3.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 100/1


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 342/2014

tal-21 ta' Jannar 2014

li jissupplimenta d-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għall-applikazzjoni tal-metodi ta' kalkolu tar-rekwiżiti tal-adegwatezza kapitali għall-konglomerati finanzjarji

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 49(6) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplementari ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, dwar impriżi ta' assigurazzjoni u ditti tal-investiment f'konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 21a(3) tagħha,

Billi:

(1)

Għall-konglomerati finanzjarji li jinkludu attivitajiet bankarji jew ta' investiment u negozju tal-assigurazzjoni sinifikanti, l-użu għal diversi drabi ta' elementi eliġibbli għall-kalkolu tal-fondi proprji fil-livell tal-konglomerat finanzjarju jiġifieri, l-ingranaġġ multiplu, kif ukoll il-ħolqien mhux adattat ta' fondi proprji fil-grupp, għandhom jitneħħew sabiex jirriflettu b'mod preċiż id-disponibbiltà tal-fondi proprji tal-konglomerati biex jassorbu t-telf u biex jiżguraw adegwatezza kapitali addizzjonali fil-livell tal-konglomerat finanzjarju.

(2)

Importanti li jiġi żgurat li l-fondi proprji li jeċċedu dawk meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta' solvenza settorjali, jiġu inklużi biss fil-livell tal-konglomerat jekk ma jkun hemm l-ebda ostaklu għat-trasferiment tal-assi jew għar-rimborż tal-obbligazzjonijiet bejn l-entitajiet ta' konglomerat differenti, inkluż minn settur għal ieħor.

(3)

Matul il-kalkolu tal-fondi proprji tiegħu, konglomerat finanzjarju għandu jinkludi biss il-fondi proprji li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti ta' solvenza settorjali jekk dawn il-fondi jkunu trasferibbli minn entità għal oħra fi ħdan il-konglomerat finanzjarju.

(4)

Jeħtieġ li jkun hemm regoli adattati li jqisu li r-rekwiżiti ta' fondi proprji speċifiċi għas-settur huma mfassla biex ikopru r-riskji relatati ma' dak is-settur, u mhumiex maħsuba biex ikopru r-riskji 'l barra minn dak is-settur.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li l-kalkolu ta' adegwatezza kapitali addizzjonali jiġi applikat b'mod konsistenti, għandhom jiġu elenkati r-rekwiżiti settorjali li jinkludu rekwiżiti ta' solvenza għal dan il-għan. Dawn ir-rekwiżiti ma għandhomx ikunu ta' ħsara għad-dispożizzjonijiet settorjali relatati mal-miżuri li għandhom jittieħdu wara li ma jkunux ġew irrispettati r-rekwiżiti settorjali ta' solvenza. B'mod partikolari, fejn jirriżulta defiċit fil-livell ta' konglomerat finanzjarju minħabba li ma jkunx ġie rrispettat ir-rekwiżit ta' bafer kombinat skont il-Kapitolu 4 tat-Titolu VII tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-miżuri neċessarji meħtieġa għandhom ikunu bbażati fuq dawk stabbiliti f'dan il-Kapitolu.

(6)

Meta jiġi kkalkulat ir-rekwiżit ta' adegwatezza kapitali addizzjonali ta' konglomerat finanzjarju, kemm ir-rekwiżit ta' solvenza nozzjonali kif ukoll il-livell nozzjonali tal-fondi proprji għandhom jiġu kkalkulati għall-entitajiet finanzjarji mhux regolati fi ħdan il-konglomerat finanzjarju.

