27.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 157/35


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 566/2014

tas-26 ta' Mejju 2014

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 617/2007 rigward l-applikazzjoni tal-perjodu ta' tranżizzjoni bejn l-10 FEŻ u l-11-il FEŻ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija, bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), min-naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, kif emendat l-aħħar (1) (“il-Ftehim ta' Sħubija AKP-EU”),

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-finanzjament tal-għajnuna Komunitarja skont il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2008 sal-2013 skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej li għalihom tapplika l-Parti Erbgħa tat-Trattat tal-KE (2) (“il-Ftehim Intern”), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/759/UE (3) stabbilixxiet il-miżuri ta' tranżizzjoni tal-ġestjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) (“Faċilità ta' Tranżizzjoni”) sabiex tiżgura d-disponibbiltà tal-fondi għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku u mal-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej, mill-1 ta' Jannar 2014 sad-dħul fis-seħħ tal-11-il FEŻ,

(2)

Huwa meħtieġ li jiġu mmodifikati r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 617/2007 (4) rigward il-ġestjoni operattiva u finanzjarja mill-Kummissjoni tal-Faċilità ta' Transizzjoni fil-perjodu ta' tranżizzjoni bejn l-10 FEŻ u l-11-il FEŻ sad-dħul fis-seħħ tal-11-il Regolament ta' Implimentazzjoni tal-FEŻ.

(3)

Huwa xieraq li jiġu modifikati bl-istess mod ir-regoli ta' implimentazzjoni għall-ġestjoni operazzjonali u finanzjarja tal-Faċilità ta' Investiment matul il-perjodu ta' tranżizzjoni.

(4)

L-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna huma stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (5),

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 617/2007 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-perjodu ta' tranżizzjoni bejn l-10 FEŻ u l-11-il FEŻ sad-dħul fis-seħħ tal-11-il Ftehim Intern tal-FEŻ, l-Artikoli 1 sa 16 tar-Regolament (KE) Nru 617/2007 huma sostitwiti b'dawk stabbiliti fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament japplika skont id-Deċiżjoni 2010/427/UE.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika sad-dħul fis-seħħ tal-11-il Regolament ta' Implimentazzjoni FEŻ.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Mejju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

Ch. VASILAKOS


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)  ĠU L 247, 9.9.2006, p. 32.

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri ta' tranżizzjoni tal-ġestjoni tal-FEŻ mill-1 ta' Jannar 2014 sad-dħul fis-seħħ tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (ĠU L 335, 14.12.2013, p. 48).

(4)  ĠU L 152, 13.6.2007, p. 1.

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).


ANNESS

“TITOLU I

OBJETTIVI U PRINĊIPJI ĠENERALI

Artikolu 1

Objettivi u kriterji ta' eliġibbiltà

1.   Kooperazzjoni Ġeografika mal-pajjiżi u r-reġjuni tal-AKP fil-kuntest tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għandha tkun ibbażata fuq għanijiet, prinċipji u valuri bażiċi riflessi fid-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, kif l-aħħar emendat (1) (‘il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE’).

2.   B'mod partikolari, u fil-qafas tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, tal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp u tal-Aġenda għall-Bidla u l-modifiki sussegwenti u ż-żidiet tagħhom:

(a)

l-objettiv primarju ta' kooperazzjoni skont dan ir-Regolament għandu jkun it-tnaqqis u, fuq medda twila ta' żmien, il-qerda tal-faqar;

(b)

il-kooperazzjoni skont dan ir-Regolament se tikkontribwixxi wkoll għal:

(i)

it-trawwim ta' żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli u inklużiv;

(ii)

il-konsolidazzjoni u s-sostenn tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji rilevanti tal-liġi internazzjonali, u

(iii)

l-implimentazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq id-drittijiet li jinkludi d-drittijiet kollha tal-bniedem.

Il-kisba ta' dawk l-objettivi titkejjel bl-użu ta' indikaturi rilevanti, inklużi inidikaturi tal-iżvilupp tal-bniedem, b'mod partikolari l-Għan ta' Żvilupp tal-Millennju (MDG) 1 għall-punt (a) u l-MDG 1 sa 8 għall-punt (b) u, wara l-2015, indikaturi oħra li ntlaħaq qbil fuq livell internazzjonali dwarhom mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

3.   L-ipprogrammar jitfassal sabiex jissodisfa kemm jista' jkun possibbli l-kriterji għal assistenza uffiċjali għall-żvilupp (‘ODA’) stabbiliti mill-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD/DAC), b'kont meħud tal-għan tal-Unjoni li tiżgura li fil-perijodu 2014-2020 tal-inqas 90 % tal-assistenza esterna kollha tkun meqjusa bħala ODA.

4.   L-azzjonijiet koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 (2) u eliġibbli għal finanzjament skont dak ir-Regolament ma għandhomx, fil-prinċipju, jiġu ffinanzjati b'dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità tal-kooperazzjoni minn kriżi għal kundizzjonijiet stabbli għall-iżvilupp. F'dawk il-każijiet, konsiderazzjoni speċjali għandha tingħata sabiex ikun żgurat li s-sokkors umanitarju, ir-riabilitazzjoni u l-għajnuna għall-iżvilupp huma marbuta b'mod effettiv u jikkontribwixxu għat-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri u r-reżiljenza.

Artikolu 2

Prinċipji Ġenerali

1.   Fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-konsistenza ma' oqsma oħra tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u kif ukoll ma' politiki rilevanti oħra tal-Unjoni u l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp jkunu żgurati, f'konformità mal-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Għal dan il-għan, il-miżuri ffinanzjati skont dan ir-Regolament, inklużi dawk ġestiti mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), għandhom ikunu bbażati fuq il-politiki ta' kooperazzjoni stabbiliti fi strumenti bħal ftehimiet, dikjarazzjonijiet u pjanijiet ta' azzjoni bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi u r-reġjuni kkonċernati, kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet, l-interessi speċifiċi, il-prijoritajiet tal-politika u l-istrateġiji tal-Unjoni.

2.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu lejn programmar pluriennali konġunt, ibbażat fuq it-tnaqqis tal-faqar jew strateġiji ta' żvilupp ekwivalenti tal-pajjiżi sħab. Huma jistgħu jieħdu azzjoni konġunta inkluż analiżi konġunta u rispons konġunt għal dawk l-istrateġiji biex b'hekk jidentifikaw setturi ta' intervent ta' prijorità u t-tqassim tax-xogħol fil-pajjiż stess, permezz ta' missjonijiet konġunti min-naħa tad-donaturi u bl-użu ta' kofinanzjament u arranġamenti ta' kooperazzjoni ddelegata.

3.   L-Unjoni għandha tippromwovi approċċ multilaterali għall-isfidi globali u għandha tikkoopera ma' Stati Membri u pajjiżi sħab f'dak ir-rigward. Fejn xiearq, hija trawwem kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali u donaturi bilaterali oħra.

4.   Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi sħab huma bbażati fuq valuri komuni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt kif ukoll il-prinċipji ta' sjieda u ta' responsabbiltà reċiproka u se jippromwovu tali valuri u prinċipji. L-appoġġ lis-sħab ser jiġi adattat għas-sitwazzjoni tal-iżvilupp u l-impenn u l-progress tagħhom rigward id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba.

Barra minn hekk, ir-relazzjonijiet ma' pajjiżi sħab għandhom jikkunsidraw l-impenn tagħhom u r-rekord fl-implimentazzjoni ta' ftehimiet internazzjonali u relazzjonijiet kontrattwali mal-Unjoni, inkluż fil-qasam tal-migrazzjoni kif stipulat mill-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE.

