15.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/85


REGOLAMENT (UE) Nru 235/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2014

li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 209 u 212 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi wieħed mill-istrumenti li jipprovdu appoġġ dirett għall-politiki esterni tal-Unjoni u jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Huwa jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-promozzjoni u l-appoġġ tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja li jippermetti li tingħata assistenza indipendentement mill-kunsens tal-gvernijiet u awtoritajiet pubbliċi ta' pajjiżi terzi kkonċernati.

(2)

L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jistipula li l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawk il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

(3)

F'konformità mal-Artikoli 2 u 3(3) TUE u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija wieħed mill-valuri u l-objettivi fundamentali tal-Unjoni u l-Unjoni għandha tippromwovi u tintegra l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-attivitajiet kollha tagħha.

(4)

Skont l-Artikolu 21 TUE l-azzjoni esterna tal-Unjoni għandha tkun iggwidata mill-prinċipji li spiraw il-ħolqien tagħha stess, jiġifieri d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali.

(5)

Fi ħdan il-qafas tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterni tal-Unjoni, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, u ta' tkabbir inklużiv u sostenibbli jikkostitwixxu f'żewġ pilastri bażiċi tal-politika ta' żvilupp tal-Unjoni. L-impenn li jiġu rrispettati, promossi u mħarsa d-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi huwa element essenzjali tar-relazzjonijiet kuntrattwali tal-Unjoni ma' pajjiżi terzi.

(6)

Il-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea tat-12 ta' Diċembru 2011, intitolata “Id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fil-qalba tal-azzjoni esterna tal-UE — Lejn approċċ aktar effettiv”, ipproponiet miżuri speċifiċi sabiex tiżdied l-effettività u l-koerenza tal-approċċ tal-Unjoni għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija.

(7)

L-istrument b'dan stabbilit huwa maħsub li jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, inklużi dawk tal-politika ta' żvilupp,, b'mod partikolari l-objettivi stipulati fid-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika ta' Żvilupp tal-Unjoni Ewropea intitolat “Il-Kunsens Ewropew” u fl-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Ottubru 2011, intitolata “Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla”, u l-politiki tal-Unjoni relatati mad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-objettivi deskritti fil-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottati mill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2012.

(8)

F'konformità mal-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, sabiex jiġu integrati l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament l-Unjoni għandha tapplika approċċ ibbażat fuq id-drittijiet li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha, sew jekk huma ċivili u politiċi, ekonomiċi, soċjali jew kulturali.

(9)

Il-kontribut tal-Unjoni għad-demokrazija u l-istat tad-dritt u għall-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali huwa msejjes fuq id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, u strumenti oħra tad-drittijiet tal-bniedem adottat fi ħdan il-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), flimkien ma' strumenti tad-drittijiet tal-bniedem reġjonali rilevanti.

(10)

L-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet tan-nisa, inkluż l-għoti tas-setgħa lin-nisa, u n-nondiskriminazzjoni huma drittijiet fundamentali tal-bniedem, u huma essenzjali għall-ġustizzja soċjali kif ukoll għall-ġlieda kontra l-inugwaljanzi. Il-promozzjoni tagħhom għandha tkun prijorità trasversali ta' dan ir-Regolament.

(11)

Id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem huma inseparabbli u jsaħħu lil xulxin, kif imsemmi fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Novembru 2009 dwar l-appoġġ għad-demokrazija fir-relazzjonijiet esterni tal-UE. Il-libertajiet fundamentali tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġjon jew tat-twemmin, l-espressjoni, l-għaqda u l-assoċjazzjoni huma l-prekondizzjoni għall-pluraliżmu politiku, il-proċess demokratiku u soċjetà miftuħa, filwaqt li l-kontroll demokratiku, ir-responsabbiltà nazzjonali u s-separazzjoni tal-poteri huma essenzjali sabiex tinżamm ġudikatura indipendenti u l-istat tad-dritt li min-naħa tagħhom huma meħtieġa għall-ħarsien effettiv tad-drittijiet tal-bniedem.

(12)

Il-kompitu li tinbena u tkun sostnuta kultura ta' drittijiet tal-bniedem u li jkun hemm appoġġ għall-ħolqien ta' soċjetà ċivili indipendenti, inkluż bit-tisħiħ tar-rwol ta' tali soċjetà fil-pajjiżi rilevanti u li d-demokrazija ssir taħdem għal kulħadd, għalkemm ferm urġenti u diffiċli f'demokraziji li qed jitfaċċaw issa, essenzjalment hija sfida kontinwa li l-ewwel u qabel kollox tappartjeni lill-poplu tal-tal-pajjiż ikkonċernat iżda li bl-ebda mod ma tnaqqas l-obbligi tal-komunità internazzjonali. Jeħtieġ firxa ta' istituzzjonijiet, inklużi parlamenti nazzjonali demokratiċi u assemblej eletti fil-livell lokali, li jiżguraw il-parteċipazzjoni, ir-rappreżentanza, il-kapaċità ta' rispons u r-responsabbiltà. F'dan il-kuntest, għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-pajjiżi fi transizzjoni kif ukoll is-sitwazzjonijiet fraġli jew wara kunflitt. Għandhom jitqiesu l-esperjenzi miksuba u t-tagħlimiet meħuda mit-transizzjoni lejn id-demokrazija fil-qafas tal-politiki tat-tkabbir u tal-viċinat tal-Unjoni.