(7)

Il-Parti II tal-Anness I ta' mad-Direttiva 2002/87/KE tistabbilixxi tliet metodi tekniċi għall-ikkalkular tar-rekwiżiti ta' adegwatezza kapitali fil-livell tal-konglomerat finanzjarju: Il-“Metodu ta' konsolidazzjoni ta' konteġġi” (il-metodu 1), il-“Metodu ta' tnaqqis u aggregazzjoni” (il-metodu 2) u l-“Kombinazzjoni tal-metodi” (il-metodu 3), li jippermetti l-kombinazzjoni tal-metodu 1 u tal-metodu 2. Il-metodi tekniċi ta' kalkolu 1 u 2 għandhom ikunu speċifikati sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tagħhom. Barra minn hekk, għandhom jiġu speċifikati ċ-ċirkostanzi li fihom jintuża l-metodu 3 u għandu jkun żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jippermettu l-użu ta' dak il-metodu f'ċirkostanzi simili, li dawn japplikaw kriterji komuni u li jeżiġu li l-metodu jiġi applikat b'mod konsistenti minn konglomerat finanzjarju għal ieħor. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippermettu li jiġi applikat il-metodu 3 biss f'każ li konglomerat finanzjarju jista' juri li l-applikazzjoni tal-metodu 1 jew tal-metodu 2 waħdu ma tkunx raġonevolment fattibbli. L-użu tal-metodu 3 għandu jkun konsistenti maż-żmien sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti. Billi l-metodi tekniċi ta' kalkolu jitwettqu skont il-prinċipji tekniċi msemmija fil-Parti I tal-Anness I ta' mad-Direttiva 2002/87/KE, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati dawn il-prinċipji wkoll.

(8)

Il-metodu 1 għall-ikkalkular tas-solvenza tal-grupp, kif stabbilit fid-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u l-metodu 1 għall-ikkalkular tar-rekwiżiti addizzjonali fir-rigward tal-adegwatezza kapitali, kif stabbilit fid-Direttiva 2002/87/KE, għandhom jiġu kkunsidrati ekwivalenti billi ż-żewġ metodi huma konsistenti mal-objettivi ewlenin tas-superviżjoni addizzjonali. Iż-żewġ metodi jiżguraw it-tneħħija tal-ħolqien ta' fondi proprji fi ħdan il-grupp u l-kalkolu tal-fondi proprji f'konformità mad-definizzjonijiet u mal-limiti stabbiliti fir-regoli settorjali rilevanti.

(9)

L-għoti ta' setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi regolatorji, previst fl-Artikolu 49(6) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 huwa marbut mill-qrib mal-għoti ta' setgħa previst fl-Artikolu 21a(3) tad-Direttiva 2002/87/KE, billi t-tnejn li huma jindirizzaw l-applikazzjoni konsistenti tal-metodi ta' kalkolu stipulati fl-Anness ta' ma' dik id-Direttiva. Sabiex tkun żgurata l-koerenza fil-metodi ta' kalkolu speċifikati għall-finijiet ta' dawn l-atti leġiżlattivi u biex jiġi ffaċilitat li jinkisbu stampa komprensiva u aċċess kumpatt għalihom minn persuni soġġetti għal dawk l-obbligi, huwa mixtieq li jiġu stabbiliti l-istandards tekniċi regolatorji adottati skont dawn l-għotjiet ta' setgħa f'regolament uniku.

(10)

Dan ir-Regolament għandu jkun ibbażat fuq ir-reġimi ta' solvenza settorjali l-ġodda li ġew stabbiliti fl-Unjoni bil-għan li tkun żgurata l-aktar applikazzjoni konsistenti tal-metodi ta' kalkolu. Għalhekk, dan ir-Regolament ma għandux japplika qabel id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Ir-regoli li jiddependu fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE għandhom jibdew japplikaw mid-data tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Għalhekk, l-implimentazzjoni nazzjonali eżistenti tal-kalkolu tar-rekwiżiti addizzjonali fir-rigward tal-adegwatezza kapitali, għandha tibqa' tintuża f'dawk l-oqsma li ma ġewx armonizzati b'dan ir-Regolament, fil-perjodu qabel ma dan ikun japplika b'mod sħiħ, u l-kalkoli sottostanti bbażati fuq regoli settorjali tal-assigurazzjoni għandhom jiġu bbażati fuq ir-regoli settorjali tal-assigurazzjoni li japplikaw fil-mument meta jkun qed isir il-kalkolu.

(11)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji mressqa b'mod konġunt mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (ABE), mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (EIOPA) u mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ESMA) quddiem il-Kummissjoni.