5.   L-Unjoni għandha tippromwovi kooperazzjoni effettiva mal-pajjiżi u r-reġjuni sħab bi qbil mal-aħjar prattika internazzjonali. Hija għandha tallinja s-sostenn tagħha mal-istrateġiji ta' żvilupp nazzjonali jew reġjonali, mal-politiki u l-proċeduri ta' riforma sa fejn ikun possibbli, u ssostni sjieda demokratika, kif ukoll responsabbiltà domestika u reċiproka. Għal dak il-għan, hija għandha tippromwovi:

(a)

proċess ta' żvilupp li jkun trasparenti, immexxi u possedut mill-pajjiż jew ir-reġjun sieħeb, inkluż il-promozzjoni ta' kompetenzi esperti lokali;

(b)

approċċ ibbażat fuq id-drittijiet li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha, kemm jekk ċivili u politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, biex jiġu integrati l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, ikunu megħjuna l-pajjiżi sħab fl-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem u jingħata appoġġ lid-detenturi tad-drittijiet, b'iffokar fuq gruppi foqra u vulnerabbli, meta jasserixxu d-drittijiet tagħhom;

(c)

l-għoti ta' setgħa lill-popolazzjoni ta' pajjiżi sħab, approċċi inklussivi u parteċipatorji għall-iżvilupp u l-involviment wiesa' tas-segmenti kollha tas-soċjetà fil-proċess tal-iżvilupp u fid-djalogu nazzjonali u reġjonali, inkluż id-djalogu politiku. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għar-rwoli rispettivi tal-parlamenti, tal-awtoritajiet lokali u tas-soċjetà ċivili, inter alia dwar il-parteċipazzjoni, is-sorveljanza u r-responsabbiltà;

(d)

modalitajiet u strumenti ta' kooperazzjoni effettivi f'konformità mal-aħjar prattiċi tal-OECD/DAC, inkluż l-użu ta' strumenti innovattivi bħat-taħlita ta' għotjiet u self u mekkaniżmi oħra għall-kondiviżjoni tar-riskju f'setturi u pajjiżi magħżula u l-involviment tas-settur privat, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-kwistjonijiet ta' sostenibilità tad-dejn u l-għadd ta' mekkaniżmi bħal dawn, u r-rekwiżit għal valutazzjoni sistematika tal-impatt f'konformità mal-objettivi ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll mekkaniżmi ta' sostenn baġitarji speċifiċi bħal kuntratti tal-bini tal-istat. Il-programmi kollha, interventi u modalitajiet u strumenti ta' kooperazzjoni jkunu adattati għaċ-ċirkostanzi partikolari ta' kull pajjiż jew reġjun sieħeb, b'iffukar fuq approċċi bbażati fuq il-programmi, dwar il-kunsinna ta' finanzjament prevedibbli ta' għajnuna, il-mobilizzazzjoni ta' riżorsi privati, inklużi dawk mis-settur privat lokali, l-aċċess universali u mhux diskriminatorju għas-servizzi bażiċi, u dwar l-iżvilupp u l-użu tas-sistemi tal-pajjiż;

(e)

il-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku u t-tisħiħ ta' politika fiskali tal-pajjiżi sħab bil-għan li jitnaqqsu l-faqar u d-dipendenza fuq l-għajnuna;

(f)

titjib fl-impatt tal-politiki u l-ipprogrammar permezz ta' koordinazzjoni, konsistenza u armonizzazzjoni bejn id-donaturi sabiex jinħolqu sinerġiji u jitnaqqsu l-elementi ta' trikkib u duplikazzjoni, sabiex tittejjeb il-kumplimentarjetà u biex jiġu sostnuti inizjattivi bejn id-donaturi kollha u permezz ta' koordinazzjoni f'pajjiżi u reġjuni sħab bl-użu ta' linji gwida u prinċipji tal l-aħjar prattika dwar l-effikaċja tal-koordinazzjoni u l-għajnuna;

(g)

approċċi bbażati fuq ir-riżultati għall-iżvilupp, anki permezz ta' oqfsa oqfsa tar-riżultati trasparenti u mmexxija mill-pajjiżi ibbażati fuq, fejn xieraq, il-miri miftehma internazzjonalment u l-indikaturi li jkunu komparabbli u li jistgħu jinġabru bħal dawk tal-MDGs, sabiex jiġu evalwati u kkomunikati r-riżultati, inklużi l-outputs, l-eżiti u l-impatt tal-għajnuna għall-iżvilupp.

6.   L-Unjoni tappoġġa, kif xieraq, l-implimentazzjoni ta' kooperazzjoni u djalogu bilaterali, reġjonali u multilaterali, id-dimensjoni ta' żvilupp ta' ftehimiet ta' sħubija u kooperazzjoni triangolari. L-Unjoni tippromwovi l-kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar.

7.   Fl-attivitajiet ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħha l-Unjoni tuża u tikkondividi, kif xieraq, l-esperjenzi ta riforma u transizzjoni tal-Istati Membri u l-lezzjonijiet miksuba.

8.   L-Unjoni għandha tfittex skambji ta' informazzjoni regolari mal-atturi tas-sħubija f'konformità mal-Artikolu 4 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE.

TITOLU II

PRAGRAMMAR U ALLOKAZZJONI TA' FONDI

Artikolu 3

Qafas ġenerali għall-allokazzjoni ta' fondi

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-allokazzjonijiet tar-riżorsi indikattivi pluriennali għal kull pajjiż u reġjun tal-AKP u għall-kooperazzjoni intra-AKP fuq il-bażi tal-kriterji stipulati fl-Artikoli 3, 9 u 12c tal-Anness IV tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, fil-limiti finanzjarji stabbiliti fl-Artikolu 2 tal-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar il-finanzjament tal-għajnuna tal-Komunità skont il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2008 sal-2013 skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE u dwar l-allokazzjoni finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika l-Parti Erbgħa tat-Trattat KE (3) (il-‘Ftehim Intern’).

2.   Fid-determinazzjoni tal-allokazzjonijiet nazzjonali indikattivi, approċċ differenzjat ikun segwiti, sabiex ikun żgurat li l-pajjiżi sħab jkunu pprovduti b'kooperazzjoni speċifika, imfassla apposta għalihom, ibbażata fuq:

(a)

il-bżonnijiet tagħhom;

(b)

il-kapaċitajiet tagħhom li jiġġeneraw u jaċċessaw riżorsi finanzjarji u l-kapaċitajiet li jużaw tali finanzi;

(c)

impenji u l-prestazzjoni tagħhom; u

(d)

l-impatt potenzjali tal-assistenza tal-Unjoni.

Il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn, b'mod partikolari l-pajjiżi bl-inqas żvilupp u l-pajjiżi b'introjtu baxx, kif ukoll il-pajjiżi fi stati ta' kriżi, ta' wara kriżi u f'sitwazzjonijiet fraġli u vulnerabbli, għandhom jingħataw prijorità fil-proċess tal-allokazzjoni tar-riżorsi.

L-Unjoni ser tadatta l-assistenza tagħha permezz ta' miżuri dinamiċi, orjentati lejn ir-riżultat u speċifiċi għall-pajjiż, kif imsemmi fl-Artikolu 7(2), skont is-sitwazzjoni u l-impenn u l-progress tal-pajjiż fir-rigward ta' kwistjonijiet bħall-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-abbiltà tiegħu li jwettaq riformi u li jissodisfa t-talbiet u l-ħtiġijiet tal-poplu tiegħu.

3.   Il-Kumitat tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp stabbilit bl-Artikolu 8 tal-Ftehim Intern (‘il-Kumitat FEŻ’) għandu jkollu skambju ta' fehmiet dwar il-metodu ta' kif jiġu ddeterminati l-allokazzjonijiet ta' riżorsi indikattivi pluriennali msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 4

Qafas ġenerali għall-ipprogrammar

1.   Il-proċess ta' programmar għal assistenza lil pajjiżi u reġjuni tal-AKP skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE għandu jsir skont il-prinċipji ġenerali msemmijin fl-Artikoli mill-1 sal-14 tal-Anness IV ta' dan il-Ftehim u fl-Artikoli 1 u 2 ta' dan ir-Regolament.

2.   L-ipprogrammar, ħlief fil-każijiet previsti fil-paragrafu 3, se jsir b'mod konġunt mal-pajjiż jew reġjun sieħeb konċernat u se jkun iktar allinjat mal-istrateġiji għat-tnaqqis ta' faqar jew strateġiji ekwivalenti tal-pajjiż jew reġjun sieħeb.

L-Unjoni u l-Istati Membri jikkonsultaw lil xulxin fl-istadju bikri u matul il-proċess tal-ipprogrammar sabiex jippromwovu l-koerenza, il-kumplimentarjetà u l-konsistenza fost l-attivitajiet ta' kooperazzjoni tagħhom. Din il-konsultazzjoni tista' twassal għal programmar konġunt ma' Stati Membri rrappreżentati lokalment. L-ipprogrammar konġunt għandu jibni fuq il-vantaġġi komparattivi tad-donaturi tal-Unjoni. Stati Membri oħra huma mistiedna jikkontribwixxu lejn l-iskop tat-tisħiħ tal-azzjoni esterna konġunta tal-Unjoni.

L-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI għandhom jikkontribwixxu għall-prinċipji ġenerali tal-Unjoni, b'mod partikolari dawk definiti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-objettivi tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, bħat-tnaqqis tal-faqar permezz ta' tkabbir inklużiv u sostenibbli u żvilupp ekonomiku, ambjentali u soċjali. Il-BEI u l-Kummissjoni għandhom ifittxu li jimmassimizzaw is-sinerġiji fil-proċess ta' programmar tal-FEŻ fejn xieraq. Il-BEI jiġi kkonsultat fi stadju bikri dwar kwistjonijiet relatati għall-għarfien espert u l-operazzjonijiet tiegħu bil-ħsieb li tiżdied il-koerenza fl-azzjoni esterna tal-Unjoni.

Donaturi u atturi oħra tal-iżvilupp fosthom rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom jiġu kkonsultati wkoll.

