28.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 93/17


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 316/2014

tal-21 ta’ Marzu 2014

dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill Nru 19/65/KEE tat-2 ta’ Marzu 1965 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ ftehimiet u prattiċi miftiehma (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu,

Wara li ppubblikat abbozz ta’ dan ir-Regolament,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiki Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Nru 19/65/KEE jagħti l-poter lill-Kummissjoni biex tapplika, permezz ta’ Regolament, l-Artikolu 101(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ ftehimiet dwar trasferiment tat-teknoloġija u għall-prattiki korrispondenti miftehma fejn jipparteċipaw biss żewġ impriżi u li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat.

(2)

Skont ir-Regolament Nru 19/65/KEE, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 772/2004 (2). Ir-Regolament (KE) Nru 772/2004 jiddefinixxi kategoriji ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li l-Kummissjoni qieset li normalment jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Fid-dawl tal-esperjenza globalment pożittiva fl-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, li jiskadi fit-30 ta’ April 2014 u b’kunsiderazzjoni tal-esperjenza ulterjuri miksuba mindu ġie adottat, huwa xieraq li jiġi adottat regolament ġdid ta’ eżenzjoni ta’ kategorija.

(3)

Dan ir-Regolament għandu jissodisfa żewġ rekwiżiti, jiġifieri li tiġi assigurata protezzjoni effettiva tal-kompetizzjoni u li tiġi pprovduta ċertezza legali adegwata għall-impriżi. Fil-ħidma biex jintlaħqu dawk l-għanijiet għandu jitqies kemm jista’ jkun il-bżonn li tiġi ssimplifikata is-superviżjoni amministrattiva u l-qafas leġiżlattiv.

(4)

Il-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jirrigwardaw l-għoti ta’ liċenzja fir-rigward ta’ drittijiet marbuta mat-teknoloġija. Dawk il-ftehimiet għandhom itejbu b’mod regolari l-effiċjenza ekonomika u jkunu favur il-kompetizzjoni billi jistgħu jnaqqsu d-duplikazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp, isaħħu l-inċentiv għar-riċerka u l-iżvilupp tal-bidu, iħeġġu dejjem aktar l-innovazzjoni, jiffaċilitaw it-tixrid u joħolqu kompetizzjoni fis-suq għall-prodott.

(5)

Il-probabbiltà li effetti bħal dawn li jkabbru l-effiċjenza u l-kompetittività jegħlbu kull effett li jmur kontra l-kompetittività minħabba r-restrizzjonijiet inklużi fil-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija tiddependi fuq il-grad ta’ poter fis-suq tal-impriżi ikkonċernati u, għalhekk, fuq l-ammont ta’ kompetizzjoni li dawk l-impriżi jiffaċċjaw minn impriżi li jħaddnu teknoloġiji ta’ sostituzzjoni jew impriżi li jipproduċu prodotti ta’ sostituzzjoni.

(6)

Dan ir-Regolament għandu jkopri biss ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija bejn il-liċenzjatur u d-detentur tal-liċenzja. Hu għandu jkopri ftehimiet bħal dawk anki jekk il-ftehim ikun fih kundizzjonijiet li jirrigwardaw iktar minn livell wieħed ta’ kummerċ, billi pereżempju id-detentur tal-liċenzja jintalab biex jistabbilixxi sistema partikolari ta’ distribuzzjoni u jispeċifika l-obbligi li għandhom jew jistgħu jiġu imponuti mid-detentur tal-liċenżja fuq dawk li jbiegħu mill-ġdid il-prodotti manifatturati taħt dik il-liċenzja. Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet u l-obbligi għandhom ikunu konformi mar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għal ftehimiet dwar il-provvista u d-distribuzzjoni stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 (3). Il-ftehimiet dwar il-provvista u d-distribuzzjoni milħuqa bejn id-detentur tal-liċenzja u min jixtri l-prodotti kuntrattwali tiegħu, m’għandhomx ikunu eżentati minn dan ir-Regolament.

(7)

Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal ftehimiet li fihom il-liċenzjatur jippermetti lid-detentur tal-liċenzja u/jew lis-subkuntrattur jew subkuntratturi tiegħu li jisfruttaw d-drittijiet marbutin mat-teknoloġija liċenzjati, possibbilment wara aktar riċerka u żvilupp mid-detentur tal-liċenzja u/jew s-sub-kuntrattur(i), bil-għan li jipproduċi prodotti jew servizzi. Ma għandux japplika għal-liċenzjar fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ riċerka u żvilupp li huma koperti mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1217/2010 (4) jew għal-liċenzjar fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni li huma koperti bir-Regolament tal-Kumissjoni (UE) Nru 1218/2010 (5). M’għandhux japplika wkoll għal ftehimiet, li l-għan tagħhom huwa sempliċement ir-riproduzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ prodotti protetti bid-dritt tal-awtur tas-softwer minħabba li dak it-tip ta’ ftehimiet ma jikkonċernax il-liċenzjar ta’ teknoloġija għal skopijiet ta’ produzzjoni, iżda jixbah aktar il-ftehimiet dwar id-distribuzzjoni. Ir-Regolament m’għandux japplika lanqas għal ftehimiet biex jiġu stabbiliti pools tat-teknoloġija, jiġifieri il-ftehimiet li l-għan tagħhom ikun li t-teknoloġiji jsiru komuni bejn kulħadd bl-iskop li jiġu liċenzjati lill-partijiet terzi u lanqas għal ftehimiet li permezz tagħhom it-teknoloġija li tkun saret komuni bejn kulħadd tkun liċenzjata lil dawk il-partijiet terzi.

(8)

Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat b’regolament, mhux neċessarju li jiġu definiti dawk il-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jkunu jistgħu jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 101(1). Fl-istima individwali tal-ftehimiet skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat, għandhom jitqiesu diversi fatturi, b’mod partikolari l-istruttura u d-dinamika tat-teknoloġija rilevanti u tas-swieq tal-prodott.

(9)

Il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija stabbilita b’dan ir-Regolament għandu jkun limitat għal dawk il-ftehimiet li fir-rigward tagħhom wieħed jista’ jassumi b’ċertezza suffiċjenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Sabiex jinkisbu l-benefiċċji u l-objettivi ta’ trasferiment ta’ teknoloġija, dan ir-Regolament ma għandux ikopri biss it-trasferiment ta’ teknoloġija nnifisha iżda għandu jkopri wkoll dispożizzjonijiet oħrajn fil-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jekk, u sakemm, dawk id-dispożizzjonijiet ikunu direttament relatati mal-produzzjoni jew mal-bejgħ tal-prodotti kuntrattwali.

(10)

Fil-każ ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija bejn il-kompetituri jista’ jiġi meqjus li, meta s-sehem magħqud tas-swieq rilevanti li għandhom il-partijiet ma jkunx iktar minn 20 % u meta l-ftehimiet ma jkunux jinkludu restrizzjonijiet kbar antikompetittivi, dawk il-ftehimiet b’mod ġenerali jwasslu għal titjib fil-produzzjoni jew fid-distribuzzjoni u jippermettu li l-konsumaturi jirċievu sehem xieraq mill-benefiċċji li jirriżultaw.

(11)

Fil-każ ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija bejn dawk li ma jkunux kompetituri jista’ jiġi meqjus li meta s-sehem individwali tas-swieq rilevanti li jkollha kull waħda mill-partijiet ma jkunx iktar minn 30 % u meta l-ftehimiet ma jkunux jinkludu restrizzjonijiet kbar antikompetittivi, dawk il-ftehimiet b’mod ġenerali jwasslu għal titjib fil-produzzjoni jew fid-distribuzzjoni u jippermettu li l-konsumaturi jirċievu sehem xieraq mill-benefiċċji li jirriżultaw.

(12)

Jekk jinqabeż il-limitu tas-sehem mis-suq applikabbli f’suq jew f’diversi swieq ta’ prodotti u ta’ tekonoloġija, l-eżenzjoni ta’ kategorija ma għandhiex tapplika għall-ftehim li jirrigwarda dak is-suq jew swieq ikkonċernati.

(13)

Ma għandu jkun hemm l-ebda suppożizzjoni li ‘l fuq minn dawn il-limiti tas-sehem fis-suq il-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jkunu jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Pereżempju, ftehimiet esklussivi li jippermettu l-għoti ta’ liċenzji bejn impriżi li ma jkunux jikkompetu spiss ma jkunux jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 101(1). Ma għandu jkun hemm ukoll l-ebda suppożizzjoni li, ‘il fuq minn dawk il-limiti tas-sehem fis-suq, ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) ma jkunux jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni. Madankollu, jista’ wkoll ma jiġix preżunt li dawn joħolqu b’mod regolari vantaġġi objettivi ta’ karattru u daqs li jwasslu biex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi li huma joħolqu għall-kompetizzjoni.

(14)

Dan ir-Regolament ma għandux jeżenta ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jkunu jinkludu restrizzjonijiet li ma jkunux indispensabbli għat-titjib tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni. B’mod partikolari, ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jkunu jinkludu ċerti restrizzjonijiet kbar antikompetittivi, bħall-istabbiliment tal-prezzijiet li l-partijiet terzi jiġu mitluba jħallsu għandhom jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija stabbilit b’dan ir-Regolament irrispettivament mill-ishma fis-suq tal-impriżi kkonċernati. F’każ ta’ restrizzjonijiet fundamentali bħal dawn il-ftehim kollu għandu jiġi eskluż mill-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija.

