetti għall-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament:

Għalf u ikel

(użu maħsub)

Kodiċi NM (1)

TARIC sottodiviżjoni

Il-pajjiż tal-oriġini jew il-pajjiż tal-kunsinna

Frekwenza ta' verifiki fiżiċi u tal-identità (%) waqt l-importazzjoni

Ġewż tal-Brażil bil-qoxra

0801 21 00

 

Il-Brażil (BR)

Aleatorju

Taħlitiet ta' ġewż jew frott imnixxef u li fihom il-ġewż tal-Brażil bil-qoxra.

ex 0813 50

(Ikel)

 

Karawett, bil-qoxra

1202 41 00

 

Iċ-Ċina (CN)

20

Karawett, bla qoxra

1202 42 00

Butir tal-karawett

2008 11 10

Karawett, ippreparat jew ippreservat b'xi mod ieħor

2008 11 91 ; 2008 11 96 ; 2008 11 98

(Għalf u Ikel)

 

Karawett, bil-qoxra

1202 41 00

 

L-Eġittu (EG)

20

Karawett, bla qoxra

1202 42 00

Butir tal-karawett

2008 11 10

Karawett, ippreparat jew ippreservat b'xi mod ieħor

2008 11 91 ; 2008 11 96 ; 2008 11 98

(Għalf u Ikel)

 

Pistaċċi, bil-qoxra

0802 51 00

 

L-Iran (IR)

50

Pistaċċi, bla qoxra

0802 52 00

Taħlitiet ta' ġewż jew frott imnixxef li fihom il-pistaċċi

ex 0813 50

Pejst tal-pistaċċi

ex 2007 10 jew 2007 99

Pistaċċi, ippreparati jew ippreservati, inklużi t-taħlitiet

2008 19 13 ;

2008 19 93 ;

ex 2008 97

Dqiq, pasta u trab tal-pistaċċi

ex 1106 30 90

(Ikel)

 

Tin imnixxef

0804 20 90

 

It-Turkija (TR)

20

Taħlitiet ta' ġewż jew frott imnixxef li fihom it-tin

ex 0813 50

Pejst tat-tin

ex 2007 10 jew 2007 99

Tin, ippreparat jew ippreservat, inklużi taħlitiet

ex 2008 99

ex 2008 97

(Ikel)

 

Ġellewż (Corylus sp.) bil-qoxra

0802 21 00

 

It-Turkija (TR)

Aleatorju

Ġellewż (Corylus sp) bla qoxra

0802 22 00

Taħlitiet ta' ġewż jew frott imnixxef li fihom il-ġellewż

ex 0813 50

Pejst tal-ġellewż

ex 2007 10 jew 2007 99

Ġellewż, ippreparat jew ippreservat, inklużi t-taħlitiet

ex 2008 19

ex 2008 97

Dqiq, pasta u trab tal-ġellewż

ex 1106 30 90

Ġellewż imqatta', imfellel u mkisser

ex 0802 22 00 ; 2008 19

Żejt tal-ġellewż

ex 1515 9099

(Ikel)

 

Pistaċċi, bil-qoxra

0802 51 00

 

It-Turkija (TR)

50

Pistaċċi, bla qoxra

0802 52 00

Taħlitiet ta' ġewż jew frott imnixxef li fihom il-pistaċċi

ex 0813 50

Pejst tal-pistaċċi

ex 2007 10 jew 2007 99

Pistaċċi, ippreparati jew ippreservati, inklużi t-taħlitiet

2008 19 13 ;

2008 19 93 ;

ex 2008 97

Dqiq, pasta u trab tal-pistaċċi

ex 1106 30 90

(Ikel)

 

Karawett, bil-qoxra

1202 41 00

 

Il-Gana (GH)

50

Karawett, bla qoxra

1202 42 00

Butir tal-karawett

2008 11 10

Karawett, ippreparat jew ippreservat b'xi mod ieħor

2008 11 91 ; 2008 11 96 ; 2008 11 98

(Għalf u Ikel)

 

Karawett, bil-qoxra

1202 41 00

 

L-Indja (IN)

20

Karawett, bla qoxra

1202 42 00

Butir tal-karawett

2008 11 10

Karawett, ippreparat jew ippreservat b'xi mod ieħor

2008 11 91 ; 2008 11 96 ; 2008 11 98

(Għalf u ikel)

 

Żerriegħa tad-dulliegħ (egusi, Citrullus lanatus) u l-prodotti dderivati minnha

ex 1207 70 00 ;

ex 1106 30 90 ;

ex 2008 99 99 ;

