20.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 148/1


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 522/2014

tal-11 ta' Marzu 2014

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dettaljati dwar il-prinċipji għall-għażla u l-ġestjoni ta' azzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli li għandhom jiġu appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) ir-riżorsi tal-Fondi Strutturali għall-għan ta' Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi allokati għal azzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli (minn hawn' il quddiem imsejħa “azzjonijiet innovattivi”) għandhom ikunu implimentati mill-Kummissjoni.

(2)

L-Artikolu 92(8) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jippermetti lill-Kummissjoni timplementa r-riżorsi allokati għall-azzjonijiet innovattivi taħt ġestjoni indiretta prevista fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(3)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar l-prinċipji għall-ġestjoni ta' azzjonijiet innovattivi minn entità jew korp fdati bi dmirijiet tal-implimentazzjoni tal-baġit skont l-Artikolu 58(1)(c) tar- Regolament (UE) Nru 966/2012.

(4)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar il-prinċipji għall-għażla ta' azzjonijiet innovattivi li għandhom jiġu appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). Sabiex jiġi żgurat li jintagħżlu proposti ta' kwalità għolja, il-proċeduri u l-kriterji għall-għażla ta' azzjonijiet innovattivi għandhom jiġu stabbiliti, filwaqt li tjitqies id-diversità territorjali taż-żoni urbani tal-Unjoni.

(5)

Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi temi għall-għażla ta' azzjonijiet innovattivi biex tiżgura li s-sejħiet għal proposti jindirizzaw kwistjonijiet urbani li potenzjalment se jżidu fl-importanza għall-Unjoni fis-snin li ġejjin,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-ġestjoni ta' azzjonijiet innovattivi

1.   Il-Kummissjoni tinnomina entità jew korp waħda/wieħed jew aktar li jkollha f'idejha/jkollu f'idejh il-kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit għal azzjonijiet innovattivi fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 58(1)(c) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012 (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-entità inkarigata”).

Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-entità inkarigata jkollha esperjenza ppruvata fil-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni f'diversi Stati Membri.

2.   Il-Kummissjoni tikkonkludi ftehim ta' delega mal-entità inkarigata skont l-Artikolu 61(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u dak il-ftehim ta' delega jkun fih minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 40 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (4) dispożizzjonijiet li jirregolaw:

(a)

gwida għall-applikanti u l-benefiċjarji;

(b)

programm annwali ta' ħidma għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni;

(c)

l-organizzazzjoni ta' sejħiet biex jintgħażlu l-azzjonijiet innovattivi;

(d)

il-valutazzjoni tal-eliġibilità tal-applikanti;

(e)

it-twaqqif ta' bord ta' esperti, bi ftehim mal-Kummissjoni, biex jevalwa u jikklassifika l-proposti;

(f)

l-għażla ta' azzjonijiet innovattivi fuq il-bażi tar-rakkomandazzjoni tal-bord ta' esperti, bi qbil mal-Kummissjoni;

(g)

ir-rekwiżit li l-benefiċjarju huwa provdut b'dokument li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-appoġġ, kif speċifikat mill-Kummissjoni;

(h)

l-eżami ta' rapporti sottomessi mill-benefiċjarji u l-pagamenti lill-benefiċjarji;

(i)

il-monitoraġġ ta' azzjonijiet innovattivi individwali;

(j)

l-organizzazzjoni ta' avvenimenti ta' komunikazzjoni;

(k)

it-tixrid tar-riżultati, bi ftehim mal-Kummissjoni;

(l)

il-verifika ta' azzjonijiet innovattivi individwali biex jiżguraw li dawn jimplimentaw l-għotja skont il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja soda;

(m)

kontribuzzjoni finanzjarja b'appoġġ tal-kompiti ta' ġestjoni tal-entità inkarigata biex tingħata fil-forma ta' kontribuzzjoni ta' rata fissa għall-kostijiet operazzjonali tal-entità inkarigata u stabbilita fuq il-bażi tal-ammont ta' fondi tal-Unjoni għall-appoġġ ta' għotja fdata lil dik l-entità.

3.   L-entità inkarigata tipprovdi lill-Kummissjoni bid-dokumenti f'konformità mal-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u b'kull informazzjoni neċessarja li hija meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet innovattivi.

Artikolu 2

Għażla ta' azzjonijiet innovattivi

1.   L-entità inkarigata tagħżel azzjonijiet innovattivi fuq il-bażi ta' sejħiet għal proposti, filwaqt li jitqiesu temi definiti mis-servizzi tal-Kummissjoni fuq bażi annwali.

2.   L-awtoritajiet li ġejjin jistgħu japplikaw għal appoġġ biex jieħdu azzjonijiet innovattivi:

(a)

kull awtorità urbana ta' unità amministrattiva lokali definita skont il-grad ta' urbanizzazzjoni bħala belt, villaġġ, jew subborg, u li jkun fiha mill-inqas 50 000 abitant;

(b)

kull assoċjazzjoni jew gruppi ta' awtoritajiet urbani tal-unitajiet amministrattivi lokali definiti skont il-grad ta' urbanizzazzjoni bħala belt, villaġġ jew subborg fejn il-popolazzjoni totali tilħaq mill-inqas il-50 000 abitant; dan jista' jinkludi assoċjazzjonijiet jew gruppi transfruntiera, assoċjazzjonijiet jew gruppi f'reġjuni u/jew fi Stati Membri differenti.

3.   Il-bord ta' esperti msemmi fl-Artikolu 1(2)(e) jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet innovattivi li jridu jintgħażlu. Il-bord ta' esperti jkun ġeografikament ibbilanċjat u ppresedut mill-Kummissjoni. Meta jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, il-bord ta' esperti jqis, b'mod partikolari, il-kriterji li ġejjin:

(a)

il-kontenut innovattiv tal-proposta u l-potenzjal tagħha biex tidentifika jew tittestja soluzzjonijiet ġodda;

(b)

il-kwalità tal-proposta;

(c)

l-involviment ta' msieħba rilevanti fit-tħejjija tal-proposta;

(d)

il-kapaċità li jintwerew riżultati li jistgħu jitkejlu;

(e)

it-trasferibbiltà tas-soluzzjonijiet proposti.

Il-bord ta' esperti jiżgura li d-diversità territorjali taż-żoni urbani tal-Unjoni tiġi kkunsidrata fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

4.   L-entità inkarigata tagħżel l-azzjonijiet innovattivi fuq il-bażi tar-rakkomandazzjoni tal-bord ta' esperti u bi qbil mal-Kummissjoni.

5.   L-ammont mogħti lil kull azzjoni innovattiva ma għandux jaqbeż il-EUR 5 000 000.

6.   Kull azzjoni innovattiva tiġi implimentata fi żmien perjodu massimu ta' tliet snin.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).