(15)

Bl-iskop li jkunu protetti l-inċentivi għall-innovazzjoni u l-applikazzjoni xierqa tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ċerti restrizzjonijiet għandhom jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija. B’mod partikolari obbligi ta’ retroċessjoni esklussivi u klawżoli ta’ ebda kontestazzjoni għandhom jiġu esklużi. Meta restrizzjoni bħal din tkun inkluża fi ftehim ta’ liċenzja għandha tkun biss ir-restrizzjoni fil-kwistjoni li tiġi eskluża mill-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija.

(16)

Il-limiti tas-sehem mis-suq u n-nuqqas ta’ eżenzjoni tal-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jkunu jinkludu r-restrizzjonijiet kbar antikompetittivi u r-restrizzjonijiet esklużi stabbiliti f’dan ir-Regolament normalment jassiguraw li l-ftehimiet li għalihom tkun tapplika l-eżenzjoni ta’ kategorija ma jwasslux biex l-impriżi li jkunu qed jipparteċipaw jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti kbira tal-prodotti kkonċernati.

(17)

Il-Kummissjoni tista’ tirtira l-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (6), meta f’każ partikolari ssib li ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li għalih tkun tapplika l-eżenzjoni msemmija f’dan ir-Regolament xorta jkollu effetti li ma jkunux kompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. B’mod partikolari dan jista’ jiġri meta l-inċentivi għall-innovazzjoni jkunu tnaqqsu jew meta l-aċċess għas-swieq ikun imfixkel.

(18)

L-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tista’ tirtira l-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fir-rigward tat-territorju ta’ dak l-Istat Membru, jew ta’ parti minnu, meta, f’każ partikolari, ftehim li tapplika għalih l-eżenzjoni prevista f’dan ir-Regolament xorta ikollu effetti li jkunu inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, jew f’parti minnu, u meta dak it-territorju jkollu l-karatteristiċi kollha ta’ suq ġeografiku distint.

(19)

Sabiex tissaħħaħ is-superviżjoni ta’ netwerks paralleli ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija b’effetti restrittivi simili u li jkopru aktar minn 50 % minn suq partikolari, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ regolament, tiddikjara li dan ir-Regolament ma japplikax għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jkun fihom restrizzjonijiet speċifiċi relatati mas-suq ikkonċernat, biex b’hekk l-Artikolu 101 tat-Trattat jerġa’ japplika b’mod sħiħ għal dawk il-ftehimiet,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

1.   Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“ftehim” tfisser ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftehma;

(b)

“drittijiet marbutin mat-teknoloġija” tfisser kompetenza u d-drittijiet li ġejjin, jew taħlita tat-tnejn, inklużi l-applikazzjonijiet ta’ dawk id-drittijiet jew l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tagħhom:

(i)

privattivi;

(ii)

mudelli ta’ utilità;

(iii)

drittijiet tad-diżinn;

(iv)

topografiji ta’ prodotti ta’ semikondutturi;

(v)

ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali jew prodotti oħra li għalihom jistgħu jinkisbu ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari;

(vi)

ċertifikati ta’ min inissel il-pjanti; u

(vii)

drittijiet tal-awtur tas-softwer;

(c)

“ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija” tfisser:

(i)

ftehim ta’ liċenzjar tad-drittijiet marbutin mat-teknoloġija bejn żewġ impriżi għall-iskop ta’ produzzjoni ta’ prodotti kuntrattwali mid-detentur tal-liċenzja u/jew mis-subkuntrattur(i) tiegħu;

(ii)

assenjament tad-drittijiet marbuta mat-teknoloġija bejn żewġ impriżi għall-iskop ta’ produzzjoni tal-prodotti kuntrattwali, fejn l-assenjatur jibqa’ jkollu parti mir-riskju assoċjat mal-isfruttar tat-teknoloġija;

(d)

“ftehim reċiproku” tfisser ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija meta żewġ impriżi jikkonċedu lil xulxin, fl-istess kuntratt jew f’kuntratti separati, liċenzja għad-drittijiet tat-teknoloġija, u fejn dawk il-liċenzji jikkonċernaw teknoloġiji li jikkompetu bejniethom jew jistgħu jintużaw għall-produzzjoni ta’ prodotti li jikkompetu;

(e)

“ftehim mhux reċiproku” tfisser ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija fejn impriża waħda tikkonċedi lil impriża oħra liċenzja tat-teknoloġija, jew meta żewġ impriżi jikkonċedu lil xulxin liċenzja ta’ dak it-tip, iżda dawk il-liċenzji ma jkunux jikkonċernaw teknoloġiji li jikkompetu u ma jkunux jistħgu jintużaw għall-produzzjoni ta’ prodotti li jikkompetu;