10

30

50

In-Niġerja (NG)

50

(Ikel)

 


ANNESS II

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS III

Noti ta' gwida għad-DKD fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fil-każ ta' għalf u ikel importati minn ċerti pajjiżi terzi minħabba l-kontaminazzjoni ta' dawn il-prodotti mill-aflatossini fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament

Ġenerali

Għall-użu tad-dokument komuni tad-dħul (DKD) fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, meta jissemma d-“PDM”, dan għandu jinftiehem bħala “il-punt tad-dħul magħżul” jew “il-punt magħżul għall-importazzjoni (PMI)” kif stipulat fin-noti speċifiċi għal kull kaxxa. Kull fejn ikun imsemmi l-“punt ta' kontroll”, dan għandu jinftiehem bħala “punt magħżul għall-importazzjoni”.

Imla d-dokument b'ittri kbar. In-noti jidhru ħdejn in-numru tal-kaxxa rilevanti.

Parti I

Din it-taqsima għandha timtela mill-operatur tan-negozju tal-għalf u tal-ikel jew mir-rappreżentant tiegħu, fejn mhux indikat mod ieħor.

Kaxxa I.1.

Il-kunsinnatur: l-isem u l-indirizz sħiħ tal-persuna fiżika jew ġuridika (l-operatur tan-negozju tal-għalf u tal-ikel) li qed tibgħat il-kunsinna. Ta' min jagħti l-informazzjoni dwar in-numri tat-telefown u l-faks.

Kaxxa I.2.

It-tliet spazji kollha f'din il-kaxxa għandhom jimtlew mill-awtoritajiet tal-PMI kif inhu ddefinit fl-Artikolu 2. Alloka numru ta' referenza tad-DKD fl-ewwel kaxxa. In-numru ta' referenza tad-DKD jista' jimtela mill-awtoritajiet tal-PDM. Indika l-isem tal-PMI u n-numru tiegħu fit-tieni u t-tielet kaxxa rispettivament.

Kaxxa I.3.

Id-destinatarju: indika l-isem u l-indirizz sħiħ tal-persuna fiżika jew ġuridika (l-operatur tan-negozju tal-għalf u tal-ikel) li lilha l-kunsinna hija indirizzata. Ta' min jagħti l-informazzjoni dwar in-numri tat-telefown u l-faks.

Kaxxa I.4.

Il-persuna responsabbli għall-kunsinna: (l-aġent, id-dikjarant jew l-operatur tan-negozju tal-għalf u l-ikel ukoll) indika l-isem u l-indirizz sħiħ tal-persuna li hi responsabbli għall-kunsinna meta din ġiet ippreżentata fil-PDM u li għamlet id-dikjarazzjonijiet meħtieġa lill-awtoritajiet kompetenti f'isem l-importatur. Ta' min jagħti l-informazzjoni dwar in-numri tat-telefown u l-faks.

Kaxxa I.5.

Il-pajjiż tal-oriġini: indika l-pajjiż minn fejn oriġina l-prodott bażiku, fejn kien imkabbar, fejn inħasad jew fejn kien magħmul.

Kaxxa I.6.

Il-pajjiż minn fejn intbagħtet il-kunsinna: indika l-pajjiż terz minn fejn ġiet mgħobbija l-kunsinna fuq il-mezz tat-trasport għall-aħħar parti tal-vjaġġ lejn l-Unjoni.

Kaxxa I.7.

L-importatur: indika l-isem u l-indirizz sħiħ. Ta' min jagħti l-informazzjoni dwar in-numri tat-telefown u l-faks.

Kaxxa I.8.

Il-post tad-destinazzjoni: indika l-indirizz tal-kunsinna fl-Unjoni. Ta' min jagħti l-informazzjoni dwar in-numri tat-telefown u l-faks.

Kaxxa I.9.

Il-wasla fil-PDM (id-data mistennija): daħħal id-data ta' meta hu mistenni li tasal il-kunsinna fil-PDM.

Kaxxa I.10.

Id-dokumenti: indika d-data ta' meta nħarġu d-dokumenti u n-numru tad-dokumenti uffiċjali li ntbagħtu mal-kunsinna, skont il-każ.

Kaxxa I.11.

Il-mezz tat-trasport: immarka l-kaxxa biex tindika l-mezz tat-trasport li bih waslet il-kunsinna.