(12)

L-ABE, l-EIOPA u l-ESMA wettqu konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom jissejjes dan ir-Regolament, analizzaw il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati, f'konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u talbu l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tas-Settur Bankarju stabbilit f'konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tas-Settur tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni stabbilit f'konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u mal-Grupp tal-Partijiet Interessati tas-Settur tat-Titoli u tas-Swieq stabbilit f'konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jispeċifika l-prinċipji tekniċi u l-metodi tekniċi ta' kalkolu elenkati fl-Anness I ta' mad-Direttiva 2002/87/KE għall-finijiet tal-alternattivi għat-tnaqqis imsemmija fl-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u għall-finijiet tal-ikkalkular tal-fondi proprji u tar-rekwiżit addizzjonali fir-rigward tal-adegwatezza kapitali, kif stipulat fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2002/87/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“konglomerat finanzjarju mmexxi minn assigurazzjoni” tfisser konglomerat finanzjarju li l-aktar settur finanzjarju importanti tiegħu huwa l-assigurazzjoni, f'konformità mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2002/87/KE;

(2)

“konglomerat finanzjarju mmexxi minn attivitajiet bankarji jew minn investiment” tfisser konglomerat finanzjarju li l-aktar settur finanzjarju importanti tiegħu huwa s-settur bankarju jew inkella dak tas-servizzi ta' investiment, f'konformità mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2002/87/KE.

KAPITOLU II

PRINĊIPJI TEKNIĊI

Artikolu 3

It-tneħħija tal-ingranaġġ multiplu u l-ħolqien ta' fondi proprji fil-grupp

Il-fondi proprji li jirriżultaw direttament jew indirettament minn tranżazzjonijiet fil-grupp ma jiġux inklużi meta jiġu kkalkulati r-rekwiżiti addizzjonali fir-rigward tal-adegwatezza kapitali fil-livell ta' konglomerat finanzjarju.

Artikolu 4

It-trasferibbiltà u d-disponibbiltà ta' fondi proprji

1.   Il-fondi proprji rikonoxxuti fil-livell ta' entità regolata, li jeċċedu dawk meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta' solvenza settorjali, kif speċifikat fl-Artikolu 9, ma jistgħux jiġu inklużi fil-kalkolu tal-fondi proprji ta' konglomerat finanzjarju, jew f'dak tat-total tal-fondi proprji ta' kull entità mis-settur finanzjarju, sew jekk regolata sew jekk mhux regolata, f'konglomerat finanzjarju, sakemm ma jkun hemm l-ebda ostaklu attwali jew previst, legali jew prattiku, għat-trasferiment tal-fondi bejn l-entitajiet fil-konglomerat finanzjarju.

2.   Meta l-entità msemmija fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2002/87/KE tressaq quddiem il-koordinatur ir-riżultati tal-kalkolu u d-dejta rilevanti għall-kalkolu msemmi f'dan is-subparagrafu, hija tikkonferma u tipprovdi evidenza lill-koordinatur li l-paragrafu 1 ikun ġie rrispettat.

Artikolu 5

Il-fondi proprji speċifiċi għas-settur

1.   Il-fondi proprji msemmija fil-paragrafu 2 li huma disponibbli fil-livell ta' entità regolata jkunu eliġibbli għall-kopertura tar-riskji li jirriżultaw mis-settur li jirrikonoxxi dawn il-fondi proprji, u ma jiġux ikkunsidrati bħala eliġibbli għall-kopertura tar-riskji li jirriżultaw minn setturi finanzjarji oħra.

2.   Il-fondi proprji msemmija fil-paragrafu 1 huma fondi proprji li mhumiex is-segwenti:

(a)

fondi proprji ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni, entrati ta' Grad 1 jew ta' Grad 2 Addizzjonali skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b)

entrati ta' fondi proprji bażiċi ta' impriżi soġġetti għar-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/138/KE, meta dawn l-entrati huma kklassifikati fil-Grad 1 jew fil-Grad 2, f'konformità mal-Artikolu 94(1) u (2) ta' din id-Direttiva.