(f)

“prodott” tfisser oġġetti jew servizzi, inklużi kemm l-oġġetti u s-servizzi intermedjarji kif ukoll l-oġġetti u s-servizzi finali;

(g)

“prodott kuntrattwali” tfisser prodott li jiġi magħmul, b’mod dirett jew indirett, fuq il-bażi tad-drittijiet marbutin mat-teknoloġija liċenzjata;

(h)

“drittijiet tal-proprjetà intellettwali” tinkludi d-drittijiet tal-proprjetà industrijali, b’mod partikolari l-privattivi u l-marki kummerċjali, id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet assoċjati;

(i)

“kompetenza” tfisser pakkett ta’ informazzjoni prattika, li jirriżulta mill-esperjenza u l-ittestjar li jkun:

(i)

sigriet, jiġifieri, li ma jkunx magħruf b’mod ġenerali jew ma jkunx aċċessibbli b’mod faċli;

(ii)

sostanzjali, jiġifieri, sinifikanti u bżonjuż għall-produzzjoni tal-prodotti kuntrattwali; u

(iii)

identifikat, jiġifieri, li jkun deskritt b’mod li jinftiehem biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi vverifikat li jkun jissodisfa l-kriterji ta’ segretezza u sostanzjalità;

(j)

“suq rilevanti tal-prodott” tfisser is-suq tal-prodotti parti minn kuntratt u s-sostituti tagħhom, jiġifieri dawk il-prodotti kollha li jitqies li jistgħu jiġu skambjati jew sostitwiti mix-xerrej, minħabba l-karatteristiċi tal-prodotti, il-prezzijiet tagħhom u l-użu li għalih huma intenzjonati;

(k)

“suq rilevanti tat-teknoloġija” tfisser is-suq tad-drittijiet liċenzjati marbuta mat-teknoloġija u s-sostituti tagħhom, jiġifieri dawk id-drittijiet marbutin mat-teknoloġija kollha li huma kkunsidrati li jistgħu jiġu skambjati jew sostitwiti mix-xerrej, minħabba l-karatteristiċi tad-drittijiet tatteknoloġij, id-drittijiet pagabbli għal dawk id-drittijiet u l-użu li għalih huma intenzjonati;

(l)

“suq ġeografiku rilevanti” tfisser iż-żona fejn l-impriżi kkonċernati jkunu involuti fil-provvista jew fid-domanda ta’ prodotti jew fil-liċenzjar tad-drittijiet marbutin mat-teknoloġija, fejn il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni jkunu omoġenji biżżejjed u li jistgħu jkunu distinti minn żoni ġirien billi l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni jkunu sostanzjalment differenti f’dawk iż-żoni;

(m)

“suq rilevanti” tfisser il-kombinazzjoni tas-suq rilevanti tal-prodott jew tat-teknoloġija mas-suq ġeografiku rilevanti;

(n)

“impriżi li jikkompetu bejniethom” tfisser impriżi li jikkompetu fis-suq rilevanti, jiġifieri:

(i)

impriżi li jikkompetu fis-suq rilevanti fejn id-drittijiet marbutin mat-teknoloġija jiġu liċenzjati, jiġifieri impriżi li jagħtu l-liċenżji li jikkompetu tad-drittijiet marbutin mat-teknoloġija (kompetituri veri fis-suq rilevanti);

(ii)

impriżi li jikkompetu fis-suq rilevanti fejn jinbiegħu il-prodotti kuntrattwali, jiġifieri impriżi li, fin-nuqqas tal-ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, ikunu t-tnejn attivi fis-suq jew fis-swieq rilevanti fejn jinbiegħu l-prodotti kuntrattwali (kompetituri veri fis-suq rilevanti) jew, fin-nuqqas tal-ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, fuq bażi realistika u mhux biss bħala possibbiltà teoretika, b’reazzjoni għal żieda żgħira u permanenti fil-prezzijiet relattivi, x’aktarx li fi żmien qasir jagħmlu investimenti addizzjonali jew spejjeż oħrajn meħtieġa biex jidħlu fis-suq (swieq) rilevanti (kompetituri potenzjali fis-suq rilevanti);

(o)

“sistema ta’ distribuzzjoni selettiva” tfisser sistema ta’ distribuzzjoni fejn il-liċenzjatur jintrabat li jagħti l-liċenzja għall-produzzjoni tal-prodotti kuntrattwali, direttament jew indirettament, biss lil detenturi magħżula fuq bażi ta’ kriterji speċifikati u fejn dawk id-detenturi jintrabtu li ma jbigħux il-prodotti kuntrattwali lil distributuri mhux awtorizzati fit-territorju riżervat mil-liċenzjatur biex fih iħaddem dik is-sistema;

(p)

