8.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/9


REGOLAMENT (UE) Nru 259/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-3 ta' April 2014

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva (1),

Billi:

(1)

Il-kompożizzjoni tal-listi ta’ pajjiżi terzi fl-Annessi I u II għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 (2) għandha tkun, u għandha tibqa’, konsistenti mal-kriterji stipulati fih. Pajjiżi terzi li fir-rigward tagħhom inbidlet is-sitwazzjoni fir-rigward ta’ dawk il-kriterji, għandhom ikunu trasferiti minn Anness għall-ieħor.

(2)

B’konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta approvata fis-Sammit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta’ Mejju 2009, u mat-tlestija tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viżi mir-Repubblika tal-Moldova, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-Repubblika tal-Moldova tissodisfa il-parametri referenzjarji kollha stipulati fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Liberalizzazzjoni tal-Viżi.

(3)

Billi tissodisfa l-parametri referenzjarji kollha, ir-Repubblika tal-Moldova għandha tiġi trasferita għall-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 539/2001. Dik l-eżenzjoni mill-viża għandha tapplika għad-detenturi ta’ passaporti bijometriċi maħruġa mir-Repubblika tal-Moldova f’konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO).

(4)

Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (3), li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, punt (B), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (4).

(5)

Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fit-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5), li jaqgħu fiż-żona msemmija fl-Artikolu 1, punti (B) u (C) tad-Deċiżjoni 1999/437/KE meħud flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (6).

(6)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, kif previst mill-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt (A) tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, meħud flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (8).

(7)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (9); ir-Renju Unit għaldaqstant mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhuwiex marbut bih u lanqas ma hu suġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(8)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (10); l-Irlanda għaldaqstant mhux se tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhix marbuta bih u lanqas ma hi suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(9)

Fir-rigward ta’ Ċipru, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, jew li hu b’xi mod ieħor relatat miegħu, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

(10)

Fir-rigward tal-Bulgarija u r-Rumanija, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, jew li hu b’xi mod ieħor relatat miegħu, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005.

(11)

Fir-rigward tal-Kroazja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, jew li hu b’xi mod ieħor relatat miegħu, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011.

(12)

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Anness I, Parti 1, ir-referenza għall-Moldova titħassar.

(2)

fl-Anness II, Parti 1, jiddaħħal dan li ġej:

“Moldova, ir-Repubblika tal- (*)

(*)  L-eżenzjoni tal-viża ser tkun limitata għad-detenturi ta’ passaporti bijometriċi maħruġa f’konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO).”."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ April 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Frar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2014.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dak ir-rekwiżit (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).

(3)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31 — Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19 Volum 01 p. 165).

(5)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-Acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(7)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f'xi disposizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(10)  Id-Deciżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi disposizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20 — Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19 Volum 04 p. 211).