15.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 330/1


DIRETTIVA 2014/95/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta' Ottubru 2014

li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 50(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fil-Komunikazzjoni tagħha bit-titolu “l-Att dwar is-Suq Uniku Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja, ‘Flimkien għal tkabbir ġdid’”, adottata fit-13 ta' April 2011, il-Kummissjoni identifikat il-bżonn li żżid sal-istess livell għoli tul l-Istati Membri kollha t-trasparenza tal-informazzjoni soċjali u ambjentali pprovduta minn impriżi fis-setturi kollha. Dan huwa konsistenti għall-aħħar mal-possibilità li l-Istati Membri jirrikjedu, jekk ikun xieraq, titjib ulterjuri tat-trasparenza ta' informazzjoni mhux finanzjarja tal-impriżi, li, min-natura stess tagħha, hija sforz kontinwu.

(2)

Il-bżonn li titjieb id-divulgazzjoni tal-informazzjoni ambjentali u soċjali min-naħa tal-impriżi, billi tiġi ppreżenta proposta leġiżlattiva f'dan il-qasam, kienet imtennija fil-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija rinnovata tal-UE għall-2011–14 għar-Responsabilità Soċjali Korporattiva” adottata fil-25 ta' Ottubru 2011.

(3)

Fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 dwar, rispettivament, “ir-Responsabilità soċjali korporattiva: imġiba kummerċjali responsabbli u trasparenti u tkabbir sostenibbli” u “Ir-Responsabilità soċjali korporattiva: il-promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u rotta lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv” il-Parlament Ewropew għaraf l-importanza li n-negozji jiddivulgaw informazzjoni dwar is-sostenibblità bħal fatturi soċjali u ambjentali, bil-għan li jiġu identifikati r-riskji għas-sostenibbiltà u tiżdied il-fiduċja bejn l-investitur u l-konsumatur. Tabilħaqq, id-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja hija essenzjali għall-ġestjoni tat-tibdil lejn ekonomija globali sostenibbli, billi tikkombina l-profitabilità fuq terminu twil mal-ġustizzja soċjali u l-ħarsien tal-ambjent. F'dan il-kuntest, id-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja tgħin biex il-prestazzjoni tal-impriżi u l-impatt tagħhom fuq is-soċjetà jitkejlu, jiġu mmoniterjati u mmaniġġjati. Għaldaqstant, il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar id-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja mill-impriżi li tippermetti flessibilità kbira ta' azzjoni, sabiex titqies in-natura multidimensjonali tar-responsabilità soċjali korporattiva (CSR) u d-diversità tal-politiki dwar is-CSR implimentati min-negozji, akkumpanjata minn livell suffiċjenti ta' kumparabilità biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-investituri u ta' partijiet interessati oħra kif ukoll il-ħtieġa li l-konsumaturi jingħataw aċċess faċli għall-informazzjoni dwar l-impatt tan-negozji fuq is-soċjetà.

(4)

Il-koordinazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja fir-rigward ta' ċerti impriżi kbar hija ta' importanza għall-interessi tal-impriżi, l-azzjonisti u partijiet interessati oħra lkoll. Il-koordinazzjoni hija meħtieġa f'dawk l-oqsma peress li l-biċċa l-kbira ta' dawk l-impriżi joperaw f'aktar minn Stat Membru wieħed.

(5)

Huwa wkoll meħtieġ li jiġi stabbilit ċertu rekwiżit ġuridiku minimu fir-rigward tal-ammont ta' informazzjoni li għandha tkun disponibbli għall-pubbliku u għall-awtoritajiet mill-impriżi madwar l-Unjoni. L-impriżi suġġetti għal din id-Direttiva għandhom jagħtu stampa ġusta u komprensiva tal-politiki, l-eżiti, u r-riskji tagħhom.

