27.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 158/77


REGOLAMENT (UE) Nru 537/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' April 2014

dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta' entitajiet ta' interess pubbliku u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz ta' att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar huma fdati skont il-liġi li jwettqu awditi statutorji tal-entitajiet ta' interess pubbliku bil-għan li jtejbu l-grad ta' fiduċja tal-pubbliku fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali u kkonsolidati ta' tali entitajiet. Il-funzjoni ta' interess pubbliku ta' awditu statutorju tfisser li komunità wiesgħa ta' persuni u istituzzjonijiet tiddependi fuq il-kwalità tax-xogħol ta' awditur statutorju jew ditta tal-awditjar. Kwalità tajba tal-awditjar tikkontribwixxi għall-funzjonament kif jixraq tas-swieq billi ttejjeb l-integrità u l-effiċjenza tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji. B'hekk, l-awdituri statutorji jissodisfaw rwol fis-soċjetà li huwa partikolarment importanti.

(2)

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni teħtieġ li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji, li jinkludu dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jew dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati, ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, impriżi tal-assigurazzjoni, emittent tat-titoli ammessi għan-negozjar f'suq regolat, istituzzjonijiet ta' pagament, impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS), istituzzjonijiet ta' flus elettroniku, u fondi ta' investiment alternattiv jiġu awditjati minn persuna waħda jew aktar intitolati li jwettqu awditi f'konformità mad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri: l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE (3), l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE (4), l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5),l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), l-Artikolu 73 tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), u l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Barra minn hekk, il-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) jeħtieġ ukoll li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tad-ditti ta' investiment jiġu awditjati meta d-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) ma tkunx applikabbli.

(3)

Il-kondizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-persuni responsabbli għat-twettiq ta' awditu statutorju kif ukoll ir-rekwiżiti minimi għat-twettiq ta' tali awditu statutorju huma stabbiliti fid-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(4)

Fit-13 ta' Ottubru 2010, il-Kummissjoni ppubblikat Karta Ħadra intitolata 'Il-Politika tal-Awditjar: Lezzjonijiet mill-Kriżi', li tat bidu għal konsultazzjoni pubblika wiesgħa, fuq il-kuntest ġenerali tar-riforma regolatorja tas-suq finanzjarju, dwar ir-rwol u l-ambitu tal-awditjar u dwar kif il-funzjoni tal-awditjar tista' tittejjeb sabiex tikkontribwixxi għal iktar stabbiltà finanzjarja. Dik il-konsultazzjoni pubblika wriet li r-regoli tad-Direttiva 2006/43/KE dwar l-awditu statutorju tal-kontijiet annwali u tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati ta' entitajiet ta' interess pubbliku, jistgħu jittejbu. Il-Parlament Ewropew ħareġ rapport fuq inizjattiva tiegħu stess dwar il-Green Paper fit-13 ta' Settembru 2011. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta wkoll rapport dwar dik il-Green Paper fis-16 ta' Ġunju 2011.

(5)

Huwa importanti li jiġu stabiliti regoli dettaljati bil-għan li jiġi żgurat li l-awditi statutorji ta' entitajiet ta' interess pubbliku jkunu ta' kwalità adegwata u jitwettqu minn awdituri statutorji u ditti tal-awditjar soġġetti għal rekwiżiti stretti. Approċċ regolatorju komuni għandu jtejjeb l-integrità, l-indipendenza, l-oġġettività, ir-responsabbiità, it-trasparenza u l-affidabbiltà tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar li jwettqu awditjar statutorju ta' entitajiet ta' interess pubbliku, billi jikkontribwixxu għall-kwalità tal-awditjar statutorju fl-Unjoni, b'hekk jikkontribwixxu għall-funzjonament bla intoppi tas-suq intern, filwaqt li jilħqu livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri. L-iżvilupp ta' att separat għal entitajiet ta' interess pubbliku għandu jiżgura wkoll armonizzazzjoni konsistenti u applikazzjoni uniformi tar-regoli u b'hekk jikkontribwixxi għal funzjonament aktar effettiv tas-suq intern. Dawn ir-rekwiżiti stretti għandhom ikunu applikabbli għall-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar biss kemm-il darba jwettqu awditi statutorji ta' entitajiet ta' interess pubbliku.

(6)

L-awditu statutorju tal-kooperattivi u l-banek tat-tfaddil huwa kkaratterizzat f'ċerti Stati Membri minn sistema li ma tippermettilhomx li jagħżlu liberament l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar tagħhom. L-assoċjazzjoni tal-awditjar li jagħmlu parti minnha bħala membri l-kooperattiva jew il-bank tat-tfaddil hi obbligata bil-liġi li twettaq awditu statutorju.Tali assoċjazzjonijiet tal-awditjar jaġixxu fuq bażi mhux għall-qligħ mingħajr ma jfittxu interessi kummerċjali, kif jirriżulta min-natura ġuridika tagħhom. Barra minn hekk, l-unitajiet organizzattivi ta' dawn l-assoċjazzjonijiet mhumiex assoċjati ma' interess ekonomiku komuni, li jista' jipperikola l-indipendenza tagħhom. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jeżentaw lil kooperattivi fis-sens tal-punt (14) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/43/KE, lil banek tat-tfaddil jew entitajiet simili kif imsemmi fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 86/635/KEE jew lil sussidjarji jew suċċessuri legali tagħhom minn dan ir-Regolament dment li jkun hemm konformità mal-prinċipji ta' indipendenza stipulati fid-Direttiva 2006/43/KE.

(7)

Il-livell ta' tariffi rċevuti minn waħda mill-entitajiet awditjati u l-istruttura tat-tariffi jistgħu wkoll jheddu l-indipendenza ta' awditur statutorju jew ditta tal-awditjar. Għalhekk, huwa importanti li jiġi żgurat li t-tariffi tal-awditjar ma jkunux ibbażati fuq xi forma ta' kontinġenza u li, meta t-tariffi tal-awditjar minn klijent waħdieni inklużi s-sussidjarji tiegħu jkunu sinifikanti, tiġi stabbilita proċedura speċifika li tinvolvi lill-kumitat tal-awditjar sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-awditjar. Jekk l-awditur statutorju jew d-ditta tal-awditjar isiru dipendenti b'mod eċċessiv fuq klijent wieħed, il-kumitat tal-awditjar għandu jiddeċiedi abbażi ta' kriterji adatti jekk l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar tistax tkompli twettaq l-awditu statutorju. Fit-teħid ta' tali deċiżjoni, il-kumitat tal-awditjar għandu jieħu inkonsiderazzjoni, inter alia, it-theddid għall-indipendenza u l-konsegwenzi ta' tali deċiżjoni fost affarijiet oħrajn.

(8)

Il-forniment ta' ċerti servizzi għajr awditu statutorju (servizzi mhux tal-awditjar) lil entitajiet awditjati minn awdituri statutorji u ditti tal-awditjar jew membri tan-netwerks tagħhom jista' jikkomprometti l-indipendenza tagħhom. Għaldaqstant, huwa l-każ li jiġi pprojbit il-forniment ta' ċerti servizzi mhux tal-awditjar bħal servizzi speċifiċi fiskali, ta' konsulenza u ta' pariri lill-entità awditjata, lill-intrapriża prinċipali tagħha u lill-intrapriżi kkontrollati tagħha fi ħdan l-Unjoni. Is-servizzi li jinvolvu kwalunkwe parteċipazzjoni fil-ġestjoni jew fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-entità awditjata jistgħu jinkludu l-ġestjoni tal-kapital operattiv, l-għoti tal-informazzjoni finanzjarja, l-ottimizzazzjoni tal-proċess tan-negozju, il-ġestjoni tal-flus kontanti, l-ipprezzar tat-trasferimenti, il-ħolqien tal-effiċjenza fil-katina tal-provvista u simili. Servizzi marbuta mal-finanzjament, l-istruttura u l-allokazzjoni kapitali, u l-istrateġija tal-investiment tal-entità awditjata għandhom jiġu pprojbiti minbarra l-għoti ta' servizzi bħal servizzi ta' diliġenza dovuta, il-ħruġ ta' ittri ta' konfort b'rabta mal-prospetti maħruġa mill-entità awditjata u servizzi oħra ta' assigurazzjoni.

(9)

Għandu jkun possibbli għall-Istati Membri li jiddeċiedu li jippermettu l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar sabiex jipprovdu ċerti servizzi fiskali u ta' evalwazzjoni meta dawn is-servizzi jkunu immaterjali jew ma jkollhom l-ebda effett dirett b'mod separat jew b'mod aggregat fuq id-dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati. Meta tali servizzi jinvolvu ppjanar fiskali aggressiv, huma m'għandhomx jitqiesu bħala immaterjali. Għaldaqstant awditur statutorju jew ditta tal-awditjar m'għandhiex tipprovdi t-tali servizzi lill-entità awditjata. Awditur statutorju jew ditta tal-awditjar għandhom ikunu jistgħu jipprovdu servizzi mhux ta' awditjar minbarra servizzi mhux ta' awditjar li ma jkunux ipprojbiti taħt dan ir-Regolament, jekk il-forniment ta' dawk is-servizzi jkun ġie approvat bil-quddiem mill-kumitat tal-awditjar u jekk l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar ikunu huma stess sodisfatti li l-għoti ta' dawk is-servizzi ma jirrappreżentax theddida għall-indipendenza tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar li ma tistax titnaqqas għal livell aċċettabbli bl-applikazzjoni ta' salvagwardji.

(10)

Bil-għan li jiġu evitati l-konflitti ta' interess, huwa importanti li l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar, qabel jaċċettaw jew ikomplu inkarigu f'awditjar statutorju ta' entità ta' interess pubbliku, jivvaluta jekk ġewx sodisfatti r-rekwiżiti ta' indipendenza, u b'mod partikolari jekk jirriżultax xi theddid għall-indipendenza bħala riżultat tar-relazzjoni ma' dik l-entità. L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandha tikkonferma l-indipendenza tagħha annwalment lill-kumitat tal-awditjar tal-entità awditjata u għandha tiddiskuti ma' tali kumitat kwalunkwe theddid għall-indipendenza tagħha kif ukoll is-salvagwardji applikati sabiex jiġi mmitigat dak it-theddid.

(11)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) għandha tirregola l-ipproċessar ta' data personali mwettaq fl-Istati Membri fil-kuntest ta' dan ir-Regolament u tali proċessar ta' data personali għandu jkun soġġett għas-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b'mod partikolari l-awtoritajiet pubbliċi indipendenti maħtura mill-Istati Membri. Kwalunkwe skambju jew trasmissjoni ta' informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkonformaw mar-regoli dwar it-trasferiment ta' data personali kif stabbilit fid-Direttiva 95/46/KE.

(12)

Analiżi tajba tal-kontroll tal-kwalità tal-inkarigu tax-xogħol imwettaq f'kull inkarigu ta' awditu statutorju għandha twassal għal kwalità għolja tal-awditjar. Għaldaqstant, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar ma għandhiex toħroġ ir-rapport tal-awditjar tagħha sakemm tkun tlestiet l-analiżi tal-kontroll tal-kwalità tal-inkarigu.

(13)

Ir-riżultati tal-awditu statutorju ta' entità ta' interess pubbliku għandhom jiġu ppreżentati lill-partijiet b'interess fir-rapport tal-awditjar. Sabiex tiżdied il-fiduċja tal-partijiet interessati fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-entità awditjata, huwa partikolarment importanti li r-rapport tal-awditjar ikollu bażi tajba u jkun issostanzjat b'mod adatt. Flimkien mal-informazzjoni li jeħtieġ li tingħata taħt l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2006/43/KE, ir-rapport tal-awditur għandu jinkludi b'mod partikolari informazzjoni suffiċjenti dwar l-indipendenza tal-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar u dwar jekk l-awditu statutorju tqiesx li kien kapaċi jiżvela irregolaritajiet, inklużi frodi.

(14)

Il-valur tal-awditu statutorju għall-entità awditjata jittejjeb b'mod partikolari jekk il-komunikazzjoni bejn l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar, minn naħa u l-kumitat tal-awditjar min-naħa l-oħra, tissaħħaħ. Wara d-djalogu regolari mwettaq matul it-twettiq tal-awditu statutorju, huwa importanti li l-awditur statutorju jew id-ditti tal-awditjar jissottomettu lill-kumitat tal-awditjar, rapport addizzjonali u aktar dettaljat dwar ir-riżultati tal-awditu statutorju. Dan ir-rapport addizzjonali għandu jiġi ppreżentat lill-kumitat tal-awditjar mhux iktar tard mir-rapport tal-awditjar. Fuq talba, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandha tiddiskuti materji prinċipali li ssemmew fir-rapport addizzjonali mal-kumitat tal-awditjar. Barra minn hekk, għandu jkun possibbli li dan ir-rapport dettaljat addizzjonali jkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tal-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar fuq talba tagħhom, u għal partijiet terzi fejn dan ikun previst mil-liġi nazzjonali.

(15)

Awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar diġà jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti li jissorveljaw entitajiet ta' interess pubbliku b'informazzjoni dwar fatti u deċiżjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu ksur tar-regoli li jirregolaw l-attivitajiet tal-entità awditjata jew indeboliment tal-funzjonament kontinwu tal-entità awditjata. Madankollu, il-kompiti superviżorji jiġu ffaċilitati wkoll li kieku s-superviżuri ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u impriżi tal-assigurazzjoni u l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar tagħhom ikunu meħtieġa jistabbilixxu djalogu effettiv ma' xulxin.

(16)

Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) stabblixxa ir-Riskju Sistemiku (BERS). Ir-rwol tal-BERS huwa li jissorvelja l-iżvilupp ta' riskju sistemiku fl-Unjoni. Fid-dawl tal-informazzjoni li l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar ta' istituzzjonijiet finanzjarji sistemikament importanti jkollhom aċċess għaliha, l-esperjenza tagħhom tista' tgħin lill-BERS f'xogħlu. Għalhekk forum annwali għal djalogu bejn awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar, fuq naħa, u l-BERS, fuq in-naħa l-oħra, fuq bażi settorjali u anonima għandu jiġi ffaċilitat b'dan ir-Regolament.

(17)

Sabiex tiżdied il-fiduċja fi, u r-responsabilità ta', awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar li jwettqu l-awditu statutorju ta' entitajiet ta' interess pubbliku, huwa importanti li r-rapportar tat-trasparenza minn awdituri statutorji u ditti tal-awditjar jiżdied. Għaldaqstant, l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar għandhom ikunu meħtieġa jiżvelaw informazzjoni finanzjarja, li turi b'mod partikolari, l-introjtu totali tagħhom maqsum skont it-tariffi tal-awditjar mħallsa minn entitajiet ta' interess pubbliku, tariffi tal-awditjar mħallsa minn entitajiet oħrajn u tariffi għal servizzi oħrajn. Huma għandhom ukoll jiżvelaw informazzjoni finanzjarja fil-livell tan-netwerk li jagħmlu parti minnu. L-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar għandhom jipprovdu informazzjoni supplimentari addizzjonali rigward it-tariffi tal-awditjar lill-awtoritajiet kompetenti bil-għan li jiġu ffaċilitati l-kompiti superviżorji tagħhom.

(18)

Huwa importanti li jissaħħaħ ir-rwol tal-kumitat tal-awditjar fl-għażla ta' awditur statutorju ġdid jew ditta tal-awditjar ġdida, fl-interess ta' deċiżjoni aktar informata mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti jew il-membri tal-entità awditjata. Għaldaqstant, meta jressaq proposta fil-laqgħa ġenerali, il-bord amministrattiv jew superviżorju għandu jispjega jekk din tkunx qed issegwi l-preferenza tal-kumitat tal-awditjar u, jekk le, għalfejn. Ir-rakkomandazzjoni tal-kumitat tal-awditjar għandha tinkludi tal-inqas żewġ għażliet possibbli għall-inkarigu tal-awditjar u preferenza ġġustifikata kif dovut għal waħda minnhom, sabiex tkun tista' ssir għażla reali. Sabiex tingħata ġustifikazzjoni ġusta u adatta fir-rakkomandazzjoni tiegħu, il-kumitat tal-awditjar għandu juża r-riżultati ta' proċedura obbligatorja tal-għażla organizzata mill-entità awditjata, taħt ir-responsabbiltà tal-kumitat tal-awditjar. F'tali proċedura tal-għażla, l-entità awditjata m'għandhiex iżżomm lil awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar b'sehem żgħir fis-suq milli jippreżentaw proposti għall-inkarigu tal-awditjar. Dokumenti ta' sejħiet għall-offerti għandu jkun fihom kriterji tal-għażla trasparenti u mhux diskriminatorji li għandhom jintużaw għall-evalwazzjoni tal-proposti. Madankollu, jekk wieħed jikkunsidra li din il-proċedura tal-għażla tista' tinvolvi spejjeż sproporzjonati għal impriżi b'kapitalizzazzjoni tas-suq imnaqqsa jew entitajiet ta' interess pubbliku żgħar jew medji wara li jiġi kkunsidrat d-daqs tagħhom, jixraq li dawn l-impriżi u entitajiet jinħelsu mill-obbligu li jorganizzaw proċedura tal-għażla ta' awditur statutorju jew ditta tal-awditjar.

(19)

Id-dritt tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti jew tal-membri tal-entità awditjata sabiex jagħżlu l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar ma jkollu l-ebda valur jekk l-entità awditjata jkollha tidħol f'kuntratt ma' parti terza li tipprovdi restrizzjoni ta' għażla bħal din. Għaldaqstant, kull klawsola kuntrattwali li tidħol għaliha entità awditjata ma' parti terza rigward il-ħatra jew ir-restrizzjoni tal-għażla ta' awdituri statutorji jew ta' ditti tal-awdituri partikolari tiġi kkunsidrata nulla u bla effett.

