20.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/61


REGOLAMENT (UE) Nru 256/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Frar 2014

dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea, li jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 617/2010 u jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-ksib ta’ stampa ġenerali tal-iżvilupp tal-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni huwa essenzjali għall-iżvilupp tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni u huwa essenzjali għall-Kummissjoni biex twettaq il-ħidmiet tagħha fil-qasam tal-enerġija. Id-disponibbiltà ta’ dejta u informazzjoni regolari u aġġornati għandha tippermetti lill-Kummissjoni biex tagħmel il-paraguni u l-evalwazzjonijiet meħtieġa u li tipproponi l-miżuri rilevanti abbażi ta’ ċifri u analiżi xierqa, b’mod partikolari rigward il-bilanċ futur bejn il-provvista u d-domanda tal-enerġija.

(2)

Ix-xenarju tal-enerġija fl-Unjoni u lil hinn minnha nbidel b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin u b’hekk l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija huwa kwistjoni kruċjali biex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, għall-funzjonament tas-suq intern u għat-tranżizzjoni lejn sistema ta’ emissjonijiet baxxi tal-karbonju li bdiet tagħmel l-Unjoni.

(3)

Il-kuntest il-ġdid tal-enerġija jeħtieġ investiment sinifikanti fit-tipi kollha ta’ infrastrutturi fis-setturi kollha tal-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta’ tipi ġodda ta’ infrastruttura u teknoloġiji ġodda li għandhom jiġu adottati mis-suq. Il-liberalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija u aktar integrazzjoni tas-suq intern jagħtu rwol aktar prominenti lill-operaturi ekonomiċi għall-investiment. Fl-istess waqt, rekwiżiti politiċi ġodda bħal pereżempju miri li jaffettwaw it-taħlita tal-fjuwil, se jbiddlu l-politiki tal-Istati Membri favur infrastruttura tal-enerġija ġdida u/jew modernizzata.

(4)

F’dan il-kuntest, l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni għandu jingħata aktar attenzjoni, b’mod partikolari bil-għan li jiġu antiċipati l-problemi, jiġu promossi l-aħjar prattiki u tiġi stabbilita aktar trasparenza fl-iżvilupp futur tas-sistema tal-enerġija fl-Unjoni.

(5)

Il-Kummissjoni u b’mod partikolari l-Osservatorju tagħha tas-Suq għall-Enerġija għandhom għalhekk ikollhom għad-dispożizzjoniet tagħhom dejta u informazzjoni preċiżi dwar il-proġetti ta’ investiment, inkluż id-dekummissjonar, fil-komponenti l-aktar sinifikanti tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni.

(6)

Id-dejta u l-informazzjoni dwar l-iżviluppi prevedibbli fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni, it-trażmissjoni u l-ħżin fid-diversi setturi tal-enerġija huma ta’ interess għall-Unjoni u huma importanti għall-investiment futur. Għalhekk jeħtieġ li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata dwar il-proġetti ta’ investiment fejn diġà nbdiet ħidma ta’ kostruzzjoni jew ta’ dekummissjonar jew fejn ittieħdet deċiżjoni finali dwar l-investiment.

(7)

Taħt l-Artikoli 41 u 42 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Trattat Euratom), l-impriżi huma obbligati jinnotifikaw il-proġetti ta’ investiment tagħhom. Jeħtieġ li tali informazzjoni tkun issupplimentata, b’mod partikolari, b’rappurtar regolari dwar l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ investiment. Tali rappurtar ulterjuri huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 41 sa 44 tat-Trattat Euratom. Madanakollu l-impożizzjoni ta’ piż doppju fuq l-impriżi għandu jiġi evitat kull fejn ikun possibbli.

(8)

Sabiex il-Kummissjoni jkollha opinjoni konsistenti dwar l-iżviluppi futuri tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni b’mod kumplessiv, huwa meħtieġ qafas armonizzat ta’ rappurtar għall-proġetti ta’ investiment ibbażat fuq kategoriji aġġornati ta’ dejta u informazzjoni uffiċjali li għandhom jiġu trażmessi mill-Istati Membri.

