30.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 226/16


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 826/2014

tat-30 ta' Lulju 2014

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-17 ta' Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 269/2014.

(2)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, il-Kunsill iqis li għandhom jiżdiedu persuni u entitajiet addizzjonali mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi kif tinsab fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 269/2014.

(3)

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-persuni u l-entitajiet elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament għandhom jiżdiedu mal-lista li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Lulju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6.


ANNESS

LISTA TA' PERSUNI U ENTITAJIET IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1

Individwi

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data ta' elenkar

1.

Alexey Alexeyevich GROMOV

Image

Imwieled fil-31.5.1960 f'Zagorsk (Sergiev Posad)

Bħala l-ewwel Viċi Kap tal-Persunal tal-Amministrazzjoni Presidenzjali, huwa responsabbli mill-għoti ta' struzzjoni tal-mezzi ta' komunikazzjoni Russi biex jieħdu pożizzjoni favorevoli mas-separatisti fl-Ukraina u l-annessjoni tal-Krimea, u b'hekk jappoġġa d-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina tal-Lvant u l-annessjoni tal-Krimea.

30.7.2014

2.

Oksana TCHIGRINA

Оксана Чигрина

 

Kelliema tal-hekk imsejjaħ “gvern” tal-hekk imsejħa “Repubblika Popolari ta' Lugansk” li għamlet dikjarazzjonijiet li jiġġustifikaw fost oħrajn it-twaqqigħ ta' ajruplan militari Ukrain, it-teħid ta' ostaġġi, l-attivitajiet ta' ġlied mill-gruppi armati illegali li bħala konsegwenza dgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-unità tal-Ukraina.

30.7.2014

3.

Boris LITVINOV

Борис Литвинов

 

Sa mit-22 ta' Lulju, president tal-hekk imsejjaħ “Kunsill Suprem” tal-hekk imsejħa “Repubblika Popolari ta' Donetsk” li minnu oriġinaw politiki u l-organizzazzjoni tar-referendum illegali li wasslu għall-proklamazzjoni tal-hekk imsejħa “Repubblika Popolari ta' Donetsk”, li kkostitwixxiet ksur tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-unità tal-Ukraina.

30.7.2014

4.

Sergey ABISOV

Image

Imwieled fis-27.11.1967

Billi aċċetta l-ħatra tiegħu bħala l-hekk imsejjaħ “Ministru tal-Intern tar-Repubblika tal-Krimea” mill-President tar-Russja (digriet Nru 301) fil-5 ta' Mejju 2014 u bl-azzjonijiet tiegħu bħala l-hekk imsejjaħ “Ministru tal-Intern” huwa dgħajjef l-integrità territorjali, is-sovranità u l-unità tal-Ukraina.

30.7.2014

5

Arkady Romanovich ROTENBERG

Image

Imwieled fil-15.12.1951 f'Leningrad (San Pietruburgu)

Is-Sur Rotenberg ilu jaf għal żmien twil lill-President Putin u kien jipprattika l-judo miegħu.

Huwa stagħna matul it-tmexxija tal-President Putin. Huwa kien iffavorit mill-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-għoti ta' kuntratti importanti mill-Istat Russu jew minn intrapriżi tal-Istat. Il-kumpanniji tiegħu ingħataw diversi kuntratti vantaġġużi ħafna għat-tħejjijiet tal-Logħob Olimpiku ta' Sochi.

Huwa azzjonist ewlieni ta' Giprotransmost, kumpannija li rċeviet kuntratt ta' akkwist pubbliku minn kumpannija proprjetà tal-Istat Russu biex tagħmel l-istudju ta' fattibbiltà tal-bini ta' pont mir-Russja għar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea annessa illegalment, u għalhekk ġiet ikkonsolidata l-integrazzjoni tagħha fil-Federazzjoni Russa, li b'hekk idgħajjef l-integrità territorjali tal-Ukraina.

30.7.2014

6.

Konstantin Valerevich MALOFEEV

Константин Валерьевич Малофеев

Imwieled fit-03.7.1974 f'Puschino

Is-Sur Malofeev għandu rabtiet mill-qrib ma' separatisti Ukraini fil-Lvant tal-Ukraina u l-Krimea. Kien jimpjega lis-Sur Borodai, l-hekk imsejjaħ Prim Ministru tal-hekk imsejħa “Repubblika Popolari ta' Donetsk” u ltaqa' mas-Sur Aksyonov, l-hekk imsejjaħ Prim Ministru tal-hekk imsejħa “Repubblika tal-Krimea”, matul il-perijodu tal-proċess tal-annessjoni tal-Krimea. Il-Gvern Ukrain fetaħ investigazzjoni kriminali dwar l-allegat appoġġ materjali u finanzjarju tiegħu lis-separatisti.

Barra minn hekk, huwa għamel numru ta' dikjarazzjonijiet pubbliċi li jappoġġaw l-annessjoni tal-Krimea u l-inkorporazzjoni tal-Ukraina fir-Russja u b'mod partikolari f'Ġunju 2014 iddikjara li “Ma tistax tinkorpora l-Ukraina kollha kemm hi fir-Russja. Forsi l-Lvant (tal-Ukraina)”.

Għalhekk is-Sur Malofeev qed jappoġġa d-destabbilizzazzjoni tal- Lvant tal-Ukraina.

30.7.2014

7.