“liċenzja esklussiva” tfisser liċenzja li permezz tagħha l-liċenzjatur stess ma jkunx permess li jipproduċi fuq il-bażi tad-drittijiet marbutin mat-teknoloġija liċenzjati u ma jkunx permess li jagħti liċenżja għad-drittijiet marbutin mat-teknoloġija liċenzjata lil partijiet terzi, b’mod ġenerali jew għal użu partikolari jew f’territorju partikolari;

(q)

“territorju esklussiv” tfisser territorju partikolari li fih impriża waħda biss ikollha l-permess tipproduċi il-prodotti kuntrattwali, iżda li madankollu xorta jkun possibbli li detentur ieħor ta’ liċenzja jingħata l-peremss li jipproduċi l-prodotti kuntrattwali f’dak it-territorju biss għal klijent partikolari wieħed, fejn din it-tieni liċenzja tkun ingħatat sabiex jinħoloq sors alternattiv ta’ provvista għal dak il-klijent;

(r)

“grupp esklussiv ta’ klijenti” tfisser grupp ta’ klijenti li parti waħda biss fil-ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija tkun permessa tbegħilhom b’mod attiv il-prodotti kuntrattwali li jkunu ġew prodotti bit-teknoloġija liċenzjata.

2.   Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, it-termini “impriża”, “liċenzjatur” u “detentur ta’ liċenzja” jinkludu l-impriżi konnessi rispettivi tagħhom.

“Impriżi relatati” tfisser:

(a)

impriżi fejn waħda mill-partijiet fil-ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, b’mod dirett jew indirett:

(i)

ikollha s-setgħa li teżerċita iktar minn nofs id-drittijiet tal-vot, jew

(ii)

ikollha s-setgħa li taħtar aktar minn nofs il-membri tal-bord ta’ superviżjoni, tal-bord ta’ tmexxija jew ta’ korpi li jirrappreżentaw legalment lill-impriża, jew

(iii)

ikollha d-dritt li tmexxi l-affarijiet tal-impriża;

(b)

impriżi li, direttament jew indirettament, ikollhom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) fil-konfront ta’ parti fil-ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija;

(c)

impriżi li fihom impriża msemmija fil-punt (b) ikollha, direttament jew indirettament, id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a);

(d)

impriżi li fihom parti fil-ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija flimkien ma’ impriża waħda jew aktar imsemmija fil-punti (a), (b) jew (c), jew li fihom tnejn jew aktar mill-impriżi msemmija l-aħħar, flimkien ikollhom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a);

(e)

impriżi li fihom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) ikunu miżmuma konġuntament minn:

(i)

partijiet fil-ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jew l-impriżi konnessi rispettivi tagħhom imsemmija fil-punti (a) sa (d); jew

(ii)

parti waħda jew aktar fil-ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jew impriża waħda konnessa tagħhom jew aktar imsemmija fil-punti (a) sa (d) u parti terza waħda jew aktar.

Artikolu 2

Eżenzjoni

1.   Skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat u suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma japplikax għal ftehimiet dwar it-trasferimenti ta’ teknoloġija.

2.   L-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tapplika sal-punt li l-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jkun fihom restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jidħlu fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. L-eżenzjoni tapplika sakemm id-drittijiet marbutin mat-teknoloġija liċenzjati ma jkunux skadew, jew ġew iddikjarati invalidi jew, fil-każ tal-kompetenza, sakemm il-kompetenza tibqa’ sigrieta. Madankollu, meta l-kompetenza ssir magħrufa pubblikament minħabba intervent tad-detentur tal-liċenzja, l-eżenzjoni tapplika għal kemm idum il-ftehim.

3.   L-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tapplika wkoll għad-dispożizzjonijiet fil-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, li għandhom x’jaqsmu max-xiri ta’ prodotti mid-detentur tal-liċenzja jew li jirrigwardaw il-liċenzjar jew l-assenjazzjoni ta’ drittijiet oħra ta’ proprjetà intellettwali jew kompetenza lid-detentur tal-liċenzja, jekk u sa fejn dawk id-dispożizzjonijiet ikunu direttament relatati mal-produzzjoni jew mal-bejgħ tal-prodotti kuntrattwali.

Artikolu 3

Limiti tas-sehem fis-suq

1.   Meta l-impriżi li jkunu parti fil-ftehim ikunu impriżi li jikkompetu bejniethom, l-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 2 tapplika bil-kundizzjoni li s-sehem mis-suq magħqud tan-negozju tal-partijiet ma jkunx iktar minn 20 % ta’ kull suq jew swieq rilevanti.

2.   Meta l-impriżi li jkunu parti fil-ftehim ma jkunux impriżi li jikkompetu bejniethom, l-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 2 tapplika bil-kundizzjoni li s-sehem mis-suq ta’ kull wieħed mill-partijiet ma jkunx iktar minn 30 % ta’ kull suq jew swieq rilevanti.