3.   F'ċirkostanzi bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 4(5) tal-Anness IV tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp billi tikkontrolla hi stess ir-riżorsi allokati għall-Istat inkwistjoni f'konformità mal-politiki relevanti tal-Unjoni.

4.   Fil-prinċipju l-Unjoni se tikkonċentra l-assistenza bilaterali tagħha fuq massimu ta' tliet setturi, li għandu jintlaħaq qbil dwarhom mal-pajjiżi sħab.

Artikolu 5

Dokumenti ta' programmar

1.   Id-dokumenti ta' strateġija huma dokumenti mfassla mill-Unjoni u l-pajjiż jew ir-reġjun sieħeb ikkonċernat li jipprovdu qafas ta' politika koerenti għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, konsistenti mal-għan globali u l-iskop, mal-objettivi u l-prinċipji ġenerali tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, u skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 2, 8 u 12a tal-Anness IV ta' dak il-Ftehim.

Il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tad-dokumenti ta' strateġija għandhom jikkonformaw mal-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna: is-sjieda nazzjonali, is-sħubija, il-koordinazzjoni, l-armonizzazzjoni, l-allinjament mas-sistemi tal-pajjiż jew tar-reġjun riċevitur, it-trasparenza, ir-responsabbiltà reċiproka u l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati kif stabbiliti fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament. Il-perjodu ta' programmar għandu, fil-prinċipju, jiġi sinkronizzat maċ-ċikli ta' strateġija tal-pajjiżi sħab.

2.   Bil-kunsens tal-pajjiż jew ir-reġjun sieħeb ikkonċernat, mhux se jkun meħtieġ dokument ta' strateġija għal:

(a)

pajjiżi jew reġjuni li jkollhom strateġija għall-iżvilupp fil-forma ta' pjan dwar l-iżvilupp jew dokument simili dwar l-iżvilupp, aċċettat mill-Kummissjoni bħala bażi għall-programm indikattiv pluriennali korrispondenti, bl-adozzjoni tad-dokument tal-aħħar;

(b)

pajjiżi jew reġjuni li għalihom ikun ġie miftiehem dokument ta' programmar pluriennali konġunt bejn l-Unjoni u l-Istati Membri;

(c)

pajjiżi jew reġjuni fejn diġà jeżisti Dokument Qafas Konġunt (DQK) li jipprovdi approċċ komprensiv tal-Unjoni għar-relazzjonijiet ma' dak il-pajjiż jew reġjun sieħeb, inkluża l-Politika għall-Iżvilupp tal-Unjoni;

(d)

reġjuni li jkollhom strateġija miftehma b'mod konġunt mal-Unjoni;

(e)

pajjiżi fejn l-Unjoni beħsiebha tissinkronizza l-istrateġija tagħha ma' ċiklu nazzjonali ġdid li jibda qabel l-1 ta' Jannar 2017; f'tali każijiet, il-programm indikattiv pluriennali għall-perjodu interim bejn l-2014 u l-bidu ta' ċiklu nazzjonali ġdid se jkun fih ir-reazzjoni tal-Unjoni għal dak il-pajjiż.

3.   Mhumiex meħtieġa dokumenti ta' strateġija għall-pajjiżi jew reġjuni li jirċievu allokazzjoni inizjali ta' fondi mill-Unjoni skont dan ir-Regolament li ma taqbiżx EUR 50 miljun għall-perjodu 2014-2020. F'każijiet bħal dawn, il-programmi indikattivi pluriennali se jkun fih ir-reazzjoni tal-Unjoni għal dawn il-pajjiżi jew ir-reġjuni.

Jekk l-għażliet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 mhumiex aċċettabbli għall-pajjiż jew ir-reġjun sieħeb, ikun imħejji dokument ta' strateġija.

4.   Ħlief fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 4(3), il-programmi indikattivi pluriennali għandhom ikunu bbażati fuq djalogu mal-pajjiż jew ir-reġjun sieħeb u jitfasslu fuq il-bażi tad-dokumenti ta' strateġija jew dokumenti simili li ssir referenza għalihom f'dan l-Artikolu, u se jkunu s-suġġett ta' ftehim mal-pajjiż jew reġjun ikkonċernat.

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-dokument ta' programmar pluriennali konġunt imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u li jikkonforma mal-prinċipji u l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan il-paragrafu, inkluż allokazzjoni indikattiva ta' fondi, jista' f'konformità mal-proċedura stipulati fl-Artikolu 14 jkun ikkunsidrat bħala l-programm indikattiv pluriennali bi ftehim mal-pajjiż jew ir-reġjun msieħeb.

5.   Il-programmi indikattivi pluriennali għandhom jistabbilixxu s-setturi ta' prijorità magħżula għal finanzjament mill-Unjoni, l-objettivi speċifiċi, ir-riżultati mistennija, l-indikaturi tal-prestazzjoni u l-allokazzjoni finanzjarja indikattiva, kemm globalment u għal kull qasam ta' prijorità. Huma ser jispjegaw ukoll kif il-programmi proposti ser jikkontribwixxu għall-istrateġija kollha tal-pajjiż imsemmija f'dan l-Artikolu u kif ser jikkontribwixxu biex titwassal l-Aġenda għall-Bidla.

F'konformità mal-prinċipji tal-effettività tal-għajnuna, l-istrateġija intra-AKP għandha tevita l-frammentazzjoni, u tiżgura l-kumplementarjetà u l-valur reali miżjud mal-programmi tal-pajjiż u dawk reġjonali.

6.   Minbarra d-dokumenti ta' programmar għal pajjiżi u reġjuni, għandhom jitħejjew b'mod konġunt dokument ta' strateġija intra-AKP u programm indikattiv pluriennali relatat mill-Kummissjoni u l-AKP permezz tas-segretarjat tal-AKP, f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 12 sa 14 tal-Anness IV tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE.

7.   Id-dispożizzjonijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 4(3) jistgħu jieħdu l-forma ta' programmi speċjali ta' sostenn, filwaqt li jqisu l-kunsiderazzjonijiet speċjali msemmija fl-Artikolu 6(1).

Artikolu 6

Programmar għal pajjiżi u reġjuni f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, ta' wara kriżi jew ta' fraġilità

1.   Meta jkunu qegħdin jitfasslu d-dokumenti ta' pprogrammar għal pajjiżi u reġjuni f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, ta' wara l-kriżi, jew ta' fraġilità, jew li huma suxxettibbli għal diżastri naturali, għandha tkun ikkunsidrata b'mod xieraq il-vulnerabbiltà, il-ħtiġijiet u ċ-ċirkustanzi speċjali tal-popolazzjonijiet, il-pajjiżi jew ir-reġjuni kkonċernati.

L-Unjoni tibqa' impenjata bis-sħiħ li timplimenta l-Patt Ġdid għall-Involviment fi Stati Dgħajfa (New Deal for Engagement in Fragile States) u l-prinċipji tiegħu, inkluż fl-iffukar fuq il-ħames miri tal-paċi u l-bini tal-istat, billi tkun żgurata s-sjieda lokali u billi jiġu allinjati bir-reqqa mal-pjanijiet nazzjonali żviluppati bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Patt Ġdid.

Se tingħata attenzjoni xierqa għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, il-bini tal-istat u tal-paċi, il-miżuri ta' rikonċiljazzjoni ta' wara l-kunflitt u l-miżuri ta' rikostruzzjoni billi jkun hemm iffukar speċifiku fuq politiki inklużivi u leġittimi, sigurtà, ġustizzja, pedamenti tal-ekonomija u billi tinbena kapaċità għall-għoti ta' servizz b'responsabbiltà u ġust. F'dawk il-proċessi, ser tingħata attenzjoni partikolari għar-rwol tan-nisa u l-perspettiva tat-tfal.

Meta pajjiżi jew reġjuni sħab jkunu direttament involuti fi, jew affettwati minn sitwazzjoni ta' kriżi, ta' wara l-kriżi jew ta' fraġilità, għandha tingħata enfasi speċjali fuq iż-żieda tal-koordinazzjoni bejn is-sokkors, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp fost l-atturi relevanti kollha, inklużi inizjattivi politiċi, biex tkun megħjuna t-transizzjoni minn sitwazzjoni ta' emerġenza għall-fażi ta' żvilupp. L-ipprogrammar għall-pajjiżi u r-reġjuni fi fraġilità jew soġġetti b'mod regolari għal diżastri naturali għandu jipprevedi preparazzjoni u prevenzjoni għal diżastri, u għall-immaniġġar tal-konsegwenzi ta' dawn id-diżastri u għandu jindirizza l-vulnerabbiltà għax-xokkijiet u jsaħħaħ ir-reżiljenza.

2.   Għal pajjiżi jew reġjuni li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet ta' kriżi, ta' wara kriżi jew ta' fraġilità, tista' titwettaq analiżi ad hoc tal-istrateġija ta' kooperazzjoni tal-pajjiż jew tar-reġjun. Dawn ir-reviżjonijiet jistgħu jipproponu strateġija speċifika u adattata sabiex tiżgura kooperazzjoni u żvilupp għat-tul, li tippromwovi koordinament u transizzjoni aħjar bejn l-istrumenti umanitarji u ta' politika għall-iżvilupp.