(9)

L-Istati Membri għandhom, għal dan l-għan, jinnotifikaw lill-Kummissjoni d-dejta u l-informazzjoni dwar il-proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija li jkunu ppjanati jew qed jinbnew fit-territroju tagħhom rigward il-produzzjoni, il-ħżin u t-trasport taż-żejt, il-gass naturali, l-elettriku, inkluż l-elettriku minn sorsi rinovabbli, l-elettriku mill-faħam u mil-linjite, u l-koġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana utli; il-produzzjoni tal-bijofjuwils; u l-qbid, it-trasport u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju. L-Istati Membri għandhom ukoll jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-dejta u l-informazzjoni dwar proġetti ta’ investiment f’interkonnessjonijiet tal-elettriku u tal-gass ma’ pajjiżi terzi. L-impriżi kkonċernati għandhom ikunu obbligati jinnotifikaw tali dejta u nformazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat.

(10)

Meta jitqies iż-żmien li jkun previst għall-proġetti ta’ investiment fis-settur tal-enerġija, għandu jkun suffiċjenti rappurtar kull sentejn.

(11)

Bil-ħsieb li jiġi evitat piż amministrattiv sproporzjonat u jitnaqqsu l-ispejjeż għall-Istati Membri u l-impriżi, b’mod partikolari għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, dan ir-Regolament għandu jippermetti lill-Istati Membri u l-impriżi li jiġu eżentati mill-obbligi tar-rappurtar sakemm informazzjoni ekwivalenti tkun diġà ngħatat lill-Kummissjoni skont atti legali speċifiċi tal-Unjoni għas-settur tal-enerġija, bil-għan li jintlaħqu l-objettivi ta’ swieq tal-enerġija fl-Unjoni li jkunu kompetittivi, ta’ sostenibbiltà tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni u ta’ sigurtà tal-provvista tal-enerġija għall-Unjoni. Għalhekk, kwalunkwe duplikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rappurtar li huma speċifikati fit-tielet pakkett tas-suq intern dwar l-elettriku u l-gass naturali għandha tiġi evitata. Biex tħaffef il-piż tar-rappurtar, il-Kummissjoni għandha tagħti sostenn lill-Istati Membri bil-għan li tikkjarifika l-każijiet li fihom hija tqis li dik id-dejta jew informazzjoni diġà notifikati lilha taħt atti legali oħra jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

(12)

Il-Kummissjoni, u b’mod partikolari l-Osservatorju tagħha tas-Suq għall-Enerġija għandhom ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-ipproċessar tad-dejta kif ukoll għas-simplifikazzjoni u sigurta’ tan-notifika tad-dejta, u b’mod partikolari għat-tħaddim ta’ għodod tal-IT u l-proċeduri integrati, li għandhom jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tad-dejta jew tal-informazzjoni notifikati lill-Kummissjoni.

(13)

Il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali mill-Istati Membri hija regolata mid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), filwaqt li l-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali mill-Kummissjoni hija rregolata permezz tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Dan ir-Regolament ma jinċidi bl-ebda mod fuq dawk id-dispożizzjonijiet.

(14)

L-Istati Membri, jew l-entitajiet delegati tagħhom, u l-Kummissjoni għandhom jippreżervaw il-kunfidenzjalità ta’ dejta u informazzjoni kummerċjalment sensittivi. Għalhekk, l-Istati Membri jew l-entitajiet delegati tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ dejta u informazzjoni relatati ma’ proġetti ta’ trażmissjoni transkonfinali, għandhom jiġbru tali dejta u informazzjoni fil-livell nazzjonali qabel ma jippreżentawhom lill-Kummissjoni. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tkompli tgħaqqad dik id-dejta b’tali mod li tipprevjeni kwalunkwe żvelar jew deduzzjoni ta’ kull dettall dwar impriżi jew installazzjonijiet individwali.

(15)

Il-Kummissjoni u b’mod partikolari l-Osservatorju tagħha tas-Suq għall-Enerġija għandhom jipprovdu analiżi regolari u transettorjali tal-evoluzzjoni strutturali u l-perspettivi tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni u, fejn xieraq, analiżi aktar iffokata dwar ċerti aspetti ta’ dik is-sistema tal-enerġija. Dik l-analiżi għandha b’mod partikolari tikkontribwixxi sabiex ittejjeb is-sigurtà enerġetika billi tidentifika n-nuqqasijiet li jista’ jkun hemm fl-infrastruttura u l-investiment bil-għan li jintlaħaq bilanċ bejn il-provvista u d-domanda tal-enerġija. L-analiżi għandha wkoll tifforma kontribut għal diskussjoni fil-livell tal-Unjoni dwar l-infrastrutturi tal-enerġija u għandha għalhekk tiġi mgħoddija lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tkun disponibbli għall-partijiet interessati.

