20.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/1


REGOLAMENT (UE) Nru 248/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Frar 2014

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 260/2012 fir-rigward tal-migrazzjoni lejn trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti mal-Unjoni kollha

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Flimkien mar-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jikkostitwixxi element importanti fit-tlestija ta’ żona unika ta’ pagamenti bl-euro (SEPA), fejn ma għandha ssir l-ebda distinzjoni bejn pagamenti transfruntieri u pagamenti nazzjonali bl-euro. L-għan ewlieni tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 huwa l-migrazzjoni minn skemi nazzjonali ta’ trasferiment ta’ kreditu u ta’ debiti diretti għal skemi armonizzati ta’ trasferimenti ta’ kreditu tas-SEPA (SCT) u ta’ debiti diretti tas-SEPA (SDD), fost l-oħrajn billi ċ-ċittadini tal-Unjoni jiġu pprovduti b’numru tal-kont bankarju internazzjonali (IBAN) uniku li jista’ jintuża għas-SCT u SDD kollha denominati f’euro.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 ipprovda għal migrazzjoni lejn is-SEPA li għandha ssir sal-1 ta’ Frar 2014 sabiex tippermetti lill-fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti u lill-utenti ta’ servizzi ta’ pagament biżżejjed żmien biex jaddattaw il-proċessi tagħhom għar-rekwiżiti tekniċi involuti għall-migrazzjoni lejn SCT u SDD.

(3)

Mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew mmonitorjaw mill-qrib il-progress tal-migrazzjoni lejn is-SEPA. Saru bosta laqgħat mal-Istati Membri, l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u l-parteċipanti fis-suq. Il-Bank Ċentrali Ewropew ippubblika b’mod regolari rapporti ta’ progress dwar il-migrazzjoni lejn is-SEPA fuq il-bażi ta’ data ta’ pagamenti miġbura mill-banek ċentrali nazzjonali. Dawn ir-rapporti jindikaw li għadd ta’ Stati Membri fiż-żona tal-euro huma fit-triq it-tajba b’rati ta’ migrazzjoni għal SCT attwalment qrib il-100 %. Il-maġġoranza l-kbira tal-fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti rrappurtaw li huma diġà konformi mas-SEPA. Madankollu, f’diversi Stati Membri oħra, ir-rati ta’ migrazzjoni għadhom lura mill-aspettattivi. Dan huwa l-każ partikolarment għall-SDD.

(4)

Fl-14 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill tal-ECOFIN fil-konklużjonijiet tiegħu saħaq għal darb’ oħra dwar l-importanza tal-migrazzjoni lejn is-SEPA. Ġie nnutat li l-migrazzjoni lejn is-SEPA kien għad fadlilha biex tkun kompluta u li jkun meħtieġ li jsiru sforzi mmedjati mill-parteċipanti kollha fis-suq sabiex il-migrazzjoni lejn SEPA titlesta fil-ħin. Ġie adottat pjan ta’ azzjoni li fih negozjanti, korporattivi, SMEs u amministrazzjonijiet pubbliċi ġew mistiedna biex minnufih jieħdu l-passi konkreti interni meħtieġa sabiex jaddattaw il-proċessi tagħhom u jinfurmaw lill-klijenti tagħhom bid-dettalji tal-IBAN.

(5)

Minkejja l-isforzi konsiderevoli magħmula mill-Bank Ċentrali Ewropew, l-Istati Membri, l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali tagħhom u l-parteċipanti tas-suq matul ix-xhur reċenti, l-aħħar statistika tal-migrazzjoni turi li r-rata ta’ migrazzjoni globali fiż-żona tal-euro lejn SCT, żdiedet biss minn 40 % f’Ġunju 2013 għal madwar 64 % f’Novembru 2013, filwaqt li r-rata ta’ migrazzjoni globali lejn SDD laħqet biss 26 %. Filwaqt li ċifri nazzjonali juru progress tajjeb f’bosta Stati Membri, għad hemm grupp sinifikanti ta’ Stati Membri li għadhom lura b’mod konsiderevoli mir-rati ta’ migrazzjoni mistennija. Huwa għalhekk improbabbli ħafna li l-parteċipanti kollha tas-suq se jkunu konformi mas-SEPA sal-1 ta’ Frar 2014.

(6)

Mill-1 ta’ Frar 2014, il-banek u l-fornituri oħrajn tas-servizzi ta’ pagamenti se jkollhom jirrifjutaw li jipproċessaw trasferimenti ta’ kreditu jew debiti diretti li mhumiex konformi mas-SEPA minħabba l-obbligi ġuridiċi tagħhom, għalkemm, hekk kif attwalment huwa diġà l-każ, huma teknikament jistgħu jipproċessaw dawn il-pagamenti billi jkomplu jużaw skemi ta’ pagamenti antiki eżistenti flimkien ma’ SCT u SDD. Fin-nuqqas ta’ migrazzjoni sħiħa lejn SCT u SDD, ma jistax għalhekk jiġi eskluż dewmien f’dawn il-pagamenti. L-utenti kollha ta’ servizzi ta’ ħlas, u partikolarment l-SMEs u l-konsumaturi, jistgħu jkunu affettwati.