Identifikazzjoni: agħti d-dettalji kollha tal-mezz ta' trasport. Fil-każ ta' inġenju tal-ajru, indika n-numru tat-titjira. Fil-każ ta' vapuri, indika l-isem tal-bastiment. Għal vetturi tat-triq: indika n-numru tar-reġistrazzjoni li hemm fuq il-pjanċa u, fejn jeħtieġ, in-numru tal-karru. Għatl trasport bil-ferrovija: indika n-numru tal-identità tat-tren u n-numru tal-vagun.

Referenzi dokumentati: in-numru tal-polza tal-ajru, il-polza ta' kargu jew in-numru kummerċjali għall-ferrovija jew għat-trakk.

Kaxxa I.12.

Deskrizzjoni tal-prodott bażiku: agħti deskrizzjoni ddettaljata tal-prodott bażiku bit-terminoloġija tal-Artikolu 1.

Kaxxa I.13.

Il-kodiċi tal-prodott bażiku: uża l-kodiċi li jidentifika l-prodott bażiku kif elenkat fl-Anness I (inkluża s-sottodiviżjoni tat-TARIC, jekk applikabbli).

Kaxxa I.14.

Il-piż gross: speċifika l-piż totali f'kilogrammi jew f'tunnellati. Dan huwa definit bħala l-massa globali tal-prodotti u tal-kontenituri immedjati u l-imballaġġar tagħhom, imma mingħajr il-piż tal-kontejners tat-trasport u tagħmir ieħor tat-trasport.

Il-piż nett: speċifika l-piż tal-prodott innifsu, mingħajr dak tal-imballaġġar, f'kilogrammi jew f'tunnellati. Dan huwa definit bħala l-massa tal-prodotti biss, mingħajr il-kontenituri jew l-imballaġġar.

Kaxxa I.15.

In-numru tal-imballaġġi: ikteb kemm hemm imballaġġi fil-kunsinna.

Kaxxa I.16.

Temperatura: immarka l-kaxxa li turi t-temperatura adegwata tat-trasport/tal-ħażna.

Kaxxa I.17.

It-tip ta' imballaġġar: identifika t-tip ta' imballaġġar tal-prodotti.

Kaxxa I.18.

Il-prodott bażiku maħsub għal: immarka l-kaxxa xierqa skont, jekk il-prodott huwiex maħsub għall-konsum mill-bniedem mingħajr klassifikazzjoni minn qabel jew trattament fiżiku ieħor (f'dan il-każ immarka “għall-konsum mill-bniedem”) jew huwiex maħsub għall-konsum mill-bniedem wara dan it-trattament (f'dan il-każ immarka “għall-aktar ipproċessar”), jew jekk hu maħsub bħala “għalf” (f'dan il-każ immarka “għalf”).

Kaxxa I.19.

In-numru tas-siġill u n-numru tal-kontejner: fejn rilevanti, agħti n-numri kollha ta' identifikazzjoni tas-siġill u tal-kontejner.

Kaxxa I.20.

Għat-trasferiment għall-Punt ta' Kontroll: f'każ li l-kunsinna hija maħsuba għall-importazzjoni (ara l-Kaxxa I.22) u l-operatur juża l-għażla li jitwettaqlu l-kontroll fiżiku u tal-identifikazzjoni f'PMI speċifiku, immarka l-kaxxa u identifika fid-dettal il-PMI.

Kaxxa I.21.

Ma japplikax.

Kaxxa I.22.

Għall-importazzjoni: immarka l-kaxxa jekk il-kunsinna hi maħsuba għall-importazzjoni.

Kaxxa I.23.

Ma japplikax.

Kaxxa I.24.

Mezz ta' trasport għall-Punt ta' Kontroll: immakra l-mezz xieraq ta' trasport użat għat-trasferiment lejn il-PMI.

Parti II

Din it-taqsima għandha timtela mill-awtorità kompetenti.

Ġenerali

Il-Kaxxa II.1 għandha timtela mill-awtorità kompetenti tal-PMI. Il-Kaxex minn II.2 sa II.9 bl-eċċezzjoni ta' II.4 għandhom jimtlew mis-servizzi doganali jew l-awtoritajiet kompetenti għall-kontroll tad-dokumenti. Il-Kaxex minn II.10 sa II.21 għandhom jimtlew mill-awtoritàjiet kompetenti tal-PMI.

Kaxxa II.1.

In-numru ta' referenza tad-DKD: uża l-istess numru ta' referenza tad-DKD li jidher fil-Kaxxa I.2.

Kaxxa II.2.