(16)

Impriżi żgħar u ta’ daqs medju jkunu jistgħu jibbenefikaw ukoll, fil-kuntest tal-pjanifikazzjoni tal-investimenti tagħhom, mill-analiżi transettorjali tal-Kummissjoni u mid-dejta u l-informazzjoni li l-Kummissjoni tippubblika taħt dan ir-Regolament.

(17)

Il-Kummissjoni tista’ tiġi megħjuna minn esperti mill-Istati Membri jew kwalunkwe espert ieħor kompetenti bil-għan li tiżviluppa fehim komuni tan-nuqqasijiet infrastrutturali potenzjali u r-riskji assoċjati, u li trawwem trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ żviluppi futuri, li hija ta’ interess partikolari għal parteċipanti ġodda fis-suq.

(18)

Dan ir-Regolament għandu jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 617/2010 (5), li ġie annullat mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Settembru 2012 (6) u li l-effetti tiegħu kellhom jinżammu sa meta jkun daħal fis-seħħ regolament ġdid. Għalhekk, bid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, iseħħ l-annullament tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 617/2010 skont is-sentenza tal-Qorti. Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96 (7), li tħassar mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 617/2010 annullat, għandu jitħassar minn dan ir-Regolament.

(19)

Il-forma u d-dettalji tekniċi tan-notifika lill-Kummissjoni tad-dejta u l-informazzjoni tal-proġetti ta’ investiment fl-istruttura tal-enerġija huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE, Euratom) Nru 833/2010 (8). Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 833/2010 għandu jibqa’ japplika sar-reviżjoni tiegħu, li se ssir wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(20)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għan-notifika lill-Kummissjon ta’ dejta u informazzjoni dwar proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fis-setturi taż-żejt, tal-gass naturali, tal-elettriku — inklużi l-elettriku minn sorsi rinnovabbli, l-elettriku mill-faħam u mil-linjite, u l-koġenerazzjoni tal-elettriku u t-tisħin utli - kif ukoll dwar proġetti ta’ investiment relatati mal-produzzjoni tal-bijofjuwils u mal-qbid, trasport u ħżin tad-diossidu tal-karbonju li dawk is-setturi jipproduċu.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-proġetti ta’ investiment tat-tipi elenkati fl-Anness li fuqhom diġà nbdiet ħidma ta’ kostruzzjoni jew dekummissjonar jew li fuqhom ittieħdet deċiżjoni finali dwar l-investiment.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jippreżentaw kwalunkwe dejta stimata jew informazzjoni preliminari dwar proġetti ta’ investiment tat-tipi elenkati fl-Anness li fuqhom il-ħidma ta’ kostruzzjoni hija skedata li tibda fi żmien ħames snin u fuq dawk li huma skedati għad-dekummissjonar fi żmien tliet snin, iżda li dwarhom għadha ma tteħditx deċiżjoni finali ta’ investiment.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“infrastruttura” tfisser kwalunkwe tip ta’ installazzjoni jew parti ta’ installazzjoni relatata mal-produzzjoni, it-trażmissjoni u l-ħżin, inklużi interkonnessjonijiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi;

(2)

“proġetti ta’ investiment” tfisser proġetti bil-għan li:

(i)

jibnu infrastruttura ġdida;

(ii)

jittrasformaw, jimmodernizzaw, iżidu jew inaqqsu l-kapaċità ta’ infrastrutturi eżistenti;

(iii)

jiddekummissjonaw parzjalment jew totalment l-infrastruttura eżistenti;

(3)

“deċiżjoni finali dwar l-investiment” tfisser id-deċiżjoni meħuda fil-livell ta’ impriża biex b’mod definittiv jiġu assenjati fondi għall-fażi ta’ investiment ta’ proġett;

(4)

“fażi ta’ investiment” tfisser il-fażi li matulha sseħħ il-kostruzzjoni jew iseħħ id-dekummissjonar u jsiru l-ispejjeż kapitali; din teskludi l-fażi tal-ippjanar;

(5)