Artikolu 6

Id-defiċit ta' fondi proprji fil-livell ta' konglomerat finanzjarju

1.   Meta fil-livell ta' konglomerat finanzjarju jkun hemm defiċit ta' fondi proprji, jintużaw biss l-entrati ta' fondi proprji li huma eliġibbli skont ir-regoli settorjali tas-settur bankarju kif ukoll tas-settur tal-assigurazzjoni biex jiġi kopert dak id-defiċit.

2.   Il-fondi proprji msemmija fil-paragrafu 1 huma s-segwenti:

(a)

kapital ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni kif definit fl-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b)

entrati ta' fondi proprji bażiċi meta dawn l-entrati jkunu kklassifikati fil-Grad 1 f'konformità mal-Artikolu 94(1) tad-Direttiva 2009/138/KE u meta l-inklużjoni ta' dawn l-entrati ma tkunx limitata mill-atti delegati adottati f'konformità mal-Artikolu 99 ta' din id-Direttiva;

(c)

kapital ta' Grad 1 Addizzjonali kif definit fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(d)

entrati ta' fondi proprji bażiċi meta dawn l-entrati jkunu kklassifikati fil-Grad 1 f'konformità mal-Artikolu 94(1) tad-Direttiva 2009/138/KE u meta l-inklużjoni ta' dawn l-entrati ma tkunx limitata mill-atti delegati adottati f'konformità mal-Artikolu 99 ta' din id-Direttiva;

(e)

kapital ta' Grad 2 kif definit fl-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; u

(f)

entrati ta' fondi proprji bażiċi meta dawn l-entrati jkunu kklassifikati fil-Grad 2 f'konformità mal-Artikolu 94(2) tad-Direttiva 2009/138/KE.

3.   L-entrati ta' fondi proprji li huma użati biex jiġi kopert id-defiċit jikkonformaw mal-Artikolu 4(1).

Artikolu 7

Il-konsistenza

L-entitajiet regolati jew il-kumpanija holding finanzjarja mħallta f'konglomerat finanzjarju japplikaw il-metodu ta' kalkolu b'mod konsistenti matul iż-żmien.

Artikolu 8

Il-konsolidament

Fir-rigward tal-konglomerati finanzjarji mmexxija mill-assigurazzjoni, il-metodu 1 għall-ikkalkular tas-solvenza tal-grupp ta' impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, kif stabbilit fl-Artikoli 230, 231 u 232 tad-Direttiva 2009/138/KE, jitqies bħala ekwivalenti għall-metodu 1 għall-ikkalkular tar-rekwiżiti addizzjonali fir-rigward tal-adegwatezza kapitali tal-entitajiet regolati f'konglomerat finanzjarju, kif stabbilit fl-Anness I ta' mad-Direttiva 2002/87/KE, sakemm il-kamp ta' applikazzjoni tas-superviżjoni tal-grupp skont it-Titolu III tad-Direttiva 2009/138/KE mhuwiex materjalment differenti mill-kamp ta' applikazzjoni tas-superviżjoni addizzjonali skont il-Kapitolu II tad-Direttiva 2002/87/KE.

Artikolu 9

Ir-rekwiżit tas-solvenza

1.   Meta jiġu applikati r-regoli tas-settur tal-assigurazzjoni, ir-Rekwiżiti Kapitali tas-Solvenza msemmija fl-Artikoli 100 u 218 tad-Direttiva 2009/138/KE, inklużi kwalunkwe rekwiżiti ta' kapital addizzjonali applikati f'konformità mal-Artikolu 37 ta' din id-Direttiva, li jirriżultaw mill-Artikolu 216(4), l-Artikolu 231(7), l-Artikolu 232, l-Artikolu 233(6) u l-Artikolu 238(2) u (3) ta' din id-Direttiva, jitqiesu bħala rekwiżiti tas-solvenza għall-finijiet tal-kalkolu tar-rekwiżiti addizzjonali fir-rigward tal-adegwatezza kapitali.