Artikolu 7

Approvazzjoni u l-bidla tad-dokumenti ta' programmar

1.   Id-dokumenti ta' programmar, inklużi l-allokazzjonijiet indikattivi fih, tkun approvata mill-Kummissjoni skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 14.

Fl-istess ħin li d-dokumenti ta' programmar ikunu trażmessi lejn il-Kumitat tal-FEŻ, il-Kummissjoni għandha tibgħathom ukoll lill-Assemblea Parlamentari Konġunta għall-informazzjoni tagħha filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-proċedura għat-teħid tad-deċiżjonijiet skont it-Titolu IV ta' dan ir-Regolament.

Id-dokumenti tal-ipprogrammar sussegwentement għandu jkun endorsjat mill-Istat AKP jew mir-reġjun ikkonċernat kif stipulat fl-Anness IV għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE. Pajjiżi jew reġjuni mingħajr dokument ta' programmar ffirmata jibqgħu eliġibbli għal finanzjament skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(3) ta' dan ir-Regolament.

2.   Id-dokumenti ta' strateġija u l-programmi indikattivi pluriennali, inklużi l-allokazzjonijiet indikattivi li jkun fihom, jistgħu jiġu aġġustati billi jitqiesu reviżjonijiet kif previst fl-Artikoli 5, 11 u 14 tal-Anness IV għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE.

F'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament, u l-bini fuq FEŻ preċedenti u esperjenza oħra miksuba permezz ta' inċentivi, inklużi tagħlimiet meħuda, allokazzjonijiet tal-pajjiż indikattivi jistgħu jiġu ssupplementati, fost l-oħrajn, permezz ta' mekkaniżmu bbażat fuq il-prestazzjoni. F'dan ir-rigward, filwaqt li jiġi rikonoxxut li għandu jingħata trattament speċjali lil stati fraġli u vulnerabbli biex ikun żgurat li l-ħtiġijiet partikolari tagħhom qed jittieħed kont tagħhom, għandhom ikunu disponibbli riżorsi, jekk jista' jkun sal-firxa tal-volum tal-porzjon ta' inċentiv ta' governanza taħt l-10 FEŻ sabiex jiġu pprovduti inċentivi għal riformi orjentati lejn ir-riżultati f'konformità mal-Aġenda għall-Bidla u għat-twettiq tal-impenji stabbiliti fil-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE. Il-Kumitat tal-FEŻ, f'konformità mal-Artikolu 14(2) ta' dan ir-Regolament għandu jagħmel skambju ta' fehmiet dwar il-mekkaniżmu bbażat fuq il-prestazzjoni.

3.   Il-proċedura stipulata fl-Artikolu 14 għandha tapplika wkoll għal modifiki sostanzjali li jkollhom l-effett li jimmodifikaw b'mod sinifikanti l-istrateġija, id-dokumenti ta' programmar tagħha u/jew l-allokazzjoni ta' riżorsi programmabbli tagħha. Fejn applikabbli, l-addenda korrispondenti għad-dokumenti ta' programmar sussegwentament ikunu endorsjati mill-Istat AKP jew ir-reġjun ikkonċernat.

4.   Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza debitament ġustifikati, bħal kriżijiet jew theddid immedjat għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inklużi dawk il-każijiet msemmija fl-Artikolu 6(2), il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(4) tista' tintuża biex ikunu mmodifikati d-dokumenti tal-ipprogrammar msemmija fl-Artikolu 5.

TITOLU III

IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 8

Qafas ġenerali għall-implimentazzjoni

L-implimentazzjoni ta' assistenza provduta lill-pajjiżi u reġjuni tal-AKP ġestita mill-Kummissjoni u mill-BEI skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE titwettaq skont ir-Regolament Finanzjarju msemmi fl-Artikolu 10(2) tal-Ftehim Intern (ir-‘Regolament Finanzjarju tal-FEŻ’).

Artikolu 9

Adozzjoni ta' programmi ta' azzjoni, miżuri individwali u miżuri speċjali

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi annwali ta' azzjoni, ibbażati fuq id-dokumenti ta' programmar indikattiv msemmija fl-Artikolu 5.

Fil-każ ta' azzjonijiet rikorrenti, tista' wkoll tadotta programmi ta' Azzjoni pluriennali għal perjodu sa tliet snin.

Meta meħtieġ u debitament ġustifikat, azzjoni tista' tiġi adottata bħala miżura individwali qabel jew wara l-adozzjoni ta' programmi ta' azzjoni annwali jew pluriennali.

2.   Il-programmi ta' azzjoni u miżuri individwali jkunu preparati mill-Kummissjoni mal-pajjiż jew reġjun sieħeb, bl-involviment tal-Istati Membri rappreżentati lokalment u b'koordinazzjoni, fejn xieraq, ma' donaturi oħra, b'mod partikolari f'każijiet ta' programmar konġunta, u mal-BEI. L-Istati Membri li mhumiex rappreżentati b'mod lokali ser ikunu informati bl-attivitajiet fil-qasam.

Programmi ta' azzjoni għandu jkollhom deskrizzjoni speċifika ta' kull operazzjoni mbassra. Dik id-deskrizzjoni ser tispeċifika l-objettivi mfittxija, ir-riżultati mistennija u l-attivitajiet ewlenin.

Id-deskrizzjoni għandha tistabilixxi r-riżultati mistennija f'termini ta' outputs, eżiti u impatti, b'miri kkwantifikati jew ikkwalifikati, u ser tipprovdi spejgazzjonijiet dwar ir-rabtiet bejn kull waħda kif ukoll mal-objettivi stabbiliti fil-programm indikattiv pluriennali. L-outputs u, fil-prinċipju, l-eżiti għandu jkollhom indikaturi speċifiċi, li jitkejlu u li jkunu realistiċi, b'referenzi bażi u punti ta' riferiment marbuta biż-żmien, li jallinjawhom mal-outputs u l-punti ta' riferiment tal-pajjiż jew ir-reġjun sieħeb sa fejn l-aktar possibbli. Ser issir analiżi tal-kostijiet u tal-benefiċċji, fejn rilevanti.

Id-deskrizzjoni għandha tistabbilixxi r-riskji, bil-proposti għall-mitigazzjoni tagħhhom fejn xieraq, l-analiżi dwar il-kuntest tas-settur speċifiku u l-partijiet interessati ewlenin, il-metodi ta' implimentazzjoni, il-baġit u l-iskeda indikattiva u fil-każ ta' appoġġ tal-baġit, il-kriterji għall-pagamenti, inklużi l-porzjonijiet li jistgħu jvarjaw. Hija għandha tispeċifika wkoll kwalunkwe miżura ta' appoġġ assoċjata kif ukoll arranġamenti għal monitoraġġ, awditu u evalwazzjoni.

Fejn xieraq, id-deskrizzjoni għandha tindika li l-komplimentarjetà mal-attivitajiet attwali jew ippjanati tal-BEI fil-pajjiż jew reġjun sieħeb.

3.   Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4(3) u f'każijiet ta' ħtiġijiet mhux previsti u ħtiġijiet debitament ġustifikati jew ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri speċjali, inkluż miżuri biex tkun faċilitata t-transizzjoni mill-għajnuna ta' emerġenza għal operazzjonijiet jew miżuri ta' żvilupp fit-tul sabiex tipprepara lin-nies aħjar biex jaffrontaw kriżijiet rikorrenti.

4.   Il-programmi ta' azzjoni u l-miżuri individwali previsti fil-paragrafu 1 li għalihom l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni taqbeż l-EUR 5 miljun, u l-miżuri speċjali li għalihom l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni taqbeż EUR 10 miljun, jiġu adottati mill-Kummissjoni skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 14 ta' dan ir-Regolament. Dik il-proċedura mhux meħtieġa għall-programmi ta' azzjoni u l-miżuri taħt il-limiti minimi msemmija hawn fuq, u għall-emendi mhux sostanzjali tagħhom. L-emendi mhux sostanzjali huma aġġustamenti tekniċi bħall-estensjoni tal-perjodu ta' implimentazzjoni, l-assenjament mill-ġdid tal-fondi fil-baġit previst, jew iż-żieda jew tnaqqis tad-daqs tal-baġit b'inqas minn 20 % tal-baġit inizjali, iżda li ma jaqbiżx l-EUR 10 miljun, sakemm dawk l-emendi ma jaffettwawx b'mod sostanzjali l-għanijiet tal-programm ta' azzjoni jew miżura inizjali. F'tali każ, il-programmi ta' azzjoni u l-miżuri u l-emendi mhux sostanzjali tagħhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, li tgħarraf lill-Kumitat tal-FEŻ fi żmien xahar mill-adozzjoni tagħhom.