(6)

Sabiex jissaħħu l-konsistenza u l-komparabbiltà ta' informazzjoni mhux finanzjarja divulgata madwar l-Unjoni, ċerti impriżi kbar għandhom iħejju dikjarazzjoni mhux finanzjarja li jkun fiha informazzjoni relatata tal-anqas ma' kwistjonijiet ambjentali, kwistjonijiet soċjali u relatati mal-ħaddiema, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, u kwistjonijiet kontra l-korruzzjoni u t-tixħim. Din id-dikjarazzjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tal-politiki, l-eżiti, u r-riskji relatati ma' dawk il-kwistjonijiet u għandha tkun inkluża fir-rapport tal-ġestjoni tal-impriża kkonċernata. Id-dikjarazzjoni mhux finanzjarja għandha tinkludi wkoll informazzjoni dwar il-proċessi tad-diliġenza dovuta implimentati mill-impriża, anki, meta jkun rilevanti u proporzjonat, fir-rigward tal-ktajjen ta' forniment u ta' subkuntrattar tagħha, sabiex l-impatti negattivi eżistenti u potenzjali jiġu identifikati, ipprevenuti u mrażżna. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeżentaw lill-impriżi li huma soġġetti għal din id-Direttiva mill-obbligu li jħejju dikjarazzjoni mhux finanzjarja meta jingħata rapport separat li jikkorrispondi għall-istess sena finanzjarja u li jkopri l-istess kontenut.

(7)

Meta l-intraprizi jkunu meħtieġa jħejju dikjarazzjoni mhux finanzjarja, dik id-dikjarazzjoni għandu jkun fiha, fir-rigward ta' kwistjonijiet ambjentali, dettalji dwar l-impatti attwali u prevedibbli tal-operazzjonijiet tal-impriża fuq l-ambjent, u, jekk ikun il-każ, dwar is-saħħa u s-sikurezza, l-użu tal-enerġija rinnovabbli u/jew mhux rinnovabbli, l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, l-użu tal-ilma u t-tniġġis tal-arja. Fir-rigward ta' kwistjonijiet soċjali u dawk relatati mal-ħaddiema, l-informazzjoni provduta fid-dikjarazzjoni tista' tirrigwarda l-azzjonijiet meħuda biex jiggarantixxu l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, id-djalogu soċjali, ir-rispett tad-dritt tal-ħaddiema li jkunu mgħarrfa u kkonsultati, ir-rispett għad-drittijiet tat-trejdjunjins, is-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol u d-djalogu mal-komunitajiet lokali, u/jew l-azzjonijiet meħuda biex jiżguraw il-ħarsien u l-iżvilupp ta' dawk il-komunitajiet. Fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tixħim, id-dikjarazzjoni mhux finanzjarja tista' tinkludi informazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u/jew dwar l-instrumenti fis-seħħ biex jiġu miġġielda l-korruzzjoni u t-tixħim.

(8)

L-impriżi li huma soġġetti għal din id-Direttiva għandhom jipprovdu informazzjoni adegwata fir-rigward ta' kwistjonijiet li juru ċar li huma l-aktar li jistgħu jwasslu għall-materjalizzazzjoni tar-riskji prinċipali ta' impatti severi, flimkien ma' dawk li diġà mmaterjalizzaw. Is-severità ta' tali impatti għandha titkejjel skont l-iskala u l-gravità tagħhom. Ir-riskji ta' impatt negattiv jistgħu jirriżultaw mill-attività tal-impriża nnifisha jew inkella jistgħu jkunu marbuta mal-operazzjonijiet tagħha, u fejn ikun rilevanti u proporzjonat, mal-prodotti, is-servizzi jew ir-rabtiet ta' negozju tagħha, inkluż ma' ktajjen ta' forniment jew ta' sottokuntratturi. Dan m'għandux iwassal għal piżijiet amministrattivi addizzjonali għal impriżi żgħar u ta' daqs medju.

(9)

Biex jipprovdu din l-informazzjoni, l-impriżi li huma soġġetti għal din id-Direttiva jistgħu jiddependu fuq oqfsa nazzjonali, oqfsa bbażati fl-Unjoni bħall-Iskema ta' Ġestjoni u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS), jew oqfsa internazzjonali bħall-Impatt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), il-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem li jimplimentaw il-Qafas tan-NU “Ipproteġi, Irrispetta u Rrimedja”, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD), il-Linji Gwida għal Impriżi Multinazzjonali, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni ISO 26000, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-prinċipji li jikkonċernaw l-impriżi multinazzjonali u l-politika soċjali, l-Inizjattiva Globali ta' Rappurtar, jew oqfsa internazzjonali rikonoxxuti oħrajn.