2.   Meta jiġu applikati r-regoli tas-settur bankarju jew dawk tas-settur tas-servizzi ta' investiment, ir-rekwiżiti ta' fondi proprji kif stabbilit fil-Kapitolu 1 tat-Titolu I tal-Parti Tlieta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, u r-rekwiżiti skont dan ir-Regolament jew skont id-Direttiva 2013/36/UE ta' żamma ta' fondi proprji li jaqbżu r-rekwiżiti, inkluż ir-rekwiżit li jirriżulta mill-proċess ta' valutazzjoni tal-adegwatezza kapitali intern fl-Artikolu 73 ta' din id-Direttiva, kwalunkwe rekwiżit impost minn awtorità kompetenti skont l-Artikolu 104(1)(a) ta' din id-Direttiva, ir-rekwiżit ta' bafer kombinat kif definit fl-Artikolu 128(6) ta' din id-Direttiva, u l-miżuri adottati skont l-Artikoli 458 jew 459 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jitqiesu bħala rekwiżiti tas-solvenza għall-finijiet tal-kalkolu tar-rekwiżiti addizzjonali fir-rigward tal-adegwatezza kapitali.

Artikolu 10

Ir-rekwiżiti ta' fondi proprji u r-rekwiżiti tas-solvenza għall-konglomerat finanzjarju

1.   Soġġetti għall-paragrafi 7, 8 u 9 tal-Artikolu 14, ir-rekwiżiti ta' fondi proprji u r-rekwiżiti tas-solvenza għall-konglomerat finanzjarju jiġu kkalkulati f'konformità mad-definizzjonijiet u mal-limiti stabbiliti fir-regoli settorjali rilevanti.

2.   Il-fondi proprji tal-kumpaniji maniġerjali tal-assi jiġu kkalkulati f'konformità mal-Artikolu 2(1)(l) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Ir-rekwiżiti tas-solvenza tal-kumpaniji maniġerjali tal-assi huma r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(a) ta' din id-Direttiva.

3.   Il-fondi proprji tal-maniġers ta' fondi ta' investiment alternattiv jiġu kkalkulati f'konformità mal-Artikolu 4(1)(ad) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Ir-rekwiżiti tas-solvenza tal-maniġers ta' fondi ta' investiment alternattiv huma r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9 ta' din id-Direttiva.

Artikolu 11

It-trattament ta' parteċipazzjonijiet transsettorjali

1.   Meta entità f'konglomerat finanzjarju mmexxi minn attivitajiet bankarji jew minn investiment ikollha parteċipazzjoni f'entità fis-settur finanzjarju li tkun tappartjeni għas-settur tal-assigurazzjoni u li titnaqqas skont l-Artikoli 14(3) jew 15(3), din il-parteċipazzjoni ma twassalx biex jinħoloq xi rekwiżit addizzjonali fir-rigward tal-adegwatezza kapitali fil-livell tal-konglomerat finanzjarju.

2.   Meta l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 twassal għal bidla diretta fl-ammont ta' telf mistenni skont l-approċċ ibbażat fuq il-klassifikazzjoni interna fit-tifsira tal-Kapitolu 3 tat-Titolu II tal-Parti Tlieta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ammont ekwivalenti għal dik il-bidla jiġi miżjud mal-fondi proprji tal-konglomerat finanzjarju.

Artikolu 12

Il-fondi proprji nozzjonali u r-rekwiżiti nozzjonali ta' solvenza għall-entitajiet mhux regolati tas-settur finanzjarju

1.   Meta kumpanija holding finanzjarja mħallta jkollha parteċipazzjoni f'entità mhux regolata tas-settur finanzjarju, il-fondi proprji nozzjonali u r-rekwiżiti nozzjonali ta' solvenza għal dik l-entità jiġu kkalkulati skont ir-regoli settorjali tal-aktar settur importanti fil-konglomerat finanzjarju.

