24.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/18


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 694/2014

tas-17 ta' Diċembru 2013

li jissupplimenta d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jiddeterminaw it-tipi ta' maniġers ta' fondi ta' investiment alternattiv

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattiv u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(4) tagħha,

Billi:

(1)

Huwa importanti li standards tekniċi regolatorji li jiddeterminaw it-tipi ta' AIFMs jissupplementaw ir-regoli fid-Direttiva 2011/61/UE sabiex ċerti rekwiżiti tad-Direttiva jiġu applikati għal AIFMs b'mod uniformi.

(2)

Huwa mixtieq li wieħed jiddistingwi jekk AIFM huwiex jimmaniġġa AIFs tat-tip miftuħ jew tat-tip magħluq jew mit-tnejn sabiex jiġu applikati b'mod korrett ir-regoli dwar l-immaniġġjar tal-likwidità u l-proċeduri tal-valwazzjoni tad-Direttiva 2011/61/UE għall-AIFMs.

(3)

Il-fattur li jiddetermina jekk AIFM huwiex jimmaniġġa AIFs tat-tip miftuħ jew tat-tip magħluq għandu jkun il-fatt li AIF miftuħ jirriakkwista jew jifdi l-ishma jew l-unitajiet tiegħu mal-investituri tiegħu, wara talba ta' kwalunkwe wieħed mill-azzjonisti jew detenturi tal-unità tiegħu, qabel ma tibda l-fażi ta' likwidazzjoni jew stralċ u jagħmel dan skont il-proċeduri u l-frekwenza stipulati fir-regoli jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni, prospett jew dokumenti ta' offerta. Tnaqqis fil-kapital tal-AIF b'rabta ma' distribuzzjonijiet skont ir-regoli jew strumenti ta' inkorporazzjoni tal-AIF, il-prospett jew id-dokumenti ta' offerta tiegħu, inkluż wieħed li ġie awtorizzat permezz ta' riżoluzzjoni tal-azzjonisti jew tad-detenturi ta' unitajiet li għadda bi qbil ma' dawk ir-regoli jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni, prospetti jew dokumenti ta' offerta tal-AIF, m'għandhomx jiġu kkunsidrati sabiex jiġi determinat jekk l-AIF huwiex tat-tip miftuħ jew le.

(4)

Ir-riakkwisti jew it-tifdijiet li għandhom ikunu rilevanti għad-determinazzjoni ta' jekk AIFM huwiex jimmaniġġa AIFs tat-tip miftuħ jew magħluq għandhom ikunu biss dawk magħmula mill-assi tal-AIF. Għalhekk, jekk ishma jew unitajiet ta' AIF jistgħu jiġu negozjati fis-suq sekondarju u mhumiex riakkwistati jew mifdija mill-AIF ma għandux jitqies għall-iskop tad-determinazzjoni ta' jekk l-AIF huwiex tat-tip miftuħ jew le.

(5)

AIFM li jimmaniġġa AIF wieħed jew aktar tat-tip miftuħ u AIF wieħed jew aktar tat-tip magħluq fl-istess ħin għandu japplika għal kull AIF ir-regoli speċifiċi relatati mat-tip rilevanti ta' AIF.

(6)

Kwalunkwe bidla fil-politika ta' tifdija ta' AIF li timplika li l-AIF ma jistax aktar jitqies li huwa tat-tip miftuħ jew tat-tip magħluq, għandha twassal lill-AIFM biex jieqaf milli japplika r-regoli relatati mal-politika l-qadima dwar it-tifdija tal-AIF li jimmaniġġja u biex japplika r-regoli li jirrigwardaw il-politika l-ġdida dwar it-tifdija ta' AIF ta' dan it-tip.

(7)