(10)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi adegwati u effettivi sabiex tiġi żgurata d-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja mill-impriżi b'konformità ma' din id-Direttiva. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ proċeduri nazzjonali effettivi biex tiġi infurzata l-konformità mal-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva, u li dawn il-proċeduri jkunu disponibbli għall-persuni u l-entitajiet ġuridiċi kollha li jkollhom interess leġittimu, b'konformità mal-liġi nazzjonali, biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jiġu rrispettati.

(11)

Il-Paragrafu 47 tad-dokument tal-eżitu tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti Rio +20, intitolat “Il-Futur li Rridu”, jirrikonoxxi l-importanza ta' rappurtar korporattiv dwar is-sostenibbiltà u jinkorġġixxi lill-impriżi, fejn xieraq, biex jikkunsidraw l-integrazzjoni ta' informazzjoni sostenibbli fiċ-ċiklu ta' rappurtar tagħhom. Huwa jinkoraġġixxi wkoll lill-industrija, lill-gvernijiet interessati u lill-partijiet interessati rilevanti, bl-appoġġ tas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, kif xieraq, biex jiżviluppaw mudelli tal-aħjar prattika u jiffaċilitaw l-azzjoni għall-integrazzjoni tal-informazzjoni finanzjarja u mhux finanzjarja billi jitqiesu l-esperjenzi minn oqfsa diġà eżistenti.

(12)

L-aċċess tal-investituri għall-informazzjoni mhux finanzjarja huwa pass fid-direzzjoni tad-dħul fis-seħħ sal-2020 ta' inċentivi tas-suq u tal-politika li jippremjaw l-investimenti tan-negozji fl-effiċjenza, skont il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi.

(13)

Il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu, tal-24 u l-25 ta' Marzu 2011 talab li jitnaqqas il-piż regolatorju kumplessiv, partikolarment għall-impriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (“SMEs”), fuq livell Ewropew u nazzjonali u ssuġġerixxa miżuri biex tiżdied il-produttività, filwaqt li l-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv għandha l-għan li ttejjeb l-ambjent tan-negozju għall-SMEs u li tippromwovi l-internazzjonalizzazzjoni tagħhom. Għalhekk, skont il-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”, ir-rekwiżiti l-ġodda ta' divulgazzjoni għandhom japplikaw biss għal ċerti impriżi kbar u gruppi.

(14)

L-ambitu ta' dawk ir-rekwiżiti ta' divulgazzjoni mhux finanzjarji għandu jkun definit b'referenza għall-medja tal-għadd ta' impjegati, it-total tal-karta tal-bilanċ u l-fatturat nett. L-SMEs għandhom ikunu eżentati minn rekwiżiti addizzjonali, u l-obbligu li jiddivulgaw dikjarazzjoni mhux finanzjarja għandu japplika biss għal dawk l-impriżi l-kbar li jkunu entitajiet ta' interess pubbliku u għal dawk l-entitajiet ta' interess pubbliku li huma l-impriżi prinċipali ta' grupp kbir, li f'kull każ ikollhom għadd medju ta' impjegati li jaqbeż il-500, fil-każ ta' grupp fuq bażi konsolidata. Dan m'għandux jipprevjeni lill-Istati Membri milli jirrikjedu d-divulgazzjoni tal-informazzjoni mhux finanzjarja mill-impriżi u gruppi li mhumiex impriżi li jkunu soġġetti għal din id-Direttiva.

(15)

Bosta impriżi li jaqgħu fi ħdan l-ambitu tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) huma membri ta' gruppi ta' impriżi. Għandhom jitħejjew rapporti ta' ġestjoni kkonsolidati sabiex l-informazzjoni dwar dawn il-gruppi ta' impriżi tkun tista' tingħata lil membri u lil partijiet terzi. Id-dritt nazzjonali li jirregola r-rapporti ta' ġestjoni kkonsolidati għandu għalhekk jiġi kkoordinat sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' komparabbiltà u konsistenza tal-informazzjoni li l-impriżi għandhom jippubblikaw fl-Unjoni.