Artikolu 4

Restrizzjonijiet fundamentali

1.   Meta l-impriżi li jkunu parti fil-ftehim ikunu impriżi li jikkompetu bejniethom, l-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 2 ma tapplikax għal ftehimiet li l-għan tagħhom, b’mod dirett jew indirett, weħidhom jew flimkien ma’ fatturi oħrajn li jkunu fil-kontroll tal-partijiet, ikun kwalunkwe mill-punti li ġejjin:

(a)

ir-restrizzjoni tal-kapaċita ta’ parti partikolari li tistabbilixxi l-prezzijiet tagħha meta tkun qed tbigħ il-prodotti lil partijiet terzi;

(b)

il-limitazzjoni tal-produzzjoni, minbarra l-limitazzjonijiet fuq il-produzzjoni tal-prodotti kuntrattwali li jkunu imposti fuq detentur tal-liċenżja permezz ta’ ftehim mhux reċiproku jew imposti fuq wieħed biss mid-detenturi tal-liċenzja permezz ta’ ftehim reċiproku;

(c)

l-allokazzjoni tas-swieq jew tal-klijenti, għajr:

(i)

l-obbligu tal-liċenzjatur u/jew tad-detentur tal-liċenzja biex, permezz ta’ ftehim mhux reċiproku, ma jipproduċix bid-drittijiet marbutin mat-teknoloġija liċenzjata f’territorju esklussiv riżervat għall-parti l-oħra u/jew li ma jbigħx, kemm attivament u/jewl passivament fit-territorju esklussiv jew lill-grupp esklussiv ta’ klijenti li jkun riżervat għall-parti l-oħra,

(ii)

ir-restrizzjoni, permezz ta’ ftehim mhux reċiproku, ta’ bejgħ attiv minn detentur tal-liċenzja f’territorju esklussiv jew lill-grupp esklussiv ta’ klijenti li jkun allokat minn liċenzjatur lil xi detentur ieħor tal-liċenzja sakemm ikun provdut li dan tal-aħħar ma kienx impriża li kkompetiet mad-detentur tal-liċenzja fiż-żmien meta kien qed jiġi konkluż il-ftehim dwar il-liċenzja tiegħu stess,

(iii)

l-obbligu tad-detentur tal-liċenzja biex il-produzzjoni tal-prodotti kuntrattwali issir għall-użu tiegħu biss sakemm id-detentur tal-liċenzja ma jkunx ristrett milli jbigħ il-prodotti kuntrattwali b’mod attiv u passiv bħala spare parts għall-prodotti tiegħu stess,

(iv)

l-obbligu tad-detentur tal-liċenzja biex, permezz ta’ ftehim mhux reċiproku, jipproduċi l-prodotti kuntrattwali għal xi klijent partikolari biss, fejn il-liċenzja tkun ingħatat sabiex jinħoloq sors alternattiv ta’ provvista għal dak il-klijent;

(d)

ir-restrizzjoni tal-kapaċità tad-detentur tal-liċenzja li jisfrutta d-drittijiet marbuta mat-teknoloġija tiegħu stess jew ir-restrizzjoni tal-kapaċità ta’ kull parti fil-ftehim li twettaq riċerka u żvilupp, sakemm din l-aħħar restrizzjoni ma tkunx indispensabbli biex ma tiġix żvelata l-kompetenza liċenzjata lil partijiet terzi.

2.   Meta l-impriżi li jkunu parti fil-ftehim ma jkunux impriżi li jikkompetu, l-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 2 ma tapplikax għal ftehimiet li l-għan tagħhom, b’mod dirett jew indirett, weħidhom jew flimkien ma’ fatturi oħrajn li jkunu fil-kontroll tal-partijiet, ikunkwalunkwe minn dawn il-punti li ġejjin:

(a)

ir-restrizzjoni tal-kapaċità ta’ parti li tistabbilixxi l-prezzijiet tagħha meta tbiegħ il-prodotti tagħha lil terzi, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġi imponut prezz massimu ta’ bejgħ jew prezz rakkomandat ta’ bejgħ, sakemm dan ma jsirx prezz fiss jew prezz minimu ta’ bejgħ minħabba pressjoni li tkun qed issir minn kwalunkwe mill-partijiet jew inċentivi li jkunu qed jiġu offruti minnhom;

(b)

ir-restrizzjoni tat-territorju li fih, jew tal-klijenti li lilhom id-detentur tal-liċenzja jista’ jbigħ b’mod passiv il-prodotti kuntrattwali, minbarra:

(i)

ir-restrizzjoni ta’ bejgħ passiv f’territorju esklussiv jew lil grupp esklussiv ta’ klijenti li jkun riżervat għal-liċenzjatur;