(20)

Il-ħatra ta' aktar minn awditur statutorju wieħed jew ditta tal-awditjar wieħed minn entitajiet ta' interess pubbliku ssaħħaħ ix-xettiċiżmu professjonali u tgħin biex tiżdied il-kwalità fl-awditjar. Barra minn hekk, din il-miżura flimkien mal-preżenza ta' ditti tal-awditjar iżgħar fis-suq tal-awditjar, tiffaċilita l-iżvilupp tal-kapaċità ta' tali ditti, b'hekk twessa' l-għażla ta' awdituri statutorji u ditti tal-awditjar għal entitajiet ta' interess pubbliku. Għaldaqstant, dan għandu jiġi promoss u inċentivizzat biex jinħatru aktar minn awditur statutorju wieħed jew ditta tal-awditjar waħda biex iwettqu l-awditu statutorju.

(21)

Sabiex tiġi indirizzata t-theddida tal-familjarità u għaldaqstant, sabiex tissaħħaħ l-indipendenza tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar, huwa importanti li jiġi stabbilit tul ta' żmien massimu tal-inkarigu tal-awditjar ta' awditur statutorju jew ta' ditta tal-awditjar f'entità awditjata partikolari. Barra minn hekk, bħala mezz ta' tisħiħ tal-indipendenza tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar, it-tisħiħ ta' xettiċiżmu professjonali, u ż-żieda fil-kwalità tal-awditjar, dan ir-Regolament jipprovdi għall-alternattivi li ġejjin għall-estensjoni tad-durata massima: it-tfigħ mill-ġdid ta' offerti mandatorji regolari u miftuħa jew il-ħatra ta' aktar minn awditur statutorju wieħed jew ditta tal-awditjar waħda minn entitajiet ta' interess pubbliku. Ukoll, l-involviment ta' ditti tal-awditjar iżgħar f'dawn il-miżuri jiffaċilita l-iżvilupp tal-kapaċità ta' tali ditti, u b'hekk titwessa' l-għażla ta' awdituri statutorji u ditti tal-awditjar għal entitajiet ta' interess pubbliku. Għandu jiġi stabbilit ukoll mekkaniżmu ta' rotazzjoni gradwali adatt fir-rigward tas-sħab prinċipali fl-awditjar li jwettqu awditu statutorju f'isem id-ditta tal-awditjar. Huwa importanti wkoll li jkun previst perijodu adatt li fih tali awditur statutorju jew ditta tal-awditjar ma jkunux jistgħu iwettqu l-awditu statutorju tal-istess entità. Sabiex tkun żgurata transizzjoni mingħajr xkiel, l-awditur statutorju preċedenti għandu jittrasferixxi fajl ta' trasferiment bl-informazzjoni rilevanti lill-awditur statutorju ta' warajh.

(22)

Sabiex ikun żgurat livell għoli ta' fiduċja tal-investitur u tal-konsumatur fis-suq intern billi jiġu evitati konflitti ta' interess, l-awdituri u d-ditti tal-awditjar għandhom ikunu soġġetti għal superviżjoni adatta minn awtoritajiet kompetenti li jkunu indipendenti mill-professjoni tal-awditjar u li jkollhom kapaċità, ħiliet esperti u riżorsi adegwati. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddelegaw jew jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom li jiddelega kwalunkwe wieħed mill-kompiti ta' dawk l-awtoritajiet kompetenti lil awtoritajiet jew korpi oħrajn bl-eċċezzjoni għal dawk relatati mas-sistema tal-garanzija tal-kwalità, l-investigazzjonijiet u s-sistemi dixxiplinari. Mandankollu, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħżlu li jiddelegaw kompiti relatati ma' sistemi dixxiplinarji lil awtoritajiet u korpi oħra dment li l-parti l-kbira tal-persuni involuti fil-governanza tal-awtorità jew l-entità kkonċernata huma indipendenti mill-professjoni tal-awditjar. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandu jkollhom is-setgħat meħtieġa sabiex iwettqu l-kompiti superviżorji tagħhom, inkluża l-kapaċità li jaċċedu għal data, jiksbu informazzjoni u jwettqu ispezzjonijiet. Huma għandhom jispeċjalizzaw fis-superviżjoni tas-swieq finanzjarji, fil-konformità mal-obbligi ta' rappurtar finanzjarju jew fis-sorveljanza tal-awditu statutorju. Madanakollu, għandu jkun possibbli li s-superviżjoni tal-konformità mal-obbligi imposti fuq entitajiet ta' interess pubbliku titwettaq mill-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni ta' dawk l-entitajiet. Il-finanzjament tal-awtoritajiet kompetenti għandu jkun ħieles minn kwalunkwe influwenza mhux dovuta minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar.

(23)

Il-kwalità tas-superviżjoni għandha titjieb jekk ikun hemm kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet inkarigati b'kompiti differenti f'livell nazzjonali. Għaldaqstant, l-awtoritajiet kompetenti jwettqu superviżjoni tal-konformità mal-obbligi fir-rigward tal-awditu statutorju ta' entitajiet ta' interess pubbliku għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet responsabbli għall-kompiti, li huma previsti fid-Direttiva 2006/43/KE, ma' dawk l-entitajiet ta' interess pubbliku li jwettqu s-superviżjoni u mal-unitajiet tal-intelligence finanzjarja msemmija fid-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(24)

Garanzija tal-kwalità esterna għall-awditu statutorju hija fundamentali għal awditjar ta' kwalità għolja. Din iżżid il-kredibbiltà għal informazzjoni finanzjarja ppubblikata u tipprovdi protezzjoni aħjar għall-azzjonisti, l-investituri, il-kredituri u ta' partijiet interessati oħrajn. Għaldaqstant, l-awdituri u d-ditti tal-awditjar għandhom ikunu soġġetti għal sistema ta' garanzija tal-kwalità taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti, u b'hekk jiżguraw oġġettività u indipendenza mill-professjoni tal-awditjar. L-analiżi tal-garanzija tal-kwalità għandhom jiġu organizzati b'tali mod li kull awditur statutorju jew ditta tal-awditjar statutorji li jwettqu awditjar ta' entitajiet ta' interess pubbliku jkunu soġġetti għal analiżi tal-garanzija tal-kwalità abbażi ta' analiżi tar-riskji. Fil-każ ta' awdituri u ditti tal-awditjar li jwettqu awditu statutorju ta' entitajiet ta' interess pubbliku li mhumiex dawk iddefiniti fil-punti (17) u (18) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/43/KE, dik l-analiżi għandha ssir tal-inqas kull tliet snin; u, f'każijiet oħrajn tal-inqas kull sitt snin. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2008 dwar l-assigurazzjoni [il-garanzija] esterna tal-kwalità għall-awdituri u l-kumpanniji tal-verifika [ditti tal-awditjar] statutorji li jivverifikaw [jawditjaw] entitajiet ta' interess pubbliku (16) tipprovdi informazzjoni dwar kif għandhom jitwettqu l-ispezzjonijiet. L-analiżi tal-garanzija tal-kwalità għandhom ikunu adatti u proporzjonati fid-dawl tal-iskala u l-kumplessità tan-negozju tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar analizzati.

(25)

Is-suq għall-forniment ta' servizzi tal-awditjar statutorju lil entitajiet ta' interess pubbliku jevolvi maż-żmien. Hu għalhekk meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw l-iżviluppi fis-suq, partikolarment fir-rigward tar-riskji li jirriżultaw minn konċentrazzjoni għolja fis-suq, inkluż f'setturi speċifiċi u l-prestazzjoni tal-kumitati tal-awditjar.

(26)

It-trasparenza tal-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti għandha tgħin sabiex tiżdied il-fiduċja tal-investituri u tal-konsumaturi fis-suq intern. Għaldaqstant, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jintalbu jirrappurtaw b'mod regolari dwar l-attivitajiet tagħhom u jippubblikaw informazzjoni f'forma aggregata dwar is-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-ispezzjonijiet, jew f'forma individwali fejn jipprovdu hekk l-Istati Membri.

(27)

Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tista' tagħmel kontribuzzjoni importanti għall-iżgurar ta' kwalità għolja fl-awditjar statutorju fl-Unjoni. Għaldaqstant, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw flimkien, fejn dan ikun meħtieġ, għall-finijiet ta' twettiq tad-doveri superviżorji tagħhom rigward l-awditjar statutorju. Huma għandhom jirrispettaw il-prinċipju tar-regolament tal-pajjiż domiċiljari u s-sorveljanza mill-Istat Membru li fih jiġu approvati l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar u fejn l-entità awditjata jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha. Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għandha tiġi organizzata fil-qafas ta' Kumitat ta' Korpi Ewropej għas-Sorveljanza tal-Awditjar (CEAOB), li għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta' livell għoli tal-awtoritajiet kompetenti. Sabiex tissaħħaħ l-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament, is-CEAOB għandu jkun jista' jadotta linji gwida jew opinjonijiet mhux vinkolanti. Barra minn hekk, huwa għandu jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni, jipprovdi konsulenza lill-Kummissjoni u jikkontribwixxi għal

valutazzjonijiet tekniċi u eżami tekniku. Għall-fini tat-twettiq tal-valutazzjoni teknika tas-sistemi ta' sorveljanza pubblika ta' pajjiżi terzi u fir-rigward tal-kooperazzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi f'dan il-qasam, is-CEAOB għandu jistabbilixxi sottogrupp presedut mill-membru maħtur mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq — ESMA) (17) u għandu jitlob l-assistenza mill-ESMA, mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea — EBA) (18) jew mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol — EIOPA) (19) safejn it-talba tagħha tkun relatata mal-kooperazzjoni internazzjonali bejn Stati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam ta' awditu statutorju ta' entitajiet ta' interess pubbliku ssorveljat mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. Is-Segretarjat tas-CEAOB għandu jkun provdut mill-Kummissjoni u, abbażi tal-programm ta' ħidma maqbul mis-CEAOB, għandu jinkludi spejjeż relatati fl-istimi tiegħu għas-sena li jkun imiss.

(28)

L-ambitu tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandu jinkludi kooperazzjoni fir-rigward tal-analiżijiet tal-garanzija tal-kwalità u assistenza ma' investigazzjonijiet relatati mat-twettiq ta' awditi statutorji ta' entitajiet ta' interess pubbliku, inkluż f'każijiet fejn il-kondotta li tkun qiegħda tiġi investigata ma tikkostitwixxi l-ebda ksur ta' dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja fis-seħħ fl-Istati Membri kkonċernati. L-arranġamenti dettaljati għal kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jinkludu l-possibilità li jinħolqu kulleġġi ta' awtoritajiet kompetenti u d-delega ta' kompiti bejniethom. Il-kunċett ta' netwerk li fih joperaw l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar għandu jiġi kkunsidrat f'tali kooperazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrispettaw ir-regoli adatti dwar il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali.

(29)

L-interrelazzjoni tas-swieq kapitali tirriżulta fil-ħtieġa li tingħata s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali biex jikkooperaw mal-awtoritajiet u l-entitajiet superviżorji ta' pajjiżi terzi rigward l-iskambju ta' informazzjoni jew l-analiżijiet tal-garanzija tal-kwalità. Madanakollu, fejn il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi tkun marbuta ma' dokumenti ta' ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħrajn miżmuma minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar, għandhom japplikaw il-proċeduri stabbiliti mid-Direttiva 2006/43/KE.

(30)

Kapaċità sostenibbli tal-awditjar u suq kompetittiv għas-servizzi tal-awditjar statutorju li fihom ikun hemm biżżejjed għażla ta' awdituri statutorji u ditti tal-awditjar li kapaċi jwettqu awditi statutorji fuq entitajiet ta' interess pubbliku jkunu meħtieġa sabiex jiġi żgurat funzjonament bla xkiel tas-swieq kapitali. L-awtoritajiet kompetenti u n-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK) għandhom jirrapportaw dwar il-bidliet fl-istruttura tas-suq tal-awditjar introdotti minn dan ir-Regolament. Meta jwettaq tali analiżi, in-NEK għandu jqis l-impatt tar-regoli nazzjonali tal-obbligazzjoni ċivili għall-awdituri statutorji u ditti tal-awditjar fuq l-istruttura tas-suq tal-awditjar. Abbażi tar-rapport tan-NEK u evidenza oħra xierqa, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-impatt tar-regoli nazzjonali dwar l-obbligazzjonijiet tal-awdituri statutorji u ditti tal-awditjar fuq l-istruttura tas-suq tal-awditjar u għandha tieħu l-passi li tqis xierqa skont ir-riżultat tas-sejbiet tagħha.

(31)

L-allinjament tal-proċeduri għall-adozzjoni tal-atti delegati mill-Kummissjoni mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, mal-Artikoli 290 u 291 tiegħu, għandu jintuża fuq bażi ta' każ b'każ. Sabiex jitqiesu l-iżviluppi fl-awditjar u fil-professjoni tal-awditjar, is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni. B'mod partikolari, atti ddelegati huma meħtieġa bl-iskop li jiġu adottati standards internazzjonali ta' awditjar fil-qasam tal-prattika tal-awditjar, l-indipendenza ta' u l-kontrolli interni ta' awdituri statutorji u ditti tal-awditjar. L-istandards internazzjonali tal-awditjar adottati m'għandhom bl-ebda mod jemendaw jew jissupplimentaw xi rekwiżit ta' dan ir-Regolament, minbarra dawk definiti preċiżament. Huwa importanti b'mod partikolari li l-Kummissjoni jkollha konsultazzjonijiet adegwati matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inklużi konsultazzjonijiet fil-livell ta' esperti.

Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(32)

Sabiex tiżgura ċertezza legali u t-transizzjoni mingħajr xkiel għar-reġim introdott b'dan ir-Regolament, huwa importanti li jiġi introdott perjodu transizzjonali rigward id-dħul fis-seħħ tal-obbligu ta' rotazzjoni awdituri statutorji u ditti tal-awditjar u l-obbligu li tiġi organizzata proċedura tal-għażla ta' awdituri statutorji u ditti tal-awditjar.

(33)

Ir-referenzi għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/43/KE għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu dawk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/43/KE. Il-qafas Ewropew il-ġdid tal-awditjar kif stabbilit minn dan ir-Regolament u mid-Direttiva 2014/56/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) jissostitwixxi r-rekwiżiti eżistenti stabbiliti fid-Direttiva 2006/43/KE u għandu jiġi interpretat mingħajr ma ssir referenza għal kwalunkwe strument preċedenti bħar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni adottati taħt il-qafas preċedenti.

(34)

Minħabba li l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi ċċarat u definit aħjar tar-rwol tal-awditu statutorju rigward entitajiet ta' interess pubbliku, li titjieb l-informazzjoni li l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar tipprovdi lill-entità awditjata, lill-investituri u lil partijiet interessati oħrajn, li jitjiebu l-mezzi ta' komunikazzjoni bejn l-awdituri u s-superviżuri ta' entitajiet ta' interess pubbliku, li jiġi impedit kwalunkwe konflitt ta' interess li jirriżulta mill-forniment ta' servizzi mhux tal-awditjar lil entitajiet ta' interess pubbliku, li jiġi mmitigat ir-riskju ta' kwalunkwe konflitt ta' interess potenzjali dovut għas-sistema eżistenti li permezz tagħha “l-awditjat jagħżel u jħallas lill-awditur” jew it-theddida ta' familjarità, li tiġi ffaċilitata l-bidla u l-għażla ta' awditur statutorju jew ta' ditta tal-awditjar għal entitajiet ta' interess pubbliku, li jwassa' l-għażla ta' awditur statutorju jew ta' ditta tal-awditjar għal entitajiet ta' interess pubbliku u t-titjib fl-effettività, l-indipendenza u l-konsistenza tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tal-awdituri u d-ditti tal-awditjar li jipprovdu awditu statutorju lil entitajiet ta' interess pubbliku inkluż fir-rigward tal-kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost, minħabba l-iskala tagħhom, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(35)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, u l-libertà ta' intrapriżau għandu jiġi applikat f'konformità ma' dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(36)

Is-Superviżur Ewropew tal-Proteżżjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) u ta opinjoni fit-23 ta' April 2012 (22).

(37)

Għandu jiġi stabbilit qafas ġdid ta' awditjar statutorju ta' rapporti finanzjarji annwali u konsolidati minn dan ir-Regolament u mid-Direttiva 2014/56/UE, għalhekk, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE (23) għandha titħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti għat-twettiq tal-awditjar statutorju ta' rapporti finanzjarji annwali u konsolidati ta' entitajiet ta' interess pubbliku, regoli dwar l-organizzazzjoni u l-għażla ta' awdituri statutorji u ditti tal-awditjar minn entitajiet ta' interess pubbliku għall-promozzjoni tal-indipendenza tagħhom u għall-evitar tal-konflitti ta' interess u regoli dwar is-superviżjoni tal-konformità minn awdituri statutorji u ditti tal-awditjar ma' dawk ir-rekwiżiti.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal dawn li ġejjin:

(a)

awdituri statutorji u ditti tal-awditjar li jwettqu awditi statutorji ta' entitajiet ta' interess pubbliku;

(b)

entitajiet ta' interess pubbliku.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2006/43/KE.

