28.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/25


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 70/2014

tas-27 ta’ Jannar 2014

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1178/2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 7(6), 8(5), u 10(5) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 (2) jistipula regoli ddettaljati għal ċerti liċenzji tal-bdoti u għall-konverżjoni tal-liċenzji u ċ-ċertifikati nazzjonali kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni tal-liċenzji minn pajjiżi terzi. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 jinkludi dispożizzjonijiet dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ taħriġ approvati u ta’ operaturi ta’ apparat ta’ taħriġ ta’ simulazzjoni tat-titjir użat għat-taħriġ, għall-ittestjar u għall-ivverifikar tal-bdoti.

(2)

L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 li jittratta “airworthiness” ġie estiż sabiex jinkludi l-elementi ta’ evalwazzjoni tal-adegwatezza operattiva fir-regoli ta’ implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tat-tip.

(3)

L-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (l-“Aġenzija”) sabet li kien meħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 (3) sabiex ikun possibbli għall-Aenzija li tapprova d-dejta tal-adegwatezza operattiva bħala parti mill-proċess taċ-ċertifikazzjoni tat-tip.

(4)

Id-dejta tal-adegwatezza operattiva għandha tinkludi l-elementi mandatorji tat-taħriġ tal-ekwipaġġ tat-titjira għat-taħriġ tal-klassifikazzjoni tat-tip. Dawk l-elementi għandhom ikunu l-bażi għall-iżvilupp ta’ korsijiet ta’ taħriġ tat-tip.

(5)

Ir-rekwiżiti relatati mal-istabbiliment ta’ korsijiet ta’ taħriġ tal-ekwipaġġ tat-titjira tal-klassifikazzjoni tat-tip jirreferu għad-dejta tal-adegwatezza operattiva, iżda fejn id-dejta tal-adegwatezza operattiva mhijiex disponibbli għandu jkun hemm dispożizzjoni ġenerali kif ukoll miżuri ta’ tranżizzjoni.

(6)

L-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni ħejjiet abbozz ta’ regoli ta’ implimentazzjoni u ressqithom bħala opinjoni (4) lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(7)

Għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 għandu jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

Jiddaħħal dan l-Artikolu 9a:

“Artikolu 9a

It-taħriġ tal-klassifikazzjoni tat-tip u d-dejta tal-adegwatezza operattiva

1.   Fejn l-Annessi ta’ dan ir-Regolament jagħmlu referenza għad-dejta tal-adegwatezza operattiva stabbilita f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 748/2012, u dik id-dejta ma tkunx disponibbli għall-inġenji tal-ajru tat-tip rilevanti, l-applikant għal kors ta’ taħriġ tal-klassifikazzjoni tat-tip għandu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Annessi tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 biss.

2.   Il-korsijiet tat-taħriġ tal-klassifikazzjoni tat-tip approvati qabel l-approvazzjoni tas-sillabu minimu tat-taħriġ tal-klassifikazzjoni tat-tip ta’ bdoti fid-dejta tal-adegwatezza operattiva għat-tip rilevanti ta’ inġenji tal-ajru f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 748/2012 għandhom jinkludu l-elementi mandatorji tat-taħriġ mhux aktar tard mit-18 ta’ Diċembru 2017, jew fi żmien sentejn wara li d-dejta tal-adegwatezza operattiva ġiet approvata, skont liema minnhom taħbat l-aħħar.”.

(2)

L-Anness VII (PARTI-ORA) huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Jannar 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1.

(3)  ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1.

(4)  Opinjoni Nru 07/2011 tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tat-13 ta’ Diċembru 2011, disponibbli fuq http://easa.europa.eu/agency-measures/opinions.php


ANNESS

L-Anness VII (PARTI-ORA) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-punt ORA.GEN.160, il-punt (b) jinbidel b’dan li ġej:

“(b)

Bla ħsara għall-paragrafu (a), l-organizzazzjoni għandha tirrapporta lill-awtorità kompetenti u lill-organizzazzjoni responsabbli għad-disinn tal-inġenju tal-ajru dwar kwalunkwe inċident, ħsara teknika, difett tekniku, qbiż tal-limiti tekniċi jew okkorrenza li tista’ turi informazzjoni mhux korretta, mhix kompluta jew ambigwa inkluża fid-dejta tal-adegwatezza operattiva stabbilita skont ir-Regolament tal-Kummissjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 (*), jew dwar kwalunkwe ċirkostanza irregolari oħra li tkun ipperikolat, jew li setgħet tipperikola, it-tħaddim sikur tal-inġenju tal-ajru iżda li ma tkunx wasslet għal aċċident jew inċident serju.

(*)  ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1.”."

(2)

Il-Punt ORA.ATO.145 jinbidel b’dan li ġej:

ORA.ATO.145   Prerekwiżiti għat-taħriġ

(a)

L-ATO għandha tiżgura li l-istudenti jissodisfaw il-prerekwiżiti kollha għat-taħriġ stabbiliti fil-Parti-Medika, fil-Parti-FCL, u, jekk ikun applikabbli, kif definit fil-parti mandatorja tad-dejta tal-adegwatezza operattiva stabbilita skont ir-Regolament (UE) Nru 748/2012.

(b)

Fil-każ tal-ATOs li jipprovdu taħriġ ta’ titjir bi prova, l-istudenti għandhom jilħqu l-prerekwiżiti kollha għat-taħriġ stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 748/2012.”;

(3)

Fil-punt ORA.FSTD.210(a), il-punt 2 jinbidel b’dan li ġej:

“(2)

id-dejta dwar il-validazzjoni tal-inġenju tal-ajru, iddefinita minn parti mandatorja fid-dejta tal-adegwatezza operattiva skont kif approvata fir-Regolament (UE) Nru 748/2012, jekk applikabbli; u”.