(13)

Sabiex jindirizzaw dawk il-kwistjonijiet b'mod effettiv, trasparenti, f'waqtu u b'mod flessibbli wara l-iskadenza tar-Regolament (KE) Nru 1889/2006, hemm ħtieġa kontinwa għal riżorsi finanzjarji speċifiċi u strument ta' finanzjament separat li jista' jkompli jaħdem b'mod indipendenti.

(14)

L-għajnuna tal-Unjoni skont dan ir-Regolament għandha titfassal b'mod li biex tikkomplementa diversi għodod oħra għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, relatati mad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. Dawk l-għodod ivarjaw minn djalogu politiku u inizjattivi diplomatiċi għal diversi strumenti ta' kooperazzjoni finanzjarja u teknika, li jinkludu kemm programmi ġeografiċi kif ukoll dawk tematiċi. L-assistenza tal-Unjoni għandha tikkomplementa wkoll l-azzjonijiet aktar relatati mal-kriżi taħt l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), inklużi azzjonijiet urġenti meħtieġa matul l-ewwel fażijiet tal-proċess ta' transizzjoni.

(15)

Taħt dan ir-Regolament, l-Unjoni għandha tipprovdi assistenza biex tindirizza d-drittijiet tal-bniedem globali, reġjonali, nazzjonali u lokali u kwistjonijiet ta' demokratizzazzjoni fi sħubija mas-soċjetà ċivili. F'dan ir-rigward, soċjetà ċivili għandha tinftiehem li tinkludi t-tipi kollha ta' azzjonijiet soċjali minn individwi jew gruppi li huma indipendenti mill-istat u li l-attivitajiet tagħhom jgħinu jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kif iddefinit mid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-id-Dritt u r-Responsabbiltà ta' Individwi, Gruppi u Organi tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jħarsu d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (“Dikjarazzjoni dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem”). Fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandu jittieħed kont debitu tal-istrateġiji lokali tal-Unjoni għad-drittijiet tal-bniedem speċifiċi għall-pajjiż.

(16)

Barra minn hekk, filwaqt li l-objettivi tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu dejjem iktar integrati fl-istrumenti kollha għall-finanzjament tal-azzjoni esterna, l-assistenza tal-Unjoni skont dan ir-Regolament għandu jkollha rwol speċifiku komplementari u addizzjonali minħabba n-natura globali tagħha, u l-indipendenza tal-azzjoni tagħha mill-kunsens tal-gvernijiet u l-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiżi terzi kkonċernati. Dak ir-rwol speċifiku għandu jippermetti l-kooperazzjoni u s-sħubija mas-soċjetà ċivili dwar kwistjonijiet sensittivi ta' drittijiet tal-bniedem u demokrazija, inklużi -tgawdija mill-migranti tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ta' persuni li jfittxu l-asil u persuni spustati internament, billi jipprovdi l-flessibbiltà u reattività meħtieġa biex ikun hemm reazzjoni għaċ-ċirkostanzi li qegħdin jinbidlu, jew il-ħtiġijiet tal-benefiċjarji, jew il-perijodi ta' kriżi. Dan ir-Regolament għandu jagħti ukoll lill-Unjoni l-kapaċità li tartikula u tappoġġa għanijiet u miżuri speċifiċi fuq il-livell internazzjonali li la huma marbuta b'mod ġeografiku u lanqas relatati ma' xi kriżi u li jistgħu jeħtieġu approċċ transnazzjonali jew jinvolvu operazzjonijiet kemm fi ħdan l-Unjoni kif ukoll f'firxa ta' pajjiżi terzi. Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jipprovdi l-qafas meħtieġ għal operazzjonijiet, bħal appoġġ għal missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali indipendenti imwettqa mill-Unjoni (MOE tal-UE), li jeħtieġu koerenza politika, sistema ta' ġestjoni unifikata u standards operattivi komuni.

(17)

L-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija skont dan ir-Regolament jistgħu possibbilment jinkludu l-għoti ta' appoġġ strateġiku għall-parlamenti demokratiċi nazzjonali u l-assemblej kostitwenti, b'mod partikolari biex itejbu l-kapaċità tagħhom li jappoġġaw u jħallu l-proċessi ta' riforma demokratika javvanzaw.

(18)

L-Unjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lil pajjiżi u sitwazzjonijiet ta' urġenza fejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali huma l-aktar f'riskju u fejn id-diżrispett għal dawk id-drittijiet u libertajiet huwa partikolarment qawwi u sistematiku. F'każijiet bħal dawn, il-prijoritajiet politiċi għandhom ikunu li jiġi promoss ir-rispett għall-istrumenti internazzjonali rilevanti, u li jiġi pprovdut appoġġ tanġibbli u mezzi ta' azzjoni għas-soċjetà ċivili lokali u biex isir kontribut għall-ħidma tagħha, imwettqa f'ċirkostanzi diffiċli ħafna. Fit-tali pajjiżi jew sitwazzjonijiet, u sabiex jiġu indirizzati ħtiġijiet urġenti ta' protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-attivisti għad-demokrazija, l-Unjoni għandha tkun kapaċi tirreaġixxi b'mod flessibbli u f'waqtu, permezz tal-użu ta' proċeduri amministrattivi aktar rapidi u aktar flessibbli u permezz ta' firxa ta' mekkaniżmi ta' finanzjament. Dan għandu jkun partikolarment il-każ meta l-għażla ta' arranġamenti proċedurali jista' jkollha impatt dirett fuq l-effikaċja tal-miżuri jew tista' tirriżulta li l-benefiċjarji jkunu esposti għal intimidazzjoni, ritaljazzjoni jew tipi oħra ta' riskji serji.

