16.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 209/5


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 764/2014

tal-11 ta' Lulju 2014

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ma' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta'din it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi pprovdut li informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista', għal ċertu perjodu, tibqa' tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dan il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-merkanzija deskritta fil-kolonna (1) tat-tabella li tinsab fl-Anness hija kklassifikata fin-Nomenklatura Magħquda skont il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

F'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi tan-NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Prodott ippreżentat bħala kapsuli mingħajr kulur mimlija bi trab safrani, ippreżentat għall-bejgħ bl-imnut fi flixkun tal-plastik żgħir li fuqu għandu tikketta, b'tapp tal-kamin, li fih 60 kapsula. Kull kapsula jkun fiha l-komponenti li ġejjin:

-idroklorid tal-glukosamin (300 mg),

-sulfat tal-kondrojtin,

-metan tas-sulfonil tal-metil,

-kwantitajiet żgħar ta' esteri ta' aċidu askorbiku (vitamina C).

Skont it-tabella l-prodott huwa ppreżentat bħala suppliment tal-ikel għall-konsum mill-bnedmin. Id-doża ta' kuljum rakkomandata indikata fuq it-tikketta hija ta' tliet kapsuli.

2106 90 92

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 sa 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, nota addizzjonali 5 għall-Kapitolu 21 u l-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 2106 , 2106 90 u 2106 90 92 .

Fil-kunsiderazzjoni tad-doża ta' kuljum rakkomandata, indikata fuq it-tikketta, il-prodott m'għandux karatteristiċi profilattiċi jew terapewtiċi ddefiniti b'mod ċar. Konsegwentement, ma jistax jiġi kklassifikat bħala mediċina taħt l-intestatura 3004 .

Peress illi l-prodott huwa preparazzjoni tal-ikel ippreżentat f'forma ta' dożi mkejla u intenzjonat biex jintuża bħala suppliment għal mal-ikel, ir-rekwiżiti tan-nota addizzjonali 5 tal-Kapitolu 21 huma ssodisfati.

Għalhekk, il-prodott irid jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 2106 bħala preparazzjoni tal-ikel, li mhux speċifikat jew inkluż band'oħra.