15.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/77


REGOLAMENT (UE) Nru 234/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2014

li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għal kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 207(2), 209(1) u 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (1)

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġislattiva (2),

Billi:

(1)

L-Unjoni għandha tfittex li tiżviluppa relazzjonijiet u tibni sħubiji ma' pajjiżi terzi. Dan ir-Regolament jikkostitwixxi strument ġdid u komplimentarju li jipprovdi appoġġ dirett għal-linji ta' politiki esterni tal-Unjoni, li jespandi s-sħubiji ta' kooperazzjoni u d-djalogi ta' politika għal oqsma u suġġetti lil hinn mill-kooperazzjoni fl-iżvilupp. Dan jibni fuq l-esperjenza miksuba ma' pajjiżi industrijalizzati u pajjiżi u territorji bi dħul għoli skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006 (3).

(2)

L-ambitu tal-kooperazzjoni skont il-programmi ġeografiċi mal-pajjiżi, territorji u reġjuni li qed jiżviluppaw taħt l-istrument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) huwa limitat kważi interament għal miżuri ta' finanzjament maħsubin biex jissodisfaw il-kriterji għal għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) stabbiliti mill-Kumitat tal-Għajnuna għall-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (DAC-OECD).

(3)

Matul l-aħħar deċennju, l-Unjoni saħħet konsistentement ir-relazzjonijiet bilaterali tagħha ma' firxa wiesgħa ta' pajjiżi industrijalizzati u pajjiżi u territorji oħra bi dħul għoli jew dħul medju f'reġjuni differenti tad-dinja kollha.

(4)

L-Unjoni teħtieġ strument finanzjarju fil-qasam tal-politika barranija li jkollu ambitu globali li jippermetti l-finanzjament ta' miżuri li jaf ma jikkwalifikawx bħala ODA iżda li huma importanti ħafna għat-tisħiħ u l-konsolidazzjoni tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi kkonċernati, b'mod partikolari permezz ta' djalogi politiċi u l-iżvilupp ta' sħubijiet. Dak l-istrument il-ġdid, innovattiv f'termini ta' ambitu u objettivi, għandu joħloq ambjent pożittiv għal relazzjoni aktar profonda bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi rilevanti, u għandu jippromovi interessi ċentrali tal-Unjoni.

(5)

Huwa fl-interess tal-Unjoni li tapprofondixxi r-relazzjonijiet tagħha u d-djalogu ma' pajjiżi li magħhom l-Unjoni għandha interess strateġiku fil-promozzjoni ta' rabtiet, speċjalment ma' pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw li għandhom rwol dejjem aktar importanti fl-affarijiet dinjija, inkluż fil-governanza globali, il-politika barranija, l-ekonomija internazzjonali, il-fora u l-korpi multilaterali bħall-G8 u l-G20, u fl-indirizza ta' sfidi ta' tħassib globali.

(6)

L-Unjoni teħtieġ li tibni sħubiji komprensivi ma' atturi ġodda fix-xena internazzjonali sabiex tippromwovi ordni internazzjonali stabbli u inklużiv, issegwi l-beni pubbliċi globali komuni, u tippromwovi l-interessi ewlenin tal-Unjoni kif ukoll għarfien akbar dwar l-Unjoni f'dawk il-pajjiżi.

(7)

Il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jeħtieġ li tkundinjija, li jippermetti l-appoġġ għal miżuri ta' kooperazzjoni kif opportun, biex isostnu r-relazzjonijiet ma' kwalunkwe pajjiż li fih l-Unjoni għandha interessi strateġiċi, f'konformità mal-objettivi ta' dan ir-Regolament.

(8)

Huwa fl-interess tal-Unjoni li tkompli tippromwovi d-djalogu u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi li m'għadhomx jikkwalifikaw għal programmi bilaterali taħt l-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (“l-'Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp”).

(9)

Barra minn hekk, huwa fl-interess tal-Unjoni li jkollha istituzzjonijiet globali inklużivi, ibbażati fuq multilateraliżmu effettiv u li taħdem lejn dak il-għan.

(10)

Skont dan ir-Regolament, l-Unjoni għandha tappoġġa l-implimentazzjoni tad-dimensjoni esterna tal-istrateġija deskritta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010, intitolata “Ewropa 2020 — Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” (“Ewropa 2020”) li tgħaqqad it-tliet pilastri: ekonomiku, soċjali u ambjentali. B'mod partikolari, dan ir-Regolament għandu jappoġġa l-objettivi relatati ma' kwistjonijiet globali bħat-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija u l-effiċjenza fir-riżorsi, it-transizzjoni għal ekonomija aktar ekoloġika, ix-xjenza, l-innovazzjoni u l-kompetittività, il-mobbiltà, il-kummerċ u l-investiment, is-sħubiji ekonomiċi, in-negozju, l-impjiegi u l-kooperazzjoni regolatorja ma' pajjiżi terzi, u aċċess aħjar għall-kumpanniji mill-Unjoni inkluża l-internazzjonalizzazjoni tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs). Huwa għandu wkoll jippromwovi d-diplomazija pubblika, il-kooperazzjoni f'affarijiet edukattivi u akkademiċi u l-attivitajiet ta' komunikazzjoni.

(11)

B'mod partikolari, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hi rikonoxxuta bħala waħda mill-isfidi globali l-kbar li qed jiffaċċaw l-Unjoni u l-komunità internazzjonali usa'. It-tibdil fil-klima huwa qasam fejn tenħtieġ azzjoni internazzjonali urġenti u fejn il-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni teħtieġ il-kooperazzjoni minn pajjiżi sħab. Għalhekk l-Unjoni għandha tintensifika l-isforzi tagħha fil-promozzjoni ta' kunsens globali f'dan ir-rigward. F'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2011 intitolata “Baġit għall-Ewropa 2020”, li tappella lill-Unjoni li żżid is-sehem mill-baġit tagħha relatat mal-klima għal tal-anqas 20 %, dan ir-Regolament għandu jikkontribwixxi għall-ilħuq ta' dak il-għan.

(12)

Sfidi transnazzjonali, bħad-degradazzjoni ambjentali u l-aċċess għal materja prima u elementi terrestri rari u l-użu sostenibbli tagħhom, jeħtieġu approċċ inklużiv u bbażat fuq regoli.

(13)

L-Unjoni ħadet l-impenn li tgħin sabiex jintlaħqu l-miri globali tal-2020 dwar il-bijodiversità u sabiex tagħti riżultati rigward l-Istrateġija assoċjata għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi.

(14)

L-Unjoni ħadet l-impenn fir-relazzjonijet tagħha ma' sħab mad-dinja kollha li tippromwovi x-xogħol deċenti għal kulħadd, kif ukoll li tirratifika u timplimenta b'mod effettiv l-istandards tax-xogħol rikonoxxuti fil-livell internazzjonali u l-ftehimiet ambjentali multilaterali.

(15)

Interess strateġiku importanti tal-Unjoni hu li tingħata spinta lit-tkabbir u l-impjiegi bil-promozzjoni tal-kummerċ ġust u miftuħ u l-investiment fil-livell multilaterali u bilaterali u bl-appoġġ tan-negozjar u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar il-kummerċ u l-investiment li l-Unjoni hija parti għalihom. Skont dan ir-Regolament, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' klima sigura għal żieda fl-opportunitajiet ta' kummerċ u investiment mad-dinja kollha għall-kumpanniji mill-Unjoni fid-dinja kollha, mhux l-inqas l-SMEs, inkluż billi tappoġġa l-kooperazzjoni u l-konverġenza regolatorji, tippromwovi l-istandards internazzjonali, ittejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u timmira t-tneħħija ta' ostakoli mhux ġustifikati għall-aċċess għas-suq.

(16)

Skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tiġi ggwidata mill-prinċipji li spiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha stess,, u li hija tfittex li tippromwovi fil-bqija tad-dinja, jiġifieri d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipju tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali.

(17)

L-Unjoni għandha tfittex li tagħmel l-aktar użu effiċjenti mir-riżorsi disponibbli sabiex tottimizza l-impatt tal-azzjoni esterna tagħha. Dak għandu jinkiseb permezz ta' koerenza u komplementarjetà bejn l-istrumenti tal-Unjoni għall-azzjoni esterna, kif ukoll il-ħolqien ta' sinerġiji bejn dan ir-Regolament, strumenti oħra għall-finanzjament tal-azzjoni esterna u politiki oħra tal-Unjoni. Dan għandu jinvolvi wkoll it-tisħiħ reċiproku tal-programmi ppjanati taħt l-istrumenti għall-finanzjament ta' azzjoni esterna.