(19)

F'sitwazzjonijiet ta' kunflitt, l-Unjoni għandha tippromwovi l-konformità tal-partijiet kollha għall-kunflitt mal-obbligi legali tagħhom skont il-liġi umanitarja internazzjonali, b'konformità mal-linji gwida rilevanti tal-UE. Barra minn hekk, f'pajjiżi fi transizzjoni l-assistenza tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament għandha tappoġġa ambjent xieraq li jippermetti l-iffaċċar ta' atturi politiċi impenjati lejn sistema demokratika pluralistika multipartitika. Dan ir-Regolament għandu jimmira wkoll lejn il-promozzjoni ta' strutturi demokratiċi, id-diviżjoni tal-poter u awtoritajiet pubbliċi responsabbli.

(20)

Il-MOE tal-UE jikkontribwixxu b'mod sinifikanti u b'suċċess għall-proċessi demokratiċi f'pajjiżi terzi. Madankollu, il-promozzjoni u l-appoġġ għad-demokrazija jestendu ferm lil hinn mill-proċess elettorali waħdu u għaldaqstant għandhom jitqiesu l-istadji kollha taċ-ċiklu elettorali. In-nefqa għall-MOE tal-UE għalhekk ma għandhiex tieħu ammont sproporzjonat tal-fondi totali disponibbli skont dan ir-Regolament.

(21)

Għandha tiġi ssottolinjata l-importanza tal-istabbiliment tal-kariga tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem (RSUE). Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjoni u l-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u għandu jgħin jiżgura li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet tal-Istati Membri huma involuti b'mod konsistenti, sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni.

(22)

L-Unjoni għandha tfittex li tikseb l-aktar użu effiċjenti mir-riżorsi disponibbli sabiex tottimizza l-impatt tal-azzjoni esterna tagħha. Dak għandu jinkiseb permezz ta' koerenza u komplementarjetà bejn l-istrumenti tal-Unjoni għall-azzjoni esterna, kif ukoll il-ħolqien ta' sinerġiji bejn dan ir-Regolament, strumenti tal-Unjoni oħra għall-finanzjament tal-azzjoni esterna u politiki oħra tal-Unjoni. Dan għandu jinvolvi wkoll it-tisħiħ reċiproku tal-programmi ppjanati taħt l-istrumenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna.

(23)

L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom ifittxu skambji regolari ta' informazzjoni u jikkonsultaw lil xulxin fi stadju bikri tal-proċess tal-ipprogrammar sabiex jippromwovu l-komplementarjetà fost l-attivitajiet rispettivi tagħhom. L-Unjoni għandha tikkonsulta wkoll donaturi u atturi rilevanti oħra.

(24)

Il-Kummissjoni u is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), għandu jkollhom, kif xieraq, skambji regolari u frekwenti ta' fehmiet u informazzjoni mal-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jingħataw aċċess għal dokumenti sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt ta' skrutinju tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) b'mod infurmat. Il-miżuri meħuda taħt dan ir-Regolament għandhom iqisu, kif dovut, il-fehmiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(25)

L-Unjoni, inkluż fejn ikun xieraq permezz tad-delegazzjonijiet tagħha, għandha tagħmel skambji regolari ta' informazzjoni u tikkonsulta mas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha, inkluż f'pajjiżi terzi, kmieni kemm jista' jkun fil-proċess ta' programmazzjoni, sabiex jiġu ffaċilitati l-kontribuzzjonijiet rispettivi tas-soċjetà ċivili u biex tiżgura li hija jkollha rwol sinifikanti f'dawk il-proċeduri.

(26)

Sabiex il-kamp ta' appikazzjoni ta' dan ir-Regolament jiġi adattat għar-realtà li qed tevolvi malajr fil-pajjiżi terzi, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 TFUE għandha tkun iddelegata lill-Kummissjoni rigward l-oqsma speċifikati ta' kooperazzjoni definiti fl-Anness għal dan ir-Regolament. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti. Meta tkun qed tħejji u tfassal atti ddelegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f'waqtha u adatta tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(27)

Is-setgħat ta' implimentazzjoni għall-ipprogrammar u l-finanzjament tal-azzjonijiet appoġġati skont dan ir-Regolament għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Minħabba n-natura ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni, partikolarment in-natura tal-orjentazzjoni politika tagħhom u l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħhom, il-proċedura ta' eżami għandha fil-prinċipju tintuża għall-adozzjoni tagħhom, ħlief fil-każ ta' miżuri ta' implimentazzjoni tekniċi ta' skala finanzjarja żgħira.

(28)

Regoli komuni u proċeduri għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 236/2014, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(29)

Dan ir-Regolament jistipula pakkett finanzjarju għall-perijodu ta' applikazzjoni tiegħu li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza ewlieni, fit-tifsira tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (8), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(30)

L-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE huma stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (9).