(ii)

l-obbligu li l-prodotti kuntrattwali jiġu prodotti biss għall-użu tiegħu stess sakemm id-detentur tal-liċenzja ma jkunx restritt milli jbigħ il-prodotti kuntrattwali b’mod attiv jew passiv bħala spare parts għall-prodotti tiegħu stess;

(iii)

l-obbligu li l-prodotti kuntrattwali jiġu prodotti biss għal xi klijent partikolari, fejn il-liċenzja tkun ingħatat sabiex jinħoloq sors alternattiv ta’ provvista għal dak il-klijent;

(iv)

ir-restrizzjoni ta’ bejgħ lill-utenti finali permezz ta’ liċenzja li taħdem fuq il-livell ta’ bejgħ bl-ingrossa fil-kummerċ;

(v)

ir-restrizzjoni ta’ bejgħ lil distributuri mhux awtorizzati mill-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva;

(c)

ir-restrizzjoni ta’ bejgħ attiv u passiv lill-utenti finali minn detentur tal-liċenzja li jkun membru ta’ sistema selettiva ta’ distribuzzjoni li taħdem fuq il-livell ta’ bejgħ bl-imnut, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li membru tas-sistema jkun ipprojbit milli jopera minn post ta’ stabbiliment mhux awtorizzat.

3.   Meta l-impriżi li jkunu parti fil-ftehim ma jkunux impriżi li jikkompetu bejniethom fiż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehim iżda wara jsiru impriżi li jikkompetu bejniethom, japplika l-paragrafu 2 u mhux il-paragrafu 1 għall-perjodu kollu ta’ validità tal-ftehim sakemm il-ftehim ma jkunx emendat fi kwalunkwe aspett materjali f’perjodu sussegwenti. Emenda ta’ dak it-tip tinkludi l-konklużjoni ta’ ftehim ġdid dwar it- trasferiment ta’ teknoloġija bejn il-partijiet li jirrigwarda d-drittijiet marbutin mat-teknoloġija li jikkompetu bejniethom.

Artikolu 5

Restrizzjonijiet esklużi

1.   L-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 2 ma tapplikax għall-obbligi kollha li ġejjin li jinsabu fil-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija:

(a)

kull obbligu dirett jew indirett fuq id-detentur tal-liċenzja biex jagħti liċenzja esklussiva jew biex jassenja drittijiet, sħaħ jew parzjali, lil-liċenzjatur jew lil parti terza indikata mil-liċenzjatur rigward titjib li jkun sar minnu stess ft-teknoloġija liċenzjata jew fl-applikazzjonijiet ġodda tagħha;

(b)

kull obbligu dirett jew indirett fuq parti biex ma tiddubitax mill-validità tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li l-parti l-oħra jkollha fl-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-possibilità li, fil-każ ta’ liċenzja esklussiva, ittemm il-ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija f’każ li d-detentur tal-liċenzja jikkontesta l-validità ta’ wieħed jew aktar mid-drittijiet liċenzjati tat-teknoloġija.

2.   Meta l-impriżi li jkunu parti fil-ftehim ma jkunux impriżi li jikkompetu bejniethom, l-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 2 ma tapplikax għall-ebda obbligu dirett jew indirett li jillimita l-kapaċità tad-detentur tal-liċenzja li jisfrutta d-drittijiet marbutin mat-teknoloġija tiegħu stess jew li jillimita l-kapaċità ta’ kull parti fil-ftehim li tagħmel riċerka u żvilupp, sakemm din ir-restrizzjoni ma tkunx indispensabbli biex ma tiġix żvelata l-kompetenza liċenzjata lil partijiet terzi.

Artikolu 6

Irtirar f’każijiet individwali

1.   Il-Kummissjoni tista’ tirtira l-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, fejn f’kull każ partikolari issib li ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li għalih tkun tapplika l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament xorta jkollu effetti li ma jkunux kompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat, u b’mod partikolari meta:

(a)

l-aċċess tat-teknoloġiji ta’ terzi għas-suq ikun ristrett, pereżempju minħabba l-effett kumulattiv ta’ netwerks paralleli ta’ ftehim restrittivi simili li jipprojbixxu lid-dententuri tal-liċenżja milli juża t-teknoloġiji tat-terzi;

(b)

l-aċċess għas-suq ta’ detenturi tal-liċenzja potenzjali ikun ristrett, pereżempju minħabba l-effett kumulattiv ta’ netwerks paralleli ta’ ftehimiet restrittivi simili li jipprojbixxu lil-liċenzjatur milli jilliċenzja lil detenturi tal-liċenzja oħrajn jew minħabba li l-uniku proprjetarju ta’ teknoloġija li jagħti liċenzji fir-rigward ta’ drittijiet rilevanti tat-teknoloġija jikkonkludi ftehim ta’ liċenzja esklussiva ma’ detentur tal-liċenzja li jkun diġà attiv fis-suq tal-prodott fuq il-bażi ta’ drittijiet marbutin mat-teknoloġija sostitwibbli.