3.   Fejn kooperattiva fis-sens tal-punt (14) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/43/KE, bank tat-tfaddil jew entità simili kif imsemmi fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 86/635/KEE, jew sussidjarja jew suċċessur legali ta' tali kooperattiva, bank tat-tfaddil jew entità simili kif imsemmi fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 86/635/KEE huma meħtieġa jew permessi taħt dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu membru ta' entità tal-awditjar mhux għall-qligħ, l-Istat Membru jista' jiddeċiedi li dan ir-Regolament jew ċerti dispożizzjonijiet minnu ma japplikawx għall-awditu statutorju ta' tali entità, dment li jkun hemm konformità mal-prinċipji ta' indipendenza stabbiliti fid-Direttiva 2006/43/KE mill-awditur statutorju fit-twettiq tal-awditu statutorju ta' wieħed mill-membri tiegħu u minn persuni li jistgħu jkunu f'pożizzjoni li jinfluwenzaw l-awditu statutorju.

4.   Fejn kooperattiva fis-sens tal-punt (14) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/43/KE, bank tat-tfaddil jew entità simili kif imsemmi fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 86/635/KEE, jew sussidjarja jew suċċessur legali ta' tali kooperattiva, bank tat-tfaddil jew entità simili kif imsemmi fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 86/635/KEE huma meħtieġa jew permessi taħt dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu membru ta' entità tal-awditjar mhux għall-qligħ, parti oġġettiva, raġonevoli u informata ma tikkonkludix li r-relazzjoni bbażata fuq is-sħubija tikkomprometti l-indipendenza tal-awditur statutorju, dment li meta tali entità tal-awditjar tkun qiegħda twettaq awditu statutorju ta' wieħed mill-membri tagħha, il-prinċipji ta' indipendenza jiġu applikati għal awdituri statutorji li jwettqu l-awditjar u dawk il-persuni li jistgħu jkunu f'pożizzjoni li jinfluwenzaw l-awditu statutorju.

5.   L-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tal-Korpi Ewropej għas-Sorveljanza tal-Awditjar (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ ’CEAOB’), imsemmi fl-Artikolu 30, b'tali sitwazzjonijiet eċċezzjonali ta' nuqqas ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jew ċerti dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Huwa għandu jikkomunika lill-Kummissjoni u lis-CEAOB il-lista ta' dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li ma japplikawx għall-awditu statutorju tal-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u r-raġunijiet li jiġġustifikaw tali nuqqas ta' applikazzjoni.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/43/KE, ħlief fir-rigward tat-terminu 'awtorità kompetenti' kif stipulat fl-Artikolu 20 ta' dan ir-Regolament.

TITOLU II

KONDIZZJONIJIET GĦAT-TWETTIQ TA' AWDITU STATUTORJU TA' ENTITAJIET TA' INTERESS PUBBLIKU

Artikolu 4

Miżati tal-verifika

1.   It-tariffi għall-forniment ta' awditi statutorji lil entitajiet ta' interess pubbliku ma għandhomx ikunu tariffi kontinġenti.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/43/KE, għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, tariffi kontinġenti tfisser tariffi għal inkarigi tal-awditjar ikkalkulati fuq bażi predeterminata relatata mal-eżitu jew ir-riżultat ta' tranżazzjoni jew ir-riżultat tax-xogħol imwettaq. It-tariffi ma jitqiesux bħala kontinġenti jekk dawn ikunu ġew stabbiliti minn qorti jew awtorità kompetenti.

2.   Meta l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jipprovdu lill-entità awditjata, l-impriża ewlenija jew l-impriżi kkontrollati, għal perijodu ta' tlieta jew aktar snin finanzjarji konsekuttivi, servizzi mhux tal-awditjar li mhumiex dawk imsemmija fl-Artikolu 5(1) ta' dan ir-Regolament, it-tariffi totali għal tali servizzi għandhom ikunu limitati għal mhux aktar minn 70 % tal-medja tat-tariffi mħallsa fl-aħħar tliet snin finanzjarji konsekuttivi għall-awditu statutorju tal-entità awditjata u, fejn applikabbli, tal-impriża ewlenija tagħha, l-impriżi kkontrollati tagħha u tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati ta' dak il-grupp ta' impriżi.

Għall-finijiet tal-limiti speċifikati fl-ewwel subparagrafu, is-servizzi mhux tal-awditjar, li mhumiex dawk imsemmija fl-Artikolu 5(1), meħtieġa minn leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew leġiżlazzjoni nazzjonali, għandhom ikunu esklużi.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li awtorità kompetenti tista', fuq talba mill-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar, fuq bażi eċċezzjonali, tippermetti li l-awditur jew id-ditta tal-awditjar statutorji jiġu eżentati mir-rekwiżiti fl-ewwel subparagrafu fir-rigward ta' entità tal-awditjar għal perijodu ta' mhux aktar minn sentejn finanzjarji.

3.   Meta t-tariffi totali riċevuti minn entità ta' interess pubbliku f'kull wieħed minn dawn l-aħħar tliet snin finanzjarji konsekuttivi jkunu jirrappreżentaw aktar minn 15 % tat-tariffi totali riċevuti mill-awditur statutorju jew mid-ditta tal-awditjar jew, fejn ikun il-każ, mill-awditur tal-grupp li jwettaq awditu statutorju f'kull waħda minn dawk is-snin finanzjarji, tali awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jew, fejn ikun il-każ, awditur tal-grupp, għandhom jiżvelaw dak il-fatt lill-kumitat tal-awditjar u jiddiskutu mal-kumitat tal-awditjar t-theddid għall-indipendenza tagħhom u s-salvagwardji applikati biex dak it-theddid jiġi mmitigat. Il-kumitat tal-awditjar għandu jikkunsidra jekk l-inkarigu tal-awditjar għandux ikun soġġett għal analiżi tal-kontroll tal-kwalità tal-inkarigu minn awditur statutorju ieħor jew ditta tal-awditjar oħra qabel ma jinħareġ ir-rapport tal-awditjar.

Meta t-tariffi riċevuti minn tali entità ta' interess pubbliku jibqgħu jeċċedu 15 % tat-tariffi totali irċevuti minn tali awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jew, fejn ikun il-każ, minn awditur tal-grupp li jwettqu awditu statutorju, il-kumitat tal-awditjar għandu jiddeċiedi abbażi ta' kriterji oġġettivi kemm jekk l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jew grupp ta' awdituri, ta' tali entità jew grupp ta' entitajiet tistax tibqa' twettaq l-awditu statutorju għal perijodu addizzjonali li, f'kull każ, ma għandux ikun ta' aktar minn sentejn.

4.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw rekwiżiti aktar stretti minn dawk previsti f'dan l-Artikolu.

Artikolu 5

Projbizzjoni tal-forniment ta' servizzi mhux ta' awditjar

1.   L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar li jwettqu awditu statutorju ta' entità ta' interess pubbliku, jew kwalunkwe membru tan-netwerk li minnu l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jagħmlu parti, ma għandhomx jipprovdu direttament jew indirettament lill-entità awditjata, lill-intrapriża prinċipali tagħha jew lill-intrapriżi kkontrollati tagħha fl-Unjoni, kwalunkwe servizz mhux tal-awditjar ipprojbit

(a)

fil-perijodu bejn il-bidu tal-perijodu awditjat u l-ħruġ tar-rapport tal-awditjar; u

(b)

fis-sena finanzjarja immedjatament qabel il-perijodu msemmi fil-punt (a) b'rabta mas-servizzi elenkati fil-punt (g) tat-tieni subparagrafu.

Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, servizzi mhux ta' awditjar ipprojbiti għandhom ifissru:

(a)

servizzi fiskali relatati ma':

(i)

it-tħejjija tal-formoli tat-taxxa;

(ii)

it-taxxa fuq is-salarji;

(iii)

id-dazji doganali;

(iv)

l-identifikazzjoni ta' sussidji pubbliċi u inċentivi fiskali sakemm l-appoġġ mill-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar fir-rigward ta' tali servizzi ma jkunx meħtieġ bil-liġi;

(v)

l-appoġġ rigward l-ispezzjonijiet fiskali mill-awtoritajiet fiskali sakemm l-appoġġ mill-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar b'rabta ma' tali ispezzjonijiet ma jkunx meħtieġ bil-liġi;

(vi)

kalkolu ta' taxxa diretta u indiretta u taxxa differita;

(vii)

forniment ta' konsulenza fiskali;

(b)

servizzi li jinvolvu kwalunkwe rwol fil-ġestjoni jew il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-entità awditjata;

(c)

żamma tal-kotba u tħejjija tar-rekords kontabilistiċi u d-dikjarazzjonijiet finanzjarji;

(d)

servizzi ta' ħlas tas-salarji;

(e)

disinn u implimentazzjoni ta' proċeduri ta' kontroll intern jew ta' maniġġar tar-riskji b'rabta mat-tħejjija u/jew il-kontroll ta' informazzjoni finanzjarja jew mat-tfassil jew implimentazzjoni ta' sistemi informatiċi finanzjarji;

(f)

servizzi ta' evalwazzjoni, inklużi evalwazzjonijiet imwettqin b'rabta ma' servizzi attwarji jew servizzi ta' appoġġ f'tilwim;

(g)

servizzi legali, rigward:

(i)

il-forniment ta' konsulenza ġenerali,

(ii)

negozjar f'isem l-entità awditjata, jew

(iii)

azzjoni fi rwol ta' difiża fir-riżoluzzjoni ta' tilwim;

(h)

servizzi marbutin mal-funzjoni tal-awditjar intern tal-entità awditjata;

(i)

servizzi marbutin mal-finanzjament, l-istruttura u l-allokazzjoni kapitali, u l-istrateġija tal-investiment tal-entità awditjata, minbarra l-forniment ta' servizzi tal-assigurazzjoni b'rabta mad-dikjarazzjonijiet finanzjarji, bħall-ħruġ ta' ittri ta' konfort b'rabta mal-prospetti maħruġa mill-entità awditjata;

(j)

il-promozzjoni, in-negozjar, jew is-sottoskrizzjoni ta' ishma fl-entità awditjata;

(k)

servizzi ta' riżorsi umani rigward:

(i)

ġestjoni f'pożizzjoni ta' eżerċizzju ta' influwenza sinifikanti fuq it-tħejjija tar-rekords kontabilistiċi jew id-dikjarazzjonijiet finanzjarji li huma soġġetti għal awditu statutorju, fejn tali servizzi jinvolvu:

it-tfittxija għal kandidati għal dawn il-pożizzjonijiet, jew

it-twettiq ta' verifiki ta' referenza ta' kandidati għal dawn il-pożizzjonijiet.

(ii)

it-tfassil tas-sistema tal-organizzazzjoni u

(iii)

il-kontroll tal-ispejjeż.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu servizzi li mhumiex dawk elenkati fil-paragrafu 1 fejn iqisu li dawk is-servizzi jirrappreżentaw theddida għall-indipendenza. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe żieda fil-lista msemmija fil-paragrafu 1.

3.   B'deroga mit-tieni sottoparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jippermettu d-dispożizzjoni tas-servizzi msemmija fil-punti (a) (i), (a) (iv) sa (a) (vii) u (f), dment li jissodisfaw ir-rekwiżiti segwenti jkunu konformi magħha:

(a)

ma jkollhom l-ebda effett dirett, jew ikollhom effett immaterjali, b'mod separat jew aggregat fuq id-dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati;

(b)

l-istima tal-effett fuq id-dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati tiġi dokumentata u spjegata b'mod komprensiv fir-rapport addizzjonali lill-kumitat tal-awditjar imsemmi fl-Artikolu 11; u

(c)

il-prinċipji tal-indipendenza stabbiliti fid-Direttiva 2006/43/KE jiġu sodisfatti mill-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar.

4.   L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar li twettaq awditu statutorju ta' entitajiet ta' interess pubbliku u, meta l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar tagħmel parti minn netwerk, kwalunkwe membru ta' tali netwerk, tista' tipprovdi lill-entità awditjata, lill-intrapriża prinċipali tagħha jew lill-intrapriżi kkontrollati tagħha, servizzi mhux tal-awditjar li mhumiex is-servizzi mhux tal-awditjar ipprojbiti msemmija fil-paragrafi 1 u 2, soġġett għall-approvazzjoni tal-kumitat tal-awditjar wara li jkun ivvaluta b'mod adatt it-theddid għall-indipendenza u s-salvagwardji applikati f'konformità mal-Artikolu 22b tad-Direttiva 2006/43/KE. Il-Kumitat tal-awditjar għandu fejn applikabbli joħroġ linji gwida fir-rigward ta' servizzi msemmija fil-paragrafu 3.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli aktar stretti li jistipulaw il-kondizzjonijiet skont liema l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jew membru ta' netwerk li minnu l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jagħmlu parti, jista' jipprovdi lill-entità awditjata, lill-intrapriża prinċipali tagħha jew lill-intrapriżi kkontrollati tagħha, servizzi mhux tal-awditjar li mhumiex servizzi mhux tal-awditjar ipprojbiti msemmija fil-paragrafu 1.

5.   Meta membru ta' netwerk li minnu jagħmlu parti l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar li twettaq awditu statutorju ta' entità ta' interess pubbliku jipprovdi kwalunkwe servizz mhux tal-awditjar, imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu, lil intrapriża inkorporata f'pajjiż terz ikkontrollata mill-entità ta' interess pubbliku awditjata, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar kkonċernata għandha tivvaluta jekk l-indipendenza tagħha tkunx kompromessa minn tali forniment ta' servizzi mill-membru tan-netwerk.

Jekk l-indipendenza tagħha tkun affettwata, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandha tapplika salvagwardji, fejn applikabbli, sabiex timmitiga t-theddid ikkawżat minn tali forniment ta' servizzi f'pajjiż terz. L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar tista' tkompli twettaq l-awditu statutorju tal-entità ta' interess pubbliku biss jekk din tista' tiġġustifika, f'konformità mal-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 22b tad-Direttiva 2006/43/KE, li tali forniment ta' servizzi ma jaffettwax il-ġudizzju professjonali tagħha u r-rapport tal-awditjar.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu:

(a)

l-involviment fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-entità awditjata u l-forniment tas-servizzi li għalihom issir referenza fil-paragrafu 1(b), (c) u (e) tat-tieni subparagrafu għandhom jitqiesu li jaffettwaw tali indipendenza fil-każijiet kollha u ma tkunx tista' ssir mitigazzjoni bi kwalunkwe salvagwardja.

(b)

Għandu jiġi preżunt li l-forniment tas-servizzi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 li mhumiex (b), (c) u (e) jaffettwa tali indipendenza u għalhekk li jirrikjedi salvagwardji biex jiġi mmitigat it-theddid ikkawżat b'riżultat ta' dan.

Artikolu 6

Tħejjija għall-awditu statutorju u valutazzjoni tat-theddid għall-indipendenza

1.   Qabel ma taċċetta jew tkompli b'inkarigu għal awditu statutorju ta' entità ta' interess pubbliku, awditur statutorju jew ditta tal-awditjar għandha tivvaluta u tiddokumenta, minbarra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22b tad-Direttiva 2006/43/KE, dan li ġej:

(a)

jekk tikkonformax mar-rekwiżiti tal-Artikoli 4 u 5 ta' dan ir-Regolament;

(b)

jekk ikunx hemm konformità mal-kondizzjonijiet tal-Artikolu 17 ta' dan ir-Regolament;

(c)

mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2005/60/KE, l-integrità tal-membri tal-korpi superviżorji, amministrattivi u l-maniġment tal-entità ta' interess pubbliku.

2.   Awditur statutorju jew ditta tal-awditjar għandha:

(a)

tikkonferma kull sena bil-miktub lill-kumitat tal-awditjar li l-awditur statutorju, id-ditta tal-awditjar u s-sħab, il-maniġers superjuri u l-maniġers, li jkunu qegħdin iwettqu l-awditu statutorju huma indipendenti mill-entità awditjata; employees of the audit firm on managerial level

(b)

tiddiskuti mal-kumitat tal-awditjar it-theddid għall-indipendenza tagħha u s-salvagwardji applikati biex jiġi mmitigat dak it-theddid, kif iddokumentat minnha skont il-paragrafu 1.

Artikolu 7

Irregolaritajiet

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 ta' dan ir-Regolament u d-Direttiva 2005/60/KE, meta awditur statutorju jew ditta tal-awditjar li twettaq l-awditu statutorju ta' entità ta' interess pubbliku tissuspetta jew għandha raġunijiet validi biex tissuspetta li jistgħu jitwettqu jew li jkunu twettqu irregolaritajiet, inkluż frodi fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-entità awditjata, din għandha tinforma lill-entità awditjata u tistiedinha tinvestiga l-kwistjoni u tieħu miżuri xierqa sabiex tindirizza dawn l-irregolaritajiet u sabiex tipprevjeni li tali irregolaritajiet jerġgħu jiġru fil-ġejjieni.

Meta l-entità awditjata ma tinvestigax il-kwistjoni, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandha tinforma lill-awtoritajiet maħturin mill-Istati Membri responsabbli għall-investigazzjoni ta' tali irregolaritajiet.

Id-divulgazzjoni buona fede lil dawk l-awtoritajiet, mill-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar, ta' kwalunkwe irregolarità msemmija fl-ewwel subparagrafu ma għandha tikkostitwixxi ebda ksur ta' restrizzjoni kuntrattwali jew legali dwar id-divulgazzjoni tal-informazzjoni.

Artikolu 8

Analiżi tal-kontroll tal-kwalità tal-inkarigu

1.   Qabel ma jinħarġu r-rapporti msemmija fl-Artikoli 10 u 11, għandha titwettaq analiżi tal-kontroll tal-kwalità tal-inkarigu (minn dan l-Artikolu 'l quddiem imsemmi: analiżi) sabiex jiġi vvalutat jekk l-awditur statutorju jew is-sieħeb ewlieni tal-awditjar setax wasal b'mod raġonevoli għall-opinjoni u l-konklużjonijiet espressi fl-abbozz ta' dawn ir-rapporti.

