28.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/41


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 574/2014

tal-21 ta' Frar 2014

li jemenda l-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq il-mudell li għandu jintuża fit-tfassil ta' dikjarazzjoni tal-prestazzjoni dwar prodotti tal-bini

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi kundizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 60(e) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 jobbliga lill-manifatturi tal-prodotti tal-bini biex ifasslu dikjarazzjoni tal-prestazzjoni meta jitqiegħed fis-suq prodott għall-bini li jkun kopert bi standard armonizzat jew li jkun konformi ma' Valutazzjoni Teknika Ewropea maħruġa għal dak il-prodott. Skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, dik id-dikjarazzjoni għandha titfassal bil-mudell stabbilit fl-Anness III ta' dak ir-Regolament.

(2)

Skont l-Artikolu 60(e) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, il-Kummissjoni ngħatat il-kompitu li tadatta l-Anness III mar-Regolament (UE) Nru 305/2011 bħala risposta għall-progress tekniku.

(3)

Il-mudell stabbilit fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 għandu jiġi adattat, filwaqt li jitqies il-progress teknoloġiku ħalli jippermetti l-flessibbiltà li jeħtieġu tipi differenti ta' prodotti tal-bini u manifatturi u sabiex teħfief id-dikjarazzjoni tal-prestazzjoni.

(4)

Barra minn hekk, l-esperjenza prattika bl-implimentazzjoni tal-Anness III turi li l-manifatturi jeħtieġu aktar struzzjonijiet biex ifasslu dikjarazzjonijiet tal-prestazzjoni tal-prodotti tal-bini li jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli. B'dawn l-istruzzjonijiet tkun qed tiżgura wkoll applikazzjoni korretta u armonizzata tal-Anness III.

(5)

Il-manifatturi għandu jkollhom ċertu flessibbiltà biex ifasslu dikjarazzjonijiet tal-prestazzjoni, diment li dawn jipprovdu l-informazzjoni li jitlob l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 b'mod ċar u koerenti.

(6)

Sabiex ikun jista' jiġi identifikat b'mod inekwivoku l-prodott kopert b'dikjarazzjoni tal-prestazzjoni f'relazzjoni mal-livelli jew il-klassijiet tal-prestazzjoni tiegħu, il-manifatturi għandhom jorbtu kull prodott waħdieni mat-tip ta' prodott rispettiv u ma' sett partikolari ta' livelli jew klassijiet tal-prestazzjoni bil-kodiċi uniku ta' identifikazzjoni li jissemma fl-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011.

(7)

L-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 għandu l-għan li kull prodott waħdieni tal-bini jkun jista' jiġi identifikat u traċċat billi l-manifatturi jagħmlu indikazzjoni ta' numru tat-tip, tal-lott jew serjali. Dan l-għan ma għandux jintlaħaq b'dikjarazzjoni tal-prestazzjoni, li għandha tintuża sussegwentement għal kull prodott li jikkorrispondi mat-tip ta' prodott definit fiha. Għalhekk, l-informazzjoni li jesiġi l-Artikolu 11(4) ma hemmx bżonn tiddaħħal fid-dikjarazzjoni tal-prestazzjoni.

(8)

Meta l-korpi notifikati jkunu identifikati tajjeb, l-elenkar tar-rapporti maħruġa kollha taċ-ċertifikati, tat-test, tal-kalkolu jew tal-valutazzjoni jaf issir estensiv u iebes u ma jagħtix valur miżjud għall-utenti tal-prodotti koperti b'dikjarazzjoni tal-prestazzjoni. Għalhekk il-manifatturi ma għandhomx ikunu obbligati jinkludu dawn l-elenki fid-dikjarazzjonijiet tal-prestazzjoni tagħhom.

(9)

Sabiex jiżdiedu l-effiċjenza u l-kompetittività fis-settur Ewropew tal-bini kollu kemm hu, dawk il-manifatturi li jagħtu dikjarazzjonijiet tal-prestazzjoni u li jixtiequ jgawdu s-simplifikazzjoni u l-istruzzjonijiet ħalli jeħfief l-għoti ta' dawn id-dikjarazzjonijiet, għandhom ikunu jistgħu jagħmlu hekk mill-aktar fis possibbli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 għandu jinbidel bl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Id-dikjarazzjonijiet tal-prestazzjoni li ħarġu qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, u li jikkonformaw mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 u mal-Anness III inizjali tiegħu, għandhom jitqiesu konformi ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Frar 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5.


