30.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 129/1


REGOLAMENT (UE) Nru 421/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' April 2014

li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità, fid-dawl tal-implimentazzjoni sal-2020 ta' ftehim internazzjonali li japplika miżura globali unika bbażata fuq is-suq għal emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Is-settur tal-avjazzjoni għandu karattru internazzjonali prevalenti. Approċċ globali li jindirizza l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali joffri l-aqwa prospetti għall-iżgurar ta' sostenibbiltà fit-tul.

(2)

L-Unjoni qed tipprova tikseb ftehim internazzjonali sigur għall-ġejjieni biex jikkontrolla l-impatti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-avjazzjoni u, sadattant, qed tillimita l-impatti ta' tibdil fil-klima mill-attivitajiet tal-avjazzjoni minn u lejn ajrudromi fl-Unjoni permezz ta' azzjoni awtonoma. Sabiex jiġi żgurat li dawk l-objettivi huma ta' appoġġ reċiproku u mhux f'kunflitt, huwa xieraq li jittieħed kont tal-iżviluppi u tal-pożizzjonijiet li ttieħdu f'fora internazzjonali u li titqies b'mod partikolari r-riżoluzzjoni li tinkludi “Id-Dikjarazzjoni kkonsolidata tal-politiki u l-prattiki kontinwi tal-ICAO relatati mal-ħarsien tal-ambjent” adottata fl-4 ta' Ottubru 2013 fit-38 Sessjoni tal-Assemblea tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

(3)

Konsegwentament, sabiex jinżamm l-impetu li ntlaħaq fit-38 Sessjoni tal-Assemblea ICAO fl-2013 u jiġi ffaċilitat il-progress fid-39 Sessjoni li jmiss fl-2016, huwa mixtieq li r-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jitqiesu b'mod temporanju bħala ssodisfati għall-perjodu sal-31 ta' Diċembru 2016, fir-rigward ta' titjiriet minn u lejn ajrudromi f'pajjiżi 'l barra miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). B'hekk, l-Unjoni tenfasizza li r-rekwiżiti legali jistgħu jiġu applikati fir-rigward ta' titjiriet minn u lejn ajrudromi li jinsabu fi Stati taż-ŻEE, bl-istess mod bħalma r-rekwiżiti legali jistgħu jiġu applikati fir-rigward ta' titjiriet bejn dawn l-ajrudromi. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, għall-finijiet ta' din id-deroga, titjiriet bejn ajrudromi li jinsabu fi Stati taż-ŻEE u ajrudromi li jinsabu f'pajjiżi li ssieħbu mal-Unjoni fl-2013 għandhom jitqiesu bħala titjiriet bejn Stati taż-ŻEE.

(4)

Jitfakkar li skont id-Direttiva 2003/87/KE, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw l-użu li għandu jsir mid-dħul iġġenerat mill-irkant ta' kwoti tal-avjazzjoni. Dak id-dħul, jew il-valur finanzjarju ekwivalenti tiegħu, għandu jintuża biex jittratta t-tibdil fil-klima fl-Unjoni u f'pajjiżi terzi, inter alia, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, biex ikun hemm adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima fl-Unjoni u f'pajjiżi terzi, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jiġu ffinanzjati r-riċerka u l-iżvilupp għall-mitigazzjoni u l-adattament, inkluż b'mod partikolari fl-oqsma tal-ajruonawtika u tat-trasport bl-ajru, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet permezz ta' mezzi tat-trasport b'emissjonijiet baxxi, u biex ikopri l-ispejjeż amministrattivi tal-iskema tal-Unjoni. Id-dħul mill-bejgħ bl-irkant, jew il-valur finanzjarju ekwivalenti tiegħu, għandu jintuża wkoll sabiex jiffinanzja kontribuzzjonijiet għall-Fond Globali għall-Effiċjenza Enerġetika u l-Enerġija Rinnovabbli, u għal miżuri biex tiġi evitata d-deforestazzjoni. It-trasparenza dwar l-użu tad-dħul iġġenerat mill-irkant tal-kwoti skont id-Direttiva 2003/87/KE hija essenzjali biex tirfed l-impenji tal-Unjoni. Skont ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-Istati Membri għandhom iressqu rapport lill-Kummissjoni dwar l-użu tad-dħul mill-bejgħ bl-irkant ta' tali kwoti.