Għall-finijiet tal-Artikolu 61(3) u (4) tad-Direttiva 2011/61/UE għandhom jitqiesu l-istrutturi ġuridiċi li taħthom AIFs magħluqa ġew stabbiliti qabel it-22 ta' Lulju 2013. Meta d-Direttiva ġiet adottata l-ebda definizzjoni armonizzata ma kienet teżisti fl-Unjoni fir-rigward tal-istruttura ġuridika ta' AIFs magħluqa, li kienet tvarja bejn l-Istati Membri. Din ir-realtà hija riflessa fit-test tad-Direttiva, li tikkwalifika bħala AIFs “magħluqa” ċerti strutturi ġuridiċi eżistenti li ma jkollhom l-ebda drittijiet ta' tifdija eżerċitabbli matul il-perjodu ta' ħames (5)snin mid-data tal-investiment inizjali. L-Artikolu 61(3) u (4) tad-Direttiva 2011/61/UE jipprovdi għal perjodi ta' tranżizzjoni li matulhom AIFMs eżistenti, minħabba li huma jimmaniġġaw AIFs magħluqa li huma fi stadju avvanzat jew finali taċ-ċiklu ta' investiment tagħhom, kif evidenzjat mid-data ta' skadenza tagħhom jew mill-impossibbiltà tagħhom li jagħmlu kwalunkwe investiment addizzjonali wara t-22 ta' Lulju 2013, jistgħu jkomplu jamministraw tali AIFs mingħajr awtorizzazzjoni jew mingħajr ma jkollhom għalfejn jikkonformaw ma' parti sinifikanti tad-Direttiva. B'konsegwenza ta' dan, sabiex jinżamm il-kamp ta' applikazzjoni ta' dawk id-dispożizzjonijiet kif maħsub fid-dawl ta' dan l-għan u l-isfond imsemmi hawn fuq, għandu jitqies ukoll bħala AIFM ta' AIF magħluq għall-finijiet tal-Artikolu 61(3) u (4) tad-Direttiva 2011/61/UE, kull AIFM sa fejn huwa jimmaniġġa AIFs li l-ishma jew l-unitajiet tagħhom huma riakkwistati jew mifdija wara perjodu inizjali ta' mill-inqas ħames (5) snin li matulu d-drittijiet ta' tifdija ma jkunux eżerċitabbli.

(8)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati sottomessi mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni.

(9)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tipi ta' AIFMs

1.   AIFM jista' jkun waħda jew it-tnejn minn dawn li ġejjin:

AIFM ta' AIF(s) miftuħ(a);

AIFM ta' AIF(s) magħluq(a).

2.   AIFM ta' AIF miftuħ jitqies bħala AIFM li jimmaniġġja AIF li l-ishma jew l-unitajiet tiegħu huma, fuq talba minn kwalunkwe wieħed mill-azzjonisti jew detenturi tal-unitajiet tiegħu, riakkwistati jew mifdija qabel il-bidu tal-fażi ta' likwidazzjoni jew ta' stralċ tiegħu, direttament jew indirettament, mill-assi tal-AIF u skont il-proċeduri u l-frekwenza stipulati fir-regoli jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni, prospett jew dokumenti ta' offerta.

Tnaqqis fil-kapital tal-AIF b'rabta ma' distribuzzjonijiet skont ir-regoli jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-AIF, il-prospett jew id-dokumenti ta' offerta, inkluż wieħed li ġie awtorizzat permezz ta' riżoluzzjoni tal-azzjonisti jew tad-detenturi tal-unitajiet li għadda bi qbil ma' dawk ir-regoli jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni, prospett jew dokumenti ta' offerta, ma għandux jiġu kkunsidrat biex jiġi determinat jekk l-AIF huwiex tat-tip miftuħ.

Jekk ishma jew unitajiet ta' AIF jistgħu jiġu negozjati fis-suq sekondarju u ma jiġux riakkwistati jew mifdija mill-AIF ma għandhomx jitqiesu għall-finijiet tad-determinazzjoni dwar jekk l-AIF huwiex tat-tip miftuħ.

3.   AIFM ta' AIF magħluq jkun AIFM li jimmaniġġja AIF li mhumiex tat-tip deskritt fil-paragrafu 2.

4.   Fejn bidla fil-politika dwar it-tifdija tal-AIF għandha l-effett li tbiddel it-tip ta' AIF(s) li AIFM jimmaniġġja, ir-regoli rilevanti għat-tip il-ġdid ta' AIF jiġu applikati għal dak l-AIF mill-AIFM.

5.   Għall-finijiet tal-Artikolu 61(3) u (4) tad-Direttiva 2011/61/UE, sakemm AIFM jimmaniġġja AIF li l-ishma jew l-unitajiet tiegħu huma, fuq talba ta' kwalunkwe wieħed mill-azzjonisti jew mid-dententuri tal-unitajiet tiegħu, riakkwistati jew mifdija qabel il-bidu tal-fażi ta' likwidazzjoni jew ta' stralċ tiegħu, direttament jew indirettament, mill-assi tal-AIFs wara perjodu inizjali ta' mill-inqas ħames (5) snin li matulhom id-drittijiet ta' tifdija ma jkunux eżerċitabbli għandu jitqies ukoll bħala AIFM ta' AIF magħluq.

Artikolu 2

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1.

(2)  Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).