ANNESS

“ANNESS III

DIKJARAZZJONI TA' PRESTAZZJONI

Nru.

1.

Kodiċi uniku ta' identifikazzjoni tat-tip tal-prodott:

2.

Użu/i intenzjonat/i:

3.

Manifattur:

4.

Rappreżentant awtorizzat:

5.

Sistema/i ta' AVCP:

6a.

Standard armonizzat:

Korp/i nnotifikat/i:

6b.

Dokument Ewropew ta' Valutazzjoni:

Valutazzjoni Teknika Ewropea:

Korp tal-Valutazzjoni Teknika:

Korp/i nnotifikat/i:

7.

Prestazzjoni/jiet ddikjarata/i:

8.

Dokumentazzjoni Teknika Xierqa u/jew Dokumentazzjoni Teknika Speċifika:

Il-prestazzjoni tal-prodott identifikat hawn fuq hija konformi mal-prestazzjonijiet iddikjarati. Din id-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni hija maħruġa, skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011, taħt ir-responsabbiltà unika tal-manifattur identifikat hawn fuq.

Iffirmat għal u f'isem il-manifattur minn:

 

[isem]

 

Fi [post] fil-[data tal-ħruġ]

 

[firma]

Istruzzjonijiet għat-tfassil tad-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni

1.   ĠENERALI

Dawn l-istruzzjonijiet għandhom l-għan li jiggwidaw lill-manifatturi meta jkunu qed ifasslu dikjarazzjoni ta' prestazzjoni konformi mar-Regolament (UE) Nru 305/2011, skont il-mudell ta' dan l-Anness (minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘il-mudell’).

Dawn l-istruzzjonijiet mhumiex parti mid-dikjarazzjonijiet ta' prestazzjoni li għandhom jinħarġu mill-manifatturi u ma għandhomx jiddaħħlu ma' dawn id-dikjarazzjonijiet ta' prestazzjoni.

Meta titfassal dikjarazzjoni ta' prestazzjoni, il-manifattur għandu:

(1)

jirriproduċi t-testi u t-titli prinċipali tal-mudell li mhumiex indikati f'parenteżi kwadri;

(2)

jissostitwixxi l-ispazji vojta u l-parenteżi kwadri billi jdaħħal l-informazzjoni meħtieġa.

Il-manifatturi jistgħu jinkludu wkoll, fid-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni, ir-referenza għall-websajt fejn il-kopja tad-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni tkun disponibbli skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011. Din tista' tiġi inkluża wara l-punt 8 jew f'xi post ieħor fejn ma taffettwax il-qari u ċ-ċarezza tal-informazzjoni obbligatorja.

2.   FLESSIBILITÀ

Sakemm l-informazzjoni obbligatorja meħtieġa mill-Artikolu 6 tar- Regolament (UE) Nru 305/2011 tingħata f'mod ċar, sħiħ u koerenti, meta tkun qed titfassal dikjarazzjoni ta' prestazzjoni, huwa possibbli li:

(1)

jintuża format differenti minn dak tal-mudell;

(2)

il-punti tal-mudell jingħaqdu billi xi wħud minnhom jiġu ppreżentati flimkien;

(3)

il-punti tal-mudell jiġu ppreżentati f'ordni differenti jew permezz tal-użu ta' tabella waħda jew aktar;

(4)

jitħallew barra xi punti tal-mudell li ma jkunux rilevanti għall-prodott li għalih tkun qed titfassal id-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni. Pereżempju, dan jista' jiġri peress li d-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni tista' tkun ibbażata jew fuq standard armonizzat jew fuq Valutazzjoni Teknika Ewropea maħruġa għall-prodott, li allura tagħmel l-alternattiva l-oħra mhux applikabbli. Dawn in-nuqqasijiet jistgħu jolqtu wkoll il-punti dwar ir-rappreżentant awtorizzat jew dwar l-użu tad-Dokumentazzjoni Teknika Xierqa u d-Dokumentazzjoni Teknika Speċifika;

(5)

il-punti jiġu ppreżentati mingħajr ma jkunu nnumerati.