(5)

Id-derogi previsti f'dan ir-Regolament iqisu r-riżultati tal-kuntatti bilaterali u multilaterali ma' pajjiżi terzi, li l-Kummissjoni se tkompli twettaq f'isem l-Unjoni, għall-promozzjoni tal-użu ta' mekkaniżmi bbażati fuq is-suq għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni.

(6)

Jitfakkar li d-Direttiva 2003/87/KE tipprevedi l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri li jemendaw l-attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I għal dik id-Direttiva fejn pajjiż terz jintroduċi miżuri għat-tnaqqis tal-impatti tal-attivitajiet tal-avjazzjoni fuq it-tibdil fil-klima.

(7)

In-negozjati tal-ftehimiet kollha tal-Unjoni dwar l-avjazzjoni ma' pajjiżi terzi għandu jkollhom l-għan li jissalvagwardjaw il-flessibbiltà tal-Unjoni biex tieħu azzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet ambjentali, inkluż fir-rigward ta' miżuri li jtaffu l-impatt tal-avjazzjoni fuq it-tibdil fil-klima.

(8)

Sabiex ma jkun hemm l-ebda xkiel fil-kompetizzjoni, huwa importanti li t-titjiriet kollha fuq l-istess rotta jiġu trattati bl-istess mod.

(9)

Biex ikompli jiġi evitat piż amminstrattiv sproporzjonat għall-iżgħar operaturi tal-inġenji tal-ajru, għandha tiżdied eżenzjoni temporanja mal-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru mhux kummerċjali li jipproduċu inqas minn 1 000 tunnellata ta' CO2 fis-sena għandhom, għalhekk, ikunu eżenti mill-ambitu ta' dik id-Direttiva, mill-1 ta' Jannar 2013 sal-31 ta' Diċembru 2020.

(10)

Huwa xieraq li operaturi tal-inġenji tal-ajru li jkunu emittenti tal-emissjonijiet fuq skala żgħira, jitħallew jużaw approċċ alternattiv għall-verifika tal-emissjonijiet tagħhom sabiex jitnaqqas aktar il-piż amministrattiv tagħhom. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jimplimentaw miżuri ta' simplifikazzjoni li jindirizzaw b'mod partikolari l-bżonnijiet tal-operaturi mhux kummerċjali li jkunu emittenti fuq skala żgħira.

(11)

Kunsiderazzjoni partikolari għandha tingħata lill-mitigazzjoni jew it-tneħħija ta' kwalunkwe problema ta' aċċessibbiltà u kompetittività li titqajjem għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni. B'kunsiderazzjoni għal dan, titjiriet bejn ajrudromu li jinsab f'reġjun ultraperiferiku fit-tifsira tal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u ajrudromu li jinsab f'reġjun ieħor taż-ŻEE għandhom jiġu inklużi wkoll fid-deroga stabbilita skont dan ir-Regolament.

(12)

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru u għall-awtoritajiet nazzjonali huwa xieraq li l-iskadenza għar-restituzzjoni u r-rappurtar għall-emissjonijiet tal-2013 tiġi estiża sal-2015.

(13)

Għall-applikazzjoni ta' din id-deroga, huwa importanti li jitfakkar li l-metodi għall-allokazzjoni u l-ħruġ ta' kwoti lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru jibqgħu dawk stabbiliti mid-Direttiva 2003/87/KE, jiġifieri bbażat fuq data vverifikata ta' tunnellata għal kull kilometru, fir-rigward tal-perjodi msemmija fiha.

(14)

Wara l-Assemblea tal-ICAO tal-2016 u fid-dawl tal-eżitu tagħha, il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport sħiħ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. F'dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha, inter alia, tqis l-għażliet kollha għall-kopertura tal-emissjonijiet mill-attivitajiet tal-avjazzjoni u, jekk ikun xieraq, tipproponi fil-pront miżuri sabiex jiġi żgurat li jitqiesu l-iżviluppi internazzjonali u li tkun tista' tiġi indirizzata kwalunkwe kwistjoni dwar l-applikazzjoni ta' deroga. Il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari wkoll lill-effikaċja ambjentali tal-Iskema tal-Unjoni Ewropea ta' Skambju ta' Kwoti ta' Emissjonijiet (EU ETS) u, f'dan il-kuntest, lill-kontribut partikolari tas-settur tal-avjazzjoni, inklużi l-modalitajiet għall-allinjament aħjar tar-regoli li japplikaw għal attivitajiet tal-avjazzjoni u installazzjonijiet immobbli rispettivament.