2.   Għal entità mhux regolata tas-settur finanzjarju għajr dik imsemmija fil-paragrafu 1, il-fondi proprji nozzjonali u r-rekwiżiti nozzjonali ta' solvenza għal dik l-entità jiġu kkalkulati skont ir-regoli settorjali tal-eqreb settur finanzjarju tal-entità mhux regolata tas-settur finanzjarju. Id-determinazzjoni tal-eqreb settur finanzjarju tiġi bbażata fuq il-firxa ta' attivitajiet tal-entità rilevanti u fuq il-punt sa fejn din twettaq dawn l-attivitajiet. Jekk ma jkunx possibbli li jiġi identifikat l-eqreb settur finanzjarju b'mod ċar, jintużaw ir-regoli settorjali tal-aktar settur importanti fil-konglomerat finanzjarju.

Artikolu 13

L-arranġamenti settorjali tranżitorji u ta' anterjorità

Ir-regoli settorjali applikati fil-kalkolu tar-rekwiżiti addizzjonali fir-rigward tal-adegwatezza kapitali jinkludu kwalunkwe dispożizzjonijiet tranżitorji jew ta' anterjorità li japplikaw fil-livell settorjali.

KAPITOLU III

METODI TEKNIĊI TA' KALKOLU

Artikolu 14

L-ispeċifikazzjoni tal-kalkolu tekniku skont il-metodu 1 f'konformità mad-Direttiva 2002/87/KE

1.   Il-fondi proprji ta' konglomerat finanzjarju jiġu kkalkulati fuq il-bażi tal-kontijiet ikkonsolidati skont il-qafas ta' kontabbiltà rilevanti, applikat għall-kamp ta' applikazzjoni tas-superviżjoni addizzjonali skont id-Direttiva 2002/87/KE, filwaqt li jikkunsidraw il-paragrafu 5 fejn applikabbli.

2.   Fir-rigward tal-konglomerati finanzjarji mmexxija minn attivitajiet bankarji jew minn investiment, it-trattamenti segwenti jiġu applikati għall-investimenti mhux ikkonsolidati meta jiġu kkalkulati l-fondi proprji tal-konglomerat finanzjarju:

(a)

l-investimenti sinifikanti mhux ikkonsolidati miżmuma f'entità tas-settur finanzjarju, fit-tifsira tal-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, li tappartjeni għas-settur tal-assigurazzjoni, jitnaqqsu kompletament mill-fondi proprji tal-konglomerat;

(b)

l-investimenti mhux ikkonsolidati, għajr dawk imsemmija fil-punt (a), miżmuma f'entità tas-settur finanzjarju li tappartjeni għas-settur tal-assigurazzjoni jitnaqqsu kompletament mill-fondi proprji tal-konglomerat f'konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

3.   Soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, kwalunkwe fondi proprji maħruġa minn entità f'konglomerat finanzjarju u miżmuma minn entità oħra f'dak il-konglomerat finanzjarju jitnaqqsu mill-fondi proprji tal-konglomerat jekk ma jkunux diġà tneħħew matul il-proċess ta' konsolidament tal-kontabbiltà.

4.   Impriża li hija entità kkontrollata b'mod konġunt għall-finijiet tal-qafas tal-kontabbiltà rilevanti, tiġi ttrattata skont ir-regoli settorjali dwar il-konsolidament proporzjonali jew l-inklużjoni tal-ishma proporzjonali.

5.   Meta entità, fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE, tifforma parti minn konglomerat finanzjarju, il-kalkolu tar-rekwiżit addizzjonali fir-rigward tal-adegwatezza kapitali fil-livell tal-konglomerat finanzjarju, ikun ibbażat fuq il-valwazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet ikkalkulati f'konformità mat-Taqsima 1 u t-Taqsima 2 tal-Kapitolu VI tat-Titolu I tad-Direttiva 2009/138/KE.

6.   Meta l-valuri tal-assi jew tal-obbligazzjoni jkunu soġġetti għal filtri prudenzjali u għal tnaqqis f'konformità mat-Titolu I tal-Parti 2 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-valuri tal-assi jew tal-obbligazzjoni użati għall-finijiet tal-kalkolu tar-rekwiżiti addizzjonali fir-rigward tal-adegwatezza kapitali jkunu dawk attribwibbli għall-entitajiet rilevanti skont dan ir-Regolament, minbarra l-assi u l-obbligazzjonijiet attribwibbli għal entitajiet oħra tal-konglomerat finanzjarju.