(31)

Minħabba li l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem mad-dinja kollha, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(32)

Huwa xieraq li tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mingħajr interruzzjoni bejn ir-Regolament (KE) Nru 1889/2006 u dan ir-Regolament u li jiġi allinjat il-perijodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament ma' dak tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (10). Għalhekk, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u objettivi

Dan ir-Regolament jistabbilixxi Strument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR — European Instrument for Democracy and Human Rights) għall-perijodu 2014-2020 skont liema l-Unjoni għandha tipprovdi assistenza għall-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha.

Tali assistenza tal-Unjoni għandu jkollha l-għan li:

(a)

tappoġġa, tiżviluppa u tikkonsolida d-demokrazija f'pajjiżi terzi, billi ssaħħaħ id-demokrazija parteċipatorja u rappreżentattiva, isaħħaħ iċ-ċiklu demokratiku ġenerali, b'mod partikolari billi jissaħħaħ rwol attiv għas-soċjetà ċivili fi ħdan dan iċ-ċiklu, u l-istat tad-dritt u t-titjib tal-affidabbiltà tal-proċessi elettorali, b'mod partikolari permezz ta' MOE tal-UE;

(b)

jissaħħaħ ir-rispett għal u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, kif ipproklamati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u fi strumenti tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u reġjonali oħrajn, u t-tisħiħ tal-protezzjoni, il-promozzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tagħhom, l-aktar permezz ta' appoġġ għall-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u vittmi tar-repressjoni u l-abbuż.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Assistenza tal-Unjoni għandha tiffoka fuq l-oqsma li ġejjin:

(a)

l-appoġġ għal u t-titjib, f'konformità mal-approċċ ħolistiku taċ-ċiklu demokratiku, tad-demokrazija parteċipatorja u rappreżentattiva, inkluża d-demokrazija parlamentari, u l-proċessi ta' demokratizzazzjoni, l-aktar permezz ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livelli lokali, nazzjonali u internazzjonali, inter alia, billi:

(i)

il-promozzjoni tal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' assemblea, taċ-ċaqliq mhux imxekkel tal-persuni, tal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni, inklużi l-espressjoni politika, artistika u kulturali, ta' aċċess mhux imxekkel għall-informazzjoni, ta' stampa ħielsa u ta' midja pluralistika indipendenti, kemm dik tradizzjonali kif ukoll dik ibbażata fuq it-teknoloġija tal-informazzjoni, libertà fuq l-internet u miżuri biex jiġu miġġielda l-ostakli amministrattivi għall-eżerċitar ta' dawn il-libertajiet, inkluża l-ġlieda kontra ċ-ċensura, b'mod partikolari permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni rilevanti;

(ii)

fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt, il-promozzjoni tal-indipendenza tal-ġudikatura u l-leġislatura, l-appoġġ u l-evalwazzjoni tar-riformi legali u dawk istituzzjonali u l-implimentazzjoni tagħhom, u l-promozzjoni tal-aċċess għall-ġustizzja; kif ukoll l-appoġġ għall-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

(iii)

il-promozzjoni u t-tisħiħ tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, tat-tribunali kriminali internazzjonali ad hoc u tal-proċessi tal-ġustizzja transitorja u tal-mekkaniżmi ta' verità u ta' rikonċiljazzjoni;

(iv)

l-appoġġ tat-transizzjoni lejn id-demokrazija u riformi biex jinkisbu l-obbligi ta' rendikont u ta' sorveljanza demokratiċi u domestiċi effettivi u trasparenti, inkluża s-sorveljanza tas-settur tas-sigurtà u tal-ġustizzja, u fit-tisħiħ tal-miżuri kontra l-korruzzjoni;

(v)

il-promozzjoni ta' pluraliżmu politiku u ta' rappreżentanza politika demokratika, u t-tħeġġiġ tal-parteċipazzjoni politika min-nisa u l-irġiel, b'mod partikolari membri ta' gruppi marġinalizzati u dawk vulnerabbli, kemm bħala votanti kif ukoll bħala kandidati, fil-proċessi ta' riforma demokratika fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;

(vi)

it-tisħiħ tad-demokrazija lokali permezz tal-iżgurar ta' kooperazzjoni aħjar bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali, u b'hekk tissaħħaħ ir-rappreżentanza politika fil-livell li hija l-eqreb taċ-ċittadini;

(vii)

il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika, u l-appoġġ tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u l-parteċipazzjoni tan-nisa fi proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet u r-rappreżentanza politika tan-nisa, b'mod partikolari l-proċessi ta' transizzjoni politika, id-demokratizzazzjoni u l-bini ta' stat;

(viii)

il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ugwali ta' persuni b'diżabbiltà fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika, inklużi miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tagħhom tal-libertajiet relatati, u l-appoġġ għall-opportunitajiet indaqs, in-nondiskriminazzjoni u r-rappreżentanza politika;

(ix)

l-appoġġ ta' miżuri li jiffaċilitaw il-konċiljazzjoni paċifika bejn sezzjonijiet ta' soċjetajiet, inkluż l-appoġġ għall-miżuri li jibnu l-kunfidenza f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem u mad-demokratizzazzjoni;

(b)

il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kif ipproklamati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u fi strumenti reġjonali u internazzjonali oħrajn fil-qasam tad-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, prinċipalment permezz tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li inter alia, huma relatati ma':