Jekk manifattur jixtieq joħroġ dikjarazzjoni ta' prestazzjoni unika li tkopri varjazzjonijiet differenti ta' tip ta' prodott, tal-anqas għandhom jiġu elenkati l-elementi li ġejjin separatament u b'mod ċar għal kull varjazzjoni ta' prodott: in-numru tad-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni, il-kodiċi ta' identifikazzjoni fil-punt 1 u l-prestazzjoni/jiet iddikjarata/i fil-punt 7.

3.   STRUZZJONI GĦALL-MILI TAL-FORMOLA

Il-punt tal-mudell

Struzzjoni

In-numru tad-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni

Dan huwa n-numru ta' referenza tad-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni previst fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011.

L-għażla tan-numru huwa f'idejn il-manifattur.

Dan in-numru jista' jkun l-istess bħall-kodiċi uniku ta' identifikazzjoni tat-tip tal-prodott indikat fil-punt 1 tal-mudell.

Punt 1

Indika l-kodiċi uniku ta' identifikazzjoni tat-tip tal-prodott li hemm referenza għalih fl-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011.

Fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, il-kodiċi uniku ta' identifikazzjoni deċiż mill-manifattur biex isegwi l-marka CE huwa marbut mat-tip ta' prodott u allura mas-sett ta' livelli jew klassijiet tal-prestazzjoni ta' prodott tal-bini, kif imressaq fid-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni mfassla għalih. Barra minn hekk, għar-riċevituri tal-prodotti tal-bini, b'mod partikolari għall-utenti finali tagħhom, huwa meħtieġ li jkun jista' jiġi identifikat b'mod inekwivoku dan is-sett ta' livelli jew klassijiet għal xi prodott partikolari. Għaldaqstant, kull prodott tal-bini li għalih tkun tfasslet dikjarazzjoni ta' prestazzjoni, għandu jkun marbut mill-manifattur tiegħu mat-tip ta' prodott rispettiv u ma' sett partikolari ta' livelli jew klassijiet tal-prestazzjoni b'kodiċi uniku ta' identifikazzjoni, li jservi wkoll bħala r-referenza li tissemma fl-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011.

Punt 2

Indika l-użu maħsub, jew agħmel lista tal-użijiet maħsuba, kif xieraq, tal-prodott tal-bini kif previst mill-manifattur, f'konformità mal-ispeċifikazzjoni teknika armonizzata applikabbli.

Punt 3

Indika l-isem, l-isem kummerċjali rreġistrat jew il-marka kummerċjali rreġistrata u l-indirizz ta' kuntatt tal-manifattur kif meħtieġ skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011.

Punt 4

Dan il-punt għandu jiġi inkluż u jimtela biss f'każ li jkun ġie maħtur rappreżentant awtorizzat. F'każ bħal dan, indika l-isem u l-indirizz ta' kuntatt tar-rappreżentant awtorizzat li l-mandat tiegħu jkopri l-kompiti speċifikati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011.

Punt 5

Indika n-numru tas-sistema jew tas-sistemi ta' valutazzjoni u verifika tal-kostanza ta' prestazzjoni (AVCP) tal-prodott tal-bini kif stipulat fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 305/2011. Jekk ikun hemm sistemi multipli, kull waħda minnhom għandha tkun iddikjarata.

Punti 6a u 6b

Billi l-manifattur jista' jfassal dikjarazzjoni ta' prestazzjoni li tkun ibbażata jew fuq standard armonizzat jew fuq Valutazzjoni Teknika Ewropea maħruġa għall-prodott, dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet differenti ppreżentati fil-punti 6a u 6b għandhom jitqiesu bħala alternattiva, u waħda minnhom biss għandha tiġi applikata u mniżżla f'dikjarazzjoni ta' prestazzjoni.