“fażi tal-ippjanar” tfisser il-fażi li matulha titħejja l-implimentazzjoni tal-proġett u li tinkludi, fejn xieraq, valutazzjoni tal-fattibbiltà, studji preparatorji u tekniċi, il-ksib ta’ liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-ispejjeż kapitali;

(6)

“proġetti ta’ investiment taħt kostruzzjoni” tfisser proġetti ta’ investiment li għalihom tkun bdiet il-kostruzzjoni u jkunu saru l-ispejjeż kapitali;

(7)

“dekummissjonar” tfisser il-fażi fejn b’mod permanenti jiġi terminat it-tħaddim tal-infrastruttura;

(8)

“produzzjoni” tfisser il-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-ipproċessar tal-fjuwils, inklużi l-bijofjuwils;

(9)

“trażmissjoni” tfisser it-trasport tas-sorsi tal-enerġija jew tal-prodotti jew tad-diossidu tal-karbonju, permezz ta’ netwerk, b’mod partikolari:

(i)

permezz ta’ sistemi ta’ pajpijiet, għajr netwerk li jinsab upstream fis-sistemi tal-pajpijiet u għajr dik il-parti tas-sistemi tal-pajpijiet li primarjament tintuża fil-kuntest ta’ distribuzzjoni lokali; or

(ii)

minn ġo sistemi interkonnessi ta’ vultaġġ għoli ħafna u vultaġġ għoli u sistemi oħra għajr is-sistemi tal-pajpijiet li primarjament jintużaw fil-kuntest ta’ distribuzzjoni lokali;

(10)

“qbid” tfisser il-proċess li bih id-diossidu tal-karbonju minn installazzjonijiet industrijali jinqabad għall-ħżin;

(11)

“ħżin” tfisser l-istokkjar fuq bażi permanenti jew temporanja ta’ enerġija jew ta’ sorsi tal-enerġija f’infrastruttura ’l fuq mill-art jew taħt l-art jew f’siti ġeoloġiċi jew il-konteniment tad-diossidu tal-karbonju f’formazzjonijiet ġeoloġiċi taħt l-art;

(12)

“impriża” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, privata jew pubblika, li tiddeċiedi dwar jew li timplimenta proġetti;

(13)

“sorsi tal-enerġija” tfisser:

(i)

sorsi primarji tal-enerġija, bħaż-żejt, il-gass naturali jew il-faħam;

(ii)

sorsi tal-enerġija mibdula, bħall-elettriku;

(iii)

sorsi tal-enerġija rinnovabbli inklużi l-idroelettriċità, il-bijomassa, il-bijogass, ir-riħ, l-enerġija mix-xemx, dik mill-mewġ u dik ġeotermali; u

(iv)

prodotti tal-enerġija, bħal prodotti taż-żejt raffinat u l-bijofjuwils;

(14)

“korp speċifiku” tfisser korp inkarigat minn kwalunkwe att legali speċifiku għas-settur tal-enerġija tal-Unjoni bit-tħejjija u l-adozzjoni tal-iżvilupp ta’ netwerk pluriennali fl-Unjoni kollha u pjanijiet ta’ investiment fl-infrastrutturi tal-enerġija, bħan-netwerk Ewropew għall-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku (“ENTSO-E”) imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u n-netwerk Ewropew għall-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass (“ENTSO-G”) imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10);

(15)

“dejta aggregata” tfisser dejta aggregata fil-livell ta’ Stat Membru jew ta’ għadd ta’ Stati Membri.

Artikolu 3

Notifika tad-dejta

1.   Filwaqt li jżommu l-piż tal-ġbir u r-rappurtar proporzjonat, l-Istati Membri jew l-entitajiet li lilhom ikunu ddelegaw dik il-ħidma għandhom jikkompilaw id-dejta u l-informazzjoni kollha meħtieġa taħt dan ir-Regolament mill-1 ta’ Jannar 2015 u kull sentejn wara din id-data.

Huma għandhom jinnotifikaw id-dejta u l-informazzjoni rilevanti għall-proġett speċifikati f’dan ir-Regolament lill-Kummissjoni fl-2015, billi dik is-sena tkun l-ewwel sena ta’ rappurtar, u minn hemm ’il quddiem kull sentejn. Dik in-notifika għandha ssir f’forma aggregata, ħlief għad-dejta u l-informazzjoni rilevanti dwar proġetti ta’ trażmissjoni transkonfinali.

L-Istati Membri jew l-entitajiet delegati tagħhom għandhom jinnotifikaw id-dejta aggregata u l-informazzjoni rilevanti għall-proġett sal-31 ta’ Lulju tas-sena ta’ rappurtar ikkonċernata.

2.   L-Istati Membri jew l-entitajiet delegati tagħhom huma eżenti mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 1, dment li, u sal-punt li, skont l-atti legali tal-Unjoni speċifika għas-settur tal-enerġija jew skont it-Trattat Euratom:

(a)

l-Istat Membru kkonċernat jew l-entità ddelegata tiegħu diġà jkun/tkun innotifika(t) lill-Kummissjoni d-dejta jew l-informazzjoni ekwivalenti għal dik meħtieġa taħt dan ir-Regolament u indika(t) id-data ta’ dik in-notifika u l-att legali speċifiku kkonċernat; or

(b)

korp speċifiku jkun inkarigat bit-tħejjija ta’ pjan ta’ investiment pluriennali fl-infrastruttura tal-enerġija fil-livell tal-Unjoni u, għal dak il-għan, jikkompila dejta u informazzjoni ekwivalenti għal dik meħtieġa taħt dan ir-Regolament. F’dan il-każ u għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dak il-korp speċifiku għandu jinnotifika d-dejta u l-informazzjoni kollha rilevanti lill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Sorsi tad-dejta

L-impriżi kkonċernati għandhom jinnotifikaw id-dejta jew l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 lill-Istati Membri, jew lill-entitajiet delegati tagħhom, li fit-territorju tagħhom jkunu qegħdin jippjanaw li jwettqu proġetti ta’ investiment qabel l-1 ta’ Ġunju ta’ kull sena ta’ rappurtar. Id-dejta jew l-informazzjoni nnotifikata għandha tirrifletti s-sitwazzjoni tal-proġetti ta’ investiment sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ rappurtar rilevanti.

L-ewwel paragrafu ma għandux japplika għall-impriżi meta l-Istat Membru kkonċernat jiddeċiedi li juża mezzi oħra biex jipprovdi lill-Kummissjoni bid-dejta jew l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3, sakemm id-dejta jew l-informazzjoni mogħtija jkunu komparabbli.

Artikolu 5

Kontenut tan-notifika

1.   Fir-rigward tal-proġetti ta’ investiment tat-tipi elenkati fl-Anness, in-notifika pprovduta fl-Artikolu 3 għandha tindika fejn xieraq:

(a)

il-volum tal-kapaċità ppjanata jew li tkun taħt kostruzzjoni;

(b)

it-tip u l-karatterisitiċi ewlenin tal-infrastruttura jew tal-kapaċità ppjanata jew li tkun taħt kostruzzjoni, inkluż il-post tal-proġetti ta’ trażmissjoni transkonfinali, jekk applikabbli;

(c)

is-sena probabbli tal-kummissjonar;

(d)

it-tip ta’ sorsi ta’ enerġija użat;

(e)

l-installazzjonijiet li huma kapaċi jirrispondu għall-kriżijiet ta’ sigurtà tal-provvista, bħal tagħmir li jippermetti l-flussi opposti jew il-bdil minn fjuwil għall-ieħor; u

(f)

it-tagħmir tas-sistemi tal-qbid tal-karbonju jew mekkaniżmi installabbli fuq tagħmir diġà funzjonanti għall-qbid u l-ħżin tal-karbonju.

2.   Fir-rigward ta’ kwalunkwe dekummissjonar propost ta’ kapaċitajiet, in-notifika pprovduta fl-Artikolu 3 għandha tindika:

(a)

in-natura u l-kapaċità tal-infrastruttura kkonċernata; u

(b)

is-sena probabbli tad-dekummissjonar.

3.   Kwalunkwe notifika taħt l-Artikolu 3 għandha tinkludi fejn ikun il-każ:

(a)

il-volum totali tal-kapaċitajiet installati ta’ produzzjoni, trażmissjoni u ħżin li jkunu operattivi fil-bidu tas-sena ta’ rappurtar ikkonċernata jew li l-operazzjoni tagħhom tkun interrotta għal perjodu li jaqbeż tliet snin; u

(b)

informazzjoni rilevanti dwar dewmien u/jew ostakoli għall-implimentazzjoni ta’ proġett ta’ investiment, fejn l-Istati Membri, l-entitajiet delegati tagħhom jew il-korp speċifiku konċernat ikollhom dik l-informazzjoni.

