12.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 109/14


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 372/2014

tad-9 ta' April 2014

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 f'dak li jirrigwarda l-kalkolu ta' ċerti limiti ta' żmien, it-trattament tal-ilmenti, u l-identifikazzjoni u l-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 27 tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar l-għajnuna mill-Istat,

Billi:

(1)

Fil-kuntest tal-modernizzazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex tikkontribwixxi kemm għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir kif ukoll għall-konsolidament baġitarju (2), ir-Regolament (KE) Nru 659/1999 ġie emendat permezz tar-Regolament (UE) Nru 734/2013 (3) biex tittejjeb l-effikaċja tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Dik l-emenda fittxet b'mod partikolari li tagħmel it-trattament tal-ilmenti mill-Kummissjoni aktar effikaċi u tintroduċi setgħat għall-Kummissjoni biex titlob informazzjoni direttament mingħand il-parteċipanti fis-suq u li tmexxi investigazzjonijiet f'setturi tal-ekonomija u fi strumenti ta' għajnuna.

(2)

Fid-dawl ta' dawk l-emendi, huwa meħtieġ li jiġu identifikati l-ġrajjiet li jiddeterminaw il-punt tal-bidu għall-kalkolu tal-limiti ta' żmien fil-kuntest tat-talbiet għall-informazzjoni indirizzati lil partijiet terzi skont ir-Regolament (KE) Nru 659/1999.

(3)

Il-Kummissjoni tista', fuq inizjattiva tagħha stess, teżamina l-informazzjoni dwar għajnuna illegali minn kwalunkwe sors, sabiex tkun ivvalutata l-konformità mal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. F'dak il-kuntest, l-ilmenti huma sors essenzjali ta' informazzjoni biex jinkixef ksur ta' regoli tal-għajnuna mill-Istat. Huwa għalhekk importanti li jkunu ddefiniti proċeduri ċari u effiċjenti biex ikunu ttrattati l-ilmenti ppreżentati lill-Kummissjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, huma biss il-partijiet interessati li jistgħu jressqu ilmenti biex jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar xi għajnuna allegatament illegali jew l-użu ħażin ta' għajnuna. Għal dak l-għan, persuni naturali u ġuridiċi li jissottomettu l-ilmenti għandhom ikunu meħtieġa juru li huma partijiet interessati skont it-tifsira tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

(5)

Biex jiġi ssemplifikat l-ipproċessar tal-ilmenti u fl-istess ħin tiżdied it-trasparenza u ċ-ċertezza legali, huwa xieraq li tiġi ddefinita l-informazzjoni li l-ilmentaturi għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tirċievi informazzjoni kollha rilevanti rigward għajnuna allegatament illegali jew użata ħażin, ir-Regolament (KE) Nru 659/1999 jeħtieġ li l-partijiet interessati jimlew formola u jippreżentaw kull informazzjoni obbligatorja mitluba fiha. Għandha għalhekk tiġi stabbilita l-formola għal dak il-għan.

(6)

Ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati mill-partijiet interessati meta jitressqu ilmenti ma għandhomx ikunu ta' piż eċċessiv, filwaqt li jiġi żgurat li l-Kummissjoni tirċievi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tibda investigazzjoni dwar għajnuna allegatament illegali jew użata ħażin.

(7)

Biex ikun żgurat li s-sigrieti tan-negozju u informazzjoni kunfidenzjali oħra li tingħata lill-Kummissjoni tiġi trattata f'konformità mal-Artikolu 339 tat-Trattat, kull persuna li tissottometti l-informazzjoni għandha tidentifika b'mod ċar liema informazzjoni hija tqis li għandha tkun kunfidenzjali u r-raġuni għaliex hija kunfidenzjali. Il-persuna kkonċernata għandha tkun meħtieġa tipprovdi lill-Kummissjoni b'verżjoni separata mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni li tista' tiġi ppreżentata lill-Istat Membru relevanti biex jikkummenta.

(8)

Għalhekk, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (4) għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 794/2004 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-limiti taż-żmien previsti fir-Regolament (KE) Nru 659/1999 u f'dan ir-Regolament jew iffissati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat jiġu kkalkulati f'konformità mar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71, u r-regoli speċifiċi stabbiliti fil-paragrafi minn 2 sa 5b ta' dan l-Artikolu. Fil-każ ta' konflitt, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jipprevalu.”;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“5a.   F'dak li għandu x'jaqsam mal-limitu ta' żmien biex tiġi ppreżentata l-informazzjoni mitluba minn partijiet terzi skont l-Artikolu 6a(6) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, ir-riċeviment ta' talba għall-informazzjoni tkun l-avveniment relevanti għall-finijiet tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71.

5b.   F'dak li għandu x'jaqsam mal-limitu ta' żmien biex tiġi ppreżentata l-informazzjoni mitluba minn partijiet terzi skont l-Artikolu 6a(7) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, in-notifika għall-informazzjoni tkun l-avveniment relevanti għall-finijiet tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71”.

(2)

il-Kapitoli Va u Vb li ġejjin jiddaħħlu wara l-Artikolu 11:

“IL-KAPITOLU Va

TRATTAMENT TAL-ILMENTI

L-Artikolu 11a

L-Ammissibilità tal-ilmenti

1.   Kull persuna li tressaq ilment skont l-Artikoli 10(1) u 20(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 turi li hija parti interessata skont it-tifsira tal-Artikolu 1(h) ta' dak ir-Regolament.

2.   Il-partijiet interessati jimlew kif xieraq il-formola stabbilita fl-Anness IV u jipprovdu kull informazzjoni obbligatorja mitluba fiha. B'talba motivata minn parti interessata, il-Kummissjoni tista' teżenta mill-obbligu li tiġi pprovduta xi informazzjoni meħtieġa mill-formola.

3.   L-ilmenti jitressqu f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

KAPITOLU Vb

IDENTIFIKAZZJONI U PROTEZZJONI TA' INFORMAZZJONI KUNFIDENZJALI

Artikolu 11b

Il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra

Kull persuna li tissottometti informazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 659/1999 għandha tindika b'mod ċar liema informazzjoni tqis li għandha tkun kunfidenzjali, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għal din il-kunfidenzjalità, u tipprovdi lill-Kummissjoni b'verżjoni separata mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni. Meta l-informazzjoni tkun trid tiġi pprovduta sa ċerta data ta' skadenza, l-istess data ta' skadenza tapplika biex titressaq il-verżjoni mhux kunfidenzjali.”;

(3)

it-test fl-Anness ta' dan ir-Regolament huwa miżjud bħala Anness IV.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' April 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, EWROPA 2020 Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv; COM(2010) 2020 finali

(3)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 734/2013 tat-22 ta' Lulju 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 204, 31.7.2013, p. 15).

(4)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat KE (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).


ANNESS

“ANNESS IV

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni