27.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 57/24


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 187/2014

tas-26 ta’ Frar 2014

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva metjokarb

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u partikolarment l-Artikolu 21(3) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/5/KE (2) inkludiet fiha l-metjokarb bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, (3) bil-kundizzjoni li l-Istati Membri kkonċernati jiżguraw li n-notifikatur, li fuq talba tiegħu ġiet inkluża fl-Anness l-metjokarb, jipprovdi aktar informazzjoni konfermatorja dwar ir-riskju għall-għasafar, il-mammiferi u artropodi mhux fil-mira.

(2)

Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE huma meqjusa bħala approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4).

(3)

In-notifikatur issottometta l-informazzjoni addizzjonali f’forma ta’ studji sabiex tiġi kkonfermata l-valutazzjoni tar-riskju għall-għasafar, il-mammiferi u artropodi mhux fil-mira lill-Istat Membru relatur, ir-Renju Unit, fil-perjodu ta’ żmien previst għat-tressiq tagħha.

(4)

Ir-Renju Unit analizza l-informazzjoni addizzjonali mressqa min-notifikatur. Ippreżenta l-valutazzjoni tiegħu fil-forma ta’ addendum għall-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni, lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, minn hawn ‘il quddiem “l-Awtorità”, fil-5 ta’ April 2011.

(5)

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Awtorità li ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-metjokarb fl-1 ta’ Ġunju 2012 (5). L-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni, l-addendum u l-opinjoni tal-Awtorità ġew riveduti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ġie iffinalizzat fit-13 ta’ Diċembru 2013 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għall-metjokarb.

(6)

Fid-dawl tal-informazzjoni addizzjonali pprovduta min-notifikatur, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-informazzjoni addizzjonali ta’ konferma ma ġietx ipprovduta.

(7)

Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikatur biex jippreżenta l-kummenti tiegħu dwar ir-rapport tar-reviżjoni għall-metjokarb.

(8)

Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li ma jistax ikun eskluż riskju għoli għall-għasafar, il-mammiferi u artropodi mhux fil-mira, anke li kienu kellhom jiġu imposti aktar miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju.

(9)

Ġie kkonfermat li s-sustanza attiva metjokarb għandha titqies bħala approvata skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Sabiex jiġi evitat l-esponiment tal-għasafar, il-mammiferi u artropodi mhux fil-mira, madankollu, jixraq l-użi ta’ din is-sustanza attiva jiġu ristretti iktar u li l-użu tagħha bħala molluskiċida jiġi rtirat.

(10)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għandu għalhekk jigi emendat skont dan.

(11)

L-Istati Membri għandhom jingħataw iż-żmien biex jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metjokarb.

(12)

Għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metjokarb, meta l-Istati Membri jagħtu xi perjodu ta’ grazzja skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dan il-perjodu għandu jiskadi mhux aktar tard minn 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan irRegolament.

(13)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Miżuri tranżizzjonali

Fejn jinħtieġ, l-Istati Membri għandhom, b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metjokarb bħala sustanza attiva sad-19 ta’ Settembru 2014.

Artikolu 3

Perjodu ta’ grazzja

Kwalunkwe perjodu ta’ grazzja mogħti mill-Istati Membri b’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi sa mhux aktar tard mid-19 ta’ Settembru 2015.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Frar 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/5/KE tas-7 ta’ Frar 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE sabiex tinkludi captan, folpet, formetanate u methiocarb bħala sustanzi attivi (ĠU L 35, 8.2.2007, p. 11).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(5)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Il-konklużjoni dwar ir-reviżjoni bejn il-pari dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċida tad-dejta konfirmatorja ppreżentata għas-sustanza attiva metjokarb. EFSA Journal 2012;10(6):2758. [14 pp.]. doi:10.2903/j.efsa.2012.2758. Jinsab onlajn: www.efsa.europa.eu/efsajournal.htm


ANNESS

Il-kolonna “Dispożizzjonijiet speċifiċi” tar-ringiela 148, il-metjokarb, tal-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 tinbidel b’dan li ġej:

“PARTI A

L-użi bħala repellent fit-trattament taż-żrieragħ u bħala insettiċida jistgħu jiġu awtorizzati.

PARTI B

Waqt il-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metjokarb għall-użi għajr dak tat-trattament taż-żrieragħ tal-qamħirrum, l-Istati Membri għandhom joqogħdu partikolarment attenti għall-kriterji fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, u għandhom jiżguraw li tiġi pprovduta kull dejta jew informazzjoni meħtieġa qabel ma tingħata awtorizzazzjoni bħal din.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-metjokarb, b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fid-29 ta’ Settembru 2006.

F’din il-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri għandhom joqogħdu partikolarment attenti għal dan li ġej:

il-protezzjoni tal-għasafar, il-mammiferi u artropodi mhux fil-mira, filwaqt li jkun żgurat li l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni jinkludu miżuri tal-mitigazzjoni tar-riskju, fejn xieraq;

is-sikurezza tal-operaturi u l-persuni fil-viċin, filwaqt li jkun żgurat li l-kundizzjonijiet tal-użu jippreskrivu l-applikazzjoni ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali xieraq;

l-espożizzjoni djetetika tal-konsumaturi.”