Artikolu 6

Kwalità u pubbliċità tad-dejta

1.   L-Istati Membri, l-entitajiet delegati tagħhom jew, fejn xieraq, il-korpi speċifiċi għandhom ikollhom l-għan li jiżguraw il-kwalità, ir-rilevanza, l-akkuratezza, iċ-ċarezza, il-puntwalità u l-koerenza tad-dejta u l-informazzjoni li huma jinnotifikaw lill-Kummissjoni.

Fejn il-korpi speċifiċi jagħmlu n-notifika, id-dejta u l-informazzjoni nnotifikati jistgħu jkunu akkumpanjati b’kummenti xierqa mill-Istati Membri.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tippubblika dejta u informazzjoni aggregati ppreżentati skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari fl-analiżijiet imsemmija fl-Artikolu 10(3), sakemm ma jinkixef jew ma jkun jista’ jiġi dedott l-ebda dettall dwar impriżi u installazzjonijiet individwali.

3.   L-Istati Membri, l-entitajiet delegati tagħhom, jew il-Kummissjoni għandhom rispettivament iħarsu l-kunfidenzjalità ta’ dejta u informazzjoni kummerċjalment sensittivi fil-pussess tagħhom.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni

Fil-limiti stabbiliti minn dan ir-Regolament, sal-10 ta’ Ġunju 2014 il-Kummissjoni għandha tadotta d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, rigward il-forma u dettalji tekniċi oħra tan-notifika tad-dejta u l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 3 u 5. Sa dak iż-żmien, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 833/2010 għandu jibqa’ applikabbli.

Artikolu 8

Proċessar tad-dejta

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp, l-ilqugħ, il-ġestjoni u l-manutenzjoni tar-riżorsi tal-IT meħtieġa biex jiġi riċevut, jinħażen u jsir kwalunkwe pproċessar tad-dejta jew informazzjoni dwar l-infrastruttura tal-enerġija li huma nnotifikati lilha skont dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha wkoll tiżgura li r-riżorsi tal-IT imsemmija fl-ewwel paragrafu jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tad-dejta jew tal-informazzjoni li huma notifikati lilha skont dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ma jbiddilx l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali, kif stabbilit fid-Direttiva 95/46/KE, jew l-obbligi li huma d-dmir tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 fir-rigward tad-dejta personali li huma jipproċessaw tul it-twettiq ta’ dmirijiethom.

Artikolu 10

Monitoraġġ u rappurtar

1.   Abbażi tad-dejta u l-informazzjoni ppreżentati u, jekk ikun il-każ, ta’ kwalunkwe sors ta’ dejta ieħor inklużi dejta mixtrija mill-Kummissjoni, u filwaqt li jitqiesu l-analiżijiet rilevanti bħall-pjanijiet pluriennali ta’ żvilupp ta’ netwerk għall-gass u l-elettriċità, il-Kummissjoni għandha tgħaddi lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew analiżi transettorjali tal-evoluzzjoni strutturali u l-perspettivi tas-sistema tal-enerġija tal-UE, u għandha tippubblika din l-analiżi kull sentejn. Dik l-analiżi għandu jkollha l-għan b’mod partikolari li:

(a)

tidentifika nuqqasijiet futuri potenzjali bejn d-domanda u l-provvistatal-enerġija li huma sinifikanti għall-politika tal-enerġija tal-Unjoni, inklużi dawk għall-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija, b’enfasi fuq id-defiċjenzi u n-nuqqasijiet potenzjali fl-infrastruttura tal-produzzjoni u tat-trażmissjoni;

(b)

tidentifika ostakli għall-investiment u tippromwovi l-aħjar prattiki biex tindirizzahom; u

(c)

iżżid it-trasparenza għall-parteċipanti fis-suq u dawk li potenzjalment jidħlu fis-suq.

Abbażi ta’ din id-dejta u l-informazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tipprovdi wkoll kwalunkwe analiżi speċifika meqjusa meħtieġa u xierqa.

2.   Fit-tħejjija tal-analiżijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tiġi megħjuna minn esperti mill-Istati Membri u/jew kwalunkwe espert, assoċjazjonijiet professjonali oħra b’kompetenza speċifika fil-qasam ikkonċernat.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri kollha bl-opportunità li jikkummentaw dwar l-abbozzi ta’ analiżijiet.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiddiskuti l-analiżijiet mal-partijiet interessati, bħall-ENTSO-E, l-ENTSO-G, il-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass, il-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar l-Elettriku u l-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar iż-Żejt.

Artikolu 11

Reviżjoni

Sal-31 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni għandha tirrivedi l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u tippreżenta rapport dwar ir-riżultati ta’ dik ir-reviżjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fir-reviżjoni, il-Kummisjsoni għandha, inter alia, teżamina:

(a)

l-estensjoni possibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, biex jinkludi:

(i)

l-estrazzjoni tal-gass, iż-żejt u l-faħam;

(ii)

terminals għall-gass naturali kumpressat;

(iii)

tipi addizzjonali ta’ ħżin tal-enerġija; u

(b)

il-kwistjoni jekk għandhomx jitbaxxew jew le l-livelli minimi għall-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli.

Hija u teżamina dawk l-għażliet, il-Kummissjoni għandha tqis il-ħtieġa li tiżgura bilanċ bejn żieda fil-piż amministrattiv u l-benefiċċji tal-ksib tal-informazzjoni addizzjonali.

Artikolu 12

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 736/96 huwa b’dan imħassar mid-9 ta’ April 2014.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Frar 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 153.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Frar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2014.

(3)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment ħieles ta’ tali dejta (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(4)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(5)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 617/2010 tal-24 ta’ Ġunju 2010 dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96 (ĠU L 180, 15.7.2010, p. 7).

(6)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża C-490/10, il-Parlament v il-Kunsill (2012 ECR I-0000).

(7)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96 tat-22 ta’ April 1996 dwar in-notifika lill-Kummisjsoni ta’ proġetti ta’ investiment ta’ interess lill-Komunità fis-setturi taż-żejt, tal-gass naturali u tal-elettriku (ĠU L 102, 25.4.1996, p. 1).

(8)  Regolament tal-Kummissjoni (UE, Euratom) Nru 833/2010 tal-21 ta’ Settembru 2010, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 617/2010 dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 22.9.2010, p. 36).

(9)  Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15).

(10)  Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36).


ANNESS

PROĠETTI TA’ INVESTIMENT

1.   ŻEJT

1.1.   Raffinar

impjanti tad-distillazzjoni b’kapaċità ta’ mhux anqas minn miljun 1 tunnellata fis-sena;

estensjoni tal-kapaċità tad-distillar għal aktar minn miljun 1 tunnellata fis-sena;

impjanti ta’ cracking/iffurmar mill-ġdid b’kapaċità minima ta’ 500 tunnellata kuljum;

impjanti ta’ desulfurizzazzjoni għal residwi ta’ żejt tal-fjuwil/żejt tal-gass/materja prima/prodotti oħra taż-żejt mhux maħdum.

Impjanti kimiċi li ma jipproduċux żejt tal-fjuwil u/jew fjuwil tal-magni, jew li jipproduċuhom biss bħala prodotti sekondarji, huma esklużi.

1.2.   Trasport

sistemi ta’ pajpijiet taż-żejt mhux raffinat b’kapaċità ta’ mhux anqas minn 3 miljun tunnellata metrika fis-sena u l-estensjoni jew it-titwil ta’ dawn is-sistemi ta’ pajpijiet, li huma twal tal-anqas 30 kilometru;

sistemi ta’ pajpijiet tal-prodotti taż-żejt mhux maħdum b’kapaċità ta’ mhux anqas minn 1,5 miljun tunnellata fis-sena, u l-estensjoni jew it-titwil ta’ dawn is-sistemi ta’ pajpijiet, li huma twal tal-anqas 30 kilometru;

sistemi ta’ pajpijiet li jikkostitwixxu konnessjonijiet essenzjali f’netwerks ta’ interkonnessjoni nazzjonali jew internazzjonali u sistemi ta’ pajpijiet u proġetti ta’ interess komuni identifikati fil-linji gwida stabbiliti skont l-Artikolu 171 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”).

Is-sistemi ta’ pajpijiet għal skopijiet militari u dawk li jfornu lill-impjanti li ma jaqgħux fl-ambitu tal-punt 1.1. huma esklużi.