(16)

L-awdituri statutorji u d-ditti tal-awdituri għandhom jivverifikaw biss li tkun ġiet ippreżentata d-dikjarazzjoni mhux finanzjarja jew ir-rapport separat Barra minn hekk, għandu jkun possibbli wkoll li l-Istati Membri jirrikjedu li l-informazzjoni inkluża fid-dikjarazzjoni mhux finanzjarja jew fir-rapport separat tkun verifikata minn fornitur indipendenti ta' servizzi ta' assigurazzjoni.

(17)

Bil-għan li tiġi ffaċilitata d-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja minn impriżi, il-Kummissjoni għandha tħejji linji gwida mhux vinkolanti, inklużi indikaturi prinċipali tal-prestazzjoni mhux finanzjarji ġenerali u settorjali. Il-Kummissjoni għandha tqis l-aħjar prattiki attwali, l-iżviluppi internazzjonali u r-riżultati ta' inizjattivi relatati tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha twettaq konsultazzjonijiet xierqa inkluż mal-partijiet interessati rilevanti. Fir-rigward tal-aspetti ambjentali, il-Kummissjoni għandha tal-anqas tkopri l-użu tal-art, l-użu tal-ilma, l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u l-użu ta' materjali.

(18)

Id-diversità tal-kompetenzi u l-fehmiet tal-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji ta' impriżi tiffaċilita fehim tajjeb tal-organizzazzjoni u l-kwistjonijiet tan-negozju tal-impriża kkonċernata. Hija tippermetti lill-membri ta' dawk il-korpi biex jisfidaw b'mod kostruttiv id-deċiżjonijiet tal-maniġment u biex ikunu aktar miftuħa għal ideat innovattivi, li jindirizzaw is-similarità tal-fehmiet tal-membri, magħrufa wkoll bħala l-fenomenu “raġunar fi grupp”. Hija tikkontribwixxi għalhekk għas-sorveljanza effettiva tal-immaniġġjar u l-governanza b'suċċess tal-impriża. Għalhekk, huwa importanti li tittejjeb it-trasparenza rigward il-politika tad-diversità applikata. Din għandha tinforma lis-suq dwar prattiki ta' governanza korporattiva u għalhekk tpoġġi pressjoni indiretta fuq l-impriżi biex ikollhom bordijiet aktar diversifikati.

(19)

L-obbligu ta' divulgazzjoni tal-politiki fir-rigward tad-diversità għal korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji fir-rigward ta' aspetti bħalma huma, pereżempju, l-età, is-sess, jew l-isfond edukattiv u professjonali għandhom japplikaw biss għal ċerti impriżi kbar. Id-divulgazzjoni tal-politika dwar id-diversità għandha tkun parti mid-dikjarazzjoni ta' governanza korporattiva, kif stipulat fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/34/UE. Jekk ma tkun applikata l-ebda politika tad-diversità, m'għandu jkun hemm l-ebda obbligu li tiddaħħal waħda fis-seħħ, iżda d-dikjarazzjoni ta' governanza korporattiva għandha tinkludi spjega ċara għalfejn dan hu l-każ.

(20)

Ittieħdet nota tal-inizjattivi fil-livell tal-Unjoni, inkluż ir-rappurtar pajjiż b'pajjiż għal diversi setturi, kif ukoll ir-riferenzi magħmula mill-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tat-22 ta' Mejju 2013 u tad-19 u l-20 ta' Diċembru 2013, għar-rappurtar pajjiż b'pajjiż minn kumpaniji u gruppi kbar, dispożizzjonijiet simili fid-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u l-isforzi internazzjonali biex tittejjeb it-trasparenza fir-rappurtar finanzjarju. Fil-kuntest tal-G8 u tal-G20, l-OECD intalbet tfassal mudell standardizzat ta' rappurtar biex l-impriżi multinazzjonali jirrapportaw lill-awtoritajiet tat-taxxa dwar fejn jagħmlu l-profitti tagħhom u fejn iħallsu t-taxxa madwar id-dinja. Dawn l-iżviluppi jikkumplimentaw il-proposti f'din id-Direttiva, u huma miżuri adegwati għall-finijiet rispettivi tagħhom.