Ir-Referenza tad-Dokument Doganali: għall-użu tas-servizzi doganali fejn meħtieġ.

Kaxxa II.3.

Verifika tad-dokumenti: trid timtela għall-kunsinni kollha.

Kaxxa II.4.

Il-kunsinni magħżula għall-verifiki fiżiċi: mhux applikabbli fil-qafas ta' dan ir-Regolament.

Kaxxa II.5.

AĊĊETTABBLI għat-trasferiment: fil-każ li l-kunsinna tkun aċċettabbli għat-trasferiment lejn PMI wara verifika dokumentata sodisfaċenti, l-awtorità kompetenti tal-PDM għandha timmarka l-kaxxa u tindika lejn liema PDM għandha tiġi ttrasferita l-kunsinna għall-possibbiltà ta' verifika fiżika (skont l-informazzjoni mogħtija fil-Kaxxa I.20).

It-trasport ulterjuri ma japplikax għal dan ir-Regolament.

Kaxxa II.6.

MHUX AĊĊETTABBLI: f'każ li l-kunsinna mhijiex aċċettabbli għat-trasferiment lejn PMI minħabba li l-verifiki tad-dokumenti ma jagħtux eżitu sodisfaċenti, l-awtorità kompetenti fil-PDM għandha timmarka l-kaxxa u tindika b'mod ċar x'għandu jsir fil-każ li l-kunsinna ma tintlaqax. L-indirizz tal-istabbiliment tad-destinazzjoni għandu jitniżżel fil-Kaxxa II.7 fil-każ ta' “Għad-dispaċċ mill-ġdid”, “Għall-qerda”,“Għat-trasformazzjoni” u “Għal użu ieħor”.

Kaxxa II.7.

Dettlaji tad-Destinazzjonijiet Ikkontrollati (II.6): indika n-numru tal-approvazzjoni xieraq u l-indirizz (jew isem il-bastiment u l-port) għad-destinazzjonijiet kollha fejn huma meħtieġa aktar kontrolli tal-kunsinna, pereżempju għall-Kaxxa II.6, “Għad-dispaċċ mill-ġdid”, “Għall-qerda”, “Għat-trasformazzjoni” jew “Għal użu ieħor”.

Kaxxa II.8.

Identifikazzjoni sħiħa tal-PDM u t-timbru uffiċjali: indika hawn l-identifikazzjoni sħiħa tal-PDM u t-timbru uffiċjali tal-awtorità kompetenti f'dan il-punt.

Kaxxa II.9.

L-ispettur uffiċjali: firma tal-uffiċjal responsabbli tal-awtorità kompetenti tal-PDM.

Kaxxa II.10.

Ma japplikax.

Kaxxa II.11.

Verifika tal-Identità: immarka l-kaxex biex tindika jekk sarux il-verifiki tal-identità u r-riżultati tagħhom.

Kaxxa II.12.

Verifika Fiżika: indika hawn ir-riżultati tal-verifiki fiżiċi f'każ li tkun twettqet il-verifika fiżika.

Kaxxa II.13.

It-testijiet tal-laboratorju: immarka l-kaxxa biex tindika jekk il-kunsinna ntgħażlitx biex jittieħdu l-kampjuni minnha għall-analiżi.

Ittestjat għal: indika għal liema sustanzi (aflatossina B1 u/jew għat-total) u b'liema mod analitiku sar it-test fil-laboratorju.

Ir-riżultati: indika x'kienu r-riżultati tat-test fil-laboratorju u mmarka l-kaxxa rilevanti.

Kaxxa II.14.

AĊĊETTABBLI għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera: immarka l-kaxxa jekk il-kunsinna se tkun rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni.

Immarka waħda mill-kaxex (“Għall-konsum mill-bniedem”, “Għal aktar ipproċessar”, “Għalf” jew “Oħrajn”) biex tindika l-użu ulterjuri.

Kaxxa II.15.

Ma japplikax.

Kaxxa II.16.

MHUX AĊĊETTABBLI: immarka l-kaxxa jekk il-kunsinna tkun rifjutata minħabba eżitu mhux sodisfaċenti tal-verifiki fiżiċi jew tal-identità.

Indika b'mod ċar x'għandu jsir f'dan il-każ billi timmarka waħda mill-kaxxi (“Għad-dispaċċ mill-ġdid”, “Għall-qerda”, “Għat-trasformazzjoni” jew “Għal użu ieħor”). L-indirizz tal-istabbiliment destinatarju għandu jinkiteb fil-Kaxxa II.18.

