10.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 107/39


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 361/2014

tad-9 ta' April 2014

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dokumenti għat-trasport internazzjonali ta' passiġġieri bil-kowċ u x-xarabank u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2121/98

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) u (5), l-Artikolu 6(4), l-Artikolu 7(2), l-Artikolu 12(5) u l-Artikolu 28(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 jipprovdi li s-servizzi regolari u ċerti servizzi speċjali regolari għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni;

(2)

L-Artikolu 12(1) ta' dak ir-Regolament jiddikjara li s-servizzi okkażjonali ddefiniti fl-Artikolu 2(4), filwaqt li jitwettqu, għandhom ikunu koperti minn dokument ta' kontroll;

(3)

L-Artikolu 5(5) ta' dan ir-Regolament jipprovdi li l-operazzjonijiet tat-trasport għal rashom definiti fl-Artikolu 2(5) għandhom ikunu soġġetti għal sistema ta' ċertifikati;

(4)

Għandhom jiġu stabbiliti wkoll regoli li jirregolaw l-użu tad-dokumenti ta' kontroll imsemmija fl-Artikolu 12 ta' dak ir-Regolament u l-mezz ta' komunikazzjoni mal-Istati Membri kkonċernati, tal-ismijiet tat-trasportaturi li jagħmlu dawk is-servizzi okkażjonali u l-punti ta' konnessjoni waqt il-vjaġġ;

(5)

Huwa meħtieġ li għal raġunijiet ta' sempliċità, tiġi standardizzata l-formola tal-vjaġġ għas-servizzi okkażjonali internazzjonali u għall-operazzjonijiet ta' kabotaġġ fil-forma ta' servizzi okkażjonali;

(6)

Il-formola tal-vjaġġ użata bħala dokument ta' kontroll fil-qafas tal-operazzjonijiet ta' kabotaġġ fil-forma ta' servizzi regolari speċjali għandha timtela bħala dikjarazzjoni ta' kull xahar;

(7)

Huwa meħtieġ li jiġu standardizzati l-formoli għall-komunikazzjoni mill-Istati Membri lill-Kummissjoni tal-informazzjoni statistika relatata man-numru ta' awtorizzazzjonijiet għal servizzi regolari kif ukoll operazzjonijiet ta' kabotaġġ;

(8)

Għal raġunijiet ta' trasparenza u sempliċità, id-dokumenti mudell kollha adottati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2121/98 tat-2 ta' Ottubru 1998 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 684/92 u (KE) Nru 12/98 fir-rigward ta' dokumenti għat-trasport ta' passiġġieri bil-kowċ u x-xarabank (2) għandhom jiġu adattati għar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 applikabbli għal servizzi internazzjonali bil-kowċ u x-xarabank;

(9)

Ir-Regolament (KE) Nru 2121/98 għandu għalhekk jiġi rrevokat;

(10)

L-Istati Membri jeħtieġu ż-żmien biex jistampaw u jqassmu d-dokumenti l-ġodda. Għalhekk fil-frattemp it-trasportaturi għandhom ikunu jistgħu jkomplu jużaw id-dokumenti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 2121/98, li għandu jispeċifika li dawn iqisu d-disposizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009;

(11)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont il-fehma tal-Kumitat dwar it-Trasport bit-Triq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

TAQSIMA I

DOKUMENT TAL-KONTROLL

Artikolu 1

1.   Id-dokument tal-kontroll (il-formola tal-vjaġġ) għas-servizzi okkażjonali msemmija fil-punt 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 għandu jikkonforma mal-mudell fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-formoli tal-vjaġġ għandhom ikunu f'kotba ta' 25 formola, dupplikati, u distakkabbli. Kull ktieb għandu jkollu numru. Il-formoli għandhom ikunu wkoll numerati mill-1 sal-25. Il-qoxra tal-ktieb għandha tikkonforma mal-mudell fl-Anness II. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jadattaw dawn il-ħtiġijiet mal-ipproċessar kompjuterizzat tal-formoli tal-vjaġġ.

Artikolu 2

1.   Il-ktieb imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jsir f'isem it-trasportatur u ma għandux ikun trasferibbli.

2.   Il-formola tal-vjaġġ għandha timtela b'tali mod li tinqara u b'ittri li ma jitħassrux, f'żewġ kopji, mit-trasportatur jew mis-sewwieq għal kull vjaġġ qabel it-tluq. Din għandha tkun valida għall-vjaġġ kollu.

3.   Il-kopja ta' fuq tal-formola tal-vjaġġ għandha tinżamm fuq il-vettura matul il-vjaġġ kollu li tkun tirreferi għalih. Għandha tinżamm kopja fil-bażi tal-kumpanija.

4.   It-trasportatur għandu jkun responsabbli milli jżomm il-formoli tal-vjaġġ.

Artikolu 3

Fil-każ ta' servizz internazzjonali okkażjonali pprovdut minn grupp ta' trasportaturi li jkunu jaġixxu f'isem l-istess kuntrattur, u li jistgħu jinkludu l-vjaġġaturi li jkunu sejrin jaqbdu konnessjoni waqt il-vjaġġ ma' trasportatur differenti tal-istess grupp, il-kopja oriġinali tal-formola tal-vjaġġ għandha tinżamm fuq il-vettura li tkun qed twettaq is-servizz. Fil-bażi ta' kull trasportatur għandha tinżamm kopja tal-formola tal-vjaġġ.

Artikolu 4

1.   Il-kopji tal-formoli tal-vjaġġ li jkunu ġew użati bħala dokument ta' kontroll għal servizzi okkażjonali fil-forma ta' servizzi okkażjonali skont l-Artikolu 15(b) tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 għandhom jiġu rritornati mit-trasportatur lill-awtorità jew lill-aġenzija kompetenti fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit, skont il-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti mill-awtorità jew mill-aġenzija.