(21)

Peress li l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri li żżid ir-rilevanza, il-konsistenza u l-komparabbiltà ta' informazzjoni divulgata minn ċerti impriżi u gruppi kbar fl-Unjoni, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda pjuttost jista', minħabba l-impatt tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv.

(22)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż il-libertà li wieħed ikollu negozju, ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali. Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata f'konformità ma' dawk id-drittijiet u prinċipji.

(23)

Id-Direttiva 2013/34/UE għandha għalhekk tiġi emendata konsegwentement,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2013/34/UE

Id-Direttiva 2013/34/UE hija emendata kif ġej:

(1)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 19a

Dikjarazzjoni mhux finanzjarja

1.   L-impriżi kbar li huma entitajiet ta' interess pubbliku li fid-dati tal-karta tal-bilanċ tagħhom jaqbżu l-kriterju tal-għadd medju ta' 500 impjegat matul is-sena finanzjarja għandhom jinkludu fir-rapport ta' ġestjoni dikjarazzjoni mhux finanzjarja li jkun fiha informazzjoni sa fejn ikun meħtieġ għall-fehim tal-iżvilupp, il-prestazzjoni u l-pożizzjoni tal-impriża u tal-impatt tal-attività tagħha, relatata tal-anqas ma' kwistjonijiet ambjentali, soċjali u tal-impjegati, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, kwistjonijiet kontra l-korruzzjoni u t-tixħim, inklużi:

(a)

deskrizzjoni qasira tal-mudell tan-negozju tal-impriża;

(b)

deskrizzjoni tal-politiki segwiti mill-impriża fir-rigward ta' dawk il-kwistjonijiet, inklużi l-proċessi ta' diliġenza dovuta implimentati;

(c)

l-eżitu ta' dawk il-politiki;

(d)

ir-riskji prinċipali relatati ma' dawk il-kwistjonijiet marbuta mal-operazzjonijiet tal-impriża inklużi, fejn ikun rilevanti u proporzjonat, ir-relazzjonijiet kummerċjali, il-prodotti jew is-servizzi tagħha li x'aktarx jikkawżaw impatti negattivi fuq dawk l-oqsma, u kif l-impriża timmaniġġja dawk ir-riskji;

(e)

indikaturi prinċipali tal-prestazzjoni ta' natura mhux finanzjarja rilevanti għan-negozju partikolari.

Meta l-impriża ma ssegwix politiki fir-rigward ta' waħda jew aktar minn dawk il-kwistjonijiet, id-dikjarazzjoni mhux finanzjarja għandha tipprovdi spjegazzjoni ċara u motivata għaliex ma tagħmilx dan.

Id-dikjarazzjoni mhux finanzjarja msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha, fejn xieraq, tinkludi referenzi għall-ammonti rrappurtati fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, u spjegazzjonijiet addizzjonali dwarhom.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li titħalla barra informazzjoni relatata ma' żviluppi imminenti jew kwistjonijiet li jkunu qed jiġu nnegozjati f'każijiet straordinarji meta, fil-fehma debitament ġustifikata tal-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji, li jaġixxu fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilhom mil-liġi nazzjonali u li jkollhom responsabilità kollettiva għal dik l-opinjoni, id-divulgazzjoni ta' tali informazzjoni tippreġudika serjament il-pożizzjoni kummerċjali tal-impriża, sakemm tali ommissjoni ma tipprevenix fehim ġust u bbilanċjat tal-iżvilupp, il-prestazzjoni u l-pożizzjoni tal-impriża u tal-impatt tal-attività tagħha.

Meta jeħtieġu l-iżvelar tal-informazzjonimsemmija fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-impriżi jistgħu jimxu fuq oqfsa nazzjonali, ibbażati fl-Unjoni jew internazzjonali u, jekk jagħmlu hekk, l-impriżi għandhom jispeċifikaw fuq liema oqfsa mxew.

2.   Impriżi li jissodisfaw l-obbligi stipulati fil-paragrafu 1 għandhom jitqiesu li ssodisfaw l-obbligu relatat mal-analiżi tal-informazzjoni mhux finanzjarja stipulat fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(1).