Kull Stat Membru jista' jitlob l-irtirar ta' proġett jew programm minn programm ta' azzjoni ppreżentat lill-Kumitat tal-FEŻ f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 ta' dan ir-Regolament. Jekk tali talba tkun appoġġata minn minoranza li timblokka ta' Stati Membri kif stabbilit fl-Artikolu 8(3) b'rabta mal-Artikolu 8(2) tal-Ftehim Intern, il-programm ta' azzjoni għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni mingħajr il-proġett jew il-programm konċernat. Sakemm il-Kummissjoni, f'konformità mal-fehmiet tal-Istati Membri fil-Kumitat tal-FEŻ, ma tixtieqx tkompli bil-proġett jew programm irtirat, dan għandu, fi stadju iżjed tard, jiġi ppreżentat mill-ġdid lill-Kumitat tal-FEŻ barra mill-programm ta' azzjoni fil-forma ta' miżura individwali li għandha mbagħad tiġi adottata mill-Kummissjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 ta' dan ir-Regolament.

Għal raġunijiet ta' urġenza assoluta debitament ġustifikati, bħal kriżijiet, diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem jew theddid immedjat għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem jew il-libertajiet fundamentali, il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri individwali jew speċjali jew emendi għal programmi ta' azzjoni u miżuri eżistenti, f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(4) ta' dan ir-Regolament.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi speċifiċi ta' azzjoni għal nefqiet ta' sostenn imsemmija fl-Artikolu 6 tal-Ftehim Intern skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 14 ta' dan ir-Regolament. Kwalunkwe bidla fil-programmi ta' azzjoni għan-nefqa ta' sostenn għandha tkun adottata skont l-istess proċedura.

6.   Għandu jsir skrinjar ambjentali xieraq, inkluż għat-tibdil fil-klima, impatti tal-bijodiversità u dawk soċjali relatati, fil-livell ta' proġett inkluż fejn applikabbli evalwazzjoni tal-impatt ambjentali (EIA) għal proġetti li jkunu ambjentalment sensittivi, b'mod partikolari jekk ikunu probabbli li jikkawżaw impatti negattivi ambjentali u/jew soċjali sinifikanti li huma sensittivi, differenti, jew bla preċedent. Dak l-iskrinjar għandu jkun iggwidat minn prattiki rikonoxxuti b'mod internazzjonali. Fejn ikun rilevanti, għandhom jintużaw evalwazzjonijiet ambjentali strateġiċi (SEA) fl-implimentazzjoni ta' programmi settorjali. L-involviment tal-partijiet interessati fl-evalwazzjonijiet ambjentali u l-aċċess pubbliku għar-riżultati għandhom jiġu żgurati.

Artikolu 10

Kontribuzzjonijiet addizzjonali tal-Istati Membri

1.   Fuq l-inizjattiva tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni jew lill-BEI b'kontribuzzjonijiet volontarji skont l-Artikolu 1(9) tal-Ftehim Intern sabiex jgħinu fil-kisba tal-objettivi tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE lil hinn minn arranġamenti ta' kofinanzjament konġunt. Tali kontribuzzjonijiet ma jaffettwawx l-allokazzjoni kumplessiva ta' fondi taħt il-FEŻ. Huma għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħal kontribuzzjonijiet regolari tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1(2) tal-Ftehim Intern ħlief għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6 u 7 tal-Ftehim Intern li għalihom jistgħu jiġu stabbiliti arranġamenti speċifiċi fi ftehim bilaterali ta' kontribuzzjoni.

2.   L-assenjazzjoni ssir biss f'ċirkostanzi debitament ġustifikati, pereżempju b'reazzjoni għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 4(3). F'dan il-każ, kontribuzzjonijiet volontarji fdati lill-Kummissjoni jiġu ttrattati bħala dħul assenjat skont ir-Regolament Finanzjarju tal-FEŻ.

3.   Il-fondi addizzjonali jkunu integrati fil-proċess ta' programmar u reviżjoni u fil-programmi annwali ta' azzjoni, fil-miżuri individwali u fil-miżuri speċjali msemmija f'dan ir-Regolament u għandhom jirriflettu l-appartenenza tal-pajjiż jew reġjun sieħeb.

4.   kwalunkwe bidla li tirriżulta fil-programmi ta' azzjoni, il-miżuri individwali jew il-miżuri speċjali jiġu adottati mill-Kummissjoni bi qbil mal-Artikolu 9.

5.   L-Istati Membri li jafdaw lill-Kummissjoni jew lill-BEI b'kontribuzzjonijiet volontarji addizzjonali sabiex jgħinu fil-kisba tal-objettivi tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE jinfurmaw lill-Kunsill u lill-Kumitat tal-FEŻ, jew il-Kumitat tal-Faċilità ta' Investiment bil-quddiem dwar dawk il-kontribuzzjonijiet.

Artikolu 11

Taxxi, dażji u imposti

L-assistenza mill-Unjoni ma għandhiex tiġġenera, jew tattiva l-ġbir ta' taxxi, dazji jew imposti speċifiċi.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 31 tal-Anness IV għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, tali taxxi, dazji u imposti jistgħu jkunu eliġibbli skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju tal-FEŻ imsemmija fl-Artikolu 10(2) tal-Ftehim Intern.

Artikolu 12

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu mħarsa bl-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, b'verifiki effikaċi u, jekk jiġu skoperti irregolaritajiet, bl-irkupru jew l-għoti lura tal-ammonti li jkunu tħallsu bi żball jew, fejn xieraq, b'penalitajiet amministrattivi u finanzjarji effikaċi, proporzjonali u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa ta' awditu, jew fil-każ ta' organizzazzjonijiet internazzjonali s-setgħa ta' verifika skont il-ftehim milħuq magħhom, u verifika, fuq il-bażi ta' dokumenti u verifiki fuq il-post, fuq il-benefiċjarji ta' għotjiet, il-kuntratturi u s-subkuntratturi kollha li rċevew fondi tal-Unjoni skont dan ir-Regolament.

3.   L-Uffiċċju Kontra l-Frodi Ewropew (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (5) bil-għan li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' ftehim jew deċiżjoni ta' għotja jew kuntratt iffinanzjati skont dan ir-Regolament.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali u ftehimiet ta' għotja u deċiżjonijiet ta' għotja u kuntratti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament ikun fihom dispożizzjonijiet espliċiti li jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali awditi, verifiki fuq il-post u spezzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 13

Regoli dwar in-nazzjonalità u l-oriġini għall-akkwist pubbliku, għotjiet u proċeduri ta' għoti oħrajn

Ir-regoli dwar in-nazzjonalità u l-oriġini għall-akkwist pubbliku, għotjiet u proċeduri ta' għoti oħrajn huma definiti fl-Artikolu 20 tal-Anness IV għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE.

TITOLU IV

PROĊEDURI GĦAT-TEĦID TAD-DEĊIŻJONIJIET

Artikolu 14

Responsabbiltajiet tal-Kumitat tal-FEŻ

1.   Il-Kumitat tal-FEŻ għandu jagħti l-opinjoni tiegħu skont il-proċedura stipulata fil-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu.

Osservatur mill-BEI jieħu sehem fil-proċedimenti tal-Kumitat tal-FEZ, rigward dawk il-kwistjonijiet li jkunu jikkonċernaw lill-BEI.

2.   Il-kompiti tal-Kumitat tal-FEŻ ikopru r-responsabbiltajiet stipulati fit-Titoli II u III ta' dan ir-Regolament:

(a)

programmar tal-għajnuna tal-Unjoni skont il-FEŻ u reviżjonijiet ta' programmar li jiffokaw b'mod partikolari fuq strateġiji ta' pajjiżi, reġjonali u intra-AKP; u

(b)

monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-għajnuna tal-Unjoni, li tkopri fost l-oħrajn l-impatt tal-assistenza fuq it-tnaqqis tal-faqar, aspetti settorjali, kwistjonijiet trasversali, il-funzjonament tal-koordinazzjoni fil-post mal-Istati Membri u donaturi oħra u progress dwar il-prinċipji tal-effettività tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2.

Għal programmi ta' appoġġ tal-baġit li l-Kumitat tal-FEŻ ta opinjoni pożittiva dwarhom imma li huma sospiżi matul l-implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat bil-quddiem dwar is-sospensjoni u d-deċiżjoni sussegwenti li terġa' tibda l-pagamenti.

Kull Stat Membru jista' jistieden lill-Kummissjoni fi kwalunkwe mument sabiex tipprovdi lill-Kumitat tal-FEŻ b'informazzjoni u sabiex ikollha skambju ta' fehmiet dwar kwistjonijiet relatati mal-kompiti msemmija f'dan il-paragrafu. Tali skambju ta' fehmiet jista' jwassal għall-formulazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri li l-Kummissjoni għandha tieħu kont tagħhom.