2.   L-analiżi tal-kontroll tal-kwalità tal-inkarigu għandu jitwettaq minn eżaminatur tal-kontroll tal-kwalità tal-inkarigu (minn dan l-Artikolu 'l quddiem imsemmi: analiżi). L-eżaminatur għandu jkun awditur statutorju li mhuwiex involut fit-twettiq tal-awditu statutorju li miegħu hija relatata l-analiżi tal-kontroll tal-kwalità tal-inkarigu.

3.   B'deroga mill-paragrafu 2, meta l-awditu statutorju jitwettaq minn ditta tal-awditjar u l-awdituri statutorji kollha kienu involuti fit-twettiq tal-awditu statutorju, jew meta l-awditu statutorju jitwettaq minn awditur statutorju u l-awditur statutorju ma jkunx imsieħeb jew impjegat ta' ditta tal-awditjar, dawn għandhom jagħmlu arranġamenti biex awditur statutorju ieħor iwettaq analiżi. Id-divulgazzjoni ta' dokumenti jew informazzjoni lil eżaminatur indipendenti għall-finijiet ta' dan l-Artikolu ma għandhiex tikkostitwixxi ksur tas-segretezza professjonali. Id-dokumenti jew l-informazzjoni żvelati lill-eżaminatur għall-finijiet ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu soġġetti għas-segretezza professjonali.

4.   Fit-twettiq tal-analiżi, l-eżaminatur għandu jżomm rekord tal-inqas dawn li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni mogħtija bil-fomm u bil-miktub mill-awditur statutorju jew mis-sieħeb ewlieni tal-awditjar b'appoġġ għall-opinjonijiet sinifikanti u s-sejbiet ewlenin tal-proċeduri tal-awditjar imwettqin u l-konklużjonijiet li jsiru minn dawn is-sejbiet, sew jekk fuq talba tal-eżaminatur u sew jekk le;

(b)

l-opinjonijiet tal-awditur statutorju jew tas-sieħeb ewlieni tal-awditjar, kif mogħtija fl-abbozz tar-rapporti msemmija fl-Artikoli 10 u 11;

5.   L-analiżi għandha, tal-inqas, tivvaluta l-elementi li ġejjin:

(a)

l-indipendenza tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar mill-entità awditjata;

(b)

ir-riskji sinifikanti li huma rilevanti għall-awditur statutorju u li l-awditur statutorju jew is-sieħeb ewlieni tal-awditjar ikun identifikat matul it-twettiq tal-awditu statutorju u l-miżuri li ħa sabiex jikkontrolla dawk ir-riskji b'mod adegwat;

(c)

ir-raġunament tal-awditur statutorju jew tas-sieħeb ewlieni tal-awditjar, b'mod partikolari fir-rigward tal-livell ta' materjalità u r-riskji sinifikanti msemmija fil-punt (b);

(d)

kwalunkwe talba għal parir lil esperti esterni u l-implimentazzjoni ta' dawn il-pariri;

(e)

in-natura u l-ambitu tad-dikjarazzjonijiet skorretti ikkoreġuti jew mhux ikkoreġuti fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji li ġew identifikati matul it-twettiq tal-awditjar;

(f)

is-suġġetti diskussi mal-kumitat tal-awditjar u l-entitajiet ta' ġestjoni u/jew superviżorji tal-entità awditjata;

(g)

is-suġġetti diskussi mal-awtoritajiet kompetenti u, fejn applikabbli, ma' partijiet terzi oħra;

(h)

jekk id-dokumenti u l-informazzjoni magħżula mill-fajl mill-eżaminatur jappoġġawx l-opinjoni tal-awditur statutorju jew tas-sieħeb ewlieni tal-awditjar kif espressa fl-abbozz tar-rapporti msemmija fl-Artikoli 10 u 11.

6.   L-eżaminatur għandu jiddiskuti r-riżultati tal-analiżi mal-awditur statutorju jew mas-sieħeb ewlieni tal-awditjar. Id-ditta tal-awditjar għandha tistabbilixxi proċeduri biex jiġi ddeterminat il-mod li bih jista' jiġi riżolt kwalunkwe nuqqas ta' qbil bejn is-sieħeb ewlieni tal-awditjar u l-eżaminatur.

7.   L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar u l-eżaminatur għandhom iżommu rekord tar-riżultati tal-analiżi tal-kontroll tal-kwalità tal-inkarigu, flimkien mal-konsiderazzjonijiet abbażi ta' dawn ir-riżultati.

Artikolu 9

Standards internazzjonali għall-awditjar

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta permezz ta' atti delegati f'konformità mal-Artikolu 39 l-istandards internazzjonali għall-awditjar imsemmija fl-Artikolu 26 tad-Direttiva 2006/43/KE fil-qasam tal-prattika tal-awditjar, u l-indipendenza u l-kontrolli interni tal-kwalità tal-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħhom fl-Unjoni, dment li jissodisfaw r-rekwiżiti tal-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 26(3) tad-Direttiva 2006/43/KE u ma jemendaw l-ebda wieħed mir-rekwiziti ta' dan ir-Regolament jew jissupplimentaw xi wieħed mir-rekwiżiti tiegħu minbarra dawk stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 18 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Rapport tal-awditjar

1.   L-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjar għandhom jippreżentaw ir-riżultati tal-awditu statutorju tal-entità ta' interess pubbliku f'rapport tal-awditjar.

2.   Ir-rapport tal-awditjar għandu jitħejja f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2006/43/KE u barra minn hekk għandu tal-inqas:

(a)

jiddikjara min, jew liema korp ikun ħatar l-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjar;

(b)

jindika d-data tal-ħatra u l-perijodu tal-inkarigu totali mingħajr interruzzjoni inkluż tiġdid u ħatriet mill-ġdid preċedenti ta' awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar

(c)

jipprovdi, b'appoġġ tal-opinjoni tal-awditjar, dan li ġej:

(i)

deskrizzjoni tal-aktar riskji sinifikanti vvalutati tad-dikjarazzjoni skorretta materjali, inklużi r-riskji vvalutati tad-dikjarazzjoni skorretta materjali minħabba frodi;

(ii)

sommarju tar-rispons tal-awditur għal dawk ir-riskji; u

(iii)

fejn rilevanti, osservazzjonijiet ewlenin li jirriżultaw fir-rigward ta' dawk ir-riskji.

Fejn ikun rilevanti għall-informazzjoni msemmija hawn fuq, ipprovduta fir-rapport tal-awditjar dwar kull riskju vvalutat tad-dikjarazzjoni skorretta materjali, ir-rapport tal-awditjar għandu jipprovdi referenza ċara għad-divulgazzjoni rilevanti fir-rapporti finanzjarji.

(d)

jispjega sa liema punt l-awditu statutorju tqiesx li seta' jidentifika irregolaritajiet, inkluż frodi;

(e)

jikkonferma li l-opinjoni tal-awditjar hija konsistenti mar-rapport addizzjonali għall-kumitat tal-awditjar imsemmi fl-Artikolu 11;

(f)

jiddikjara li s-servizzi mhux tal-awditjar ipprojbiti msemmija fl-Artikolu 5(1) ma ġewx ipprovduti u li l-awditur(i) jew id-ditta/i tal-awditjar statutorji baqgħu indipendenti mill-entità awditjata fit-twettiq tal-awditjar;

(g)

jindika kwalunkwe servizz, minbarra l-awditu statutorju, li ġie pprovdut mill-awditur statutorju jew mid-ditta tal-awditjar lill-entità tal-awditjar u lill-impriża jew impriżi kkontrollati tagħha, u li ma ġiex żvelat fir-rapport maniġerjali jew id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu rekwiżiti addizzjonali b'rabta mal-kontenut tar-rapport tal-awditjar.

3.   Bl-eċċezzjoni ta' fejn dan ikun meħtieġ fil-punt (e) tal-paragrafu 2, ir-rapport tal-awditjar ma għandu jinkludi ebda kontroreferenza għar-rapport addizzjonali għall-kumitat tal-awditjar imsemmi fl-Artikolu 11. Ir-rapport tal-awditjar għandu jkun imfassal b'lingwaġġ ċar u mingħajr ambigwità.

4.   L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar ma għandha tuża l-isem tal-ebda awtorità kompetenti b'mod li jkun jindika jew jissuġġerixxi endorsjar jew approvazzjoni minn dik l-awtorità tar-rapport tal-awditjar.

Artikolu 11

Rapport addizzjonali għall-kumitat tal-awditjar

1.   L-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjar li jwettqu l-awditu statutorju ta' entitajiet ta' interess pubbliku għandhom jippreżentaw rapport addizzjonali għall-kumitat tal-awditjar tal-entità awditjata mhux iktar tard mid-data tal-preżentazzjoni tar-rapport tal-awditjar msemmi fl-Artikolu 10. L-Istati Membri jistgħu addizzjonalment jeħtieġu li dan ir-rapport addizzjonali jiġi ppreżentat lill-bord amministrattiv jew superviżorju tal-entità awditjata.

Jekk l-entità awditjata ma jkollhiex kumitat tal-awditjar, ir-rapport addizzjonali għandu jiġi ppreżentat lill-entità li twettaq funzjonijiet ekwivalenti fi ħdan l-entità awditjata. L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-kumitat tal-awditjar jiżvela dak ir-rapport addizzjonali lil tali partijiet terzi kif provdut fil-liġi nazzjonali tagħhom.

2.   Ir-rapport addizzjonali għall-kumitat tal-awditjar għandu jsir bil-miktub. Huwa għandu jispjega r-riżultati tal-awditu statutorju li jkun twettaq u għandu tal-inqas:

(a)

jinkludi d-dikjarazzjoni ta' indipendenza msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(2);

(b)

fejn l-awditu statutorju twettaq minn ditta tal-awditjar, ir-rapport għandu jidentifika kull sieħeb ewlieni tal-awditjar li kien involut fl-awditjar;

(c)

fejn l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar ikunu għamlu arranġamenti biex kwalunkwe waħda mill-attivitajiet tagħha titwettaq minn awditur statutorju jew ditta tal-awditjar oħra li ma tkunx parti mill-istess netwerk, jew ikunu użaw il-ħidma ta' esperti esterni, ir-rapport għandu jindika dak il-fatt u għandu jikkonferma li l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar ikunu irċevew konferma mill-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar oħra u/jew l-espert estern rigward l-indipendenza tagħhom;

(d)

jiddeskrivi n-natura, il-frekwenza u l-grad tal-komunikazzjoni mal-kumitat tal-awditjar jew mal-entità li twettaq funzjonijiet ekwivalenti fi ħdan l-entità awditjata, il-korp tal-maniġment u l-korp amministrattiv jew superviżorju tal-entità awditjata, inklużi d-dati tal-laqgħat ma' dawk il-korpi;

(e)

jinkludi deskrizzjoni tal-kampt ta' applikazzjoni u ż-żmien tal-awditjar;

(f)

fejn ikunu nħatru iżjed minn awditur statutorju wieħed jew ditta tal-awditjar waħda, jiddeskrivi d-distribuzzjoni tal-kompiti fost l-awditur(i) statutorju/i u/jew id-ditta/i tal-awditjar;

(g)

jiddeskrivi l-metodoloġija użata, inkluż liema kategoriji tal-karta tal-bilanċ ikunu ġew ivverifikati direttament u liema kategoriji ġew ġew ivverifikati abbażi tal-ittestjar tas-sistema u l-konformità, inkluża spjegazzjoni ta' kwalunkwe varjazzjoni sostanzjali fil-piż tal-ittestjar sostantiv u tal-konformità meta mqabbel mas-sena preċedenti, anki jekk l-awditu statutorju tas-sena preċedenti jkun twettaq minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar statutorji oħrajn;

(h)

jiżvela l-livell kwantitattiv tal-materjalità applikata biex jitwettaq l-awditu statutorju għad-dikjarazzjonijiet finanzjarji b'mod ġenerali u, fejn applikabbli, il-livell jew livelli ta' materjalità għal klassijiet partikolari ta' tranżazzjonijiet, bilanċi tal-kontijiet jew divulgazzjoni, u jiddivulga l-fatturi kwalitattivi li ġew ikkunsidrati fl-istabbiliment tal-livell ta' materjalità;

(i)

jirrapporta u jispjega ġudizzji dwar avvenimenti jew kondizzjonijiet identifikati matul l-awditjar li jistgħu jixħtu dubji sinifikanti fuq il-kapaċità tal-entità li tkompli bħala negozju avvjat u jekk jikkostitwixxux inċertezza materjali; u jipprovdi sommarju tal-garanziji, l-ittri ta' konfort, it-twettiq ta' interventi pubbliċi u l-miżuri ta' appoġġ l-oħrajn kollha li ġew ikkunsidrati fit-twettiq tal-valutazzjoni ta' negozju avvjat;

(j)

jirrapporta dwar kwalunkwe nuqqas sinifikanti fis-sistema interna ta' kontroll finanzjarju tal-entità awditjata jew fil-każ ta' dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati, fis-sistema interna ta' kontroll finanzjarju tal-intrapriża prinċipali, u/jew fis-sistema ta' kontabbilità. Għal kull nuqqas sinifikanti bħal dan, ir-rapport addizzjonali għandu jiddikjara jekk in-nuqqas imsemmi kienx riżolt mill-maniġment jew le;

(k)

jirrapporta kwalunkwe kwistjoni li tinvolvi nuqqas ta' konformità, attwali jew suspettat, ma' liġijiet u regolamenti jew artikoli li kienu identifikati fil-kors tal-awditjar, safejn huma kkunsidrati bħala li huma rilevanti sabiex il-kumitat tal-awditjar ikun jista' jwettaq il-kompiti tiegħu;

(l)

jirrapporta u jivvaluta l-metodi ta' evalwazzjoni applikati għad-diversi elementi fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jew ikkonsolidati inkluż kwalunkwe impatt ta' bidliet ta' tali metodi;

(m)

fil-każ ta' awditu statutorju ta' dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati, jispjega l-kamp ta' applikazzjoni tal-konsolidazzjoni u l-kriterji għall-esklużjoni applikati mill-entità awditjata għall-entitajiet mhux ikkonsolidati, fejn ikun il-każ, u jekk dawk il-kriterji applikati humiex f'konformità mal-qafas ta' rappurtar finanzjarju;

(n)

fejn applikabbli, jidentifika kwalunkwe xogħol ta' awditjar imwettaq minn awdituri ta' pajjiżi terzi, awdituri statutorji, entitajiet tal-awditjar jew ditti tal-awditjar ta' pajjiżi terzi b'rabta mal-awditu statutorju ta' dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati għajr minn membri tal-istess netwerk li jkun jagħmel parti minnu l-awditur tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati;

(o)

jindika jekk ikunux ġew ipprovduti l-ispjegazzjonijiet u d-dokumenti kollha mitluba mill-entità awditjata.

(p)

jirrapporta:

(i)

kull diffikultà sinifikanti, jekk ikun hemm, misjuba fil-kors tal-awditu statutorju;

(ii)

kull kwistjoni sinifikanti, jekk ikun hemm, li tirriżulta mill-awditu statutorju li ġew diskussi, jew ġiet soġġetta għal korrispondenza mal-maniġment; u

(iii)

kull materja oħra, jekk ikun hemm, li tirriżulta mill-awditu statutorju li, skont l-opinjoni professjonali tal-awditur, hija sinifikanti għas-sorveljanza tal-proċess tar-rappurtar finanzjarju.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu rekwiżiti addizzjonali b'rabta mal-kontenut tar-rapport addizzjonali lill-kumitat tal-awditjar.

Fuq talba mill-awditur statutorju, ditta tal-awditjar jew il-kumitat tal-awditjar, l-awditur(i) statutorju/i jew id-ditta/i tal-awditjar għandhom jiddiskutu l-kwistjonijiet ewlenin li jirriżultaw mill-awditu statutorju, imsemmija fir-rapport addizzjonali għall-kumitat tal-awditjar, u b'mod partikolari fil-punt (j) tal-ewwel subparagrafu, mal-kumitat tal-awditjar, il-korp amministrattiv jew fejn applikabbli l-entità superviżorja tal-entità awditjata.

3.   Fejn jiġu inkarigati simultanjament aktar minn awditur statutorju wieħed jew ditta tal-awditjar waħda, u jirriżulta xi nuqqas ta' qbil bejniethom dwar il-proċeduri ta' awditjar, ir-regoli kontabilistiċi jew kwalunkwe kwistjoni oħra rigward it-twettiq tal-awditu statutorju, ir-raġunijiet għal dan in-nuqqas ta' qbil għandhom jiġu spjegati fir-rapport addizzjonali għall-kumitat tal-awditjar.

4.   Ir-rapport addizzjonali għall-kumitat tal-awditjar għandu jiġi ffirmat u datat. Meta d-ditta tal-awditjar twettaq l-awditu statutorju, ir-rapport addizzjonali għall-kumitat tal-awditjar għandu jiġi ffirmat mill-awdituri statutorji li wettqu l-awditu statutorju f'isem id-ditta tal-awditjar.

5.   Fuq talba, u f'konformità mal-liġi nazzjonali, l-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjar statutorji għandhom mingħajr dewmien iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti r-rapport addizzjonali fis-sens tal-Artikolu 20(1).

Artikolu 12

Rapport lis-superviżuri ta' entitajiet ta' interess pubbliku

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55 tad-Direttiva 2004/39/KE, l-Artikolu 63 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24), l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2007/64/KE, l-Artikolu 106 tad-Direttiva 2009/65/KE, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/110/KE u l-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25), l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar li twettaq l-awditu statutorju ta' entità ta' interess pubbliku għandu jkollha d-dmir li tirrapporta minnufih lill-awtoritajiet kompetenti li jwettqu superviżjoni ta' dik l-entità ta' interess pubbliku jew, fejn iddeterminat mill-Istat Membru kkonċernat lill-awtorità kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tal-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar, kwalunkwe informazzjoni dwar dik l-entità ta' interess pubbliku li saret taf biha matul it-twettiq ta' dak l-awditu statutorju u li tista' tirriżulta fi kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

ksur materjali tal-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jistabbilixxu, fejn xieraq, il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-awtorizzazzjoni jew li speċifikament jirregolaw it-twettiq tal-attivitajiet ta' dik l-entità ta' interess pubbliku;

(b)

theddida materjali jew dubju rigward il-funzjonament kontinwu tal-entità ta' interess-pubbliku;

(c)

ċaħda milli tinħareġ opinjoni tal-awditjar dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji jew il-ħruġ ta' opinjoni negattiva jew ikkwalifikata.

