29.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 163/1


REGOLAMENT (UE) Nru 542/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Mejju 2014

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 fir-rigward tar-regoli li għandhom jiġu applikati fir-rigward tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punti (a), (c) u (e) tal-Artikolu 81(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fid-19 ta’ Frar 2013, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittannja u l-Irlanda ta’ Fuq iffirmaw il-Ftehim dwar Qorti Unifikata tal-Privattivi (3) (“il-Ftehim QUP”). Il-Ftehim QUP jipprevedi d-dħul fis-seħħ tiegħu mhux qabel l-ewwel jum tar-raba’ xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-emendi għar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) dwar ir-relazzjoni ta’ dak ir-Regolament mal-Ftehim QUP.

(2)

Fil-15 ta’ Ottubru 2012, ir-Renju tal-Belġju, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, partijiet għat-Trattat tal-31 ta’ Marzu 1965 dwar l-istabbiliment u l-istatut ta’ Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux (it-“Trattat dwar il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux”), iffirmaw Protokoll li jemenda dak it-Trattat. Dak il-Protokoll għamilha possibbli li tiġi ttrasferita l-ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux f’materji speċifiċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012.

(3)

Huwa meħtieġ li tiġi rregolata r-relazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 mal-Ftehim QUP u mat-Trattat dwar il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux permezz ta’ emendi għal dak ir-Regolament.

(4)

Il-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux għandhom jitqiesu qrati fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 sabiex jiġu żgurati ċertezza u prevedibbiltà legali għal konvenuti li jistgħu jitħarrku quddiem dawk iż-żewġ Qrati f’post li jinsab fi Stat Membru li mhux dak indikat mir-regoli tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012.

(5)

L-emendi għar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 previst f’dan ir-Regolament fir-rigward tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi huma intiżi biex jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ dik il-Qorti u ma jaffettwaw la l-allokazzjoni interna tal-proċedimenti fost il-diviżjonijiet ta’ dik il-Qorti u lanqas l-arranġamenti stabbiliti fil-Ftehim QUP dwar l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni, inkluża l-ġurisdizzjoni esklużiva, matul il-perijodu transitorju previst f’dak il-Ftehim.

(6)

Peress li qrati komuni għal bosta Stati Membri, il-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux ma jistgħux, b’differenza minn qorti ta’ Stat Membru, jeżerċitaw ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-liġi nazzjonali fir-rigward ta’ konvenuti mhux domiċiljata fi Stat Membru. Sabiex dawk iż-żewġ Qrati jkunu jistgħu jeżerċitaw ġurisdizzjoni fil-konfront ta’ tali konvenuti, ir-regoli tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 għandhom għalhekk fir-rigward ta’ materji li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux rispettivament, japplikaw ukoll għall-konvenuti domiċiljati fi Stati terzi. Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni eżistenti tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 jiżguraw rabta mill-qrib bejn il-proċedimenti li għalihom japplika dak ir-Regolament u t-territorju tal-Istati Membri. Huwa għalhekk opportun li dawk ir-regoli jiġu estiżi għal proċedimenti kontra l-konvenuti kollha, irrispettivament mid-domiċilju tagħhom. Meta jkunu qed jiġu applikati r-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012, il-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux (minn hawn ‘il quddiem individwalment imsejħa”l-qorti komuni”) għandhom japplikaw biss dawk ir-regoli li huma adatti għas-suġġett li għalih il-ġurisdizzjoni tkun ingħatat lilhom.

(7)

Qorti komuni għandha tkun kapaċi tisma’ tilwim li jinvolvi lil konvenuti minn Stati terzi fuq il-bażi ta’ regola sussidjarja ta’ ġurisdizzjoni fi proċedimenti relatati ma’ ksur ta’ privattiva Ewropea li jwassal għal dannu kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni. Tali ġurisdizzjoni sussidjarja għandha tiġi eżerċitata fejn proprjetà li tappartjeni lill-konvenut tkun tinsab fi kwalunkwe Stat Membru parti għall-istrument li jistabbilixxi l-qorti komuni u t-tilwima inkwistjoni jkollha rabta suffiċjenti ma’ kwalunkwe tali Stat Membru, pereżempju, minħabba li r-rikorrent ikun domiċiljat hemmhekk jew minħabba li l-evidenza marbuta mat-tilwima tkun disponibbli hemmhekk. Fl-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni tagħha l-qorti komuni għandha tqis il-valur tal-proprjetà inkwistjoni, li ma għandux ikun insinifikanti u li għandu jkunu tali li jagħmel l-eżekuzzjoni tas-sentenza possibbli, tal-inqas parzjalment, fl-Istati Membri partijiet għall-istrument li jistabbilixxi l-qorti komuni.

(8)

Ir-regoli tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar lis pendens u azzjonijiet marbuta miegħu, bil-għan li jiġu evitati l-proċedimenti paralleli u sentenzi irrikonċiljabbli, għandhom japplikaw meta jinġiebu l-proċedimenti quddiem qorti komuni ta’ Stat Membru u quddiem qorti ta’ Stat Membru li għalih il-Ftehim QUP jew, skont il-każ, it-Trattat dwar il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux ma japplikax.