3.   Impriża, li tkun impriża sussidjarja, għandha tiġi eżentata mill-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1, jekk dik l-impriża u l-impriżi sussidjarji tagħha jkunu inklużi fir-rapport ta' ġestjoni kkonsolidat jew ir-rapport separat ta' impriża oħra, imfassal skont l-Artikolu 29 u dan l-Artikolu.

4.   Meta impriża tħejji rapport separat li jikkorrispondi għall-istess sena finanzjarja irrispettivament minn jekk tibbażax ruħha jew le fuq oqfsa nazzjonali, ibbażati fl-Unjoni jew internazzjonali u li jkopri l-informazzjoni meħtieġa għad-dikjarazzjoni mhux finanzjarja prevista fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw lil dik l-impriża mill-obbligu li tħejji d-dikjarazzjoni mhux finanzjarja stabbilita fil-paragrafu 1, sakemm tali rapport separat:

(a)

jiġi ppubblikat flimkien mar-rapport ta' ġestjoni b'konformità mal-Artikolu 30; jew

(b)

ikun pubblikament disponibbli f'perjodu ta' żmien raġonevoli, li ma jaqbiżx sitt xhur wara d-data tal-karta tal-bilanċ, fuq il-websajt tal-impriża, u jkun hemm referenza għaliha fir-rapport ta' ġestjoni.

Il-paragrafu 2 għandu japplika mutatis mutandis għal impriżi li qed iħejju rapport separat kif imsemmi fil-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jivverifikaw jekk ikunx ġew ipprovduti d-dikjarazzjoni mhux finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1 jew ir-rapport separat imsemmi fil-paragrafu 4.

6.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-informazzjoni fid-dikjarazzjoni mhux finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1 jew fir-rapport separat imsemmi fil-paragrafu 4 jiġu vverifikati minn fornitur indipendenti ta' servizzi ta' assigurazzjoni.”

.

(2)

L-Artikolu 20 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt li ġej:

“(g)

deskrizzjoni tal-politika dwar id-diversità applikata fir-rigward tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji tal-impriża fir-rigward ta' aspetti bħalma huma, pereżempju, l-età, is-sess, jew l-isfond edukattiv u professjonali, l-għanijiet ta' dik il-politika dwar id-diversità, kif ġiet implimentata u r-riżultati fil-perjodu tar-rappurtar. Jekk ma tiġi applikata l-ebda tali politika, id-dikjarazzjoni għandha tinkludi spjegazzjoni dwar għalfejn dan hu l-każ.”

:

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   L-awditur statutorju jew id-ditta tal-verifika għandhom jesprimu opinjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) rigward l-informazzjoni ppreparata skont il-punti (c) u (d) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u għandhom jivverifikaw li tkun ġiet ipprovduta l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b), (e), (f) u (g) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.”

;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-impriżi msemmija fil-paragrafu 1 li jkunu ħarġu biss titoli li mhumiex ishma ammessi għan-negozjar f'suq regolat fis-sens tal-punt (14) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE mill-applikazzjoni tal-punti (a), (b), (e), (f) u (g) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, sakemm dawn l-impriżi ma jkunux ħarġu ishma li jkunu nnegozjati f'faċilità multilaterali tan-negozjar fis-sens tal-punt (15) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE.”

;

(d)

għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Minkejja l-Artikolu 40, il-punt (g) tal-paragrafu 1 m'għandux japplika għal impriżi żgħar u ta' daqs medju.”

.

(3)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 29a

Dikjarazzjoni mhux finanzjarja kkonsolidata

1.   L-entitajiet ta' interess pubbliku li huma kumpaniji prinċipali ta' grupp kbir li fid-dati tal-karta tal-bilanċ, fuq bażi kkonsolidata, jaqbeż il-kriterju tal-għadd medju ta' 500 impjegat matul is-sena finanzjarja għandhom jinkludu fir-rapport ta' ġestjoni kkonsolidat dikjarazzjoni mhux finanzjarja kkonsolidata li jkun fiha informazzjoni sa fejn ikun meħtieġ għall-fehim tal-iżvilupp, il-prestazzjoni u l-pożizzjoni tal-grupp u tal-impatt tal-attività tiegħu, relatata tal-anqas ma' kwistjonijiet ambjentali, soċjali u tal-impjegati, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, kwistjonijiet kontra l-korruzzjoni u t-tixħim, inklużi:

(a)

deskrizzjoni qasira tal-mudell tan-negozju tal-grupp;

(b)

deskrizzjoni tal-politiki segwiti mill-grupp fir-rigward ta' dawk il-kwistjonijiet, inklużi l-proċessi ta' dileġenza dovuta implimentati;

(c)

l-eżitu ta' dawk il-politiki;

(d)

ir-riskji prinċipali relatati ma' dawk il-kwistjonijiet marbuta mal-operazzjonijiet tal-grupp inklużi, fejn ikun rilevanti u proporzjonat, ir-relazzjonijiet kummerċjali, il-prodotti jew is-servizzi tiegħu li x'aktarx jikkawżaw impatti negattivi fuq dawk l-oqsma, u kif il-grupp jimmaniġġja dawk ir-riskji;

(e)

l-indikaturi prinċipali tal-prestazzjoni mhux finanzjarji relevanti għan-negozju partikolari.

Meta l-grupp ma jsegwix politiki fir-rigward ta' waħda jew aktar minn dawk il-kwistjonijiet, id-dikjarazzjoni mhux finanzjarja kkonsolidata għandha tipprovdi spjegazzjoni ċara u motivata għaliex ma jagħmilx dan.

Id-dikjarazzjoni mhux finanzjarja kkonsolidata imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandha, fejn xieraq, tinkludi referenzi għall-ammonti rrappurtati fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati, u spjegazzjonijiet addizzjonali dwarhom.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li titħalla barra informazzjoni relatata ma' żviluppi imminenti jew kwistjonijiet li jkunu qed jiġu nnegozjati f'każijiet straordinarji meta, fil-fehma debitament ġustifikata tal-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji, li jaġixxu fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilhom mil-liġi nazzjonali u li jkollhom responsabilità kollettiva għal dik l-opinjoni, id-divulgazzjoni ta' tali informazzjoni tippreġudika serjament il-pożizzjoni kummerċjali tal-grupp, sakemm tali ommissjoni ma tipprevenix fehim ġust u bbilanċjat tal-iżvilupp, il-prestazzjoni u l-pożizzjoni tal-grupp u tal-impatt tal-attività tiegħu.

Meta jeħtieġu l-iżvelar tal-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-impriża prinċipali tista' timxi fuq oqfsa nazzjonali, ibbażati fl-Unjoni jew internazzjonali u, jekk tagħmel hekk, l-impriża prinċipali għandha tispeċifika fuq liema oqfsa mxiet.

2.   Impriża prinċipali li tissodisfa l-obbligi stipulati fil-paragrafu 1 għandha titqies li tissodisfa l-obbligu relatat mal-analiżi tal-informazzjoni mhux finanzjarja stipulat fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(1) u fl-Artikolu 29.

3.   Impriża prinċipali li hija wkoll impriża sussidjarja għandha tkun eżentata mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 1, jekk dik l-impriża prinċipali eżentata u s-sussidjarji tagħha huma inklużi fir-rapport ta' ġestjoni kkonsolidat jew fir-rapport separat ta' impriża oħra mfassal skont l-Artikolu 29 u dan l-Artikolu.

4.   Meta impriża prinċipali tħejji rapport separat li jikkorrispondi għall-istess sena finanzjarja, li jirreferi għall-grupp kollu, irrispettivament jekk tużax oqfsa nazzjonali, ibbażati fl-Unjoni jew internazzjonali u li jkopri l-informazzjoni meħtieġa għad-dikjarazzjoni mhux finanzjarja kkonsolidata kif previst fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw lil dik l-impriża prinċipali mill-obbligu li tħejji d-dikjarazzjoni mhux finanzjarja kkonsolidata stabbilita fil-paragrafu 1, sakemm tali rapport separat:

(a)

jiġi ppubblikat flimkien mar-rapport ta' ġestjoni kkonsolidat b'konformità mal-Artikolu 30; jew

(b)

ikun pubblikament disponibbli f'perjodu ta' żmien raġonevoli, li m'għandux jaqbeż is-sitt xhur wara d-data tal-karta tal-bilanċ, fuq il-websajt tal-impriża prinċipali, u jkun hemm referenza għaliha fir-rapport ta' ġestjoni kkonsolidat.