L-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjar għandu jkollhom ukoll id-dmir li jirrapportaw kwalunkwe informazzjoni msemmija fil-punti (a) (b) jew (c) tal-ewwel subparagrafu li biha huma jkunu saru jafu matul it-twettiq tal-awditu statutorju ta' intrapriża li jkollha rabtiet mill-qrib mal-entità ta' interess pubbliku li għaliha jkunu wkoll qegħdin iwettqu l-awditu statutorju. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, ”rabtiet mill-qrib” għandu jkollha t-tifsira li tingħata lilha fil-punt (3) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26).

L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu informazzjoni addizzjonali mill-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar dment li din tkun meħtieġa għas-superviżjoni effettiva tas-suq finanzjarju kif previst fil-liġi nazzjonali.

2.   Għandu jiġi stabbilit djalogu effettiv bejn l-awtoritajiet kompetenti li jwettqu superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-impriżi tal-assigurazzjoni, fuq naħa, u l-awditur(i) statutorju/i u d-ditta/i tal-awditjar li jwettqu l-awditu statutorju ta' dawk l-istituzzjonijiet u l-intrapriżi, fuq in-naħa l-oħra. Ir-responsabbiltà għall-konformità ma' dan ir-rekwiżit għandha tkun taż-żewġ partijiet fid-djalogu.

Tal-anqas darba f'sena, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) u s-CEAOB għandhom jorganizzaw laqgħa mal-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar jew in-netwerks li jwettqu awditjar statutorju, tal-istituzzjonijiet finanzjarji globali kollha sistemikament importanti awtorizzati fl-Unjoni, kif identifikati fuq livell internazzjonali sabiex dawn jinformaw lill-BERS dwar żviluppi settorjali jew dwar kwalunkwe żvilupp sinifikanti f'dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji sistemikament importanti.

Sabiex ikun iffaċilitat l-eżerċizzju tal-kompiti msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea — EBA) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea għall-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol — EIOPA) għandhom, b'kont meħud tal-prattiki superviżorji attwali, joħorġu linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti li jwettqu superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-impriżi tal-assigurazzjoni, f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 u l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, rispettivament.

3.   Id-divulgazzjoni buona fede lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-BERS u s-CEAOB, mill-awditur statutorju jew mid-ditta tal-awditjar jew min-netwerk, fejn applikabbli, ta' kwalunkwe informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jew ta' kwalunkwe informazzjoni li toħroġ matul id-djalogu previst fil-paragrafu 2 ma għandhomx jikkostitwixxu ksur ta' ebda restrizzjoni kuntrattwali jew legali dwar id-divulgazzjoni tal-informazzjoni.

Artikolu 13

Rapport dwar it-trasparenza

1.   Awditur statutorju jew ditta tal-awditjar li jwettqu awditjar statutorju ta' entitajiet ta' interess pubbliku għandhom jippubblikaw ir-rapport annwali tat-trasparenza sa mhux aktar tard minn erba' xhur wara tmiem kull sena finanzjarja. Dak ir-rapport ta' trasparenza għandu jiġi ppubblikat fuq is-sit elettroniku tal-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar u għandu jibqa' għad-dispożizzjoni fuq dak is-sit elettroniku għal tal-inqas ħames snin mill-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fuq is-sit elettroniku. Jekk l-awditur statutorju jiġi impjegat minn ditta tal-awditjar, l-obbligi taħt dan l-Artikolu għandhom ikunu tad-ditta tal-awditjar.

Awditur statutorju jew ditta tal-awditjar għandha titħalla taġġorna r-rapporti annwali tagħha tat-trasparenza. F'dan il-każ, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandha tindika li din tkun verżjoni aġġornata tar-rapport u l-verżjoni oriġinali tar-rapport għandha tibqa' disponibbli fuq is-sit elettroniku.

L-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar għandhom jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti li r-rapport tat-trasparenza ġie ppubblikat fuq is-sit elettroniku tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar jew, skont il-każ, li dan ġie aġġornat.

2.   Tal-inqas, ir-rapport annwali ta' trasparenza għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

deskrizzjoni tal-istruttura ġuridika u s-sjieda tad-ditta tal-awditjar;

(b)

fejn l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar tkun membru ta' netwerk:

(i)

deskrizzjoni tan-netwerk u l-arranġamenti legali u strutturali fin-netwerk;

(ii)

l-isem ta' kull awditur statutorju li jopera bħala prattikant waħdani jew ditta tal-awditjar li jkunu membri tan-netwerk;

(iii)

il-pajjiżi li fihom kull awditur statutorju li jopera bħala prattikant waħdani jew ditta tal-awditjar li jkunu membri tan-netwerk huma kkwalifikati bħala awdituri statutorji jew fejn għandhom l-uffiċċju reġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali jew is-sede prinċipali;

(iv)

il-fatturat totali ġġenerat mill-awdituri statutorji li joperaw bħala prattikant waħdani u d-ditti tal-awditjar li jkunu membri tan-netwerk, li jirriżulta mill-awditu statutorju tar-rapporti finanzjarji annwali u konsolidati.

(c)

deskrizzjoni tal-istruttura tal-governanza tad-ditta tal-awditjar;

(d)

deskrizzjoni tas-sistema interna ta' kontroll tal-kwalità tad-ditta tal-awditjar u dikjarazzjoni mill-korp amministrattiv jew maniġerjali dwar l-effikaċja tal-funzjonament tagħha;

(e)

indikazzjoni dwar meta sar l-aħħar eżami tal-garanzija tal-kwalità msemmi fl-Artikolu 26;

(f)

lista ta' entitajiet ta' interess pubbliku li l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar wettqu awditi statutorju għalihom fis-sena finanzjarja ta' qabel;

(g)

dikjarazzjoni li tikkonċerna l-prattiki ta' indipendeza tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar li tikkonferma wkoll li sar eżami intern tal-konformità dwar l-indipendenza;

(h)

dikjarazzjoni dwar il-politika segwita mill-awditur statutorju jew mid-ditta tal-awditjar li tikkonċerna l-edukazzjoni kontinwa tal-awdituri statutorji msemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2006/43/KE;

(i)

informazzjoni li tikkonċerna l-bażi għar-rimunerazzjoni tas-sħab fid-ditti tal-awditjar;

(j)

deskrizzjoni tal-politika tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar li tikkonċerna r-rotazzjoni tas-sħab u l-persunal ewlenin tal-awditjar f'konformità mal-Artikolu 17(7);

(k)

fejn ma tiġix żvelata fir-rapport finanzjarju fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2013/34/UE, informazzjoni dwar il-fatturat totali tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar, maqsuma fil-kategoriji li ġejjin:

(i)

dħul mill-awditu statutorju ta' rapporti finanzjarji annwali u konsolidati ta' entitajiet ta' interess pubbliku u entitajiet li jappartjenu għal grupp ta' impriżi li l-impriża prinċipali tagħhom hija entità ta' interess pubbliku,

(ii)

dħul mill-awditu statutorju ta' rapporti finanzjarji annwali u konsolidati ta' entitajiet oħra;

(iii)

dħul minn servizzi permessi mhux tal-awditjar mogħtija lil entitajiet li huma awditjati mill-awditur statutorju jew mid-ditta tal-awditjar, u;

(iv)

dħul minn servizzi mhux tal-awditjar mogħtija lil entitajiet oħra.

F'ċirkostanzi eċċezzjonali, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar tista' tiddeċiedi li ma tiddivulgax l-informazzjoni meħtieġa fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu sa fejn dan huwa neċessarju sabiex tiġi mitigata theddida imminenti u sinifikanti għas-sigurtà persunali ta' kwalunkwe persuna. L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandha tkun tista' turi lill-awtorità kompetenti l-eżistenza ta' theddida bħal din.

3.   Ir-rapport ta' trasparenza għandu jiġi ffirmat mill-awditur statutorju jew mid-ditta tal-awditjar.

Artikolu 14

Informazzjoni għall-awtoritajiet kompetenti

Kull sena, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandha tipprovdi lista lill-awtorità kompetenti tagħhom tal-entitajiet ta' interess pubbliku awditjati skont id-dħul iġġenerat minnhom, filwaqt li taqsam dak id-dħul fi:

(a)

dħul mill-awditu statutorju;

(b)

dħul minn servizzi mhux tal-awditjar li mhumiex dawk imsemmija fl-Artikolu 5(1) li hu meħtieġ mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew dik nazzjonali; u,

(c)

dħul għal servizzi mhux tal-awditjar li mhumiex dawk imsemmija fl-Artikolu 5(1) li m'hux meħtieġ mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

Artikolu 15

Iż-żamma tar-rekords

L-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar għandhom iżommu d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(3), l-Artikolu 6, l-Artikolu 7, l-Artikolu 8(4) sa (7), l-Artikoli 10 u 11, l-Artikolu 12(1) u (2), l-Artikolu 14, l-Artikolu 16(2), (3) u (5) ta' dan ir-Regolament, u fl-Artikoli 22b, 24a, 24b, 27 u 28 tad-Direttiva 2006/43/KE tal-inqas għal perijodu ta' ħames snin wara l-ħolqien ta' dawn id-dokumenti jew informazzjoni.

L-Istati Membri jistgħu jobbligaw lill-awdituri statutorji u lid-ditti tal-awditjar sabiex iżommu d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għal perijodu itwal f'konformità mar-regoli tagħhom dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji.

TITOLU III

IL-ĦATRA TA' AWDITURI STATUTORJI JEW DITTI TAL-AWDITJAR MINN ENTITAJIET TA' INTERESS PUBBLIKU

Artikolu 16

Ħatra ta' awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar

1.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 37(1) tad-Direttiva 2006/43/KE, għall-ħatra tal-awdituri statutorji jew tad-ditti tal-awditjar minn entitajiet ta' interess pubbliku, għandhom japplikaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5 ta' dan l-Artikolu, iżda dawn jistgħu jkunu soġġetti għall-paragrafu 7.

Fejn japplika l-Artikolu 37(2) tad-Direttiva 2006/43/KE, l-entità ta' interess pubbliku għandha tinforma lill-awtorità kompetenti dwar l-użu tas-sistemi jew il-modalitajiet alternattivi msemmija f'dak l-Artikolu. F'dak il-każ jista' jkun li l-paragrafi 2 sa 5 ta' dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw.

2.   Il-kumitat tal-awditjar għandu jissottometti rakkomandazzjoni lill-korp amministrattiv jew superviżorju tal-entità awditjata għall-ħatra ta' awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar.

Sakemm ma tikkonċernax it-tiġdid ta' inkarigu tal-awditjar skont l-Artikolu 17(1) u 17(2), ir-rakkomandazzjoni għandha tiġi ġustifikata u għandu jkun fiha tal-inqas żewġ għażliet għall-inkarigu tal-awditjar u l-kumitat tal-awditjar għandu jesprimi preferenza ġustifikata b'mod debitu għal waħda minnhom.

Fir-rakkomandazzjoni tiegħu, il-kumitat tal-awditjar għandu jiddikjara li r-rakkomandazzjoni tiegħu hija ħielsa minn kull influwenza minn parti terza u li ma ġiet imposta fuqu l-ebda klawsola tat-tip imsemmi fil-paragrafu 6.

3.   Sakemm ma tikkonċernax it-tiġdid ta' inkarigu tal-awditjar skont l-Artikolu 17(1) u 17(2), ir-rakkomandazzjoni tal-kumitat tal-awditjar imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandha titħejja wara proċedura tal-għażla organizzata mill-entità awditjata li tirrispetta l-kriterji li ġejjin:

(a)

l-entità awditjata għandha tkun libera li tistieden kwalunkwe awditur statutorju jew ditta tal-awditjar sabiex jissottomettu proposti għall-forniment tas-servizz tal-awditjar statutorju bil-kondizzjoni li jiġi rispettat l-Artikolu 17(3) u li l-organizzazzjoni tal-proċess tas-sejħa għal offerti ma jipprekludi bl-ebda mod il-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-għażla ta' ditti li rċevew inqas minn 15 % tat-tariffi tal-awditjar totali minn entitajiet ta' interess pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat fis-sena kalendarja ta' qabel;

(b)

l-entità awditjata għandha tħejji d-dokumenti tal-offerta għall-attenzjoni tal-awdituri statutorji jew tad-ditti tal-awditjar mistiedna. Dawn id-dokumenti tal-offerta għandhom jippermettulhom jifhmu n-negozju tal-entità awditjata u t-tip ta' awditjar statutorju li għandu jsir. Id-dokumenti tal-offerta għandu jkun fihom kriterji tal-għażla trasparenti u mhux diskriminatorji li għandhom jintużaw mill-entità awditjata sabiex jiġu evalwati l-proposti li jsiru mill-awdituri statutorji jew mid-ditti tal-awditjar;

(c)

l-entità awditjata għandha tkun libera li tiddetermina l-proċedura tal-għażla u tista' twettaq negozjati diretti mal-offerenti interessati matul il-proċedura;

(d)

fejn, skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 20, jitolbu lill-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar jikkonformaw ma' ċerti standards tal-kwalità, dawn l-istandards għandhom jiġu inklużi fid-dokumenti tal-offerta;

(e)

l-entità awditjata għandha tevalwa l-proposti li jsiru mill-awdituri statutorji jew mid-ditti tal-awditjar skont il-kriterji tal-għażla predefiniti fid-dokumenti tal-offerta. L-entità awditjata għandha tħejji rapport dwar il-konklużjonijiet tal-proċedura tal-għażla, li għandhom jiġu vvalidati mill-kumitat tal-awditjar. L-entità awditjata u l-kumitat tal-awditjar għandhom jieħdu f'kunsiderazzjoni kwalunkwe sejba jew konklużjoni ta' kwalunkwe rapport ta' ispezzjoni fuq l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar applikanti msemmija fl-Artikolu 26(8) u ppubblikat mill-awtorità kompetenti skont il-punt (d) tal-Artikolu 28;

(f)

l-entità awditjata għandha tkun tista' turi, fuq talba, lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 20 li l-proċedura tal-għażla twettqet b'mod ġust.

Il-kumitat tal-awditjar għandu jkun responsabbli għall-proċedura tal-għażla msemmija fl-ewwel subparagrafu.

Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 20(1) għandha tippubblika lista tal-awdituri statutorji jew tad-ditti tal-awditjar ikkonċernati li għandha tiġi aġġornata fuq bażi annwali. L-awtorità kompetenti għandha tuża l-informazzjoni pprovduta mill-awdituri statutorji u mid-ditti tal-awditjar skont l-Artikolu 14 sabiex tagħmel il-kalkoli rilevanti.

4.   Entitajiet ta' interess pubbliku li jilħqu l-kriterji stabbiliti fil-punti (f) u (t) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27) ma għandhomx ikunu mitluba japplikaw il-proċedura tal-għażla msemmija fil-paragrafu 3.

5.   Il-proposta għal-laqgħa ġenerali tal-partijiet interessati jew tal-membri tal-entità awditjata għall-ħatra ta' awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar għandha tinkludi r-rakkomandazzjoni u l-preferenza msemmija fil-paragrafu 2 li tkun saret mill-kumitat tal-awditjar jew mill-korp li jwettaq funzjonijiet ekwivalenti.

Jekk il-proposta titbiegħed mill-preferenza tal-kumitat tal-awditjar, il-proposta għandha tiġġustifika r-raġunijiet għalfejn ma ġietx segwita r-rakkomandazzjoni tal-kumitat tal-awditjar. Madankollu, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awdituri rrakkomandati mill-bord amministrattiv jew superviżorju jridu jkunu pparteċipaw fil-proċedura tal-għażla deskritta fil-paragrafu 3. Dan is-subparagrafu ma għandux tapplika fejn il-funzjonijiet tal-kumitat tal-awditjar jitwettqu mill-korp amministrattiv jew superviżorju.

6.   Kwalunkwe klawżola kuntrattwali konluża bejn l-entità ta' interess pubbliku u l-parti terza li tirrestrinġi l-għażla tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti jew tal-memrbi ta' dik l-entità, kif imsemmi fl-Artikolu 37 tad-Direttiva 2006/43/KE għal ċerti kategoriji jew listi ta' awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar, fir-rigward tal-ħatra ta' awditur statutorju jew ditta tal-awditjar partikolari sabiex iwettqu l-awditjar statutorju ta' dik l-entità għandha tkun nulla u bla effett.

L-entità ta' interess pubbliku għandha tinforma direttament u bla dewmien lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 20 dwar kwalunkwe tentattiv minn parti terza sabiex timponi klawżola kuntrattwali bħal din jew sabiex tinfluwenza b'mod mhux xieraq id-deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti jew tal-membri dwar l-għażla ta' awditur statutorju jew ta' ditta tal-awditjar.

7.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li numru minimu ta' awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar jinħatru mill-entitajiet ta' interess pubbliku f'ċerti ċirkostanzi u jistabbilixxu l-kondizzjonijiet li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjar maħtura.

Jekk Stat Membru jistabbilixxi xi rekwiżit bħal dan, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Superviżorja Ewropea rilevanti tiegħu.