(i)

it-tneħħija tal-piena tal-mewt u l-istabbiliment ta' moratorji bil-ħsieb tal-abolizzjoni tagħha, u fejn għadha teżisti l-piena tal-mewt, il-promozzjoni għall-abolizzjoni tagħha u l-ħarsien ta' standards minimi internazzjonali;

(ii)

il-prevenzjoni tat-tortura, tat-trattament ħażin u ta' trattamenti jew kastigi krudili, diżumani u degradanti oħrajn, flimkien mal-għajbien sfurzat u r-riabilitazzjoni tal-vittmi ta' tortura;

(iii)

l-appoġġ għal, il-ħarsien ta', u l-assistenza għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-indirizzar tal-ħtiġijiet urġenti tagħhom għall-protezzjoni, f'konformità mal-Artikolu 1 tad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem; dawn l-objettivi, inklużi assistenza fit-tul u aċċess għal rifuġju, jistgħu jitkoprew minn mekkaniżmu tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

(iv)

il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija u d-diskriminazzjoni minħabba kwalunkwe raġuni, inklużi s-sess, ir-razza, il-kulur, il-kasta, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, is-sħubija f'minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;

(v)

il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon jew twemmin, inkluż permezz ta' miżuri biex jeliminaw il-forom kollha ta' mibegħda, intolleranza u diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin u billi titrawwem it-tolleranza u r-rispett tad-diversità kulturali u reliġjuża fi ħdan u fost is-soċjetajiet;

(vi)

id-drittijiet tal-popli indiġeni kif ipproklamat fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, fost oħrajn, billi jenfasizzaw l-importanza tal-involviment tagħhom fl-iżvilupp ta' proġetti li jikkonċernawhom u jiġi pprovdut appoġġ sabiex tiġi ffaċilitata l-interazzjoni tagħhom ma' mekkaniżmi internazzjonali u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-istess mekkaniżmi;

(vii)

id-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali jew etniċi, reliġjużi u lingwistiċi, kif ipproklamat fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni li jappartjenu għal Minoranzi Nazzjonali, Etniċi, Reliġjużi u Lingwistiċi;

(viii)

id-drittijiet tal-persuni lesbiċi, gay, bisesswali, trans u intersess (LGBTI), inklużi miżuri għad-dekriminalizzazzjoni tal-omosesswalità, għall-ġlieda kontra l-vjolenza u l-persekuzzjoni omofobiċi u transfobiċi, u l-promozzjoni tal-libertà ta' għaqda, ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni tal-persuni LGBTI;

(ix)

id-drittijiet tan-nisa kif imniżżel fil-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u l-Protokoll Fakultattiv tagħha, inklużi miżuri biex jiġġieldu kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet; b'mod partikolari l-mutilazzjoni tal-ġenitali femminili, iż-żwiġijiet sfurzati u rranġati, id-delitti tal-“unur”, il-vjolenza domestika u sesswali, u t-traffikar tan-nisa u l-bniet;

(x)

id-drittijiet tat-tfal, kif imniżżel fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokolli Fakultattivi tagħha, inklużi l-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal, l-ittraffikar tat-tfal u l-prostituzzjoni tat-tfal, ir-reklutaġġ u l-użu ta' suldati tfal, u l-ħarsien tat-tfal mid-diskriminazzjoni indipendentement mir-razza, il-kulur, is-sess, il-lingwa, ir-reliġjon jew twemmin, il-politika jew opinjoni oħra, l-oriġini nazzjonali, etnika jew soċjali, il-proprjetà, id-diżabbiltà, it-twelid jew status ieħor;

(xi)

id-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltà, kif imniżżel fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà;

(xii)

id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, inklużi id-dritt għal livell ta' għejxien adegwat u għall-istandards fundamentali tax-xogħol;

(xiii)

ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, u l-libertà li jitwettaq in-negozju, kif stipulat fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

(xiv)

l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-monitoraġġ fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija;

(xv)

l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali involuti fil-ħarsien, il-promozzjoni jew id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

(xvi)

il-promozzjoni ta' kondizzjonijiet imtejba u l-ħarsien tal-istandards fil-ħabsijiet, b'mod konsistenti mad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali;

(c)

it-tisħiħ tal-qafas internazzjonali għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-istat tad-dritt u d-demokrazija, u l-promozzjoni tal-liġi umanitarja internazzjonali, b'mod partikolari billi:

(i)

ikun ipprovdut appoġġ għal strumenti u korpi internazzjonali u reġjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja, l-istat tad-dritt u d-demokrazija;

(ii)

titrawwem il-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali intergovernattivi, u jiġu appoġġati l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili, inkluż it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, immirati lejn il-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istrumenti internazzjonali u reġjonali li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja, l-istat tad-dritt u d-demokrazija;

(iii)

taħriġ fi u tixrid ta' informazzjoni dwar id-dritt umanitarju internazzjonali u appoġġ għall-infurzar tagħha;

(d)

il-bini ta' fiduċja fi, u t-tisħiħ ta' affidabbiltà u trasparenza tal-proċessi u l-istituzzjonijiet elettorali demokratiċi, fl-istadji kollha taċ-ċiklu elettorali, b'mod partikolari.