(7)

Huwa essenzjali li jiġi evitat tfixkil żejjed ta’ pagamenti li jirriżulta mill-fatt li l-migrazzjoni lejn is-SEPA ma tkunx kompletament lesta sal-1 ta’ Frar 2014. Fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti għandhom għalhekk ikunu permessi, għal perjodu ta’ żmien limitat, biex ikomplu l-ipproċessar ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagamenti permezz tal-iskemi ta’ legat tagħhom, flimkien mal-iskemi tagħhom ta’ SCT u SDD, kif qed jagħmlu attwalment. Għalhekk għandu jiġi introdott perjodu tranżitorju li jippermetti l-kontinwazzjoni ta’ tali pproċessar parallel ta’ pagamenti f’formati differenti. Meta jitqiesu ċ-ċifri attwali tal-migrazzjoni u r-ritmu mistenni tal-migrazzjoni, perjodu ta’ tranżizzjoni addizzjonali ta’ darba ta’ sitt xhur huwa meqjus xieraq. Tali anterjorità tas-sistemi ta’ legat mhux konformi mas-SEPA għandha titqies bħala miżura eċċezzjonali u għalhekk għandha tinżamm qasira kemm jista’ jkun, billi tenħtieġ migrazzjoni rapida u komprensiva sabiex jinkisbu l-benefiċċji kollha ta’ suq integrat tal-pagamenti. Huwa importanti wkoll li l-kostijiet għall-fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti jkunu limitati fiż-żmien għal użu kontinwu tal-iskemi tal-pagament ta’ legat b’mod parallel mas-sistema SEPA. Fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti li diġà wettqu l-migrazzjoni sħiħa lejn is-SEPA jistgħu jikkunsidraw li jipprovdu lill-utenti ta’ servizzi ta’ pagament li għadhom ma emigrawx, servizzi ta’ konverżjoni matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Matul il-perjodu tranżitorju, l-Istati Membri għandhom iżommu lura milli japplikaw penalitajiet għall-fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti li jipproċessaw pagamenti mhux konformi u għall-utenti tas-servizzi ta’ pagamenti li għadhom ma emigrawx.

(8)

Diversi utenti kbar ta’ strumenti ta’ debitu dirett diġà indikaw li qed jippjanaw li jemigraw qrib id-data finali. Kwalunkwe posponiment ta’ dawn il-proġetti ta’ migrazzjoni jista’ jwassal għal stress temporanju fuq pagamenti dovuti u flussi tal-flus, u għalhekk fuq livelli tat-teżor tal-kumpaniji kkonċernati. Tali migrazzjoni tardiva fuq skala kbira tista’ toħloq ukoll ċerti punti ta’ konġestjoni, b’mod partikolari fil-livell tal-banek u l-bejjiegħa tas-softwer li jistgħu jiltaqgħu ma’ ċerti limitazzjonijiet ta’ kapaċità. Il-perjodu addizzjonali għall-introduzzjoni gradwali tas-sistema l-ġdida jippermetti li jkun hemm approċċ aktar gradwali. Il-parteċipanti fis-suq li għadhom ma bdewx jimplimentaw l-adattamenti meħtieġa għal konformità mas-SEPA huma mitluba biex jagħmlu dan malajr kemm jista’ jkun. Il-parteċipanti fis-suq li diġà bdew jadattaw il-proċessi tal-pagamenti għandhom xorta waħda jlestu l-migrazzjoni malajr kemm jista’ jkun.

(9)

Fid-dawl tal-għan globali li ssir migrazzjoni koordinata u integrata, huwa xieraq li l-perjodu tranżitorju japplika kemm għal SCT u wkoll għal SDD. Perjodi tranżitorji differenti għal SCT u SDD jistgħu jikkawżaw konfużjoni għal konsumaturi, fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti, SMEs u utenti oħrajn tas-servizzi ta’ pagamenti.

(10)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza ġuridika u sabiex jiġi evitat kwalunkwe nuqqas ta’ kontinwità għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 260/2012, huwa meħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u li jibda japplika b’effett retroattiv mill-31 ta’ Jannar 2014.

(11)

B’ħarsa lejn l-urġenza tal-kwistjoni, għandha tapplika eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmija fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika,

(12)

Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 260/2012, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.   B’deroga mill-Artikolu 6(1) u (2), il-PSPs jistgħu jkomplu, sal-1 ta’ Awwissu 2014, jipproċessaw tranżazzjonjiet ta’ pagamenti f’euro f’formati li huma differenti minn dawk meħtieġa għat-trasferimenti ta’ kreditu u għad-debiti diretti skont dan ir-Regolament.

L-Istati Membri japplikaw ir-regoli dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur tal-Artikolu 6(1) u (2), stabbiliti skont l-Artikolu 11, mit-2 ta’ Awwissu 2014.

B’deroga mill-Artikoli 6(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu, sal-1 ta’ Frar 2016, iħallu lill-PSPs biex jipprovdu lill-PSUs, b’servizzi ta’ konverżjoni għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas nazzjonali li jippermettu lil PSUs li jkunu konsumaturi jkomplu jużaw BBAN minflok l-identifikatur tal-kont ta’ pagament speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness bil-kundizzjoni li l-interoperabilità tiġi żgurata billi jiġi konvertit il-BBAN ta’ min iħallas u tal-benefiċjarju b’mod tekniku u sikur fl-identifikatur tal-kont ta’ pagament rispettiv speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness. Dan l-identifikatur tal-kont ta’ pagament jingħata lill-PSU inizjali, meta jkun xieraq qabel ma jsir il-pagament. F’każ bħal dan, il-PSPs ma għandhom jimponu l-ebda imposta jew tariffa oħra fuq il-PSU marbuta direttament jew indirettament ma’ dawn is-servizzi ta’ konverżjoni.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika, b’effett retroattiv, mill-31 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Frar 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Frar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2014.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-ħlas transfruntieri fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 (ĠU L 266, 9.10.2009, p. 11).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22).