(18)

Bil-għan li tiġi żgurata l-viżibbiltà favur iċ-ċittadini tal-pajjiżi benefiċjarji u ċ-ċittadini tal-Unjoni tal-assistenza tal-Unjoni, għandu jkun hemm, fejn adatt, komunikazzjoni u informazzjoni mmirati b'mezzi adegwati.

(19)

Sabiex jinkisbu l-objettivi ta' dan ir-Regolament, huwa meħtieġ li jiġi segwit approċċ differenzjat u flessibbli mal-pajjiżi sħab ewlenin li jieħu kont tal-kuntesti ekonomiċi, soċjali u politiċi tagħhom, kif ukoll l-interessi speċifiċi tal-Unjoni, il-prijoritajiet u l-istrateġiji tal-politika, filwaqt li tinżamm il-kapaċità għal intervent fid-dinja kollha fejn ikun meħtieġ. L-Unjoni għandha tapplika approċċ komprensiv għall-politika barranija inklużi l-politiki settorjali tal-Unjoni.

(20)

Sabiex tieħu l-impenn tagħha sabiex tippromwovi u tiddefendi l-interessi tagħha fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi b'mod aktar effettiv, l-Unjoni għandha tkun kapaċi tirrispondi b'mod flessibbli u f'waqtu għal ħtiġijiet li jevolvu jew mhux previsti billi tadotta miżuri speċjali mhux koperti mill-programmi indikattivi pluriennali.

(21)

L-objettivi ta' dan ir-Regolament għandhom, fejn possibbli u adatt, jiġu segwiti f'konsultazzjoni ma' sħab u partijiet interessati rilevanti, inklużi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u awtoritajiet lokali, b'kont meħud tal-importanza tar-rwoli tagħhom.

(22)

L-azzjoni esterna tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament għandha tikkontribwixxi għal riżultati ċari (li jkopru l-outputs, l-eżiti u l-impatti) f'pajjiżi li jibbenefikaw mill-għajnuna tal-Unjoni. Kull meta jkun adatt u possibbli, ir-riżultati tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u l-effiċjenza tal-istrument stabbilit minn dan ir-Regolament għandhom jiġu mmonitorjati u vvalutati abbażi ta' indikaturi predefiniti, ċari, trasparenti u, fejn adatt, indikaturi speċifiċi għall-pajjiż u li jistgħu jitkejlu, adattati għall-ispeċifiċitajiet u l-objettivi ta' dak l-istrument.

(23)

L-azzjonijiet taħt dan ir-Regolament għandhom, fejn adatt, jieħdu kont debitu tar-Riżoluzzjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

(24)

Sabiex il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jiġi adattat għar-realtà li qed tevolvi malajr fil-pajjiżi terzi, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tkun iddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-prijoritajiet definiti fl-Anness. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti. Meta tkun qed tipprepara u tfassal atti ddelegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura li tibgħat id-dokumenti rilevanti simultanjament, f'waqthom u kif adatt, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(25)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Minħabba n-natura ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari in-natura ta' orjentament tal-linja politika tagħhom u tal-implikazzjonijiet finanzjarji tagħhom, il-proċedura ta' eżami għandha tintuża għall-adozzjoni tagħhom, ħlief fil-każ ta' miżuri ta' implimentazzjoni tekniċi fuq skala finanzjarja żgħira.

(26)

Ir-regoli u l-proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(27)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-perijodu ta' applikazzjoni tiegħu li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza ewlieni, fit-tifsira tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, kooperazzjoni f'materji baġitarji u ġestjoni finanzjarja tajba (8), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(28)

L-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna huma stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (9).

(29)

Minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari l-istabbiliment ta' Strument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu, minħabba l-iskala tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-TUE. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(30)

Huwa xieraq li l-perjodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jiġi allinjat ma' dak tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (10). Għalhekk, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u objettivi

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (l-“Istrument ta' Sħubija”) sabiex jiġu avvanzati u promossi l-interessi tal-Unjoni u dawk reċiproċi. L-Istrument ta' Sħubija għandu jappoġġa miżuri li jirrispondu b'mod effettiv u flessibbli għall-objettiv li jirriżultaw minn relazzjonijiet bilaterali, reġjonali jew multilaterali tal-Unjoni ma' pajjiżi terzi u għandu jindirizza sfidi ta' tħassib globali, jew jiżgura segwitu adegwat għad-deċiżjonijiet meħuda f'livell multilaterali.

2.   Il-miżuri li għandhom jiġu ffinanzjati taħt l-Istrument ta' Sħubija għandhom jirriflettu l-objettivi speċifiċi tal-Unjoni li ġejjin:

(a)

l-appoġġ għall-istrateġiji ta' sħubija għall-kooperazzjoni bilaterali, reġjonali u interreġjonali tal-Unjoni u l-promozzjoni tad-djalogu politiku u l-iżvilupp ta' approċċi u reazzjonijiet kollettivi għall-isfidi ta' tħassib globali. L-ilħuq ta' dak l-objettiv għandu jitkejjel, inter alia, mill-progress li jsir mill-pajjiżi sħab ewlenin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jew fil-promozzjoni tal-istandards ambjentali tal-Unjoni;

(b)

l-implimentazzjoni tad-dimensjoni internazzjonali tal-“Ewropa 2020”. L-ilħuq ta' dak l-objettiv għandu jitkejjel permezz tal-użu tal-politiki u l-objettivi tal-“Ewropa 2020” mill-pajjiżi sħab ewlenin;

(c)

it-titjib tal-aċċess għas-swieq tal-pajjiżi sħab u l-għoti ta' spinta lill-opportunitajiet ta' kummerċ, investiment u negozju għall-kumpanniji mill-Unjoni, filwaqt li jiġu eliminati l-ostakoli għall-aċċess għas-suq u l-investiment, permezz ta' sħubiji ekonomiċi, negozju u kooperazzjoni regolatorja. L-ilħuq ta' dak l-objettiv għandu jitkejjel permezz tas-sehem tal-Unjoni f'kummerċ barrani mal-pajjiżi sħab ewlenin u bil-flussi ta' kummerċ u ta' investiment lejn il-pajjiżi sħab immirati b'mod speċifiku b'azzjonijiet, programmi u miżuri taħt dan ir-Regolament;

(d)

it-tisħiħ fl-għarfien u l-viżibbiltà wiesgħa tal-Unjoni u tar-rwol tagħha fix-xena dinjija permezz ta' diplomazija pubblika, kuntatti bejn il-persuni, kooperazzjoni fi kwistjonijiet edukattivi u akkademiċi, bejn gruppi ta' riflessjoni u attivitajiet ta' komunikazzjoni għall-promozzjoni tal-valuri u l-interessi tal-Unjoni. L-ilħuq ta' dak l-objettiv jista' jitkejjel, inter alia, permezz ta' stħarriġ jew evalwazzjonijiet tal-opinjonijiet.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jappoġġa primarjament miżuri ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi, li magħhom l-Unjoni għandha interess strateġiku fil-promozzjoni ta' konnessjonijiet, speċjalment pajjiżi żviluppati u pajjiżi li qed jiżviluppaw li għandhom rwol dejjem aktar prominenti f'affarijiet globali, inkluża l-politika barranija, l-ekonomija internazzjonali u l-kummerċ, f'fora multilaterali u fil-governanza globali u fl-indirizzar tal-isfidi ta' tħassib globali jew fejn l-Unjoni għandha interessi sinifikanti oħra.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, il-pajjiżi, ir-reġjuni u t-territorji terzi kollha jistgħu jkunu eliġibbli għall-kooperazzjoni taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Prinċipji ġenerali

1.   L-Unjoni tfittex li tippromwovi, tiżviluppa u tikkonsolida l-prinċipji tad-demokrazija, l-ugwaljanza, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt li hija mibnija fuqhom, permezz ta' djalogu u kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi.

2.   Sabiex jissaħħaħ l-impatt tal-assistenza tal-Unjoni, għandu jiġi segwit approċċ differenzjat u flessibbli, fejn adatt, fit-tfassil tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi b'kont meħud tal-kuntest ekonomiku, soċjali u dak politiku tagħhom, kif ukoll tal-interessi speċifiċi, il-prijoritajiet tal-politika u l-istrateġiji tal-Unjoni.

3.   L-Unjoni għandha tippromwovi approċċ multilaterali koerenti lejn l-isfidi globali u għandha trawwem il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet u l-korpi internazzjonali jew reġjonali, inklużi l-istituzzjonijiet finanzjarji, l-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, il-fondi u l-programmi, u donaturi bilaterali oħra.

4.   Fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u fil-formulazzjoni tal-politika, l-ippjanar u l-ipprogrammar strateġiku u l-miżuri ta' implimentazzjoni, l-Unjoni għandha jkollha l-għan li tiżgura l-koerenza u l-konsistenza ma' oqsma oħra tal-azzjoni esterna tagħha, b'mod partikolari l-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ma' linji ta' politika rilevanti oħra tal-Unjoni.

5.   Il-miżuri ffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu bbażati, fejn adatt, fuq il-linji ta' politika dwar il-kooperazzjoni mniżżla fi strumenti, bħal ftehimiet, dikjarazzjonijiet u pjani ta' azzjoni, maqbula bejn l-Unjoni u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kkonċernati jew bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi u r-reġjuni kkonċernati.

Il-miżuri ffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandhom ikopru wkoll oqsma marbuta mal-promozzjoni tal-interessi speċifiċi, il-prijoritajiet ta' politika u l-istrateġiji tal-Unjoni.

6.   L-appoġġ tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament għandu jiġi implimentat f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 236/2014.

Artikolu 4

Programmar u allokazzjoni indikattiva tal-fondi

1.   Il-programmi indikattivi pluriennali (PIP) għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.

2.   Il-programmi indikattivi pluriennali għandhom jistabbilixxu l-interessi u l-prijoritajiet strateġiċi u/jew reċiproċi tal-Unjoni, l-objettivi speċifiċi u r-riżultati mistennija. Għall-pajjiżi jew ir-reġjuni li għalihom ikun ġie stabbilit dokument ta' qafas konġunt, li jistabbilixxi strateġija komprensiva tal-Unjoni, il-programmi indikattivi pluriennali għandhom ikunu bbażati fuq dak id-dokument.

3.   Il-programmi indikattivi pluriennali għandhom jistabbilixxu wkoll l-oqsma ta' prijorità magħżula għall-finanzjament mill-Unjoni u għandhom jiddeskrivu l-allokazzjoni indikattiva tal-fondi, f'termini ġenerali, għal kull qasam prijoritarju u għal kull pajjiż sieħeb jew grupp ta' pajjiżi sħab għall-perijodu kkonċernat, inkluża l-parteċipazzjoni f'attivitajiet globali. Dawk l-ammonti jistgħu, fejn adatt, jiġu espressi fil-forma ta' firxa.

4.   Il-programmi indikattivi pluriennali jistgħu jipprovdu ammont ta' fondi, li ma jaqbżux il-5 % tal-ammont totali, li mhuwiex allokat għal qasam ta' prijorità jew għal pajjiż jew grupp ta' pajjiżi sħab. Dawk il-fondi għandhom jiġu assenjati f'konformità mal-Artikolu 2(2), (3) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.

5.   Il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 tista' tiġi applikata bil-għan li jiġu modifikati l-programmi indikattivi pluriennali għal raġunijiet ta' urġenza imperattivi debitament ġustifikati.

6.   Sabiex tikseb l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni tista' tieħu kont tal-prossimità ġeografika tar-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni u l-pajjiżi u t-territorji barranin fil-kooperazzjoni tal-Unjoni ma' pajjiżi terzi.

7.   Kwalunkwe programmar jew rieżami ta' programmi li jsir wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta' analiżi ta' nofs it-terminu msemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 (ir-rapport ta' analiżi ta' nofs it-terminu') għandu jieħu kont tar-riżultati, is-sejbiet u l-konklużjonijiet ta' dak ir-rapport.

Artikolu 5

Prijoritajiet tematiċi

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 6 biex temenda l-prijoritajiet tematiċi li għandhom jiġu segwiti mill-assistenza tal-Unjoni skont dan ir-Regolament, kif stabbiliti fl-Anness għal dan ir-Regolament. B'mod partikolari, wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta' analiżi ta' nofs it-terminu, u abbażi tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu f'dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tadotta att iddelegat li jemenda l-Anness għal dan ir-Regolament sal-31 ta' Marzu 2018.

Artikolu 6

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa li tadotta atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 5 hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta atti ddelegati imsemmija fl-Artikolu 5 għandha tingħata lill-Kummissjoni għall-perijodu ta' validità ta' dan ir-Regolament.