2.   Meta, f’kull każ partikolari, fejn ftehim dwar trasferiment ta’ teknoloġija li għalih tapplika l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, ikollu effetti li ma jkunux kompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat fit-territorju ta’ Stat Membru, jew f’parti minnu, li jkollu l-karatteristiċi kollha ta’ suq ġeografiku distint, l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ dak l-Istat Membru tista’ tirtira l-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, fir-rigward ta’ dak it-territorju, fl-istess ċirkostanzi bħal dawk stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 7

In-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament

1.   Skont l-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 19/65/KEE, il-Kummissjoni tista’ b’regolament tiddikjara li, fejn netwerks paralleli ta’ ftehimiet simili dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jkunu jkopru aktar minn 50 % ta’ suq rilevanti, dan ir-Regolament ma jgħoddx għall-ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jkun fihom restrinzjonijiet speċifiċi li jkollhom x’jaqsmu ma dak is-suq.

2.   Regolament skont il-paragrafu 1 ma jibdiex jgħodd aktar kmieni minn sitt xhur wara l-adozzjoni tiegħu.

Artikolu 8

Applikazzjoni tal-limiti tas-sehem fis-suq

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limiti tas-sehem fis-suq stipulati fl-Artikolu 3, japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

is-sehem fis-suq jiġi kkalkulat fuq il-bażi tad-dejta dwar il-valur tal-bejgħ fis-suq; jekk id-dejta dwar il-valur tal-bejgħ fis-suq ma tkunx disponibbli, jistgħu jintużaw stimi bbażati fuq informazzjoni oħra tas-suq li tkun affidabbli, inklużi l-volumi tal-bejgħ fis-suq, sabiex jiġi stabbilit is-sehem mis-suq tal-impriża kkonċernata;

(b)

is-sehem fis-suq għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta’ dejta relattiva għas-sena kalendarja preċedenti;

(c)

is-sehem mis-suq tal-impriżi msemmija f’punt (e) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) jiġi mqassam b’mod ugwali bejn kull impriża li jkollha d-drittijiet jew is-setgħat imsemmija fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2);

(d)

is-sehem mis-suq ta’ liċenzjatur f’suq rilevanti tad-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjati jiġi kkalkulat, fuq il-bażi tal-preżenza tad-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjati fis-suq jew swieq rilevanti (jiġifieri s-suq jew is-swieq tal-prodotti u s-suq jew is-swieq ġeografiċi) fejn jinbiegħu l-prodotti kuntrattwali, jiġifieri fuq il-bażi tad-dejta dwar il-bejgħ li tirrigwarda l-prodotti kuntrattwali li jiġu prodotti mill-liċenzjatur flimkien mad-detenturi tal-liċenżja tiegħu;

(e)

jekk is-sehem mis-suq imsemmi fl-Artikolu 3(1) jew (2) fil-bidu ma jkunx aktar minn 20 % jew 30 % rispettivament imma wara jaqbeż dawn il-livelli, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 tibqa’ tgħodd għal sentejn tal-kalendarju wara xulxin wara s-sena li fiha l-limitu ta’ 20 % jew il-limitu ta’ 30 % jkunu nqabżu għall-ewwel darba.

Artikolu 9

Relazzjoni ma’ regolamenti oħra ta’ eżenzjoni ta’ kategorija

Dan ir-Regolament ma japplikax għal arranġamenti dwar il-liċenzjar fil-ftehimiet dwar ir-riċerka u l-iżvilupp li jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament (UE) Nru 1217/2010 jew fil-ftehimiet dwar speċjalizzazzjoni li jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament (UE) Nru 1218/2010.

Artikolu 10

Perijodu tranżitorju

Il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma tapplikax matul il-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2014 sat-30 ta’ April 2015 fir-rigward ta’ ftehimiet li jkunu diġà fis-seħħ fit-30 ta’ April 2014 u li ma jkunux jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni stabbilitli f’dan ir-Regolament iżda li, fit-30 ta’ April 2014, ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 772/2004.

Artikolu 11

Perjodu ta’ validità

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2014.

Huwa jiskadi fit-30 ta’ April 2026.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, il-21 ta’ Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  ĠU 36, 6.3.1965, p. 533/65.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 772/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għall-kategoriji ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 11).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal-20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ ftehimiet vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU L 102, 23.4.2010, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1217/2010 tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ ftehimiet ta’ riċerka u żvilupp (ĠU L 335, 18.12.2010, p. 36).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1218/2010 tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni (ĠU L 335, 18.12.2010, p. 43).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli fuq il-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).