(i)

permezz tal-użu tal-MOE tal-UE u miżuri oħra għall-monitoraġġ tal-proċessi elettorali;

(ii)

billi jingħata kontribut għall-iżvilupp tal-kapaċità ta' osservazzjoni elettorali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili domestika fil-livelli reġjonali u lokali, u billi jiġu appoġġati l-inizjattivi tagħhom biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni fi, u s-segwitu għal, il-proċess elettorali;

(iii)

billi jiġu appoġġati miżuri mmirati lejn l-integrazzjoni konsistenti tal-proċessi elettorali fiċ-ċiklu demokratiku, filwaqt li jixxerrdu l-informazzjoni dwar u jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-MOE tal-UE, li b'mod partikolari jaħdmu ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll f'kooperazzjoni ma' awtoritajiet pubbliċi rilevanti inklużi l-parlamenti u l-gvernijiet, f'konformità ma' dan ir-Regolament;

(iv)

billi ssir promozzjoni għall-eżitu paċifiku tal-proċessi elettorali, it-tnaqqis tal-vjolenza elettorali u l-aċċettazzjoni tar-riżultati kredibbli mis-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà.

2.   Il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni minħabba kwalunkwe raġuni, l-integrazzjoni tas-sessi, il-parteċipazzjoni, l-għoti tas-setgħa, ir-responsabbiltà, l-attitudni miftuħa u t-trasparenza għandhom jitqiesu kull meta jkunu rilevanti għall-miżuri kollha msemmija f'dan ir-Regolament.

3.   Il-miżuri msemmija f'dan ir-Regolament għandhom jiġu implimentati fit-territorju ta' pajjiżi terzi jew għandhom ikunu relatati b'mod dirett mas-sitwazzjonijiet li jinqalgħu fil-pajjiżi terzi, jew ma' dawk globali jew reġjonali.

4.   Il-miżuri msemmija f'dan ir-Regolament għandhom iqisu l-karatteristiċi speċifiċi ta' kriżi jew sitwazzjonijiet ta' urġenza u pajjiżi jew sitwazzjonijiet fejn hemm nuqqas serju ta' libertajiet fundamentali, fejn is-sigurtà tal-bniedem hija l-aktar fil-periklu jew fejn l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tad-difensuri joperaw taħt l-aktar kondizzjonijiet diffiċli.

Artikolu 3

Koordinazzjoni, koerenza u komplementarjetà tal-assistenza tal-Unjoni

1.   L-assistenza tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament għandha tkun konsistenti mal-qafas ġenerali tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, u komplementari għal dik mogħtija minn strumenti jew ftehimiet oħrajn għal assistenza esterna.

2.   Sabiex tittejjeb l-effettività, il-koerenza u l-konsistenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, l- Unjoni u l-Istati Membri għandhom ifittxu skambji regolari ta' informazzjoni u jikkonsultaw lil xulxin fi stadju bikri tal-proċess ta' pprogrammar sabiex tingħata promozzjoni lill-komplementarjetà u l-koerenza fost l-attivitajiet rispettivi tagħhom kemm fil-livell tat-teħid ta' deċiżjonijiet kif ukoll fil-prattika. Konsultazzjonijiet bħal dawn jistgħu jwasslu għall-ipprogrammar konġunt u attivitajiet konġunti bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. L-Unjoni għandha tikkonsulta wkoll donaturi u atturi oħrajn.

3.   Il-Kummissjoni u s-SEAE, għandu jkollhom, kif xieraq, skambji regolari ta' fehmiet u ta' informazzjoni mal-Parlament Ewropew.

4.   L-Unjoni għandha tfittex skambji regolari ta' informazzjoni ma', u tikkonsulta mas-soċjetà ċivili, fil-livelli kollha, inkluż fil-pajjiżi terzi. B'mod partikolari l-Unjoni għandha tipprovdi, kull meta jkun possibbli u f'konformità mal-proċeduri, il-gwida teknika u l-appoġġ rilevanti fir-rigward tal-proċedura ta' applikazzjoni.

Artikolu 4

Qafas ġenerali għall-programmazzjoni u l-implimentazzjoni

1.   L-assistenza tal-Unjoni skont dan ir-Regolament għandha tiġi implimentata f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 236/2014 u permezz tal-miżuri li ġejjin:

(a)

dokumenti ta' trateġija, kif imsemmij fl-Artikolu 5, u r-reviżjonijiet tagħhom, kif ikun xieraq;

(b)

programmi ta' azzjoni annwali, miżuri individwali u miżuri ta' appoġġ skont l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014;

(c)

miżuri speċjali taħt l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014;

2.   Kwalunkwe programmar jew rieżami ta' programmi li jsir wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta' analiżi ta' nofs it-terminu msemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 (ir-“rapport ta' analiżi ta' nofs it-terminu”) għandu jieħu kont tar-riżultati, is-sejbiet u l-konklużjonijiet ta' dak ir-rapport.

Artikolu 5

Dokumenti ta' strateġija

1.   Id-dokumenti ta' strateġija għandhom jistabbilixxu l-istrateġija tal-Unjoni għall-assistenza tagħha skont dan ir-Regolament, bażata fuq il-prijoritajiet tal-Unjoni, is-sitwazzjoni internazzjonali u l-attivitajiet tal-imsieħba prinċipali. Huma għandhom ikunu konsistenti mal-iskop ġenerali, l-objettivi, il-kamp ta' applikazzjoni u l-prinċipji ta' dan ir-Regolament.