8.   Meta l-entità awditjata jkollha kumitat tan-nomina li fih l-azzjonisti jew il-membri jkollhom influwenza konsiderevoli u li jkollu l-kompitu li jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar l-għażla ta' awdituri, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-kumitat tan-nomina jwettaq il-funzjonijiet tal-kumitat tal-awditjar li huma stabbiliti f'dan l-Artikolu u jirrikjeduh li jippreżenta r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 lil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti jew membri

Artikolu 17

Durata tal-inkarigu tal-awditjar

1.   Entità ta' interess pubbliku għandha taħtar awditur statutorju jew ditta tal-awditjar tal-inqas għal inkarigu inizjali ta' mill-anqas sena. L-inkarigu jista' jiġġedded.

La l-inkarigu inizjali ta' awditur statutorju jew ditta tal-awditjar partikolari, u lanqas dan flimkien ma' kwalunkwe inkarigu mġedded miegħu ma għandu jaqbeż id-durata massima ta' għaxar snin.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu

(a)

jitolbu li l-inkarigu inizjali msemmi fil-paragrafu 1 ikun għal perijodu ta' aktar minn sena;

(b)

jistabbilixxu durata massima ta' inqas minn għaxar snin għall-inkarigi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1.

3.   Wara l-iskadenza tad-durati massimi tal-inkarigi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 jew fil-punt (b) tal-paragrafu 2 jew wara l-iskadenza tad-durata tal-inkarigi estiża f'konformità mal-paragrafi 4 jew 6, la l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar u lanqas, fejn applikabbli, kwalunkwe membru tan-netwerks tagħhom fl-Unjoni ma għandu jidħol għall-awditu statutorju tal-istess entità ta' interess pubbliku fil-perijodu ta' erba' snin ta' wara.

4.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1 u l-punt (b) tal-paragrafu (2), l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li d-durati massimi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 u fil-punt (b) tal-paragrafu 2 jistgħu jiġu estiżi sad-durata massima ta':

(a)

għoxrin sena fejn proċess ta' sejħa pubblika għall-offerti għall-awditjar statutorju jitwettaq f'konformità mal-paragrafi 2 sa 5 tal-Artikolu 16 u jsir effettiv mal-iskadenza tad-durati massimi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 u fil-punt (b) tal-paragrafu 2; jew

(b)

erbgħa u għoxrin sena, fejn, wara l-iskadenza tad-durati massimi msemmijin fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 u fil-punt (b) tal-paragrafu 2, aktar minn awditur statutorju wieħed jew ditta tal-awditjar waħda jkunu inkarigati b'mod simultanju bil-kondizzjoni li l-awditu statutorju jirriżulta fil-preżentazzjoni tar-rapport tal-awditjar konġunt, kif jingħad fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 2006/43/KE.

5.   Il-perijodi ta' durata massima msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 u fil-punt (b) tal-paragrafu 2 għandhom jiġu estiżi biss jekk, fuq rakkomandazzjoni tal-kumitat tal-awditjar, il-korp amministrattiv jew superviżorju, jipproponi lil-laqgħa ġenerali tal-ażżjonisti jew tal-membri, f'konformità mal-liġi nazzjonali, li l-inkarigu jiġġedded u dik il-proposta tiġi approvata.

6.   Wara li tiskadi d-durata massima tal-inkarigu msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, fil-punt (b) tal-paragrafu 2, jew fil-paragrafu 4 skont il-każ, l-entità ta' interess pubbliku tista', fuq bażi eċċezzjonali, titlob li l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 20(1) tagħti estensjoni biex jerġa' jinħatar l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għal inkarigu ieħor fejn jiġu milħuqa l-kondizzjonijiet fil-punti (a) jew (b) tal-paragrafu 4. Tali inkarigu addizzjonali m'għandux ikun aktar minn sentejn.

7.   Is-sħab ewlenin tal-awditjar responsabbli għat-twettiq ta' awditu statutorju għandhom itemmu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-awditu statutorju tal-entità awditjata mhux aktar tard minn seba' snin mid-data tal-ħatra tagħhom. Ma għandhomx jerġgħu jipparteċipaw fl-awditu statutorju tal-entità awditjata qabel ma jkunu għaddew tliet snin minn dak il-waqfien.

B'deroga, l-Istati Membri jistgħu jitolbu li s-sieħeb/sħab ewlieni/ewlenin tal-awditjar responsabbli għat-twettiq ta' awditu statutorju għandhom itemmu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-awditu statutorju tad-ditta tal-awditjar qabel seba' snin mid-data tal-ħatra rispettiva tagħhom.

L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandha tistabbilixxi mekkaniżmu ta' rotazzjoni gradwali adatt fir-rigward tal-persunal l-aktar anzjan involut fl-awditu statutorju, inklużi tal-inqas il-persuni li huma rreġistrati bħala awdituri statutorji. Il-mekkaniżmu ta' rotazzjoni gradwali għandu jiġi applikat f'fażijiet fuq il-bażi ta' individwi aktar milli fuq il-bażi tat-tim sħiħ tal-inkarigu. Dan għandu jkun proporzjonat fl-iskala u l-kumplessità tal-attività tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar.

L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandha tkun tista' turi lill-awtorità kompetenti li mekkaniżmu bħal dan huwa effettivament applikat u adattat għall-iskala u l-kumplessità tal-attività tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar.

8.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, id-durata tal-inkarigu tal-awditjar għandha tiġi kkalkulata mill-ewwel sena finanzjarja koperta fl-ittra tal-inkarigu tal-awditjar li fiha l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar tkun inħatret għall-ewwel darba biex tagħmel awditi statutorji konsekuttivi għall-istess entità ta' interess pubbliku.

Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, id-ditta tal-awditjar għandha tinkludi ditti oħra li d-ditta tal-awditjar tkun akkwistat jew li jkunu ngħaqdu magħha.

Jekk ikun hemm inċertezza dwar id-data meta l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar bdiet tagħmel awditi statutorji konsekuttivi għall-entità ta' interess pubbliku, pereżempju minħabba fużjoni tad-ditta, akkwisti, jew bidliet fl-istruttura tas-sjieda, l-awditur statutorju għandu jirrapporta minnufih tali inċertezzi lill-awtorità kompetenti, li għandha fl-aħħar mill-aħħar tiddetermina d-data rilevanti għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu.

Artikolu 18

Fajl ta' trasferiment

Meta awditur statutorju jew ditta tal-awditjar tiġi ssostitwita b'awditur statutorju ieħor jew ditta tal-awditjar oħra, l-ex awditur statutorju jew ditta tal-awditjar għandha tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2006/43/KE.

Soġġett għall-Artikolu 15, l-ex awditur statutorju jew l-ex ditta tal-awditjar għandha tagħti aċċess lill-awditur statutorju l-ġdid jew lid-ditta tal-awditjar l-ġdida għar-rapporti addizzjonali imsemmija fl-Artikolu 11 fir-rigward tas-snin ta' qabel u għal kwalunkwe informazzjoni trasmessa lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikoli 12 u 13.

L-ex awditur statutorju jew ditta tal-awditjar għandha tkun tista' turi lill-awtorità kompetenti li informazzjoni bħal din ġiet ipprovduta lill-awditur statutorju jew lid-ditta tal-awditjar ta' warajha.

Artikolu 19

Tkeċċija u riżenja ta' awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2006/43/KE, kwalunkweawtorità kompetenti nominata minn Stat Membru skont l-Artikolu 20(2) ta' dan ir-Regolament, għandha tgħaddi l-informazzjoni rigward it-tkeċċija jew ir-riżenja tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar matul il-perijodu tal-kariga u jagħtu spjegazzjoni adegwata għar-raġunijiet li wasslu għal dan lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 20(1).

TITOLU IV

SORVELJANZA TAL-ATTIVITAJIET TAL-AWDITURI STATUTORJI U TAD-DITTI TAL-AWDITJAR LI JWETTQU AWDITU STATUTORJU TA' ENTITAJIET TA' INTERESS PUBBLIKU

KAPITOLU I

Awtoritajiet kompetenti

Artikolu 20

Ħatra tal-awtoritajiet kompetenti

1.   L-awtoritajiet kompetenti responsabbli biex iwettqu l-kompiti previsti f'dan ir-Regolament u biex jiżguraw li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu niminati minn fost dawn li ġejjin:

(a)

l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/109/KE;

(b)

l-awtorità kompetenti msemmija fil-punt (h) tal-Artikolu 24(4) tad-Direttiva 2004/109/KE;

(c)

l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2006/43/KE.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li r-responsabilità għall-iżgurar tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha jew parti minnhom tat-Titolu III ta' dan ir-Regolament għandha tiġi fdata, kif inhu xieraq, lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fi:

(a)

l-Artikolu 48 tad-Direttiva 2004/39/KE;

(b)

l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/109/KE;

(c)

il-punt (h) tal-Artikolu 24(4) tad-Direttiva 2004/109/KE;

(d)

l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2007/64/KE;

(e)

l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(f)

l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2013/36/UE;

jew lil awtoritajiet oħra maħtura bil-liġi nazzjonali.

3.   Fejn tkun inħatret aktar minn awtorità kompetenti waħda skont il-paragrafi 1 u 2, dawk l-awtoritajiet għandhom jiġu organizzati b'tali mod li l-kompiti tagħhom ikunu allokati b'mod ċar.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' Stat Membru li jagħmel arranġamenti legali u amministrattivi separati għal pajjiżi u territorji extra-Ewropej li magħhom l-Istat Membru jkollu relazzjonijiet speċjali.

5.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-ħatra tal-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha tikkonsolida din l-informazzjoni u tagħmilha pubblika.

Artikolu 21

Kondizzjonijiet ta' Indipendenza

L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu indipendenti minn awdituri statutorji u ditti tal-awditjar.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkonsultaw esperti, kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 26(1), sabiex iwettqu kompiti speċifiċi u jistgħu jkunu assistiti wkoll minn esperti meta dan ikun essenzjali biex iwettqu l-kompiti tagħhom. F'dawn il-każijiet, l-esperti m'għandhom ikunu involuti fi kwalunkwe teħid ta' deċiżjonijiet.

Persuna ma għandhiex tkun membru tal-korp governattiv jew tkun responsabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' dawk l-awtoritajiet jekk matul l-involviment tagħha jew matul it-tliet snin preċedenti dik il-persuna:

(a)

tkun għamlet awditi statutorji;

(b)

kellha drittijiet tal-vot f'ditta tal-awditjar;

(c)

kienet membru tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta' ditta tal-awditjar;

(d)

kienet sħabditta tal-awditjar, impjegata magħha jew b'xi mod ieħor ikkuntrattata minnha.

Il-finanzjament ta' dawk l-awtoritajiet għandu jkun sigur u ħieles minn influwenza żejda minn awdituri statutorji u ditti tal-awditjar.

Artikolu 22

Segretezza professjonali fir-rigward ta' awtoritajiet kompetenti

L-obbligu ta' segretezza professjonali għandu japplika għall-persuni kollha li huma jew li kienu impjegati jew ikkuntrattati indipendentement minn, jew involuti fil-governanza, tal-awtoritajiet kompetenti jew minn kwalunkwe awtorità jew entità li lilha ġew iddelegati kompiti taħt l-Artikolu 24 ta' dan ir-Regolament. L-informazzjoni koperta mis-segretezza professjonali ma tista' tiġi ddivulgata lill-ebda persuna jew awtorità oħra għajr permezz tal-obbligi stipulati f'dan ir-Regolament jew il-liġijiet, ir-regolamenti jew il-proċeduri amministrattivi ta' Stat Membru.

Artikolu 23

Setgħat tal-awtoritajiet kompetenti

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 26, fit-twettiq tal-kompiti tagħhom taħt dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti jew kwalunkwe awtorità pubblika oħra ta' Stat Membru ma tistax tinterferixxi mal-kontenut tar-rapporti tal-awditjar.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi kollha li huma meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom skont dan ir-Regolament f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII tad-Direttiva 2006/43/KE.

3.   Is-setgħat imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jinkludu tal-inqas is-setgħa li:

(a)

jkollhom aċċess għad-data relatata mal-awditu statutorju jew għal dokumenti oħra f'idejn l-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjar fi kwalunkwe forma rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom u sabiex jirċievu jew jieħdu kopja tagħhom;

(b)

jiksbu informazzjoni relatata mal-awditu statutorju minn kwalunkwe persuna;

(c)

iwettqu ispezzjonijiet fuq il-post ta' awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar;

(d)

jirreferu kwistjonijiet għall-prosekuzzjoni kriminali;

(e)

jitolbu lill-esperti biex iwettqu verifiki jew investigazzjonijiet;

(f)

jieħdu l-miżuri u jimponu s-sanzjonijiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 30a tad-Direttiva 2006/43/KE.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jużaw is-setgħat imsemmija fl-ewwel subparagrafu iżda biss fir-rigward ta'

(a)

awdituri statutorji u ditti tal-awditjar li jagħmlu awditu statutorju ta' entitajiet ta' interess pubbliku;

(b)

persuni involuti fl-attivitajiet tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar li jagħmlu awditu statutorju ta' entitajiet ta' interess pubbliku;

(c)

entitajiet ta' interess pubbliku awditjati, l-affiljati tagħhom u l-partijiet terzi relatati magħhom;

(d)

partijiet terzi li l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar li jagħmlu awditu statutorju ta' entitajiet ta' interess pubbliku esternalizzaw ċerti funzjonijiet jew attivitajiet lilhom; u

(e)

persuni relatati jew marbutin b'xi mod ieħor mal-awdituri statutorji u mad-ditti tal-awditjar li jagħmlu awditu statutorju ta' entitajiet ta' interess pubbliku.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu permessi jeżerċitaw is-setgħat superviżorji u investigattivi tagħhom fi kwalunkwe wieħed mill-modi li ġejjin:

(a)

direttament;

(b)

b'kollaborazzjoni ma' awtoritajiet oħra;

(c)

permezz ta' applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

5.   Is-setgħat superviżorji u investigattivi tal-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu eżerċitati f'konformità sħiħa mal-liġi nazzjonali, u b'mod partikolari, mal-prinċipji tar-rispett lejn il-ħajja privata u d-dritt tad-difiża.

6.   L-ipproċessar ta' data personali proċessata fl-eżerċizzju tas-setgħat superviżorji u investigattivi skont dan l-Artikolu għandhom jitwettqu f'konformità mad-Direttiva 95/46/KE.

Artikolu 24

Delega tal-kompiti

1.   L-Istati Membri jistgħu jiddelegaw jew jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 20(1) jiddelegaw kwalunkwe kompitu li jeħtieġ li jitwettaq skont dan ir-Regolament lil awtoritajiet jew korpi oħra maħtura jew awtorizzati b'mod ieħor bil-liġi biex iwettqu tali kompiti, għajr għal kompiti relatati ma':

(a)

is-sistema tal-garanzija tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 26;

(b)

l-investigazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 23 ta' dan ir-Regolament u fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2006/43/KE li jirriżultaw minn dik is-sistema tal-garanzija tal-kwalità jew minn referenza magħmula minn awtorità oħra; u

(c)

sanzjonijiet u miżuri kif jingħad fil-Kapitolu VII tad-Direttiva 2006/43/KE fir-rigward tal-eżamijiet tal-garanzija tal-kwalità jew l-investigazzjoni tal- garanzija tal-kwalità tal-awditi statutorji ta' entitajiet ta' interess pubbliku.

2.   Kwalunkwe twettiq tal-kompiti minn awtoritajiet jew korpi oħra għandu jkun is-suġġett ta' delega espressa mill-awtorità kompetenti. Id-delega għandha tispeċifika l-kompiti ddelegati u l-kondizzjonijiet li skonthom għandhom jitwettqu.

Meta l-awtorità kompetenti tiddelega kompiti lil awtoritajiet jew korpi oħra, hija għandha tkun tista' tieħu lura dawn il-kompiti skont il-każ.

3.   L-awtoritajiet jew il-korpi għandhom jiġu organizzati b'tali mod li ma jkunx hemm konflitti ta' interess. Ir-responsabbiltà aħħarija għas-superviżjoni tal-konformità ma' dan ir-Regolament u mal-miżuri ta' implimentazzjoni adottati skontu għandha tkun tal-awtorità kompetenti li tiddelega.

L-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bi kwalunkwe arranġament li jidħlu għalih fir-rigward tad-delega tal-kompiti, inklużi l-kondizzjonijiet preċiżi li jirregolaw tali delega.

4.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jiddelegaw il-kompiti msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 lil awtoritajiet jew korpi oħra maħtura jew awtorizzati b'mod ieħor bil-liġi li jwettaq kompiti bħal dawn, meta l-maġġoranza tal-persuni involuti fil-governanza tal-awtorità jew il-korp kkonċernati tkun indipendenti mill-professjoni tal-awditjar.

Artikolu 25

Kooperazzjoni ma' awtoritajiet kompetenti oħra fil-livell nazzjonali

L-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 20(1) u, fejn dan ikun xieraq, kwalunkwe awtorità li dik l-awtorità kompetenti ddelegat kompiti lilha għandha tikkoopera fil-livell nazzjonali ma':

(a)

l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 32(4) tad-Direttiva 2006/43/KE;

(b)

l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 20(2), sew jekk inħatru bħala awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta' dan ir-Regolament u sew jekk le;

(c)

l-unitajiet tal-intelligence finanzjarja u l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikoli 21 u 37 tad-Direttiva 2005/60/KE.

Għall-finijiet ta' tali kooperazzjoni, għandhom japplikaw l-obbligi ta' segretezza professjonali taħt l-Artikolu 22 ta' dan ir-Regolament.