1.3.   Ħżin

installazzjonijiet ta’ ħżin għaż-żejt mhux maħdum u prodotti taż-żejt mhux maħdum (installazzjonijiet b’kapaċità ta’ 150 000 m3 jew aktar, jew fil-każ ta’ tankijiet, b’kapaċità ta’ mhux anqas minn 100 000 m3).

It-tankijiet maħsubin għal finijiet militari u dawk li jfornu lill-impjanti li ma jaqgħux fl-ambitu tal-punt 1.1. huma esklużi.

2.   GASS

2.1.   Trażmissjoni

gass, inklużi gass naturali u bijogass, sistemi ta’ pajpijiet għat-trasport li jiffurmaw parti minn netwerk li prinċipalment fih sistemi ta’ pajpijiet bi pressjoni għolja, esklużi sistemi ta’ pajpijiet li jiffurmaw parti minn netwerk ta’ sistemi ta’ pajpijiet upstream u eskluża l-parti ta’ sistemi ta’ pajpijiet bi pressjoni għolja primarjament użati fil-kuntest tad-distribuzzjoni lokali tal-gass naturali;

“is-sistemi ta’ pajpijiet u proġetti ta’ interess komuni” identifikati fil-linji gwida stabbiliti taħt l-Artikolu 171 tat-TFUE.

2.2.   Terminals tal-gass naturali likwifikat (LNG)

terminals għall-importazzjoni tal-LNG, b’kapaċità ta’ rigassifikazzjoni ta’ 1 biljun m3 fis-sena jew aktar.

2.3.   Ħżin

installazzjonijiet tal-ħżin imqabbda mas-sistemi ta’ pajpijiet imsemmija fil-punt 2.1.

Is-sistemi ta’ pajpijiet tal-gass, terminals u installazzjonijiet għal skopijiet militari u dawk li jfornu lill-impjanti kimiċi li ma jipproduċux prodotti tal-enerġija, jew li jipproduċuhom biss bħala prodotti sekondarji, huma esklużi.

3.   ELETTRIKU

3.1.   Produzzjoni

impjanti tal-enerġija termali u nukleari (ġeneraturi b’kapaċità ta’ 100 MW jew aktar);

installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija mill-bijomassa/bijolikwidi/skart (b’kapaċità ta’ 20 MW jew aktar);

impjanti tal-enerġija b’koġenereazzjoni ta’ elettriku u sħana utli (installazzjonijiet b’kapaċità elettrika ta’ 20 MW jew aktar);

impjanti tal-enerġija idroelettrika (installazzjonijiet li għandhom kapaċità ta’ 30 MW jew aktar);

parkijiet eoliċi (wind power farms) b’kapaċità ta’ 20 MW jew aktar;

installazzjonijiet tal-enerġija termali mix-xemx u ġeotermali kkonċentrati (b’kapaċità ta’ 20 MW jew aktar);

installazzjonijiet fotovoltajċi (b’kapaċità ta’ 10 MW jew aktar).

3.2.   Trażmissjoni

–linji tat-trażmissjoni ’l fuq mil-livell tat-triq, jekk dawn ikunu ġew iddisinjati għal vultaġġ użat ġeneralment fil-livell nazzjonali għal-linji ta’ interkonnessjoni, u dment li dawn ikunu ġew iddisinjati għal vultaġġ ta 220 kV jew aktar;

kejbils ta’ trażmissjoni ta’ taħt l-art jew ta’ taħt il-baħar, jekk dawn ikunu ġew iddisinjati għal vultaġġ ta’ 150 kV jew aktar;

proġetti ta’ interess komuni identifikati fil-linji gwida stabbiliti skont l-Artikolu 171 tat-TFUE.

4.   BIJOFJUWIL

4.1.   Produzzjoni

installazzjonijiet li kapaċi jipproduċu jew jirfinaw il-bijofjuwils (installazzjonijiet b’kapaċità ta’ 50 000 tunnellata fis-sena jew aktar).

5.   DIOSSIDU TAL-KARBONJU

5.1.   Trasport

sistemi ta’ pajpijiet tad-diossidu tal-karbonju relatati mal-produzzjoni tal-installazzjonijiet imsemmija fil-punti 1.1. u 3.1.

5.2.   Ħżin

installazzjonijiet tal-ħżin (sit tal-ħżin jew kumpless b’kapaċità ta’ 100 kt jew aktar).

L-installazzjonijiet tal-ħżin maħsuba għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku huma esklużi.