3.   Meta l-Kumitat tal-FEŻ jintalab jagħti l-opinjoni tiegħu, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jippreżenta lill-Kumitat tal-FEŻ, fil-limiti ta' żmien stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-regoli tal-proċeduri tal-Kumitat tal-FEŻ imsemmija fl-Artikolu 8(5) tal-Ftehim Intern, abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kumitat tal-FEŻ għandu jagħti l-fehma tiegħu fi żmien limitat li jista' jiġi stabbilit mill-president skont l-urġenza tal-kwistjoni iżda li ma għandux jaqbeż it-30 ġurnata. Il-BEI għandu jieħu sehem fl-iskambju ta' fehmiet. L-opinjoni tingħata bil-maġġoranza kwalifikata stabbilita fl-Artikolu 8(3) tal-Ftehim Intern abbażi tal-voti tal-Istati Membri ppeżati bil-mod stabbilit fl-Artikolu 8(2) tal-Ftehim Intern.

Meta l-Kumitat tal-FEŻ ikun ta l-opinjoni tiegħu, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li għandhom japplikaw immedjatament.

Madankollu, jekk dawk il-miżuri ma jkunux konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-FEŻ, huma għandhom jiġu kkomunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill immedjatament. F'dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tiddifferixxi l-applikazzjoni tal-miżuri għal perijodu li għandu, fi prinċipju, ma jaqbiżx it-30 ġurnata mid-data ta' tali komunikazzjoni imma li jista' jiġi estiż għal perjodu ta' mhux iżjed minn 30 ġurnata f'ċirkostanzi eċċezzjonali. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi bl-istess maġġoranza kwalifikata bħall-Kumitat tal-FEŻ, jista' jieħu deċiżjoni differenti f'dan il-perijodu.

4.   Għal raġunijiet ta' urġenza assoluta debitament ġustifikati kif previsti fl-Artikolu 7(4) u l-Artikolu 9(4), il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri li japplikaw immedjatament, mingħajr sottomissjoni minn qabel lill-Kumitat tal-FEŻ, u li jibqgħu fis-seħħ għat-tul tal-perjodu kollu tad-dokument adottat jew immodifikat, il-programm ta' azzjoni jew il-miżura.

Mhux aktar tard minn 14-il ġurnata mill-adozzjoni tagħhom, il-president għandu jippreżenta l-miżuri lill-Kumitat tal-FEŻ sabiex jagħti l-opinjoni tiegħu.

Fil-każ li l-Kumitat tal-FEŻ jagħti opinjoni negattiva kif imsemmi fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni minnufih tħassar il-miżuri adottati f'konformità mal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Artikolu 15

Il-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika

Programmi indikattiv intra-AKP jallokaw finanzjamenti għall-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika. Dak il-finanzjament jista' jiġi kkomplementat bil-programmi indikattivi reġjonali. Proċedura speċifika għandha tapplika kif ġej:

(a)

fuq talba mill-Unjoni Afrikana, endorsjata mill-Kumitat tal-Ambaxxaturi tal-AKP, għandhom jitħejjew programmi ta' azzjoni pluriennali mill-Kummissjoni fejn tispeċifika l-objettivi li jridu jintlaħqu, il-firxa u n-natura tal-interventi possibbli u l-arranġamenti ta' implimentazzjoni; għandu jiġi speċifikat format maqbul għar-rappurtar fil-livell ta' intervent. Anness ma' kull programm ta' azzjoni jiddeskrivi l-proċeduri tat-teħid ta' deċiżjonijiet speċfiċi għal kull tip ta' intervent possibbli skont in-natura, il-kobor u l-urġenza tiegħu;

(b)

il-programmi ta' azzjoni, inkluż l-anness imsemmi fil-punt (a), u kwalunkwe bidliet fih għandhom jiġu diskussi mill-gruppi ta' ħidma preparatorji rilevanti tal-Kunsill u mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà u għandhom jiġu approvati mill-Coreper b'maġġoranza kwalifikata kif stipulat fl-Artikolu 8(3) tal-Ftehim Intern qabel ma jiġu adottati mill-Kummissjoni;

(c)

il-programmi ta' azzjoni, eskluż l-anness imsemmi fil-punt (a), għandhom ikunu l-bażi għall-ftehim ta' finanzjament li jrid jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Unjoni Afrikana;

(d)

kull intervent li jrid jiġi implimentat taħt il-ftehim ta' finanzjament ikun suġġett għal approvazzjoni minn qabel tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà; il-gruppi ta' ħidma preparatorji rilevanti tal-Kunsill għandhom ikunu infurmati jew, għallanqas meta jkunu ser jiġu ffinanzjati operazzjonijiet ta' appoġġ għall-paċi ġodda, ikkonsultati fiż-żmien debitu qabel it-trażmissjoni tagħhom lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà skont il-proċeduri tat-teħid ta' deċiżjonijiet speċifiċi msemmija fil-punt (a) sabiex jiġi żgurat li, minbarra d-dimensjoni militari u ta' sigurtà, jitqiesu l-aspetti relatati mal-iżvilupp u mal-finanzi tal-miżuri previsti. Mingħajr preġudizzju għall-finanzjament tal-operazzjonijiet ta' appoġġ għall-paċi, għandha tingħata attenzjoni speċjali lil attivitajiet rikonoxxuti bħala ODA;

(e)

il-Kummissjoni għandha tipprepara rapport ta' attività dwar l-użu tal-fondi għall-informazzjoni tal-Kunsill u tal-Kumitat tal-FEŻ fuq bażi annwali. u fuq talba tal-Kunsill jew tal-Kumitat tal-FEŻ, fejn issir distinzjoni bejn impenji u pagamenti relatati mal-ODA u oħrajn li mhumiex.

Fi tmiem l-ewwel programm ta' azzjoni pluriennali, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ser jirrevedu r-riżultati u l-proċeduri tal-Fond għall-Paċi fl-Afrika u se jiddiskutu għażliet rigward possibbiltajiet futuri ta' finanzjament. F'dak il-kuntest, u sabiex ikun issudat il-Fond għall-Paċi fl-Afrika, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ser ikollhom diskussjonijiet li jindirizzaw kemm il-kwistjoni tal-fondi għall-Operazzjonijiet ta' Appoġġ għall-Paċi, inkluż dawk iffinanzjati mill-FEŻ, u l-kwistjoni ta' appoġġ sostenibbli mill-Unjoni għall-operazzjonijiet ta' appoġġ għall-paċi mmexxija mill-Afrikani wara l-2020. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser twettaq evalwazzjoni tal-Fond sa mhux iktar tard mill-2018.

Artikolu 16

Kumitat tal-Faċilità ta' Investiment

1.   Il-Kumitat Faċilità ta' Investiment stabbilit taħt l-awspiċi tal-BEI permezz tal-Artikolu 9 tal-Ftehim Intern (il-‘Kumitat FI’) għandu jikkonsisti mir-rappreżentanti tal-Istati Membri u minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Osservatur mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u osservatur mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandhom ikunu mistiedna jattendu. Kull Stat Membru, kif ukoll il-Kummissjoni, għandhom jinnominaw rappreżentant wieħed u sostitut nominat wieħed. Bil-ħsieb li tinżamm il-kontinwità, il-President tal-Kumitat FI għandu jkun elett minn, u minn fost il-membri tal-Kumitat FI, għal perjodu ta' sentejn. Il-BEI għandu jipprovdi lill-Kumitat bis-servizzi segretarjali u ta' appoġġ. Dawk il-membri biss tal-Kumitat FI li huma nnominati mill-Istati Membri, jew is-sostituti tagħhom, għandhom jivvotaw.

Il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq bażi unanima, għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tal-Kumitat FI abbażi ta' proposta mfassla mill-BEI wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

Il-Kumitat FI għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata. L-ippeżar tal-voti jkun kif stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Ftehim Intern.

Il-Kumitat FI għandu jiltaqa' mill-anqas erba' darbiet fis-sena. Jistgħu jissejħu laqgħat addizzjonali bit-talba tal-BEI jew tal-membri tal-Kumitat FI kif stabbilit fir-regoli tal-proċedura tiegħu. Addizzjonalment, il-Kumitat FI jista' jagħti opinjoni bi proċedura bil-miktub, skont ir-regoli ta' proċedura tiegħu.

2.   Il-Kumitat FI għandu japprova:

(a)

il-linji gwida operazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità ta' Investiment (il-‘FI’);

(b)

l-istrateġiji tal-investiment u l-pjanijiet tan-negozju tal-FI, inklużi l-indikaturi tal-prestazzjoni, fuq il-bażi tal-objettivi tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE u tal-prinċipji ġenerali tal-politika tal-Unjoni għall-iżvilupp;

(c)

ir-rapporti annwali tal-FI;

(d)

kwalunkwe dokument ta' politika ġenerali, inklużi rapporti ta' valutazzjoni, li jirrigwardaw il-FI.