7.   Meta r-regoli settorjali jkunu jirrikjedu li jiġi kkalkulat il-livell massimu jew il-limitu, dan jiġi kkalkulat fil-livell tal-konglomerat abbażi tad-dejta kkonsolidata tal-konglomerat finanzjarju u wara li jsir it-tnaqqis stipulat fil-paragrafi 2 u 3.

8.   Għall-finijiet tal-ikkalkular tal-livelli massimi jew tal-limiti, l-entitajiet regolati f'konglomerat finanzjarju li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tas-sitwazzjoni kkonsolidata ta' istituzzjoni skont it-Taqsima 1 tal-Kapitolu 2 tat-Titolu II tal-Ewwel Parti tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jittieħdu inkunsiderazzjoni flimkien.

9.   Għall-finijiet tal-ikkalkular tal-livelli massimi jew tal-limiti, l-entitajiet regolati f'konglomerat finanzjarju li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-grupp ta' superviżjoni skont it-Titolu III tad-Direttiva 2009/138/KE, jittieħdu inkunsiderazzjoni flimkien.

10.   Għall-finijiet tal-ikkalkular tal-livelli massimi jew tal-limiti fil-livell ta' entità regolata, l-entitajiet regolati f'konglomerat finanzjarju li għalihom la japplika l-paragrafu 8 u lanqas il-paragrafu 9, jikkalkulaw il-livelli massimi u l-limiti rispettivi tagħhom fuq bażi individwali, skont ir-regoli settorjali tal-entità regolata.

11.   Meta jingħaddu flimkien ir-rekwiżiti tas-solvenza settorjali rilevanti, ma għandu jkun hemm l-ebda aġġustament għajr dak stipulat fl-Artikolu 11 jew dak li jirriżulta minn aġġustamenti tal-livelli massimi u tal-limiti settorjali skont il-paragrafu 7.

Artikolu 15

L-ispeċifikazzjoni tal-kalkolu tekniku skont il-metodu 2 f'konformità mad-Direttiva 2002/87/KE

1.   Meta l-fondi proprji ta' entità regolata jkunu soġġetti għal filtru prudenzjali skont ir-regoli settorjali rilevanti, japplika wieħed mit-trattamenti segwenti:

(a)

l-ammont iffiltrat, li huwa l-ammont nett li jiġi kkunsidrat fil-kalkolu tal-fondi proprji tal-parteċipazzjonijiet, jiżdied mal-valur kontabilistiku tal-parteċipazzjonijiet f'konformità mas-subparagrafu 2 tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2002/87/KE, jekk l-ammont iffiltrat iżid il-kapital regolatorju;

(b)

l-ammont iffiltrat imsemmi fil-punt (a), jitnaqqas mill-valur kontabilistiku tal-parteċipazzjonijiet f'konformità mas-subparagrafu 2 tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2002/87/KE, jekk l-ammont iffiltrat inaqqas il-kapital regolatorju.

2.   Għall-konglomerati finanzjarji mmexxija minn attivitajiet bankarji jew minn investiment, l-investimenti sinifikanti, skont it-tifsira tal-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, li mhumiex parteċipazzjonijiet, f'entità tas-settur finanzjarju li tappartjeni għas-settur tal-assigurazzjoni, jitnaqqsu kompletament mill-entrati ta' fondi proprji tal-entità li tkun id-detentur tal-istrument, f'konformità mar-regoli settorjali applikabbli għal dik l-entità.

3.   L-investimenti fil-grupp fi strumenti kapitali li huma eliġibbli bħala fondi proprji f'konformità mar-regoli settorjali, jitnaqqsu jew jiġu esklużi mill-kalkolu tal-fondi proprji, filwaqt li jitqiesu l-limiti settorjali.

4.   Il-kalkolu tar-rekwiżiti addizzjonali fir-rigward tal-adegwatezza kapitali jitwettaq skont il-formula mniżżla fl-Anness.