3.   Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 5 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija għandha tieħu effett fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Malli tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

5.   Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 5 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn lil huma infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 7

Kumitat

Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn Kumitat għall-Istrument ta' Sħubija. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 8

Pakkett finanzjarju

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-perijodu 2014-2020 għandu jkun EUR 954 765 000.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

2.   Skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) sabiex tiġi promossa d-dimensjoni internazzjonali tal-edukazzjoni għolja, ammont indikattiv ta' EUR 1 680 000 000 mill-istrumenti differenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna, (l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-Istrument Ewropew ta' Viċinat, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), u l-Istrument ta' Sħubija) għandhom jiġu allokati għal azzjonijiet fir-rigward tal-mobbiltà tat-tagħlim lejn jew mill-pajjiżi sħab fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013, u għall-kooperazzjoni u d-djalogu ta' politika mal-awtoritajiet, l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet minn dawk il-pajjiżi. Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 għandu japplika għall-użu ta' dak il-fondi.

Il-finanzjament għandu jkun disponibbli permezz ta' żewġ allokazzjonijiet pluriennali li jkopru l-ewwel erba' snin u t-tliet snin li jkun baqa' rispettivament. L-allokazzjoni ta' dak il-finanzjament għandu jkun rifless fl-ipprogrammar indikattiv pluriennali previst f'dan ir-Regolament, f'konformità mal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet identifikati tal-pajjiżi kkonċernati. L-allokazzjonijiet jistgħu jiġu riveduti fil-każ ta' ċirkostanzi importanti mhux previsti jew bidliet politiċi importanti f'konformità mal-prijoritajiet tal-azzjoni esterna tal-UE.

3.   L-azzjonijiet fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 għandhom jiġu ffinanzjati mill-Istrument ta' Sħubija biss dment li ma jkunux eliġibbli għal finanzjament taħt strumenti oħrajn għall-finanzjament tal-azzjoni esterna, u jikkumplementaw jew isaħħu inizjattivi oħra taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

Dan ir-Regolament għandu japplika f'konformità mad-Deċiżjoni 2010/427/UE.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 391, 18.12.2012, p. 110.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014.

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli (ĠU L 405, 30.12.2006, p. 41).

(4)  Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41).

(5)  Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perijodu 2014-2020 (ara l-paġna 44 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(7)  Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna (ara l-paġna 95 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(8)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(9)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(10)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(11)  Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, 1720/2006/KE u 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).

(12)  Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew ta' Viċinat (ara l-paġna 27 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(13)  Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II)(ara l-paġna 11 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

PRIJORITAJIET TEMATIĊI TAĦT L-ISTRUMENT TA' SĦUBIJA: QAFAS ĠENERALI GĦALL-IPPROGRAMMAR

1.   Objettiv stabbilit fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2):

L-appoġġ għall-istrateġiji ta' sħubija għall-kooperazzjoni bilaterali, reġjonali u interreġjonali tal-Unjoni billi jiġi promoss id-djalogu politiku u billi jiġu żviluppati approċċi u reazzjonijiet kollettivi għall-isfidi ta' tħassib globali.

L-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija u Kooperazzjoni, il-pjani ta' azzjoni u strumenti bilaterali simili;

L-approfondiment tad-djalogu politiku u ekonomiku ma' pajjiżi terzi ta' rilevanza partikolari fl-affarijiet dinjija, inkluż fil-politika barranija;

L-appoġġ tal-impenn mal-pajjiżi terzi rilevanti rigward kwistjonijiet bilaterali u globali ta' tħassib komuni;

Il-promozzjoni ta' segwitu xieraq jew implimentazzjoni kkoordinata tal-konklużjonijiet ta' fora internazzjonali bħall-G-20.

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-isfidi globali li tindirizza b'mod partikolari t-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija u l-ħarsien tal-ambjent.

L-istimulazzjoni tal-isforzi f'pajjiżi sħab għat-tnaqqis l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, b'mod partikolari bil-promozzjoni u l-appoġġ għal standards regolatorji u ta' prestazzjoni adegwati;

L-għoti ta' spinta lill-ekoloġizzazzjoni tal-produzzjoni u l-kummerċ;

L-iżvilupp tal-kooperazzjoni fl-enerġija;

Il-promozzjoni ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli u sostenibbli.

2.   Objettiv stabbilit fil-punt (b) tal-Artikolu 1(2):

L-implimentazzjoni tad-dimensjoni internazzjonali tal-“Ewropa 2020”, li tgħaqqad it-tliet pilastri: ekonomiku, soċjali u ambjentali:

It-tisħiħ tad-djalogu ta' politika u kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi rilevanti, billi jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-oqsma kollha fl-ambitu tal-“Ewropa 2020”;

Il-promozzjoni tal-politiki interni tal-Unjoni ma' pajjiżi sħab ewlenin u l-appoġġ għall-konverġenza regolatorja f'dan ir-rigward.