3.   Barra minn hekk, il-Kumitat FI jagħti opinjoni dwar:

(a)

il-proposta li jagħti sussidju tal-imgħax permezz tal-paragrafu 7 tal-Artikolu 2, u l-punt (b) tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 4, tal-Anness II għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE. F'każijiet bħal dawn, il-Kumitat FI għandu jagħti wkoll opinjoni dwar l-użu ta' tali sussidju fuq l-imgħax;

(b)

proposti għal investiment FI għal kwalunkwe proġett li dwaru l-Kummissjoni tkun tat opinjoni negattiva;

(c)

proposti oħrajn marbuta mal-FI, ibbażati fuq il-prinċipji ġenerali definiti fil-linji gwida operazzjonali tal-FI;

(d)

proposti marbuta mal-iżvilupp tal-qafas tal-kejl tar-riżultati tal-BEI sa fejn tali qafas huwa applikabbli għall-operazzjonijiet skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE.

Sabiex jiġi razzjonalizzat il-proċess ta' approvazzjoni għal operazzjonijiet żgħar, il-Kumitat FI jista' jagħti l-opinjoni favorevoli tiegħu dwar proposti mill-BEI għal allokazzjoni globali (sussidji fuq l-imgħax, assistenza teknika) jew awtorizzazzjoni globali (self, ekwità), li sussegwentement, mingħajr opinjoni ulterjuri mill-Kumitat FI u/jew il-Kummissjoni, tiġi suballokata mill-BEI għal proġetti individwali skont il-kriterji stabbiliti fl-allokazzjoni globali jew awtorizzazzjoni inkluża s-suballokazzjoni massima ta' sussidju fuq l-imgħax għal kull proġett.

Addizzjonalment, il-korpi regolatorji tal-BEI jistgħu, minn żmien għal żmien, jitolbu lill-Kumitat FI jipprovdi opinjoni dwar il-proposti kollha ta' finanzjament, jew dwar ċerti kategoriji ta' proposti ta' finanzjament.

4.   Il-BEI għandu jippreżenta lill-Kumitat FI fi żmien debitu kwalunkwe kwistjoni li tirrikjedi l-approvazzjoni jew l-opinjoni tal-Kumitat FI, kif previst fil-paragrafi 2 u 3 rispettivament. Kwalunkwe proposta preżentata lill-Kumitat FI għal opinjoni ssir skont il-kriterji u l-prinċipji rilevanti stabbiliti fil-linji gwida operazzjonali tal-FI.

5.   Il-BEI għandu jikkoopera mill-qrib mal-Kummissjoni u, fejn applikabbli, għandu jikkoordina l-operazzjonijiet tiegħu ma' donaturi oħra. B'mod partikolari, il-BEI għandu:

(a)

jipprepara u jirrivedi, b'mod konġunt mal-Kummissjoni, il-linji gwida operazzjonali tal-FI imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2. Il-BEI għandu jinżamm responsabbli għall-konformità mal-linji gwida u għandu jiżgura li l-proġetti li hu jappoġġa jirrispettaw standards soċjali u ambjentali internazzjonali u jkunu koerenti mal-objettivi tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, mal-prinċipji ġenerali tal-politika tal-Unjoni għall-iżvilupp u mal-istrateġiji rilevanti ta' kooperazzjoni tal-pajjiżi u tar-reġjuni;

(b)

jitlob l-opinjoni tal-Kummissjoni matul it-tħejjija tal-strateġiji ta' investiment, pjanijiet direzzjonali tan-negozju u dokumenti ġenerali ta' politika;

(c)

jinforma lill-Kummissjoni dwar il-proġetti li hija tamministra skont l-Artikolu 18(1). Fil-fażi ta' evalwazzjoni ta' proġett, hu għandu jitlob l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-koerenza tiegħu mal-istrateġija ta' kooperazzjoni tal-pajjiż jew reġjun relevanti jew, skont kif ikun il-każ, mal-objettivi ġenerali tal-FI;

(d)

bl-eċċezzjoni ta' sussidji fuq l-imgħax li jaqgħu fi ħdan l-allokazzjoni globali msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 3, jitlob il-qbil tal-Kummissjoni fil-fażi ta' valutazzjoni ta' proġett dwar kwalunkwe proposta mressqa lill-Kumitat FI għal sussidju fuq l-imgħax, dwar il-konformità tagħha mal-Artikolu 2(7) u l-Artikolu 4(2) tal-Anness II għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, u mal-kriterji definiti fil-linji gwida operazzjonali tal-FI.

Il-Kummissjoni titqis bħala li tkun tat opinjoni favorevoli dwar proposta, jew li tkun qablet magħha, sakemm hija ma tinnotifikax opinjoni negattiva dwar tali proposta, fi żmien tliet ġimgħat minn wara l-preżentazzjoni tal-proposta. Fir-rigward ta' opinjonijiet għal proġetti tas-settur finanzjarju jew pubbliku kif ukoll tal-ftehimiet dwar sussidji fir-rati tal-imgħax, il-Kummissjoni tista' titlob li titressaq il-proposta tal-proġett finali għall-opinjoni jew approvazzjoni tagħha ġimagħtejn qabel ma din tintbagħat lill-Kumitat FI.

6.   Il-BEI ma għandux jipproċedi bl-ebda waħda mill-azzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (c) tal-paragrafu 3 sakemm il-Kumitat FI ma jkunx ippreżenta opinjoni favorevoli.

Wara opinjoni favorevoli tal-Kumitat FI, il-BEI għandu jiddeċiedi fuq il-proposta skont il-proċeduri tiegħu stess. B'mod partikolari huwa jista' jiddeċiedi li ma jipproċedix bil-proposta. Il-BEI għandu perjodikament jinforma lill-Kumitat FI u lill-Kummissjoni bil-każijiet fejn huwa jiddeċiedi li ma jipproċedix bil-proposta.

Għal self mir-riżorsi tiegħu stess u għal investimenti FI li dwarhom l-ebda opinjoni mill-Kumitat FI ma hija meħtieġa, il-BEI għandu jiddeċiedi dwar il-proposta skont il-proċeduri tiegħu stess u, fil-każ tal-FI, skont il-linji gwida operazzjonali tal-FI u l-istrateġiji ta' investiment approvati mill-Kumitat FI.

Minkejja opinjoni negattiva tal-Kumitat FI dwar proposta għall-għoti ta' sussidju fuq l-imgħax, il-BEI jista' jipproċedi bis-self inkwistjoni mingħajr il-benefiċċju tas-sussidju fuq l-imgħax. Il-BEI għandu perjodikament jinforma lill-Kumitat FI u lill-Kummissjoni f'kull okkażjoni fejn huwa hekk jiddeċiedi li jipproċedi bis-self.

Il-BEI jista', suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-linji gwida operazzjonali, tal-FI u sakemm ma jinbidilx l-objettiv essenzjali tas-self jew tal-investiment mill-FI inkwistjoni, jiddeċiedi li jimmodifika t-termini tas-self jew tal-investiment mill-FI li dwarhom il-Kumitat tal-FI ikun ippreżenta opinjoni favorevoli skont il-paragrafu 3 jew ta' kwalunkwe self li dwaru l-Kumitat tal-FI ikun ippreżenta opinjoni favoreveoli rigward is-sussidji fuq l-imgħax. Partikolarment, il-BEI jista' jiddeċiedi li jżid l-ammont tas-self jew tal-investiment mill-Faċilità ta' Investiment sa 20 %.

Tali żieda tista', għal proġetti bis-sussidji fuq l-imgħax imsemmija fl-Artikolu 2(7) tal-Anness II għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, tirriżulta f'żieda proporzjonali fil-valur tas-sussidju fuq l-imgħax. Il-BEI għandu perjodikament jinforma lill-Kumitat FI u lill-Kummissjoni f'kull okkażjoni fejn huwa hekk jiddeċiedi li jipproċedi. Għal proġetti skont l-Artikolu 2(7) tal-Anness II għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, jekk żieda fil-valur tas-sussidju tkun mitluba, il-Kumitat tal-FI ikun mitlub jagħti opinjoni qabel ma l-BEI jipproċedi.

7.   Il-BEI għandu jamministra l-Investimenti mill-FI u l-fondi kollha miżmuma f'isem il-FI konformement mal-objettivi tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE. Huwa jista', b'mod partikolari, jieħu sehem fil-korpi ta' ġestjoni u ta' superviżjoni ta' persuni ġuridiċi li fihom il-FI hija investita, u jista' jittransiġi, jagħti rilaxx u jimmodifika d-drittijiet miżmuma f'isem il-FI skont il-linji gwida operazzjonali tal-FI.