Kaxxa II.17.

Raġunijiet għar-rifjut: immarka l-kaxxa xierqa Uża kif meħtieġ biex iżżid l-informazzjoni rilevanti.

Kaxxa II.18.

Dettalji tad-destinazzjonijiet kkontrollati (II.16): agħti, skont ir-rilevanza, in-numru tal-approvazzjoni u l-indirizz (jew isem il-bastiment u l-port) għad-destinazzjonijiet kollha fejn huma meħtieġa iktar kontrolli tal-kunsinna wara l-informazzjoni fil-Kaxxa II.16.

Kaxxa II.19.

Il-kunsinna ssiġillata mill-ġdid: imla din il-kaxxa meta mal-ftuħ tal-kontejner jinkiser is-siġill originali rreġistrat mal-kunsinna. Trid tinżamm lista sħiħa tas-siġilli kollha li ntużaw għal dan l-iskop.

Kaxxa II.20.

Identifikazzjoni sħiħa tal-PDM/il-Punt ta' Kontroll u t-timbru uffiċjali: indika hawn l-identifikazzjoni sħiħa tal-PMI u t-timbru uffiċjali tal-awtorità kompetenti f'dan il-PMI.

Kaxxa II.21.

L-ispettur uffiċjali: daħħal (b'ittri kbar) l-isem, id-data tal-ħruġ u l-firma tal-uffiċjal responsabbli tal-awtorità kompetenti fil-PMI.

Parti III

Din it-taqsima għandha timtela mill-awtorità kompetenti.

Kaxxa III.1.

Detalji dwar id-dispaċċ mill-ġdid: l-awtorità tal-PDM jew fil-PMI għandha tindika l-mezz tat-trasport li ntuża, l-identifikazzjoni, il-pajjiż destinatarju u d-data tad-dispaċċ mill-ġdid, malli dawn ikunu magħrufin.

Kaxxa III.2.

Is-segwitu: indika l-unità risponsabbli tal-awtorità kompetenti lokali, kif meħtieġ, għas-sorveljanza f'każ ta' “Għall-qerda”, “Għat-trasformazzjoni” jew “Għal użu ieħor”. L-awtorità kompetenti għandha tirraporta r-riżultat tal-wasla tal-kunsinna u l-korrispondenza.

Kaxxa III.3.

L-ispettur uffiċjali: il-firma tal-uffiċjal responsabbli tal-awtorità kompetenti fil-PMI fil-każ ta' “Għad-dispaċċ mill-ġdid”. Firma tal-uffiċjal risponsabbli tal-awtorità kompetenti lokali, f'każi fejn l-istruzzjonijiet ikunu:“Għall-qerda”,“Għat-trasformazzjoni” jew “Għal użu ieħor”.


ANNESS IV

Tabella ta' korrelazzjoni msemmija fl-Artikolu 15

Ir-Regolament (KE) Nru 1152/2009

Dan ir-Regolament

L-Artikolu 1

L-Artikolu 1 u l-Anness I

L-Artikolu 2

L-Artikolu 2

L-Artikolu 3

L-Artikolu 3

L-Artikolu 4(1)

L-Artikoli 4(1) u 5(1) u (2).

L-Artikolu 4(2)

L-Artikolu 5(3)

L-Artikolu 4(3)

L-Artikolu 5(4)

L-Artikolu 4(4)

L-Artikolu 4(2)

L-Artikolu 4(5)

L-Artikolu 6

L-Artikolu 5

L-Artikolu 7

L-Artikolu 6

L-Artikolu 8

L-Artikolu 7(1)

L-Artikolu 9(1)

L-Artikolu 7(2)

L-Artikoli 9(2) u (3)

L-Artikolu 7(3)

L-Artikolu 9(4)

L-Artikolu 7(4)

L-Artikolu 9(5)

L-L-Artikolu 7(5)

L-Anness I

L-Artikolu 7(6)

L-Artikolu 9(6)

L-Artikolu 7(7)

L-Artikolu 9(7)

L-Artikolu 7(8)

L-Artikolu 11

L-Artikolu 7(9)

L-Artikolu 13

L-Artikolu 8

L-Artikolu 10

L-Artikolu 9

L-Artikolu 10

L-Artikolu 14

L-Artikolu 11

L-Artikolu 15

L-Artikolu 12

L-Artikolu 13

L-Artikolu 16

L-Anness I

L-Anness II

L-Anness II

L-Anness III