(9)

Ir-regoli tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar lis pendens u azzjonijiet marbuta miegħu għandhom ugwalment japplikaw fejn, matul il-perijodu ta’ transizzjoni previst fil-Ftehim QUP, proċedimenti dwar ċerti tipi ta’ tilwim jitressqu quddiem, fuq naħa waħda, il-Qorti Unifikata tal-Privattivi u, fuq in-naħa l-oħra, qorti nazzjonali ta’ Stat Membru parti għall-Ftehim QUP.

(10)

Is-sentenzi mogħtija mill-Qorti Unifikata tal-Privattivi jew mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux għandhom ikunu rikonoxxuti u eżegwiti f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 fi Stat Membru mhux parti għall-Ftehim QUP jew it-Trattat dwar il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux, skont kif ikun il-każ.

(11)

Is-sentenzi mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru mhux parti għall-Ftehim QUP jew it-Trattat dwar il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux, skont kif ikun il-każ, għandhom ikunu rikonoxxuti u eżegwiti fi Stat Membru ieħor f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1215/2012.

(12)

Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(13)

Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv.

(14)

F’konformità mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness għat-TUE u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), dawk l-Istati Membri nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(15)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-TUE u għat-TFUE, id-Danimarka mhux qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li d-Danimarka tapplika l-emendi għar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 stipulati f’dan ir-Regolament skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim tad-19 ta’ Ottubru 2005 bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi materji ċivili u kummerċjali (5),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-Kapitolu VII tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012, jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 71a

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, qorti komuni għal diversi Stati Membri kif speċifikat fil-paragrafu 2 (“qorti komuni”) għandha titqies bħala qorti ta’ Stat Membru meta, skont l-istrument li jistabbilixxiha, tali qorti komuni teżerċita ġurisdizzjoni f’materji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, kull qorti segwenti għandha tkun qorti komuni:

(a)

il-Qorti Unifikata tal-Privattivi stabbilita mill-Ftehim dwar Qorti Unifikata tal-Privattivi ffirmat fid-19 ta’ Frar 2013 (“il-Ftehim QUP”); u

(b)

il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux stabbilita mit-Trattat tal-31 ta’ Marzu 1965 dwar l-istabbiliment u l-istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux (it-“Trattat dwar il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux”).

Artikolu 71b

Il-ġurisdizzjoni ta’ qorti komuni tiġi determinata kif ġej:

(1)

qorti komuni għandu jkollha ġurisdizzjoni fejn, skont dan ir-Regolament, il-qrati ta’ Stat Membru parti għall-istrument li jistabbilixxi li l-qorti komuni għandu jkollha ġurisdizzjoni f’materja irregolati minn dak l-istrument;

(2)

fejn il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, u dan ir-Regolament ma jagħtix b’mod ieħor ġurisdizzjoni fuqu, il-Kapitolu II għandu japplika kif meħtieġ irrispettivament mid-domiċilju tal-konvenut.

L-applikazzjoni tista’ ssir quddiem qorti komuni għal miżuri proviżorji, inkluż dawk protettivi, anke jekk il-qrati ta’ Stat terz ikollhom ġurisdizzjoni f’dik li hija s-sustanza tal-materja;

(3)

fejn qorti komuni għandha ġurisdizzjoni fuq il-konvenut skont il-punt 2 f’kawża dwar il-ksur ta’ privattiva Ewropea li jwassal għal dannu fl-Unjoni, dik il-qorti jista’ wkoll ikollha ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ dannu li jirriżulta barra mill-Unjoni minn tali ksur.

Tali ġurisdizzjoni tista’ tiġi stabbilita biss jekk proprjetà li tappartjeni lill-konvenut tkun tinsab fi kwalunkwe Stat Membru parti mill-istrument li jistabbilixxi l-qorti komuni u l-kawża għandha rabta suffiċjenti ma kwalunkwe tali Stat Membru.

Artikolu 71c

1.   L-Artikoli 29 sa 32 għandhom japplikaw fejn jinġiebu l-proċedimenti f’qorti komuni u f’qorti ta’ Stat Membru li ma jkunx parti għall-istrument li jistabbilixxi l-qorti komuni.

2.   L-Artikoli 29 sa 32 għandhom japplikaw fejn, matul il-perijodu transitorju msemmi fl-Artikolu 83 tal-Ftehim QUP, jinġiebu proċedimenti fil-Qorti Unifikata tal-Privattivi u f’qorti ta’ Stat Membru li jkun parti għall-Ftehim QUP.

Artikolu 71d

Dan ir-Regolament għandhom japplikaw għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’:

(a)

sentenzi mogħtija minn qorti komuni li jkunu ser jiġu rikonoxxuti u eżegwiti fi Stat Membru li mhux parti għall-istrument li jistabbilixxi l-qorti komuni; u

(b)

sentenzi mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru mhux parti għall-istrument li jistabbilixxi l-qorti komuni li jkunu ser jiġu rikonoxxuti u eżegwiti fi Stat Membru parti għal dak l-istrument.

Madankollu, fejn ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija minn qorti komuni jkunu mitluba fi Stat Membru li huwa parti għall-istrument li jistabbilixxi l-qorti komuni, kwalunkwe regola ta’ dak l-istrument dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni għandhom japplikaw minflok dan ir-Regolament.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-10 ta’ Jannar 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Opinjoni tas-26 ta’ Frar 2014 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ April 2014 għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2014.

(3)  ĠU C 175, 20.6.2013, p. 1.

(4)  Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).

(5)  ĠU L 299, 16.11.2005, p. 62.