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 17

Parteċipazzjoni ta' pajjiż jew reġjun terz

Sabiex tiżgura l-koerenza u l-effikaċja tal-assistenza mill-Unjoni, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li pajjiżi li qed jiżviluppaw li mhumiex fl-AKP u l-korpi ta' integrazzjoni reġjonali bil-parteċipazzjoni tal-AKP li jippromwovu l-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali eliġibbli għall-assistenza mill-Unjoni bi strumenti ta' finanzjament oħra tal-Unjoni għal azzjoni esterna, fejn il-proġett jew il-programm ikkonċernat huwa ta' natura reġjonali jew transfruntiera u jikkonforma mal-Artikolu 6 tal-Anness IV tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, huma eliġibbli għall-fondi msemmija fil-punt (a)(i) tal-Artikolu 1(2) tal-Ftehim Intern. Il-pajjiżi u territorji barranin (OCTs) eliġibbli għall-assistenza tal-Unjoni skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE (6), u r-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni wkoll jistgħu jipparteċipaw fi proġetti jew programmi ta' kooperazzjoni reġjonali; il-finanzjament li jippermetti l-parteċipazzjoni ta' dawk it-territorji jew ir-reġjuni l-aktar imbiegħda għandu jkun addizzjonali mal-fondi msemmija fil-punt (a)(i) tal-Artikolu 1(2) tal-Ftehim Intern. L-objettiv ta' kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni, l-OCTs u l-Istati AKP għandhom jitqiesu u, fejn xieraq, jitwaqqfu mekkaniżmi ta' koordinazzjoni. Dispożizzjoni għal dan il-finanzjament u għat-tipi ta' finanzjament imsemmija fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2008 (7) jistgħu jsiru fid-dokumenti ta' strateġija u l-programmi indikattivi pluriennali u fil-programmi ta' azzjoni u l-miżuri msemmija fl-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 18

Monitoraġġ, rappurtar u evalwazzjoni tal-assistenza tal-FEŻ

1.   Il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jimmonitorjaw regolarment l-azzjonijiet tagħhom u l-miżuri ffinanzjati u janalizzaw il-progress li jsir lejn ir-riżultati mistennija. Il-Kummissjoni se tmexxi wkoll evalwazzjonijiet tal-impatt u l-effikaċja tal-politiki settorjali u l-azzjonijiet tagħha, u l-effikaċja tal-ipprogrammar, fejn xieraq permezz ta' evalwazzjonijiet esterni indipendenti. Ser jittieħed kont dovut tal-proposti mill-Kunsill għal evalwazzjonijiet esterni indipendenti. L-evalwazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji ta' prattika tajba tal-OECD/DAC, li jfittxu li jaċċertaw jekk l-objettivi speċifiċi, b'kont meħud tal-ugwaljanza bejn is-sessi, intlaħqux, biex ikunu fformulati rakkomandazzjonijiet u biex tiġi pprovduta evidenza li tiffaċilita t-tagħlim bil-għan li jittejbu l-operazzjonijiet futuri. Dawk l-evalwazzjonijiet għandhom jitwettqu abbażi ta' indikaturi predefiniti, ċari, trasparenti u fejn adatt, speċifiċi għall-pajjiż u li jistgħu jitkejlu.

Il-BEI għandu jinforma perjodikament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati mir-riżorsi tal-FEŻ li huwa jamministra, billi jsegwi l-proċeduri stabbiliti fil-linji gwida tal-FI.

2.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapporti ta' evalwazzjonijiet flimkien mar-rispons tas-servizzi għar-rakkomandazzjonijiet ewlenin lill-Istati Membri permezz tal-Kumitat tal-FEŻ u lill-BEI għall-informazzjoni. Kwalunkwe evalwazzjoni, inklużi rakkomandazzjonijiet u azzjonijiet ta' segwitu, jistgħu jiġu diskussi fil-kumitat fuq talba ta' Stat Membru. F'tali każijiet, il-Kummissjoni ser tirrapporta lura lill-Kumitat tal-FEŻ sena wara, dwar l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet ta' segwitu li kien hemm qbil dwarhom. Ir-riżultati għandhom imorru lura għad-disinn tal-ipprogrammar u l-allokazzjoni tar-riżorsi.

3.   Il-Kummissjoni tassoċja b'mod xieraq lill-partijiet interessati rilevanti kollha fil-fażi ta' evalwazzjoni tal-assistenza tal-Unjoni pprovdut f'dan ir-Regolament u jistgħu, fejn xieraq, ifittxu li jkomplu jagħmlu evalwazzjonijiet konġunti mal-Istati Membri, donaturi oħra u sħab f'fażi ta' żvilupp.

4.   Il-Kummissjoni għandha teżamina l-progress magħmul fl-implimentazzjoni tal-FEŻ, inkluż il-programmi indikattivi pluriennali, u mill-2016 għandha tippreżenta rapport annwali dwar l-implimentazzjoni lill-Kunsill. Ir-rapport ser jinkludi analiżi ta' outputs u eżiti ewlenin u meta possibbli, il-kontribut tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għall-impatti. Ser jinħoloq qafas ta' riżultati għal dan il-għan. Dak ir-rapport jintbagħat ukoll lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

5.   Ir-rapport annwali għandu jkun fih ukoll informazzjoni relatata mas-sena ta' qabel dwar il-miżuri ffinanzjati, ir-riżultati ta' eżerċizzji ta' monitoraġġ u evalwazzjoni, l-involviment tas-sħab relevanti għall-iżvilupp, u l-implimentazzjoni ta' approprjazzjonijiet ta' impenji u ta' pagamenti mqassma skont il-pajjiż, ir-reġjun u s-settur ta' kooperazzjoni. Huwa għandu jinkludi wkoll analiżi kwalitattiva tar-riżultati inizjalment imbassra u dawk miksuba, ibbażata fuq, fost l-oħrajn, data mis-sistemi ta' monitoraġġ, u segwitu tat-tagħlimiet meħuda.

6.   Ir-rapport għandu juża sa fejn hu possibbli, indikaturi speċifiċi u miżurabbli tar-rwol tiegħu fl-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE. Huwa jirrifletti t-tagħlimiet ewlenin u s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjonijiet tas-snin ta' qabel. Ir-rapport għandu jivvaluta wkoll, fejn possibbli u rilevanti, il-konformità mal-prinċipji tal-effettività tal-għajnuna, inkluż għall-istrumenti finanzjarji innovattivi.

7.   L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom iwettqu, sa mhux aktar tard minn tmiem l-2018, analiżi tal-prestazzjoni, li tivvaluta l-grad ta' twettiq tal-impenji u l-pagamenti, kif ukoll ir-riżultati u l-impatt tal-għajnuna mogħtija permezz ta' indikaturi ta' output, ta' eżitu u ta' impatt li jkejlu l-effiċjenza tal-użu ta' riżorsi kif ukoll l-effettività tal-FEŻ. Hija għandha wkoll tindirizza l-kontribut tal-miżuri ffinanzjati għall-kisba tal-objettivi tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UEu għall-prijoritajiet tal-Unjoni, kif stabbilit fl-Aġenda għall-Bidla. L-analiżi ssir abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni.

8.   Il-BEI jipprovdi lill-Kumitat tal-FI b'informazzjoni fir-rigward tal-progress lejn il-ksib tal-objettivi tal-FI. Skont l-Artikolu 6b tal-Anness II mal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, il-prestazzjoni kumplessiva tal-FI tkun suġġetta għal analiżi konġunta f'nofs it-terminu u fi tmiem it-terminu tal-FEŻ. Ir-reviżjoni ta' nofs it-term għandha titwettaq minn esperti esterni indipendenti, f'kooperazzjoni mal-BEI u għandha ssir disponibbli lill-Kumitat FI.

Artikolu 19

Nefqa fuq azzjoni klimatika u bijodiversità

Għandha ssir stima annwali tal-infiq globali relatat ma' azzjoni klimatika u bijodiversità fuq il-bażi tad-dokumenti adottati ta' programmar indikattiv. Il-finanzjament allokat fil-kuntest tal-FEŻ ikun soġġett għal sistema ta' traċċabbiltà annwali ibbażata fuq il-metodoloġija tal-OECD (‘indikaturi ta' Rio’), mingħajr ma jkun eskluż l-użu ta' metodoloġiji aktar preċiżi fejn dawn huma disponibbli, integrati fil-metodoloġija eżistenti għal ġestjoni tal-prestazzjoni ta' programmi tal-Unjoni, biex tkun kwantifikata n-nefqa relatata ma' azzjoni klimatika u bijodiversità fil-livell tal-programmi ta' azzjoni, miżuri individwali u speċjali msemmija fl-Artikolu 9, u rreġistrat fl-evalwazzjonijiet u r-rapporti annwali.

Artikolu 20

Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

Dan ir-Regolament għandu japplika skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (8), li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE.”


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta' Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja (ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1).

(3)  ĠU L 247, 9.9.2006, p. 32.

(4)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1.).

(5)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin mal-Unjoni Ewropea (‘Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija’) (ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1).

(7)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2008 tat-18 ta' Frar 2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (ĠU L 78, 19.3.2008, p. 1).

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).