2.   Fil-każ ta' operazzjonijiet ta' kabotaġġ fil-forma ta' servizzi regolari speċjali skont l-Artikolu 15(a) tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009, il-formola tal-vjaġġ fl-Anness I ta' dan ir-Regolament għandha timtela fil-forma ta' dikjarazzjoni ta' kull xahar u tiġi rritornata mit-trasportatur lill-awtorità jew l-aġenzija kompetenti fl-Istat Membru tal-istabbiliment b'konformità mal-proċeduri stabbiliti minn dik l-awtorità jew aġenzija.

Artikolu 5

Il-formola tal-vjaġġ għandha tippermetti lid-detentur, matul servizz okkażjonali internazzjonali, li jagħmel eskursjonijiet lokali fi Stat Membru għajr dak li t-trasportatur ikun stabbilit fih, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009. L-eskursjonijiet lokali għandhom jiddaħħlu fil-formoli tal-vjaġġ qabel it-tluq tal-vetturi għall-eskursjoni kkonċernata. Il-kopja oriġinali tal-formola tal-vjaġġ għandha tinżamm fil-vettura sakemm iddum l-eskursjoni lokali.

Artikolu 6

Id-dokument ta' kontroll għandu jiġi ppreżentat b'talba ta' kull uffiċjal awtorizzat li jispezzjona.

TAQSIMA II

AWTORIZZAZZJONIJIET

Artikolu 7

1.   L-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għal servizzi regolari u għal servizzi regolari speċjali soġġetti għall-awtorizzazzjoni għandhom jikkonformaw mal-mudell fl-Anness III.

2.   L-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għandhom jinkludu din l-informazzjoni segwenti:

(a)

l-iskeda tal-ħinijiet;

(b)

ir-rati tal-ħlas;

(c)

kopja awtentika ċċertifikata tal-liċenzja Komunitarja għat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank għall-kiri jew kumpens kif stipulat fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009;

(d)

l-informazzjoni dwar it-tip u l-volum tas-servizz li l-applikant ikun qiegħed jippjana li jipprovdi, fil-każ ta' applikazzjoni biex joħloq servizz, jew li ġie pprovdut, fil-każ ta' applikazzjoni għal tiġdid ta' awtorizzazzjoni;

(e)

mappa ta' skala xierqa, li fuqha jkun hemm immarkata r-rotta u l-postijiet ta' waqfien fejn għandhom jitrikkbu jew jitniżżlu l-passiġġieri;

(f)

skeda ta' sewqan li tkun tippermetti verifika tal-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-perjodi ta' sewqan u ta' mistrieħ.

3.   L-applikanti għandhom jipprovdu kull informazzjoni ulterjuri li huma jikkunsidraw li tista' tkun rilevanti jew li tintalab mill-awtorità emittenti bħala appoġġ għall-applikazzjoni.

Artikolu 8

1.   L-awtorizzazzjonijiet għandhom jikkonformaw mal-mudell fl-Anness IV.

2.   Kull vettura li twettaq servizz u li tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni għandu jkollha fuqha awtorizzazzjoni jew kopja ċċertifikata mill-awtorità emittenti.

3.   L-awtorizzazzjonijiet għandhom ikunu validi għal massimu ta' ħames snin.

TAQSIMA III

ĊERTIFIKATI

Artikolu 9

1.   Iċ-ċertifikati għall-ħidmiet ta' trasport indipendenti kif definiti fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 għandhom jikkonformaw mal-mudell fl-Anness V ta' dan ir-Regolament.

2.   L-intrapriżi li jitolbu ċertifikat għandhom jipprovdu lill-awtorità emittenti evidenza jew assigurazzjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 jkunu ġew issodisfati.

3.   Kull vettura li twettaq servizz li jkun soġġett għal sistema ta' ċertifikati għandu jkollha fuqha, sakemm idum il-vjaġġ, ċertifikat jew kopja awtentikata, li għandha tiġi ppreżentata lill-uffiċjal ta' spezzjoni awtorizzat malli din tintalab.

4.   Iċ-ċertifikati għandhom ikunu validi sa massimu ta' ħames snin.

TAQSIMA IV

KOMUNIKAZZJONI TA' DEJTA STATISTIKA

Artikolu 10

Id-dejta dwar ħidmiet tat-trasport ta' kabotaġġ imsemmija fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 għandha tiġi kkomunikata f'forma ta' tabella f'konformità mal-mudell fl-Anness VI ta' dan ir-Regolament.

TAQSIMA V

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI

Artikolu 11

1.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-użu ta' ħażniet eżistenti tal-formoli tal-vjaġġ, applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, awtorizzazzjonijiet u ċertifikati mfassla f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 2121/98 sal-31 ta' Diċembru 2015.

2.   L-Istati Membri l-oħra għandhom jaċċettaw il-formoli tal-vjaġġ u l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni fit-territorju tagħhom sal-31 ta' Diċembru 2015.

3.   L-awtorizzazzjonijiet u ċ-ċertifikati mfassla f'konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2121/98 u maħruġa qabel il-31 ta' Diċembru 2015 se jibqgħu validi sad-data tal-iskadenza tagħhom.

Artikolu 12

Ir-Regolament (KE) Nru 2121/98 huwa rrevokat.

Artikolu 13

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' April 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 300, 14.11.2009, p. 88.

(2)  ĠU L 268, 3.10.1998, p. 10.


ANNESS I

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS II

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS III

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS IV

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS V

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS VI

Image

Test ta 'immaġni