(15)

Peress li l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-introduzzjoni ta' deroga temporanja għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u ċ-ċediment ta' kwoti minn titjiriet lejn u minn pajjiżi li jinsabu 'l barra miż-ŻEE mill-1 ta' Jannar 2013 sal-31 ta' Diċembru 2016, biex jintreħa l-piż amministrattiv u tiġi ssimplifikata l-amministrazzjoni tal-iskema, ma jistgħux jintlaqħu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu minflok, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jintlaħqu aħjar fl-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn l-objettivi jintlaħqu.

(16)

Huwa essenzjali li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru u l-awtoritajiet nazzjonali fid-dawl tal-iskadenza ta' restituzzjoni tat-30 ta' April 2014 kif imsemmi fid-Direttiva 2003/87/KE. Konsegwentement, dan ir-Regolament għandu japplika mid-data tal-adozzjoni tiegħu,

(17)

Id-Direttiva 2003/87/KE għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2003/87/KE hija b' dan emendata kif ġej:

(1)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 28a

Derogi applikabbli minn qabel tal-implimentazzjoni, sal-2020, ta' ftehim internazzjonali li japplika miżura globali unika bbażata fuq is-suq

1.   B'deroga mill-Artikoli 12(2a), 14(3) u l-Artikolu 16, l-Istati Membri għandhom iqisu r-rekwiżiti stabbiliti f'dawk id-dispożizzjonijiet li huma sodisfatti u ma għandhomx jieħdu azzjoni kontra operaturi tal-inġenji tal-ajru fir-rigward ta':

(a)

l-emissjonijiet kollha minn titjiriet minn jew lejn ajrudromi li jinsabu barra ż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) f'kull sena kalendarja mill-1 ta' Jannar 2013 sal-31 ta' Diċembru 2016;

(b)

l-emissjonijiet kollha minn titijiriet bejn ajrudromu li jinsab f'reġjun ultraperiferiku fit-tifsira tal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u ajrudromu li jinsab f'reġjun ieħor taż-ŻEE f'kull sena kalendarja mill-1 ta' Jannar 2013 sal-31 ta' Diċembru 2016;

(c)

ir-restituzzjoni tal-kwoti tikkorrispondi għall-emissjonijiet ivverifikati tal-2013 minn titjiriet bejn ajrudromi li jinsabu fiż-ŻEE, li jridu jidħlu fis-seħħ sat-30 ta' April 2015 minflok sat-30 ta' April 2014, u l-emissjonijiet ivverifikati tal-2013 għal dawk it-titjiriet li jridu jiġu rrapportati sal-31 ta' Marzu 2015 minflok sal-31 ta' Marzu 2014.

Għall-finijiet tal-Artikoli 11a, 12 u 14, l-emissjonijiet ivverifikati minn titjiriet għajr dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jitqiesu li huma l-emissjonijiet ivverifikati tal-operatur tal-inġenju tal-ajru.

2.   B'deroga mill-Artikolu 3e(5) u l-Artikolu 3f, operatur tal-inġenju tal-ajru li jibbenefika mid-derogi stipulati fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jinħarġilu għadd ta' kwoti mingħajr ħlas imnaqqsa proporzjonalment skont it-tnaqqis tal-obbligu ta' restituzzjoni tal-kwoti stipulat f'dawk il-punti.

B'deroga mill-Artikolu 3f(8), kwoti li ma ġewx allokati minħabba l-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jiġu kkanċellati.

Fir-rigward tal-attività fil-perijodu mill-1 ta' Jannar 2013 sal-31 ta' Diċembru 2016, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw l-għadd ta' kwoti tal-avjazzjoni mingħajr ħlas allokati lil kull operatur ta' inġenju tal-ajru sal-1 ta' Awwissu 2014.

3.   B'deroga mill-Artikolu 3d, l-Istati Membri għandhom jirkantaw għadd ta' kwoti tal-avjazzjoni mnaqqsa proporzjonalment skont it-tnaqqis tal-għadd totali ta' kwoti maħruġa.

4.   B'deroga mill-Artikolu 3d(3), l-għadd ta' kwoti li jridu jiġu rkantati minn kull Stat Membru fir-rigward tal-perjodu mill-1 ta' Jannar 2013 sal-31 ta' Diċembru 2016, għandu jiġi mnaqqas b'tali mod li jikkorrispondi għas-sehem tiegħu ta' emissjonijiet attribwiti għall-avjazzjoni minn titjiriet li mhumiex soġġetti għal derogi previsti fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

5.   B'deroga mill-Artikolu 3g, operaturi ta' inġenji tal-ajru m'għandhomx ikunu mitluba jressqu pjanijiet ta' monitoraġġ li jistabbilixxu miżuri għall-monitoraġġ u r-rappurtar ta' emissjonijiet fir-rigward ta' titjiriet soġġetti għad-derogi previsti fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

6.   B'deroga mill-Artikoli 3g, 12, 15 u 18a, fejn operatur tal-inġenju tal-ajru għandu t-total annwali ta' emissjonijiet inqas minn 25 000 tunnellata CO2, l-emissjonijiet tiegħu għandhom jitqiesu li huma emissjonijiet ivverifikati jekk jiġu ddeterminati bl-użu tal-għodda ta' emittenti żgħar approvata mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 606/2010 (*) u li hija popolata mill-Eurocontrol b'dejta mill-faċilità ta' appoġġ tal-ETS. L-Istati Membri jistgħu jimplimentaw proċeduri ssimplifikati għal operaturi tal-inġenju tal-ajru mhux kummerċjali sakemm tali proċeduri ma jipprovdux inqas preċiżjoni milli tipprovdi l-għodda ta' emittenti żgħar.

7.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, titjiriet bejn ajrudromi li jinsabu fi Stati taż-ŻEE u l-pajjiżi li ssieħbu mal-Unjoni fl-2013 għandhom jitqiesu bħala titjiriet bejn ajrudromi li jinsabu fi Stati taż-ŻEE.

8.   Il-Kummissjoni għandha regolarment, u mill-anqas darba fis-sena, tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress tan-negozjati tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) kif ukoll dwar l-isforzi tagħha biex tippromwovi l-aċċettazzjoni internazzjonali ta' mekkaniżmi bbażati fuq is-suq fost il-pajjiżi terzi. Wara l-Assemblea tal-ICAO tal-2016, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar azzjonijiet li jridu jittieħdu biex jiġi implimentat ftehim internazzjonali għall-miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2020, li se tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-avjazzjoni b'mod mhux diskriminatorju, u tressaq ukoll informazzjoni, rigward l-użu tad-dħul ippreżentat mill-Istati Membri skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013.

Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra u, fejn xieraq, tinkludi proposti b'reazzjoni għal, dawk l-iżviluppi dwar il-kamp ta' applikazzjoni xieraq għall-kopertura tal-emissjonijiet minn attività minn jew lejn ajrudromi li jinsabu barra ż-ŻEE mill-1 ta' Jannar 2017 'il quddiem. Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni għandha tqis ukoll soluzzjonijiet għal kwistjonijiet oħra li jistgħu jinħolqu fl-applikazzjoni tal-paragrafi 1 sa 4 ta' dan l-Artikolu, filwaqt li tippreżerva t-trattament indaqs għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru kollha fuq l-istess rotta.

(*)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 606/2010 tad-9 ta' Lulju 2010 dwar l-approvazzjoni ta' għodda simplifikata żviluppata mill-organizzazzjoni Ewropea għas-sigurtà tan-navigazzjoni bl-ajru (Eurocontrol) sabiex tistima l-konsum tal-fjuwil ta' ċerti operaturi tal-inġenji tal-ajru b'emissjonijiet baxxi (ĠU L 175, 10.7.2010, p. 25).”"

(2)

Fl-Anness I, fil-kolonna “Attivitajiet” tat-tabella, taħt l-intestatura “Avjazzjoni”, jiżdied il-punt li ġej wara l-punt (j):

“(k)

mill-1 ta' Jannar 2013 sal-31 ta' Diċembru 2020, it-titjiriet li, għajr għal dan il-punt, jaqgħu fi ħdan din l-attività, imwettqa minn operaturi tal-inġenji tal-ajru mhux kummerċjali li joperaw titjiriet b'emissjonijiet totali annwali ta' anqas minn 1 000 tunnellata fis-sena.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-30 ta' April 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta' April 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Opinjoni adottata fit-22 ta' Jannar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' April 2014 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' April 2014.

(3)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32)

(4)  Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13).