KAPITOLU II

Garanzija tal-kwalità, monitoraġġ tas-suq, u trasparenza tal-awtoritajiet kompetenti

Artikolu 26

Garanzija tal-kwalità

1.   Għall-finijiet ta' dan Artikolu:

(a)

“ispezzjonijiet” tfisser eżamijiet tal-garanzija tal-kwalità ta' awdituri statutorji u ditti tal-awditjar, li jsiru minn spettur u li ma jikkostitwixxux investigazzjoni fis-sens tal-Artikolu 32(5) tad-Direttiva 2006/43/KE;

(b)

“spettur” tfisser eżaminatur li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu u huwa impjegat jew ikkuntrattat mod ieħor minn awtorità kompetenti;

(c)

“espert” tfisser persuna fiżika, li jkollha kompetenza speċifika fis-swieq finanzjarji, fir-rappurtar finanzjarju, fl-awditjar jew f'oqsma oħra rilevanti għall-ispezzjonijiet, inklużi awdituri statutorji li jipprattikaw.

2.   L-awtoritajiet kompetenti maħturin skont l-Artikolu 20(1) għandhom jistabbilixxu sistema effettiva ta' garanzija tal-kwalità tal-awditjar.

L-awtorità kompetenti għandha twettaq eżamijiet ta' garanzija tal-kwalità ta' awdituri statutorji u ditti tal-awditjar li jagħmlu awditi statutorji ta' entitajiet ta' interess pubbliku abbażi ta' analiżi tar-riskju u

(a)

fil-każ ta' awdituri statutorji u ditti tal-awditjar li jagħmlu awditi statutorji ta' entitajiet ta' interess pubbliku għajr dawk definiti fil-punti (17) u (18) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/43/KE tal-inqas kull tliet snin; u,

(b)

f'każijiet oħrajn barra dawk imsemmijin fil-punt (a) tal-inqas kull sitt snin.

3.   L-awtorità kompetenti għandu jkollha r-responsabbiltajiet li ġejjin:

(a)

approvazzjoni u emendar tal-metodoloġiji ta' ispezzjoni, inklużi manwali ta' ispezzjoni u ta' segwitu, metodoloġiji ta' rappurtar u programmi ta' ispezzjoni perjodika;

(b)

approvazzjoni u emendar ta' rapporti ta' ispezzjonijiet u ta' rapporti ta' segwitu;

(c)

approvazzjoni u assenjar ta' spetturi għal kull ispezzjoni.

L-awtorità kompetenti għandha talloka riżorsi adegwati għas-sistemi ta' garanzija tal-kwalità.

4.   L-awtorità kompetenti għandha torganizza s-sistema ta' garanzija tal-kwalità b'tali mod li tkun indipendenti mill-awdituri statutorji u mid-ditti tal-awditjar eżaminati.

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li jiġu implimentati politiki u proċeduri xierqa relatati mal-indipendenza u l-oġġettività tal-persunal, inklużi tal-ispetturi, u mal-ġestjoni tas-sistema ta' garanzija tal-kwalità.

5.   L-awtorità kompetenti għandha tikkonforma mal-kriterji li ġejjin meta taħtar spetturi:

(a)

l-ispetturi għandu jkollhom l-edukazzjoni professjonali u l-esperjenza relevanti adatti fl-awditu statutorju u r-rappurtar finanzjarju flimkien ma' taħriġ speċifiku dwar l-eżamijiet tal-garanzija tal-kwalità;

(b)

persuna li hija awditur statutorju li jipprattika jew li hija impjegata minn jew assoċjata b'mod ieħor ma' awditur statutorju jew ditta tal-awditjar ma għandhiex titħalla taġixxi bħala spettur;

(c)

persuna ma għandhiex titħalla taġixxi bħala spettur fi ispezzjoni ta' awditur statutorju jew ta' ditta tal-awditjar sakemm tal-inqas ikunu għaddew tliet minn meta l-persuna tkun waqfet tkun imsieħba jew impjegata ta' dak l-awditur statutorju jew ta' dik id-ditta tal-awditjar jew minn meta kienet assoċjata magħhom b'xi mod ieħor ma' dak l-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar;

(d)

l-ispetturi għandhom jiddikjaraw li mhemmx konflitti ta' interess bejniethom u bejn l-awditur statutorju u d-ditta tal-awditjar li ser jiġu ispezzjonati.

B'deroga mill-punt (b) tal-paragrafu 1, awtorità kompetenti tista' tikkuntratta esperti biex jagħmlu ispezzjonijiet speċifiċi meta n-numru ta' spetturi fl-awtorità ma jkunx biżżejjed. L-awtorità kompetenti tista' tiġi assistita wkoll minn esperti meta dan ikun essenzjali sabiex l-ispezzjoni ssir b'mod korrett. F'każijiet bħal dawn, l-awtoritajiet kompetenti u l-esperti għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' dan il-paragrafu. L-esperti ma għandhomx ikunu involuti fil-governanza ta', jew ikunu impjegati jew ikkuntrattati mod ieħor minn assoċjazzjonijiet u korpi professjonali iżda jistgħu jkunu membri ta' tali assoċjazzjonijiet jew korpi.

6.   L-ambitu tal-ispezzjonijiet għandu tal-inqas ikopri:

(a)

valutazzjoni tad-disinn tas-sistema interna ta' kontroll tal-kwalità tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar;

(b)

ittestjar tal-konformità adegwat ta' proċeduri u eżami tal-fajls tal-awditjar ta' entitajiet ta' interess pubbliku sabiex tiġi vverifikata l-effikaċja tas-sistema interna ta' kontroll tal-kwalità;

(c)

fid-dawl tas-sejbiet mill-ispezzjonijiet taħt il-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu, valutazzjoni tal-kontenuti tal-aktar rapport annwali ta' trasparenza riċenti ppubblikati minn awditur statutorju jew ditta tal-awditjar skont l-Artikolu 13.

7.   Tal-inqas, il-politiki u l-proċeduri ta' kontroll intern tal-kwalità li ġejjin tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar għandhom jiġu eżaminati:

(a)

il-konformità tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar mal-istandards tal-awditjar u tal-kontroll tal-kwalità applikabbli, u r-rekwiżiti etiċi u ta' indipendenza, inklużi dawk stabbiliti fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 2006/43/KE u l-Artikoli 4 u 5 ta' dan ir-Regolament, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat;

(b)

il-kwantità u l-kwalità ta' riżorsi użati, inkluża l-konformità mar-rekwiżiti ta' edukazzjoni kontinwa kif stabbilit fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2006/43/KE;

(c)

il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament dwar it-tariffi tal-awditjar mitluba.

Għall-finijiet tal-ittestjar tal-konformità, il-fajls tal-awditjar għandhom jintgħażlu fuq il-bażi ta' analiżi tar-riskju ta' nuqqas milli jsir awditu statutorju b'mod adegwat.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżaminaw ukoll b'mod perjodiku l-metodoloġiji użati mill-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar sabiex iwettqu awditu statutorju.

Barra mill-ispezzjoni koperta mill-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom is-setgħa li jagħmlu ispezzjonijiet oħra.

8.   Is-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-ispezzjonijiet li fuqhom huma bbażati r-rakkomandazzjonijiet, inklużi s-sejbiet u l-konklużjonijiet relatati ma' rapport ta' trasparenza, għandhom jiġu kkomunikati lill-awditur statutorju ispezzjonat jew lid-ditta tal-awditjar ispezzjonata u għandhom jiġu diskussi magħhom qabel ma jiġi finalizzat rapport dwar ispezzjoni.

Ir-rakkomandazzjonijiet ta' ispezzjonijiet għandhom jiġu implimentati mill-awditur statutorju ispezzjonat jew mid-ditta tal-awditjar ispezzjonata fi żmien perijodu raġonevoli stabbilit mill-awtorità kompetenti. Perijodu bħal dan ma għandux jaqbeż 12-il xahar fil-każ ta' rakkomandazzjonijiet dwar is-sistema interna ta' kontroll tal-kwalità tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar.

9.   L-ispezzjoni għandha tkun is-suġġett ta' rapport li għandu jinkludi l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-eżami tal-garanzija tal-kwalità.

Artikolu 27

Monitoraġġ tal-kwalità tas-suq u l-kompetizzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti maħturin skont l-Artikolu 20(1) u n-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK), skont il-każ, għandhom jimmonitorjaw regolarment l-iżviluppi fis-suq għall-provvista ta' servizzi ta' awditjar statutorju lil entitajiet ta' interess pubbliku u għandhom b'mod partikolari jivvalutaw dan li ġej:

(a)

ir-riskji li jirriżultaw minn inċidenza għolja ta' defiċjenzi tal-kwalità ta' awditur statutorju jew ditta tal-awditjar, inklużi defiċjenzi sistematiċi f'netwerk ta' ditta tal-awditjar, li jistgħu jwasslu għall-għeluq ta' kwalunkwe ditta tal-awditjar, l-interruzzjoni fil-provvista ta' servizzi tal-awditur statutorju kemm jekk f'settur speċifiku kif ukoll jekk f'firxa ta' setturi, l-akkumulazzjoni ulterjuri ta' riskji ta' defiċjenzji fl-awditjar u l-impatt fuq l-istabbiltà ġenerali tas-settur finanzjarju;

(b)

il-livelli ta' konċentrazzjoni fis-suq, inkluż f'setturi speċifiċi;

(c)

il-prestazzjoni ta' kumitati tal-verifika;

(d)

il-ħtieġa li jiġu adottati miżuri sabiex ir-riskji msemmija fil-punt (a) jiġu mmitigati.

2.   Sas-17 ta' Ġunju 2016, u tal-inqas kull tliet snin wara dik id-data, kull awtorità kompetenti u n-NEK, għandhom ifasslu rapport dwar żviluppi fis-suq tal-provvista ta' servizzi tal-awditjar statutorju lil entitajiet ta' interess pubbliku u jippreżentawh lis-CEABO, lill-ESMA, lill-EBA, lill-EIOPA u lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lis-CEAOB, lill-ESMA, lill-EBA u lill-EIOPA, għandha tuża dawk ir-rapporti sabiex tfassal rapport konġunt dwar dawk l-iżviluppi fil-livell tal-Unjoni. Dak ir-rapport konġunt għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, kif ukoll, fejn ikun il-każ, lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 28

Trasparenza tal-awtoritajiet kompetenti

L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu trasparenti u għandhom tal-inqas jippubblikaw:

(a)

rapporti annwali tal-attività rigward il-kompiti li l-awtoritajiet kompetenti huma meħtieġa jwettqu skont dan ir-Regolament;

(b)

programmi annwali ta' ħidma rigward il-kompiti li l-awtoritajiet kompetenti huma meħtieġa jwettqu skont dan ir-Regolament;

(c)

rapport dwar ir-riżultati globali tas-sistema tal-garanzija tal-kwalità fuq bażi annwali. Dan ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa, segwitu dwar ir-rakkomandazzjonijiet, miżuri superviżorji meħuda u s-sanzjonijiet imposti. Għandu jinkludi wkoll informazzjoni kwantitattiva u informazzjoni ewlenija oħra fuq il-prestazzjoni dwar ir-riżorsi finanzjarji u l-persunal, u l-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistema tal-garanzija tal-kwalità;

(d)

l-informazzjoni aggregata dwar is-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-ispezzjonijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(8). L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu l-pubblikazzjoni ta' dawk is-sejbiet u l-konklużjonijiet dwar ispezzjonijiet individwali.

KAPITOLU III

Kooperazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti u r-relazzjonijiet mal-Awtoritajiet Supervisorji Ewropej

Artikolu 29

Obbligu ta' kooperazzjoni

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw flimkien fejn meħtieġ għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, inkluż f'każijiet fejn il-kondotta taħt investigazzjoni ma tikkostitwixxi ksur tal-ebda dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 30

Stabbiliment tal-CEAOB

1.   Mingħajr preġudizzju għall-organizzazzjoni tas-sorveljanza nazzjonali tal-awditjar, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għandha tiġi organizzata fil-qafas tas-CEAOB.

2.   Is-CEAOB għandu jkun magħmul minn membru wieħed minn kull Stat Membru li għandu jkun rappreżentant għoli mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2006/43/KE, u membru wieħed maħtur mill-ESMA, minn hawn 'il quddiem jissejħu “membri”.

3.   L-EBA u l-EIOPA għandhom jiġu mistiedna jattendu għal-laqgħat tas-CEAOB bħala osservaturi.

4.   Is-CEAOB għandu jiltaqa' f'intervalli regolari u, fejn meħtieġ, fuq talba tal-Kummissjoni jew ta' Stat Membru.

5.   Kull membru tas-CEAOB għandu jkollu vot wieħed, għajr il-membru maħtur mill-ESMA, li ma għandu jkollu ebda dritt tal-vot. Sakemm ma jiġix iddikjarat mod ieħor, id-deċiżjonijiet tas-CEAOB għandhom jittieħdu b'maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu.

6.   Il-President tas-CEAOB għandu jiġi elett minn lista ta' applikanti li jirrappreżentaw lill-awtoritajiet kompetenti imsemmija fl-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2006/43/KE, jew jitneħħa, f'kull każ b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri minn. Il-President għandu jiġi elett għal mandat ta' erba' snin. Il-President ma jistax iservi mandati konsekuttivi fl-istess pożizzjoni, iżda jista' jerġa' jiġi elett wara perijodu ta' erba' snin barra mill-kariga.

Il-Viċi President għandu jinħatar jew jitneħħa mill-Kummissjoni.

Il-President u l-Viċi President ma għandux ikollhom dritt tal-vot.

Fil-każ li l-President jirriżenja jew jitneħħa qabel tmiem il-mandat, il-Viċi President għandu jaġixxi bħala President sakemm issir il-laqgħa li jkun imiss tas-CEAOB, li għandha taħtar President għall-kumplament tal-mandat.

7.   Is-CEAOB għandu:

(a)

jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni, il-kompetenzi u l-aħjar prattiki għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u tad-Direttiva 2006/43/KE;

(b)

jipprovdi parir espert kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti, fuq talba tagħhom, dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u tad-Direttiva 2006/43/KE;

(c)

jagħti kontribut għall-valutazzjoni teknika ta' sistemi ta' sorveljanza pubblika ta' pajjiżi terzi u għall-kooperazzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi f'dak il-qasam imsemmi fl-Artikolu 46(2) u 47(3) tad-Direttiva 2006/43/KE;

(d)

jagħti kontribut għall-eżami tekniku ta' standards internazzjonali tal-awditjar, inkluż il-proċessi għall-elaborazzjoni tagħhom, bil-ħsieb li jiġu adottati fil-livell tal-Unjoni;

(e)

jagħti kontribut għat-titjib tal-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni fir-rigward tas-sorveljanza tal-awdituri statutorji, ditti tal-awditjar ta' entitajiet ta' interess pubbliku jew in-netwerks li jappartjenu għalihom;

(f)

iwettqu kompiti oħra ta' koordinazzjoni fil-każijiet previsti f'dan ir-Regolament jew fid-Direttiva 2006/43/KE;

8.   Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 7, is-CEAOB għandu jitlob l-assistenza mill-ESMA, l-EBA jew l-EIOPA sa fejn it-talba tiegħu tkun relatata mal-kooperazzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-awditu statutorju ta' entitajiet ta' interess pubbliku li jkunu taħt is-superviżjoni ta' dawn l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. Fejn tintalab tali assistenza, l-ESMA, l-EBA jew l-EIOPA għandhom jassistu lis-CEAOB fil-kompitu tiegħu.

9.   Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, is-CEAOB jista' jadotta linji gwida jew opinjonijiet mhux vinkolanti.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-linji gwida u l-opinjonijiet adottati mis-CEAOB.

10.   Is-CEAOB għandu jassumu l-kompiti kollha eżistenti u pendenti, skont il-każ, tal-Grupp Ewropew ta' Korpi ta' Sorveljanza tal-Awditjar (EGAOB — European Group of Audit Oversight Bodies) maħluq bid-Deċiżjoni 2005/909/KE.

11.   Is-CEAOB jista' jistabbilixxi sottogruppi fuq bażi permanenti jew ad hoc biex jeżamina l-kwistjonijiet speċifiċi taħt it-termini ta' referenza stabbiliti minnu. Il-parteċipazzjoni fid-diskussjonijiet tas-sottogrupp tista' tiġi estiża għall-awtoritajiet kompetenti mill-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (minn hawn 'il quddiem tissejjaħ ŻEE) fil-qasam tas-sorveljanza tal-awditjar jew fuq stedina, skont il-każ, lill-awtoritajiet kompetenti minn pajjiżi mhux membri tal-UE/taż-ŻEE, soġġett għall-approvazzjoni tal-membri tas-CEAOB. Il-parteċipazzjoni ta' awtorità kompetenti minn pajjiż mhux tal-UE/taż-ŻEE tista' tkun soġġetta għal perijodu ta' żmien limitat.

12.   Is-CEAOB għandu jistabbilixxi sottogrupp sabiex iwettaq il-kompiti msemmijin fil-punt (c) tal-paragrafu 7 u dan is-sottogrupp għandu jkun ippresedut mill-membru maħtur mill-ESMA skont il-paragrafu 2.

13.   Fuq talba tal-inqas ta' tliet membri, jew fuq inizjattiva proprja, fejn dan jitqies utli u/jew meħtieġ, il-President tas-CEAOB jista' jistieden esperti, inklużi professjonisti, b'kompetenza speċifika f'suġġett fuq l-aġenda biex jipparteċipaw bħala osservaturi fid-deliberazzjonijiet tas-CEAOB jew tas-sottogrupp tiegħu. Is-CEAOB jista' jistieden rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti minn pajjiżi terzi li huma kompetenti fil-qasam tas-sorveljanza tal-awditjar biex jipparteċipaw bħala osservaturi fid-deliberazzjonijiet tas-CEAOB jew tas-sottogrupp tiegħu.