2.   Id-dokumenti ta' strateġija għandhom jistabbilixxu l-oqsma ta' prijorità magħżula mill-Unjoni għall-finanzjament matul il-perijodu ta' validità ta' dan ir-Regolament, l-objettivi speċifiċi, ir-riżultati mistennija u l-indikaturi tal-prestazzjoni. Għandhom jagħtu wkoll l-allokazzjoni finanzjarja indikattiva, kemm ġenerali kif ukoll għal kull qasam ta' prijorità; fejn ikun xieraq, f'forma ta' skala.

3.   Id-dokumenti ta' strateġija għandhom jiġu approvati skont il-proċedura ta' eżami stabbilita fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament(UE) Nru 236/2014. Meta bidliet sinifikanti fiċ-ċirkustanzi u l-politika jeħtieġu hekk, id-dokumenti ta' strateġija għandhom ikunu aġġornati f'konformità mal-istess proċedura.

Artikolu 6

Prijoritajiet tematiċi u delega ta' setgħat

L-objettivi u l-prijoritajiet speċifiċi li għandhom jiġu segwiti mill-assistenza tal-Unjoni skont dan ir-Regolament huma elenkati fl-Anness.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati biex temenda l-prijoritajiet tematiċi stabbiliti fl-Anness. B'mod partikolari, wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta' analiżi ta' nofs it-terminu, u bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni għandha tadotta att iddelegat li jemenda l-Anness sal-31 ta' Marzu 2018.

Artikolu 7

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa li tadotta atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 6 hija konferita fuq il-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 6 għandha tiġi konferita lill-Kummissjoni għall-perijodu ta' validità ta' dan ir-Regolament.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 6 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 6 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sej joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 8

Kumitat

Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejuna minn Kumitat għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 9

Aċċess għad-dokumenti

Sabiex jiżguraw li jkunu jistgħu jeżerċitaw is-setgħat tagħhom ta' skrutinju b'mod informat, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandu jkollhom aċċess għad-dokumenti kollha tal-EIDHR rilevanti għal dan l-eżerċizzju, skont ir-regoli applikabbli.

Artikolu 10

Pakkett finanzjarju

Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-perijodu 2014-2020 għandu jkun ta' EUR 1 332 752 000.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fi ħdan il-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

Artikolu 11

Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

Dan ir-Regolament għandu japplika skont id-Deċiżjoni 2010/427/UE.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 11,15.12013, p. 81.

(2)  ĠU C 391, 18.12.2012, p. 110.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014.

(4)  Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta' strument ta' finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (ĠU L 386, 29.12.2006, p. 1).

(5)  Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(7)  Regolament Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna (ara l-paġna 95 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali)

(8)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(9)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(10)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).


ANNESS

L-objettivi u l-prijoritajiet speċifiċi tal-EIDHR

L-orjentazzjoni strateġika tal-Unjoni li jitwettaq l-iskop tal-EIDHR hija bbażata fuq ħames objettivi deskritti f'dan l-Anness.

1.

Objettiv 1 — Appoġġ għad-drittijiet tal-dniedem u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'sitwazzjonijiet fejn huma l-aktar f'riskju.

L-azzjonijiet taħt dan l-objettiv ser jipprovdu appoġġ effettiv għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB) li huma l-aktar f'riskju u għal sitwazzjonijiet fejn il-libertajiet fundamentali huma l-aktar fil-periklu. L-EIDHR ser, fost l-oħrajn, jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-ħtiġijiet urġenti tad-DDB; ser jipprovdi wkoll appoġġ għall-perijodu medju u fit-tul li ser jippermetti lid-DDB u s-soċjetà ċivili li iwettqu l-ħidma tagħhom. L-azzjonijiet għandhom iqisu x-xejra inkwetanti attwali tal-ispazju li qed jonqos għas-soċjetà ċivili.

2.

Objettiv 2 — Appoġġ għal prijoritajiet oħrajn tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem

L-azzjonijiet taħt dan l-objettiv ser jiffokaw fuq l-għoti ta' appoġġ lill-attivitajiet fejn l-Unjoni għandha valur miżjud jew impenn tematiku speċifiku (eż. linji gwida attwali u futuri tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem adottati mill-Kunsill jew riżoluzzjonijiet adottati mill-Parlament Ewropew), f'konformità mal-Artikolu 2. L-azzjonijiet ser ikunu konsistenti mal-prijoritajiet stabbiliti fil-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija.

L-azzjonijiet taħt dan l-objettiv ser, fost oħrajn, jappoġġaw lid-dinjità tal-bniedem (b'mod partikolari l-ġlieda kontra l-piena tal-mewt u kontra t-tortura u kastigi jew trattamenti oħrajn krudili, inumani jew degradanti); id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali; il-ġlieda kontra l-impunità; il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha; id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Ser tingħata attenzjoni wkoll lill-kwistjonijiet emerġenti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem.

3.

Objettiv 3 — Appoġġ għad-demokrazija

L-azzjonijiet taħt dan l-objettiv ser jappoġġaw atturi paċifiċi favur id-demokrazija f'pajjiżi terzi bil-ħsieb li jsaħħu d-demokrazija parteċipattiva u rappreżentattiva, it-trasparenza u r-responsabbiltà. L-azzjonijiet ser jiffokaw fuq il-konsolidazzjoni tal-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza politika, kif ukoll il-promozzjoni favur id-demokrazija.