3.   Objettiv stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2):

Il-faċilitazzjoni u l-appoġġ ta' relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali ma' pajjiżi sħab:

Il-promozzjoni ta' ambjent sigur għall-investiment u l-kummerċ, inkluż il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-indirizzar tal-ostakoli għall-aċċess għas-suq, kooperazzjoni regolatorja msaħħa u l-promozzjoni ta' opportunitajiet għall-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni, speċjalment f'oqsma li fihom l-Unjoni għandha vantaġġ kompetittiv, u l-istandards internazzjonali;

L-appoġġ tan-negozjar, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' ftehimiet ta' kummerċ u investiment li l-Unjoni hija parti għalihom.

4.   Objettiv stabbilit fil-punt (d) tal-Artikolu 1(2):

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-edukazzjoni għolja: it-tisħiħ tal-mobilità tal-istudenti u tal-persunal akkademiku, li jwassal għall-ħolqien ta' sħubijiet bil-għan li jtejbu l-kwalità tal-edukazzjoni għolja u ta' lawrji konġunti li jwasslu għar-rikonoxximent akkademiku (Il-“Programm Erasmus +”);

It-tisħiħ ta' għarfien mifrux tal-Unjoni u l-ħolqien ta' profil ogħla għaliha: il-promozzjoni tal-valuri u l-interessi tal-Unjoni f'pajjiżi sħab permezz ta' diplomazija pubblika msaħħa u attivitajiet ta' komunikazzjoni li jappoġġaw l-objettivi tal-istrument.


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar id-djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew (1)

Fuq il-bażi tal-Artikolu 14 tat-TUE, il-Kummissjoni Ewropea se twettaq djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew qabel l-ipprogrammar tar-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u wara konsultazzjoni inizjali tal-benefiċjarji rilevanti tiegħu, fejn xieraq. Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta lill-Parlament Ewropew id-dokumenti rilevanti disponibbli dwar l-ipprogrammar b'allokazzjonijiet indikattivi previsti għal kull pajjiż/reġjun, u, f'pajjiż/reġjun, il-prijoritajiet, ir-riżultati possibbli u l-allokazzjonijiet indikattivi previsti għal kull prijorità għall-programmi ġeografiċi, kif ukoll l-għażla ta' modalitajiet ta' assistenza (*). Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta lill-Parlament Ewropew id-dokumenti rilevanti disponibbli dwar l-ipprogrammar bi prijoritajiet tematiċi, riżultati possibbli, l-għażla ta' modalitajiet ta' assistenza (*), u l-allokazzjonijiet finanzjarji għal tali prijoritajiet previsti fil-programmi tematiċi. Il-Kummissjoni Ewropea se tqis il-pożizzjoni espressa mill-Parlament Ewropew dwar il-kwistjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea se twettaq djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew fit-tħejjija tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu u qabel kwalunkwe reviżjoni sostanzjali tad-dokumenti ta' programmar matul il-perjodu ta' validità ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni Ewropea, jekk tiġi mistiedna mill-Parlament Ewropew, se tispjega fejn l-osservazzjonijiet tal-Parlament Ewropew tqiesu fid-dokumenti ta' programmar u kull segwitu għad-djalogu strateġiku.


(1)  Il-Kummissjoni Ewropea se tkun irrappreżentata fil-livell tal-Kummissarju responsabbli

(*)  Fejn huwa applikabbli.


Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew dwar is-sospensjoni tal-assistenza mogħtija taħt l-istrumenti finanzjarji

Il-Parlament Ewropewent jinnota li r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020, ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewopew ta' Viċinat, ir-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u r-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) ma fihom l-ebda referenza espliċita għall-possibbiltà li l-assitenza tiġi sospiża f'każijiet fejn pajjiż benefiċjarju jonqos milli josserva l-prinċipji bażiċi mtennija fl-istrument rispettiv u speċjalment il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijet tal-bniedem.

Il-Parlament Ewropew iqis li kull sospensjoni ta' assistenza taħt dawn l-istrumenti timmodifika l-iskema finanzjarja ġenerali miftiehma skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Bħala koleġiżlatur u fergħa msieħba tal-awtorità baġitarja, il-Parlament Ewropew huwa għalhekk intitolat li jeżerċita bis-sħiħ il-prerogattiva tiegħu f'dak ir-rigward, jekk ikollha tittieħed deċiżjoni bħal din.