25.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/5


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 699/2014

tal-24 ta' Ġunju 2014

dwar it-tfassil tal-logo komuni li jidentifika l-persuni li joffru prodotti mediċinali lill-pubbliku għall-bejgħ mill-bogħod, u dwar ir-rekwiżiti tekniċi, elettroniċi u kriptografiċi għall-verifika tal-awtentiċità tiegħu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-Kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 85c(3) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 85c(3) tad-Direttiva 2001/83/KE jistipula li għandu jiġi stabbilit logo komuni li jintgħaraf madwar l-Unjoni kollha li jippermetti l-identifikazzjoni tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita persuna li qed toffri mill-bogħod prodotti mediċinali għall-bejgħ lill-pubbliku permezz tas-servizzi informatiċi.

(2)

Skont l-Artikolu 85c(3)(a) tad-Direttiva 2001/83/KE, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni għall-armonizzazzjoni tal-funzjonament tal-logo komuni rigward ir-rekwiżiti tekniċi, elettroniċi u kriptografiċi għall-verifika tal-awtentiċità tal-logo komuni. Dawn ir-rekwiżiti għandhom jipprevedu livell għoli ta' sigurtà u ma jippermettux użu frawdulenti tal-logo.

(3)

Bi qbil mal-Artikolu 85c(1)(d)(iii), il-verifika tal-awtentiċità tal-logo komuni ssir permezz ta' hyperlink bejn il-logo u l-entrata tal-persuna li tkun awtorizzata jew intitolata li toffri l-prodotti mediċinali lill-pubbliku għall-bejgħ mill-bogħod permezz tas-servizzi tal-informatika fil-lista li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 85c(4)(c). Għaldaqstant, dawn il-hyperlinks għandhom ikunu permanenti u sikuri.

(4)

Biex ma jkunx jista' jsir użu frawdulenti tal-logo, is-siti tal-Internet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 85c(4) għandhom ikunu sikuri, aġġornati u miżmumin f'dominji affidabbli.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-tfassil tal-logo komuni msemmi fl-Artikolu 85c(3)(b) tad-Direttiva 2001/83/KE għandu jsegwi l-mudell stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Is-sit tal-Internet li hemm referenza għalih fl-Artikolu 85c(4) għandu jkun disponibbli b'mod li l-pubbliku jista' jiżgura ruħu malajr li huwa s-sit fdat għal dan l-għan.

Artikolu 3

Il-hyperlink imsemmi fl-Artikolu 85c(1)(d)(iii) tad-Direttiva 2001/83/KE bejn is-sit tal-Internet tal-persuna awtorizzata jew intitolata li tforni l-prodotti mediċinali lill-pubbliku mill-bogħod permezz tas-servizzi tal-informatika u s-sit li jżomm il-lista nazzjonali msemmija fl-Artikolu 85c(4)(c) tad-Direttiva għandu jkun fiss u reċiproku.

Il-passaġġ tal-informazzjoni bejn is-siti tal-Internet li huma awtorizzati jew intitolati li jfornu l-prodotti mediċinali lill-pubbliku mill-bogħod permezz tas-servizzi tal-informatika u s-siti fejn jinżammu l-listi nazzjonali għandhom jiġu msakkra b'mezzi xierqa.

Artikolu 4

Biex il-hyperlink imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 jaħdem b'mod affidabbli, is-siti tal-Internet fejn jinżammu l-listi nazzjonali stabbiliti bi qbil mal-Artikolu 85c(4)(c) tad-Direttiva 2001/83/KE għandhom ikunu sikuri u aġġornati, b'indikazzjoni tal-aħħar ħin tal-aġġornament.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika sa mill-1 ta' Lulju 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67.


ANNESS

1.

Il-mudell imsemmi fl-Artikolu 1 għal-logo komuni huwa dan li jidher hawn taħt:

Image

2.

Il-kuluri ta' referenza huma: PANTONE 421 CMYK 13/11/8/26 RGB 204/204/204; PANTONE 7731 CMYK 79/0/89/22 RGB 0/153/51; PANTONE 376 CMYK 54/0/100/0 RGB 153/204/51; PANTONE 7480 CMYK 75/0/71/0.

3.

Il-bandiera nazzjonali tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-persuna fiżika jew ġuridika li tforni l-prodotti mediċinali lill-pubbliku mill-bogħod permezz tas-servizzi tal-informatika għandha tiddaħħal fl-ispazju rettangolari abjad li jidher f'nofs il-logo komuni (in-naħa tax-xellug).

4.

Il-lingwa tat-test fil-logo komuni għandha tiġi stabbilita mill-Istat Membru msemmi fil-punt 3.

5.

Il-logo komuni għandu jkollu wisa' minima ta' 90 pixel.

6.

Il-logo komuni għandu jkun statiku.

7.

Jekk il-logo jintuża fuq sfond ikkulurit li jnaqqas mill-viżibbiltà tiegħu, tista' tintuża linja tul ix-xifer ta' barra tal-logo li toħorġu mill-isfond u żżid il-kuntrast mal-kulur tal-isfond.