1.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 192/38


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 724/2014

tas-26 ta' Ġunju 2014

dwar standard ta' skambju għat-trażmissjoni tad-dejta mitluba fir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni d-dejta u l-metadejta mitluba fir-Regolament skont standard ta' skambju speċifikat u arranġamenti prattiċi oħra li għandhom jiġu speċifikati mill-Kummissjoni.

(2)

L-applikazzjoni ta' standard uniku għall-iskambju u t-trażmissjoni ta' dejta għall-istatistika koperti mir-Regolament (UE) Nru 549/2013 ikun kontribut konsiderevoli għall-integrazzjoni tal-proċessi tan-negozju f'dan il-qasam ta' statistika.

(3)

L-inizjattiva tal-Iskambju tad-Dejta u l-Metadejta Statistika (Statistical Data and Metadata Exchange, l-SDMX) dwar standards statistiċi u tekniċi għall-iskambju u l-qsim ta' dejta u metadejta tnediet mill-Bank tal-Ħlasijiet Internazzjonali, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kummissjoni (il-Eurostat), il-Fond Monetarju Internazzjonali, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (l-OECD), in-Nazzjonijiet Uniti u l-Bank Dinji. Għall-iskambju tal-istatistiċi uffiċjali, l-SDMX tipprovdi stadards statistiċi u tekniċi, inkluż l-SDMX Markup Language, permezz tal-XML syntax (“SDMX-ML format”). Għalhekk għandom jidħlu fis-seħħ format tad-dejta ġdid u definizzjoni ta' struttura ta' dejta ġdida mfassla skont dan l-istandard. Sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għall-format il-ġdid, il-Kummissjoni għandha, għall-ewwel sentejn wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament, tipprovdi lill-Istati Membri b'mudelli li jistgħu jintużaw bħala inputs għall-għodod ta' konverżjoni tal-SDMX.

(4)

Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli dokumentazzjoni dettaljata fir-rigward tad-definizzjonijiet tal-istruttura ta' dejta tal-SDMX u tipprovdi linji gwida dwar l-implimentazzjoni tagħhom.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tas-Sistema tal-Istatistika.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Standard għat-trażmissjoni tad-dejta

L-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dejta mitluba fir-Regolament (UE) Nru 549/2013 billi jimxu mad-definizzjonijiet tal-istruttura ta' dejta tal-SDMX.

Artikolu 2

Speċifikazzjonijiet tekniċi tal-format tad-data

L-Istati Membri għandhom jipprovdu dejta u metadejta fil-format SDMX-ML.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta' Settembru 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1.