Yuriy Valentinovich KOVALCHUK

Юрий Валентинович Ковальчук

Imwieled fil- 25.7.1951 f'Leningrad (San Pietruburgu)

Is-Sur Kovalchuk ilu jaf lill-President Putin għal żmien twil. Huwa kofondatur tal-hekk imsejħa Ozero Dacha, soċjetà kooperattiva li tlaqqa' flimkien grupp influwenti ta' individwi madwar il-President Putin.

Huwa qed jibbenefika mill-konnessjonijiet tiegħu ma' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja. Huwa l-president u l-akbar azzjonist tal-Bank Rossiya, li fl-2013 kien jippossjedi madwar 38 % tiegħu, u li huwa kkunsidrat il-bank personali ta' Uffiċjali Għolja tal-Federazzjoni Russa. Wara l-annessjoni illegali tal-Krimea, il- Bank Rossiya fetaħ fergħat fil-Krimea kollha u f'Sevastopol, biex b'hekk ikkonsolida l-integrazzjoni tagħha fil-Federazzjoni Russa.

Barra minn dan, il-Bank Rossiya għandu interessi importanti fin- National Media Group li min-naħa tiegħu jikkontrolla l-istazzjonijiet televiżivi li jappoġġaw attivament il-politiki tal-gvern Russu ta' destabbilizzazzjoni tal-Ukraina.

30.7.2014

8.

Nikolay Terentievich SHAMALOV

Николай Терентьевич Шамалов

Imwieled fl-24.1.1950

Is-Sur Shamalov ilu jaf lill-President Putin għal żmien twil. Huwa kofundatur tal-hekk imsejħa Ozero Dacha, soċjetà kooperattiva li tlaqqa' flimkien grupp influwenti ta' individwi madwar il-President Putin.

Huwa qed jibbenefika mill-konnessjonijiet tiegħu ma' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja. Huwa l-president u t-tieni l-akbar azzjonist tal-Bank Rossiya, li fl-2013 kien jippossjedi madwar 10 % tiegħu, u li huwa kkunsidrat il-bank personali ta' Uffiċjali Għolja tal-Federazzjoni Russa. Wara l-annessjoni illegali tal-Krimea, il- Bank Rossiya fetaħ fergħat fil-Krimea kollha u f'Sevastopol, biex b'hekk ikkonsolida l-integrazzjoni tagħha fil-Federazzjoni Russa.

Barra minn dan, il-Bank Rossiya għandu interessi importanti fin- National Media Group li min-naħa tiegħu jikkontrolla l-istazzjonijiet televiżivi li jappoġġaw attivament il-politiki tal-gvern Russu ta' destabbilizzazzjoni tal-Ukraina.

30.7.2014


Entitajiet

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data ta' elenkar

1.

JOINT-STOCK COMPANY CONCERN ALMAZ-ANTEY (magħrufa wkoll bħala ALMAZ-ANTEY CORP; magħrufa wkoll bħala ALMAZ-ANTEY DEFENSE CORPORATION; magħrufa wkoll bħala ALMAZ-ANTEY JSC),

Image

41 ul.Vereiskaya, Moscow 121471, Russia;

Website: almaz-antey.ru;

Indirizz Elettroniku antey@almaz-antey.ru

Almaz-Antei hija kumpannija Russa proprjetà tal-Istat. Timmanifattura armi kontra l-inġenji tal-ajru inkluż missili mill-art għall-ajru li hija tforni lill-armata Russa. L-awtoritajiet Russi kienu qegħdin ifornu lis-separatisti tal-Lvant tal-Ukraina b'armamenti tqal, li kkontribwew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina. Dawn l-armi jintużaw mis-separatisti, inkluż għat-twaqqigħ ta' ajruplani. Għalhekk, bħala kumpannija proprjetà tal-Istat, Almaz-Antei tikkontribwixxi għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina.

30.7.2014

2.

DOBROLET magħrufa ukoll bħala DOBROLYOT

Добролет/Добролёт

Kodiċi tal-linja tal-ajru QD

International Highway, House 31, building 1, 141411 Moscow

141411, Москва г, Международное ш, дом 31, строение 1

Website: www.dobrolet.com

Dobrolet hija sussidjarja ta' linja tal-ajru proprjetà tal-istat Russu. Sa mill-annessjoni illegali tal-Krimea, Dobrolet sa issa ħaddmet titjiriet esklużivament bejn Moska u Simferopol. Għalhekk, hija tiffaċilita l-integrazzjoni tal-Repubblika Awtonoma tal-Krimea annessa illegalment mal-Federazzjoni Russa u ddgħajjef is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina.

30.7.2014

3.

RUSSIAN NATIONAL COMMERCIAL BANK

Image

License of the Central Bank of Russia No. 1354

Russian Federation, 127 030 Moscow, Krasnoproletarskaya street 9/5.

Wara l-annessjoni illegali tal-Krimea, ir-Russian National Commercial Bank (RNCB) sar proprjetà totali tal-hekk imsejħa “Repubblika tal-Krimea”. Sar attur dominanti fis-suq, meta qabel l-annessjoni ma kellu l-ebda preżenza fil-Krimea. Billi xtara jew ħa pussess ta' fergħat ta' banek li rtiraw l-operazzjonijiet tagħhom fil-Krimea, l-RNCB appoġġa materjalment u finanzjarjament l-azzjonijiet tal-gvern Russu biex jintegra l-Krimea fil-Federazzjoni Russa, u b'hekk dgħajjef l-integrità territorjali tal-Ukraina.

30.7.2014