L-aspetti kollha tad-demokratizzazzjoni ser jiġu indirizzati, inklużi l-istat tad-dritt u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet ċivili u politiċi bħal-libertà tal-espressjoni online u offline, il-libertà ta' għaqda u assoċjazzjoni. Dan jinkludi parteċipazzjoni attiva fid-dibattitu metodoloġiku li qed jevolvi fil-qasam tal-appoġġ għad-demokrazija.

Fejn applikabbli, l-azzjonijiet ser iqisu r-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE.

4.

Objettiv 4 — MOE tal-UE

L-azzjonijiet taħt dan l-objettiv ser jiffokaw fuq osservazzjoni elettorali li tikkontribwixxi biex jiżdiedu t-trasparenza u l-fiduċja fil-proċess elettorali bħala parti mill-promozzjoni ta', u l-appoġġ ta'. -proċessi demokratiċi kif deskritt fl-objettiv 3.

Il-MOE tal-UE fuq skala sħiħa huma ġeneralment rikonoxxuti bħala proġetti ewlenin tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u jibqgħu l-forma prinċipali ta' azzjoni taħt dan l-objettiv.

Huma jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdu kemm stima informata ta' proċessi elettorali u rakkomandazzjonijiet għat-titjib ulterjuri tagħhom fil-kuntest tal-kooperazzjoni tal-Unjoni u d-djalogu politiku ma' pajjiżi terzi. B'mod partikolari, l-approċċ li jinkludi l-istadji kollha taċ-ċiklu elettorali, inklużi l-attivitajiet ta' segwitu, ser jiġi żviluppat aktar ma' azzjonijiet komplementari bejn l-ipprogrammar bilaterali u l-proġetti tal-EIDHR.

5.

Objettiv 5 — Appoġġ lill-atturi u l-proċessi ewlenin fil-mira, inklużi l-istrumenti u l-mekkaniżmi internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem.

L-għan ġenerali huwa li jissaħħu l-oqfsa internazzjonali u reġjonali għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja, u l-istat tad-dritt u d-demokrazija skont il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni.

L-azzjonijiet taħt dan l-objettiv ser jinkludu attivitajiet għall-appoġġ tal-kontribut tas-soċjetà ċivili lokali għad-djalogi tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE (f'konformità mal-linji gwida rilevanti tal-UE) u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrumenti u l-mekkaniżmi internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġustizzja kriminali internazzjonali, inkluża l-Qorti Kriminali Internazzjonali. Il-promozzjoni u l-monitoraġġ ta' dawk il-mekkaniżmi mis-soċjetà ċivili ser jingħataw attenzjoni speċjali.


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar id-djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew (1)

Fuq il-bażi tal-Artikolu 14 tat-TUE, il-Kummissjoni Ewropea se twettaq djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew qabel l-ipprogrammar tar-Regolament (UE) Nru 235/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja u wara konsultazzjoni inizjali tal-benefiċjarji rilevanti tiegħu, fejn xieraq. Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta lill-Parlament Ewropew id-dokumenti rilevanti disponibbli dwar l-ipprogrammar b'allokazzjonijiet indikattivi previsti għal kull pajjiż/reġjun, u, f'pajjiż/reġjun, il-prijoritajiet, ir-riżultati possibbli u l-allokazzjonijiet indikattivi previsti għal kull prijorità għall-programmi ġeografiċi, kif ukoll l-għażla ta' modalitajiet ta' assistenza (*). Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta lill-Parlament Ewropew id-dokumenti rilevanti disponibbli dwar l-ipprogrammar bi prijoritajiet tematiċi, riżultati possibbli, l-għażla ta' modalitajiet ta' assistenza (*), u l-allokazzjonijiet finanzjarji għal tali prijoritajiet previsti fil-programmi tematiċi. Il-Kummissjoni Ewropea se tqis il-pożizzjoni espressa mill-Parlament Ewropew dwar il-kwistjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea se twettaq djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew fit-tħejjija tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu u qabel kwalunkwe reviżjoni sostanzjali tad-dokumenti ta' programmar matul il-perjodu ta' validità ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni Ewropea, jekk tiġi mistiedna mill-Parlament Ewropew, se tispjega fejn l-osservazzjonijiet tal-Parlament Ewropew tqiesu fid-dokumenti ta' programmar u kull segwitu għad-djalogu strateġiku.


(1)  Il-Kummissjoni Ewropea se tkun irrappreżentata fil-livell tal-Kummissarju responsabbli

(*)  Fejn huwa applikabbli.


Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea jenfasizzaw il-kontribuzzjoni importanti tal-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Ewropea (MOE tal-UE) għad-demokrazija li tappoġġja l-politika tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni f'pajjiżi sħab. Il-MOE tal-UE jikkontribwixxu biex tiżdied it-trasparenza u l-kunfidenza fil-proċessi elettorali, u jipprovdu valutazzjoni informata tal-elezzjonijiet kif ukoll rakkomandazzjonijiet għal aktar titjib tagħhom, fil-kuntest ta' kooperazzjoni u djalogu politiku tal-Unjoni ma' pajjiżi sħab. F'dan ir-rigward, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea jaqblu li sa 25 % tal-baġit matul il-perjodu 2014-2020 tar-Regolament tal-UE Nru 235/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument finanzjarju għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja għandhom ikunu ddedikati għall-finanzjament ta' MOE tal-UE, skont il-prijoritajiet elettorali annwali.