Artikolu 16

L-ispeċifikazzjoni tal-kalkolu tekniku skont il-metodu 3 f'konformità mad-Direttiva 2002/87/KE

1.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jippermettu biss li jiġi applikat il-metodu 3 kif imsemmi fl-Anness I tad-Direttiva 2002/87/KE, f'waħda miċ-ċirkostanzi segwenti:

(a)

meta ma jkunx raġonevolment fattibbli li jiġi applikat il-metodu 1 għall-entitajiet kollha kif imsemmi fl-Anness I tad-Direttiva 2002/87/KE jew il-metodu 2 għall-entitajiet kollha f'konglomerat finanzjarju kif imsemmi fl-Anness I tad-Direttiva 2002/87/KE, b'mod partikolari, għar-raġuni li entità waħda jew aktar ikunu joħorġu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-konsolidament u għalhekk il-metodu 1 ma jkunx jista' jiġi applikat għalihom, jew għar-raġuni li entità regolata tkun stabbilita f'pajjiż terz u ma jkunx possibbli li tinkiseb biżżejjed informazzjoni biex jiġi applikat wieħed mill-metodi għal dik l-entità;

(b)

meta l-entitajiet li jkunu japplikaw wieħed mill-metodi jkunu kollettivament ta' interess negliġibbli fir-rigward tal-objettivi tas-superviżjoni tal-entitajiet regolati f'konglomerat finanzjarju.

2.   Il-metodu 1 jew inkella l-metodu 2 jintuża mill-entitajiet regolati kollha f'konglomerat finanzjarju li mhumiex imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   L-applikazzjoni tal-metodu 3 permessa min-naħa ta' awtorità kompetenti fir-rigward ta' konglomerat finanzjarju tkun konsistenti matul iż-żmien.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 17

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 5, l-Artikolu 6(2), l-Artikolu 8, l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 14(5) u (9) jibdew japplikaw mid-data tal-applikazzjoni li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 309(1) tad-Direttiva 2009/138/KE.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Jannar 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1.

(3)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(4)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(8)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(9)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattiv u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).


ANNESS

Metodoloġija ta' kalkolazzjoni għall-Metodu 2 skont id-Direttiva 2002/87/KE

Il-Metodu ta' tnaqqis u aggregazzjoni

Il-kalkolu tar-rekwiżiti ta' adegwatezza kapitali supplementari skont il-metodu 2 għandu jitwettaq fuq il-bażi tal-qafas ta' kontabilità applikabbli għal kull waħda mill-entitajiet fil-grupp skont l-espressjoni formulajka ta' hawn taħt:

Formula

Formula

fejn fondi proprji (OFi ) jeskludu istrumenti kapitali intragrupp li huma eliġibbli bħala fondi proprji skont ir-regoli settorjali.

Ir-rekwiżiti ta' adegwatezza kapitali supplementari (scar) għaldaqstant jiġu kkalkolati bħala d-differenza bejn:

1.

it-total tal-fondi proprji (OFi ) ta' kull entità tas-settur finanzjarju regolata jew le (i) fil-konglomerat finanzjarju; l-elementi eliġibbli huma dawk li jikkwalifikaw skont ir-regoli settorjali relevanti; u

2.

it-total tar-rekwiżiti ta' solvenza (REQi) għal kull entità tas-settur finanzjarju regolata u mhux regolata (i) fil-grupp (G); ir-rekwiżiti ta' solvenza ikunu kkalkolati skont ir-regoli settorjali relevanti; u l-valur kontabilistiku (BVj) tal-parteċipazzjonijiet f'entitajiet oħra (j) tal-grupp.

Fil-każ ta' entitajiet fis-settur finanzjarju mhux regolati, rekwiżit spekulattiv ta' solvenza jiġi kkalkolat skont l-Artikolu 12. Fondi propjri u rekwiżiti ta' solvenza jitqiesu għas-sehem proporzjonali tagħhom (x) kif ipprovdut fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2002/87/KE u skont l-Anness I ta' dik id-Direttiva.

Id-differenza m'għandhiex tkun fin-negattiv.