Fil-każ tal-punt 6a, jiġifieri meta dikjarazzjoni ta' prestazzjoni tkun ibbażata fuq standard armonizzat, indika dawn kollha li ġejjin:

(a)

in-numru ta' referenza tal-istandard armonizzat u d-data tal-ħruġ tiegħu (ir-referenza datata); u

(b)

in-numru ta' identifikazzjoni tal-korp/i nnotifikat/i.

Meta jingħata l-isem tal-korp/i nnotifikat/i, huwa essenzjali li l-isem jingħata fil-lingwa oriġinali tiegħu, mingħajr traduzzjoni għal lingwi oħra.

Fil-każ tal-punt 6b, jiġifieri meta dikjarazzjoni ta' prestazzjoni tkun ibbażata fuq Valutazzjoni Teknika Ewropea maħruġa għall-prodott, indika dawn kollha li ġejjin:

(a)

in-numru tad-Dokument Ewropew ta' Valutazzjoni u d-data tal-ħruġ tiegħu;

(b)

in-numru tal-Valutazzjoni Teknika Ewropea u d-data tal-ħruġ tagħha;

(c)

l-isem tal-Korp tal-Valutazzjoni Teknika; u

(d)

in-numru ta' identifikazzjoni tal-korp/i nnotifikat/i.

Punt 7

Skont dan il-punt, id-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni għandha tindika:

(a)

il-lista tal-karatteristiċi essenzjali, kif determinati fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi armonizzati għall-użu jew użi maħsuba kif indikati fil-punt 2; u

(b)

għal kull karatteristika essenzjali, il-prestazzjoni ddikjarata, permezz ta' livell jew klassi, jew f'deskrizzjoni, f'relazzjoni ma' din il-karatteristika jew, għal karatteristiċi li għalihom mhi ddikjarata l-ebda prestazzjoni, l-ittri ‘NPD’ (Ebda Prestazzjoni Determinata).

Dan il-punt jista' jimtela permezz tal-użu ta' tabella li twassal ir-rabtiet bejn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi armonizzati u s-sistemi ta' valutazzjoni u verifika tal-kostanza ta' prestazzjoni applikati rispettivament għal kull karatteristika essenzjali tal-prodott, kif ukoll il-prestazzjoni f'relazzjoni ma' kull karatteristika essenzjali.

Il-prestazzjoni għandha tkun iddikjarata b'mod ċar u espliċitu. Għaldaqstant, il-prestazzjoni ma tistax tiġi deskritta fid-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni biss billi tiddaħħal formula ta' kalkolu li għandha tiġi applikata mir-riċevituri. Barra minn hekk, il-livelli jew il-klassijiet ta' prestazzjoni ppreżentati f'dokumenti ta' referenza għandhom ikunu riprodotti fid-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni nnifsha u għalhekk ma tistax tiġi espressa biss billi jiddaħħlu referenzi għal dawn id-dokumenti fid-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni.

Madankollu, il-prestazzjoni b'mod partikolari l-imġiba strutturali ta' prodott tal-kostruzzjoni tista' tiġi espressa permezz ta' referenza għad-dokumentazzjoni rispettiva tal-produzzjoni jew il-kalkoli tad-disinn strutturali. F'dan il-każ, id-dokumenti rilevanti għandhom ikunu mehmuża mad-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni.

Punt 8

Dan il-punt għandu jiġi inkluż biss u jimtela f'dikjarazzjoni ta' prestazzjoni jekk tkun intużat Dokumentazzjoni Teknika Xierqa u/jew Dokumentazzjoni Teknika Speċifika, skont l-Artikoli minn 36 sa 38 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, sabiex jiġu indikati r-rekwiżiti li magħhom jikkonforma l-prodott.

F'każ bħal dan, skont dan il-punt id-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni għandha tindika:

(a)

in-numru ta' referenza tad-Dokumentazzjoni Teknika Speċifika u/jew Xierqa użata, u

(b)

r-rekwiżiti li magħhom jikkonforma l-prodott.

Firma

Issostitwixxi l-ispazji indikati fil-parenteżi kwadri bl-informazzjoni indikata u bil-firma.”