14.   Is-Segretarjat tas-CEAOB għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni. L-infiq tal-Kumitat għandu jkun inkluż fl-estimi tal-Kummissjoni.

15.   Il-President għandu jħejji l-aġenda proviżorja ta' kull laqgħa tas-CEAOB b'kont debitu tal-kontribut bil-miktub tal-membri.

16.   Il-President, jew fin-nuqqas tiegħu, il-Viċi President għandu jikkomunika l-fehmiet jew il-pożizzjonijiet tas-CEAOB biss bl-approvazzjoni tal-membri.

17.   Id-diskussjonijiet tas-CEAOB ma għandhomx ikunu pubbliċi.

18.   Is-CEAOB għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 31

Kooperazzjoni fir-rigward tal-eżamijiet tal-garanzija tal-kwalità, investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu miżuri sabiex jiżguraw kooperazzjoni effettiva fil-livell tal-Unjoni fir-rigward tal-eżamijiet tal-garanzija tal-kwalità.

2.   L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru wieħed tista' titlob l-assistenza tal-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor fir-rigward tal-eżamijiet tal-garanzija tal-kwalità tal-awdituri statutorji jew tad-ditti tal-awditjar li jappartjenu għal netwerk li jwettaq attivitajiet sinifikanti fl-Istat Membru mitlub.

3.   Meta awtorità kompetenti tirċievi talba minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor sabiex tassisti fl-eżami tal-garanzija tal-kwalità ta' awdituri statutorji jew ditta tal-awditjar li tappartjeni għal netwerk li jwettaq attivitajiet sinifikanti f'dak l-Istat Membru, hija għandha tippermetti lill-awtorità kompetenti li għamlet it-talba sabiex tassisti f'dan l-eżami tal-garanzija tal-kwalità.

L-awtorità kompetenti li għamlet it-talba ma għandux ikollha d-dritt li taċċessa informazzjoni li tista' tikser ir-regoli tas-sigurtà nazzjonali jew ikollha effett negattiv fuq is-sovranità, is-sigurtà jew l-ordni pubbliku tal-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jew ksur tar-regoli nazzjonali tas-sigurtà.

4.   Meta awtorità kompetenti tikkonkludi li l-attivitajiet li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament qed jitwettqu jew twettqu fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, din għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor b'dik il-konklużjoni bl-aktar mod speċifiku possibbli. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor għandha tieħu l-azzjoni xierqa. Hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti li tinnotifika bir-riżultat ta' dik l-azzjoni u, sa fejn dan ikun possibbli, bl-iżviluppi interim importanti.

5.   Awtorità kompetenti ta' Stat Membru wieħed tista' titlob li ssir investigazzjoni mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor fit-territorju ta' din tal-aħħar.

Tista' titlob ukoll li wħud mill-persunal proprju tagħha jitħallew jakkumpanjaw lill-persunal tal-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru matul l-investigazzjoni, anke fir-rigward tal-ispezzjonijiet fuq il-post.

Fil-ħin kollu, l-investigazzjoni jew l-ispezzjoni għandha tkun, tul il-kors tagħha kollu, soġġetta għall-kontroll ġenerali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija titwettaq.

6.   L-awtorità kompetenti mitluba tista' tiċħad li taġixxi fuq talba għal twettiq ta' investigazzjoni kif speċifikat fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5, jew fuq talba biex il-persunal tagħha jkun akkumpanjat minn persunal ta' awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor kif speċifikat fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5, fil-każijiet li ġejjin:

(a)

fejn investigazzjoni jew ispezzjoni fuq il-post bħal din tista' tikkostitwixxi ksur tar-regoli nazzjonali tas-sigurtà jew taffettwa b'mod negattiv is-sovranità, is-sigurtà jew l-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub;

(b)

fejn ikunu diġà nfetħu proċeduri ġudizzjarji fir-rigward tal-istess azzjonijiet u kontra l-istess persuni quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru mitlub;

(c)

fejn tkun diġà ngħatat sentenza finali fir-rigward tal-istess azzjonijiet u l-istess persuni mill-awtoritajiet tal-Istat Membru mitlub.

7.   Fil-każ ta' eżami tal-garanzija tal-kwalità jew ta' investigazzjoni b'effetti transkonfinali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jistgħu jindirizzaw talba konġunta lis-CEAOB biex jikkoordina l-eżami jew l-investigazzjoni.

Artikolu 32

Kulleġġi ta' awtoritajiet kompetenti

1.   Sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikoli 26, u 31(4) sa (6) ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2006/43/KE fir-rigward ta' awdituri statutorji, ditti tal-awditjar speċifiċi jew in-netwerks tagħhom, jistgħu jiġu stabbiliti kulleġġi bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju u ta' kwalunkwe awtorità kompetenti oħra, dment li:

(a)

l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar qed tipprovdi servizzi ta' awditjar statutorju lil entitajiet ta' interess pubbliku fil-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri konċernati; jew

(b)

fergħa li hija parti mid-ditta tal-awditjar hija stabbilita fil-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri konċernati.

2.   Fil-każ ta' awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar speċifiċi, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha taġixxi bħala faċilitatur.

3.   Fir-rigward ta' netwerks speċifiċi, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn in-netwerk iwettaq attivitajiet sinifikanti jistgħu jitolbu lis-CEAOB biex jistabbilixxi kulleġġ bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti li jagħmlu t-talba.

4.   Fi żmien ħmistax-il ġurnata mill-istabbiliment tal-kulleġġ ta' awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta' netwerk speċifiku, il-membri tiegħu għandhom jagħżlu faċilitatur. Fin-nuqqas ta' qbil, is-CEAOB għandu jaħtar faċilitatur minn fost il-membri tal-kulleġġ.

Il-membri tal-kulleġġ għandhom jeżaminaw l-għażla tagħhom tal-faċilitatur tal-inqas kull ħames snin sabiex jiżguraw li dak il-faċilitatur magħżul jibqa' l-aktar okkupant adatt ta' dik il-pożizzjoni.

5.   Il-faċilitatur għandu jippresjedi l-laqgħat tal-kulleġġ, jikkoordina l-azzjonijiet tal-kulleġġ u jiżgura skambju ta' informazzjoni effiċjenti bejn il-membri tal-kulleġġ.

6.   Il-faċilitatur, fi żmien għaxart ijiem ta' xogħol mill-għażla tiegħu, għandu jistabilixxi arranġamenti ta' koordinazzjoni bil-miktub fil-qafas tal-kulleġġ rigward is-suġġetti li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni li għandha tiġi skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti;

(b)

il-każijiet li fihom l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkonsultaw lil xulxin;

(c)

il-każijiet li fihom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddelegaw kompiti superviżorji f'konformità mal-Artikolu 33.

7.   Fin-nuqqas ta' qbil rigward l-arranġamenti ta' koordinazzjoni bil-miktub taħt il-paragrafu 6, kwalunkwe membru tal-kulleġġ jista' jirreferi l-kwistjoni lis-CEAOB. Il-faċilitatur għandu jagħti l-konsiderazzjoni dovuta lil kwalunkwe parir mogħti mis-CEAOB rigward l-arranġamenti ta' koordinazzjoni bil-miktub qabel ma jintlaħaq qbil dwar it-test finali tagħhom. L-arranġamenti ta' koordinazzjoni bil-miktub għandhom ikunu stabbiliti f'dokument wieħed li jkun fih ir-raġunijiet kollha għal kull tbegħid sinifikanti mill-parir tas-CEAOB. Il-faċilitatur għandu jittrasmetti l-arranġamenti ta' koordinazzjoni bil-miktub lill-membri tal-kulleġġ u lis-CEAOB.

Artikolu 33

Delega tal-kompiti

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tista' tiddelega kwalunkwe wieħed mill-kompiti tagħha lill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor soġġett għall-qbil ta' dik l-awtorità. Id-delega tal-kompiti ma għandhiex taffettwa r-responsabbiltà tal-awtorità kompetenti li tiddelega.

Artikolu 34

Kunfidenzjalità u segretezza professjonali fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti

1.   L-obbligu tas-segretezza professjonali għandu japplika għall-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-korpi involuti fil-qafas ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti kif jingħad fl-Artikolu 30. L-informazzjoni koperta mis-segretezza professjonali ma għandhiex tiġi ddivulgata lil persuni jew awtoritajiet oħra għajr fejn divulgazzjoni bħal din tkun meħtieġa għall-proċedimenti legali jew meħtieġa mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali.

2.   L-Artikolu 22 ma għandux iżomm lill-korpi involuti fil-qafas ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti kif jingħad fl-Artikolu 30 u lill-awtoritajiet kompetenti milli jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali. Għaldaqstant, l-informazzjoni skambjata għandha tkun koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali, li għalih huma soġġetti l-persuni impjegati jew dawk li kienu impjegati mill-awtoritajiet kompetenti.

3.   L-informazzjoni kollha skambjata skont dan ir-Regolament bejn il-korpi involuti fil-qafas ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti kif jingħad fl-Artikolu 30, u l-awtoritajiet kompetenti u awtoritajiet u korpi oħrajn għandha tiġi ttrattata b'mod kunfidenzjali, għajr fejn l-iżvelar tagħhom ikun meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali.

Artikolu 35

Protezzjoni ta' data personali

1.   L-Istati Membri għandhom japplikaw id-Direttiva 95/46/KE għall-ipproċessar tad-data personali li jitwettaq fl-Istati Membri skont dan ir-Regolament.

2.   Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandu japplika għall-ipproċessar ta' data personali li jitwettaq mis-CEAOB, l-ESMA, il-EBA, u l-EIOPA fil-kuntest ta' dan ir-Regolament u tad-Direttiva 2006/43/KE.

KAPITOLU IV

Kooperazzjoni ma' awtoritajiet ta' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali

Artikolu 36

Ftehim dwar l-iskambju ta' informazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkonkludu ftehimiet ta' kooperazzjoni dwar l-iskambju ta' informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi biss jekk fil-pajjiżi terzi kkonċernati, l-informazzjoni ddivulgata tkun soġġetta għal garanziji ta' segretezza professjonali li tal-inqas huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 22 u 34. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw minnufih tali ftehimiet lis-CEAOB u jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwarhom.

L-informazzjoni għandha tiġi skambjata biss skont dan l-Artikolu fejn tali skambju ta' informazzjoni jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti ta' dawk l-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament.

Fejn dan l-iskambju ta' informazzjoni jinvolvi t-trasferiment ta' data personali lejn pajjiż terz, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mad-Direttiva 95/46/KE u s-CEAOB għandu jikkonforma mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti jew ma' korpi rilevanti oħra ta' pajjiżi terzi rigward l-eżamijiet tal-garanzija tal-kwalità u l-investigazzjonijiet ta' awdituri statutorji u ditti tal-awditjar. Fuq talba minn awtorità kompetenti, is-CEAOB għandu jikkontribwixxi għal tali kooperazzjoni u għall-istabbiliment ta' konverġenza ta' sorveljanza ma' pajjiżi terzi.

3.   Fejn il-kooperazzjoni jew l-iskambju ta' informazzjoni jkun relatat ma' dokumentazzjoni tal-awditjar jew ma' dokumenti oħra tal-awdituri statutorji jew tad-ditti tal-awditjar, għandu japplika l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE.

4.   Is-CEAOB għandu jħejji linji gwida dwar il-kontenut tal-ftehimiet ta' kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu.

Artikolu 37

Divulgazzjoni ta' informazzjoni rċevuta minn pajjiżi terzi

L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tiddivulga l-informazzjoni kunfidenzjali li tirċievi minn awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi meta jkun provdut fi ftehim ta' kooperazzjoni, iżda biss jekk din tkun kisbet il-kunsens espress tal-awtorità kompetenti li tkun ittrasmettiet l-informazzjoni u, fejn applikabbli, jekk l-informazzjoni tkun iddivulgata biss għall-finijiet li għalihom l-awtorità kompetenti tkun tat il-kunsens tagħha, jew fejn din id-divulgazzjoni tkun meħtieġa jew mil-liġi nazzjonali jew mil-liġi tal-Unjoni.

Artikolu 38

Divulgazzjoni ta' informazzjoni rċevuta minn pajjiżi terzi

L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru għandha titlob li l-informazzjoni kunfidenzjali kkomunikata minnha lil awtorità kompetenti ta' pajjiż terz tista' tiġi ddivulgata minn dik l-awtorità kompetenti lil partijiet jew awtoritajiet terzi biss bil-kunsens espress minn qabel tal-awtorità kompetenti li ttrasmettiet l-informazzjoni, f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħha u bil-kondizzjoni li l-informazzjoni tkun iddivulgata biss għall-finijiet li għalihom dik l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tkun tat il-kunsens tagħha, jew fejn dan l-iżvelar ikun meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali jew fejn ikun meħtieġ għall-proċeduri legali f'dak il-pajjiż terz.

Artikolu 39

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 9 għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mis-16 ta' Ġunju 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delegazzjoni tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perijodi tal-istess tul, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 9 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-Deċiżjoni. Għandu jkollha effett mill-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika dan simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 9 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressal-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 40

Rieżami u rapporti

1.   Il-Kumissjoni għandha tirrieżamina u tirrapporta dwar it-tħaddim u l-effikaċja tas-sistema ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fil-qafas tas-CEAOB, imsemmija fl-Artikolu 30, b'mod partikolari fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti tas-CEAOB iddefiniti fil-paragrafu 7 ta' dak l-Artikolu.

2.   Ir-rieżami għandu jieħu kont tal-iżviluppi internazzjonali, b'mod partikolari relattivament għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi u l-kontribut għat-titjib tal-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni għas-sorveljanza tal-awdituri statutorji u ditti tal-awditjar li jappartjenu lil entitajiet internazzjonali tal-awditjar li jwettqu awditjar ta' entitajiet ta' interess pubbliku li jappartjenu lil netwerks internazzjonali tal-awditjar. Il-Kummissjoni għandha tlesti r-rieżami tagħha sas-17 ta' Ġunju 2019.

3.   Ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma' proposta leġiżlattiva, jekk ikun il-każ. Dak ir-rapport għandu jikkunsidra l-progress magħmul fil-qasam tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fil-qafas tas-CEAOB minn meta jibda jitħaddem dak il-qafas u għandu jipproponi aktar passi biex tittejjeb l-effikaċja tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

4.   Sas-17 ta' Ġunju 2028 il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 41

Dispożizzjoni transizzjonali

1.   Mis-17 ta' Ġunju 2020 entità ta' interess pubbliku ma għandhiex tidħol jew iġġedded inkarigu ta' awditjar ma' awditur statutorju jew ditta tal-awditjar partikolari jekk dak l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar ilha tipprovdi servizzi ta' awditjar lil dik l-entità ta' interess pubbliku għal għoxrin sena konsekuttivi jew aktar fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

2.   Mis-17 ta' Ġunju 2023, entità ta' interess pubbliku ma għandhiex tidħol jew iġġedded inkarigu ta' awditjar ma' awditur statutorju jew ditta tal-awditjar partikolari jekk dak l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar ilha tipprovdi servizzi ta' awditjar lil dik l-entità ta' interess pubbliku għal ħdax-il sena jew aktar iżda inqas minn 20 sena konsekuttivi fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2, l-inkarigi ta' awditjar li saru qabel is-16 ta' Ġunju 2014 iżda li jkunu għadhom fis-seħħ sas-17 ta' Ġunju 2016 jistgħu jibqgħu japplikaw sat-tmiem tad-durata massima msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1) jew fil-punt (b) tal-Artikolu 17(2). Għandu japplika l-Artikolu 17(4).

4.   L-Artikolu 16(3) għandu japplika biss għal inkarigi ta' awditjar wara l-iskadenza tal-perijodu msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1).

Artikolu 42

Dispożizzjonijiet nazzjonali

L-Istati Membri għandhom jadottaw dispożizzjonijiet adatti sabiex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 43

Tħassir tad-Deċiżjoni 2005/909/KE

Id-Deċiżjoni 2005/909/KE hija b'dan imħassra.

Artikolu 44

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-17 ta' Ġunju 2016.

Madanakollu, l-Artikolu 16(6) għandu japplika mis-17 ta' Ġunju 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta' April 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 61.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' April 2014 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' April 2014.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta' Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta' banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra (ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE tad-19 ta' Diċembru 1991 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta 'undertankings assigurazzjoni (ĠU L 374, 31.12.1991, p. 7).

(5)  Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza relatati ma 'informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).

(6)  Id-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar servizzi ta' ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1).

(7)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta 'investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(8)  Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).

(9)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

(10)  Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar swieq fi strumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).

(11)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-istqarrijiet finanzjarji annwali, rapporti finanzjarji konsolidati u rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, li jemenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(12)  Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).

(13)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi rigward l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(14)  Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).

(15)  Id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15).

(16)  ĠU L 120, 7.5.2008, p. 20.

(17)  Awtorità Superviżorja Ewropea stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(18)  Awtorità Superviżorja Ewropea stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(19)  Awtorità Superviżorja Ewropea stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(20)  Id-Direttiva 2014/56/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li temenda d-Direttiva 2006/43/KE dwar awditi statutorji ta' kontijiet annwali u kontijiet konsolidati (ara l-paġna 196 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(21)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(22)  ĠU C 336, 6.11.2012, p. 4.

(23)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE tal-14 ta’ Diċembru 2005 li twaqqaf grupp ta' esperti biex jagħtu parir lill-Kummissjoni u biex tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn is-sistemi ta' sorveljanza pubblika għall-awdituri statutorji u ditti tal-verifika (ĠU L 329, 16.12.2005, p. 38).

(24)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(25)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

(26)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(27)  Id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64).