31.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 311/32


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2014/101/UE

tat-30 ta' Ottubru 2014

li temenda d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20(1) tagħha,

Billi:

(1)

Il-kwalità u l-komparabilità tal-metodi użati għall-monitoraġġ ta' parametri ta' tip iġġenerati taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri biex iwettqu monitoraġġ ekoloġiku tal-ilma skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/60/KE għandhom jiġu żgurati.

(2)

Is-Sezzjoni 1.3.6 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE tesiġi li l-metodi użati għall-monitoraġġ ta' parametri ta' tip iridu jaqblu mal-istandards internazzjonali elenkati hemmhekk jew ċerti standards nazzjonali jew internazzjonali oħra li jiżguraw id-dispożizzjoni ta' data ta' tqabbil u kwalità xjentifika ekwivalenti. L-istandards internazzjonali elenkati fl-Anness V kienu dawk disponibbli fiż-żmien tal-adozzjoni ta' dik id-Direttiva.

(3)

Wara l-pubblikazzjoni tad-Direttiva 2000/60/KE, għadd ta' standards ġodda ġew ippubblikati mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), xi wħud minnhom b'mod konġunt mal-Organizzazzjoni tal-Istandards Internazzjonali li jindirizzaw it-teħid ta' kampjuni bijoloġiċi, ta' fitoplankton, makrofiti u fitobentos, l-invertebrati bentiċi, il-ħut u karatteristiċi idromorfoloġiċi. Dawk l-istandards għandhom jiżdiedu mas-Sezzjoni 1.3.6 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE.

(4)

Bħala riżultat tal-proċess kontinwu tal-iżvilupp ta' standards ġodda u tal-aġġornament ta' dawk eżistenti, xi wħud mill-istandards elenkati fis-Sezzjoni 1.3.6 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE ma għadhomx jiġu ppubblikati mill-Entitajiet Membri tas-CEN u għalhekk għandhom jitneħħew.

(5)

Tnejn mill-istandards (EN ISO 8689-1:1999 u EN ISO 8689-2:1999 9) elenkati fis-Sezzjoni 1.3.6 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE kienu jindirizzaw il-klassifikazzjoni bijoloġika u mhux il-monitoraġġ; sussegwentement tqiesu waqt l-iżvilupp tal-protokolli għall-iffissar tal-limiti tal-klassifikazzjoni tal-Istrateġija Komuni għall-Implimentazzjoni marbuta mad-Direttiva, u issa jistgħu jitneħħew.

(6)

Id-Direttiva 2000/60/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2000/60/KE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE huwa emendat skont l-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mill-20 ta' Mejju 2016. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati mit-tali referenza mal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.


ANNESS

Fl-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE, is-Sezzjoni 1.3.6 hija sostitwita b'dan li ġej:

“1.3.6.   Standards għall-monitoraġġ ta' elementi ta' kwalità

Il-metodi użati għall-monitoraġġ ta' parametri ta' tip iridu jaqblu mal-istandards internazzjonali elenkati hawn taħt sakemm ikopru l-monitoraġġ jew tali ċerti standards nazzjonali jew internazzjonali oħra li jiżguraw id-dispożizzjoni ta' dejta ta' tqabbil u ta' kwalità xjentifika ekwivalenti.

Standards għall-monitoraġġ ta' elementi ta' kwalità bijoloġika

Il-metodi ġeneriċi għall-użu mal-metodi speċifiċi mogħtija fl-istandards dwar l-elementi ta' kwalità bijoloġika li ġejjin:

EN ISO 5667-3:2012

Il-kwalità tal-ilma — It-teħid ta' kampjuni — Parti 3: Il-preservazzjoni u t-trattament ta' kampjuni

Standards għal fitoplankton

EN 15204:2006

Il-kwalità tal-ilma — L-istandard gwida dwar l-enumerazzjoni ta' fitoplankton bl-użu tal-mikroskopija bil-maqlub (teknika Utermöhl)

EN 15972:2011

Il-kwalità tal-ilma — Il-gwida għall-investigazzjonijiet kwantitattivi u kwalitattivi tal-fitoplankton tal-baħar

ISO 10260:1992

Il-kwalità tal-ilma — Il-kejl ta' parametri bijoloġiċi –Id-determinazzjoni spettrometrika tal-konċentrazzjoni ta' klorofill-a

Standards għal makrofiti u fitobentos

EN 15460:2007

Il-kwalità tal-ilma — L-istandard gwida għall-istħarriġ tal-makrofiti fil-lagi

EN 14184:2014

Il-kwalità tal-ilma — Il-gwida għall-istħarriġ tal-makrofiti akkwatiċi fl-ilma ġieri

EN 15708:2009

Il-kwalità tal-ilma — L-istandard gwida għall-istħarriġ, it-teħid ta' kampjuni u l-analiżi laboratorja tal-fitobentos fl-ilma ġieri baxx

EN 13946:2014

Il-kwalità tal-ilma — Il-gwida għat-teħid ta' kampjuni u l-preparazzjoni bħala rutina tad-dijatomi bentiċi mix-xmajjar u mil-lagi

EN 14407:2014

Il-kwalità tal-ilma — Il-gwida għall-identifikazzjoni u l-enumerazzjoni tal-kampjuni tad-dijatomi bentiċi mix-xmajjar u mil-lagi

Standards għal invertibri bentiċi

EN ISO 10870:2012

Il-kwalità tal-ilma — Il-gwida għall-għażla tal-metodi u l-apparat għat-teħid ta' kampjuni għal makroinvertibri bentiċi fl-ilma ħelu

EN 15196:2006

Il-kwalità tal-ilma — Il-gwida dwar it-teħid ta' kampjuni u l-ipproċessar ta' pupal exuviae ta' Kironomidae (l-Ordni Diptera) għal valutazzjoni ekoloġika

EN 16150:2012

Il-kwalità tal-ilma — Il-gwida għat-teħid ta' kampjuni pro rata minn bosta Ħabitats (Multi-Habitat) ta' makroinvertibri bentiċi minn xmajjar li wieħed jista' jaqsam bil-mixi

EN ISO 19493:2007

Il-kwalità tal-ilma — Il-gwida għall-istħarriġ bijoloġiku tal-baħar ta' komunitajiet tal-blat sottostrat (hard-substrate)

EN ISO 16665:2013

Il-kwalità tal-ilma — Il-linji gwida għat-teħid kwantitattiv ta' kampjuni u l-ipproċessar ta' kampjuni ta' makrofawna tal-qiegħ sedimentarju (soft-bottom)

Standards għal ħut

EN 14962:2006

Il-kwalità tal-ilma — Il-gwida dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-għażla tal-metodi għat-teħid ta' kampjuni ta' ħut

EN 14011:2003

Il-kwalità tal-ilma — It-teħid ta' kampjuni ta' ħut bl-elettriku

EN 15910:2014

Il-kwalità tal-ilma — Il-gwida dwar l-evalwazzjoni tal-abbondanza tal-ħut bil-metodi idroakustiċi mobbli

EN 14757:2005

Il-kwalità tal-ilma — It-teħid ta' kampjuni ta' ħut bl-għeżula tat-tisqif b'ħafna malji

Standars għal parametri idromorfoloġiċi

EN 14614:2004

Il-kwalità tal-ilma — L-istandard gwida għall-valutazzjoni tal-karatteristiċi idromorfoloġiċi tax-xmajjar

EN 16039:2011

Il-kwalità tal-ilma — L-istandard gwida għall-valutazzjoni tal-karatteristiċi idromorfoloġiċi tal-lagi

Standards għal parametri fiżikokimiċi

Kull standard CEN/OIS relevanti”