Il-paragrafu 2 għandu japplika mutatis mutandis għal impriżi li qed iħejju rapport separat kif imsemmi fil-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jivverifikaw jekk ikunx ġew ipprovduti d-dikjarazzjoni mhux finanzjarja kkonsolidata msemmija fil-paragrafu 1 jew ir-rapport separat imsemmi fil-paragrafu 4.

6.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-informazzjoni fid-dikjarazzjoni mhux finanzjarja kkonsolidata msemmija fil-paragrafu 1 jew fir-rapport separat imsemmi fil-paragrafu 4 jiġu vverifikati minn fornitur indipendenti ta' servizzi ta' assigurazzjoni.”

.

(4)

Fl-Artikolu 33, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-korpi amministrattivi, ta' tmexxija u ta' sorveljanza ta' impriża, waqt li jaġixxu fil-limiti tal-kompetenzi assenjati lilhom mil-liġi nazzjonali, ikollhom ir-responsabbiltà kollettiva li jiżguraw li:

(a)

id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, ir-rapport ta' ġestjoni, id-dikjarazzjoni ta' governanza korporattiva, meta dawn jiġu pprovduti separatament, u r-rapport imsemmi fl-Artikolu 19a(4); u

(b)

id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati, ir-rapport ta' ġestjoni kkonsolidat, id-dikjarazzjoni ta' governanza korporattiva kkonsolidata, meta dawn jiġu pprovduti separatament, u r-rapport imsemmi fl-Artikolu 29a(4),

jitħejjew u jiġu ppubblikati b'konformità mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva u, fejn applikabbli, mal-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà adottati skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002.”

.

(5)

Fl-Artikolu 34, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Dan l-Artikolu m'għandux japplika għad-dikjarazzjoni mhux finanzjarja msemmija fl-Artikolu 19a(1) u d-dikjarazzjoni mhux finanzjarja kkonsolidata msemmija fl-Artikolu 29a(1) jew ir-rapporti separati msemmija fl-Artikoli 19a(4) u 29a(4).”

.

(6)

Fl-Artikolu 48, il-paragrafu li ġej għandu jiddaħħal qabel l-aħħar paragrafu:

“Ir-rapport għandu jikkunsidra wkoll, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi fl-OECD u r-riżultati ta' inizjattivi Ewropej relatati, il-possibilità li jiġi introdott obbligu li jirrikjedi li l-impriżi kbar jipproduċu fuq bażi annwali, rapport pajjiż b'pajjiż għal kull Stat Membru u pajjiż terz li joperaw fih, li, bħala minimu, ikun fih informazzjoni dwar il-profitti magħmula, it-taxxi mħallsa fuq il-profitti u s-sussidji pubbliċi riċevuti.”

.

Artikolu 2

Gwida dwar ir-rapportar

Il-Kummissjoni għandha tħejji linji gwida mhux vinkolanti dwar il-metodoloġija għar-rapportar tal-informazzjoni mhux finanzjarja, inklużi indikaturi prinċipali tal-prestazzjoni ta' natura mhux finanzjarja, li jkunu ġenerali u settorjali, bl-għan li tiffaċilita d-divulgazzjoni relevanti, utli u komparabbli ta' informazzjoni mhux finanzjarja minn impriżi. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-partijiet interessati relevanti.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-linji gwida sa sas-6 ta' Diċembru 2016.

Artikolu 3

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, inklużi, fost aspetti oħra, il-kamp ta' applikazzjoni tagħha, b'mod partikolari fir-rigward ta' impriżi kbar mhux kwotati fil-Borża, l-effettività tagħha u l-livell ta' gwida u metodi pprovduti. Ir-rapport għandu jiġi ppubblikat sa sas-6 ta' Diċembru 2018, u għandu jkun akkumpanjat, jekk dan ikun xieraq, minn proposti leġiżlattivi.

Artikolu 4

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa sas-6 ta' Diċembru 2016. Huma għandhom jinfurmaw il-Kummissjoni minnufih.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu li d-dispożizzjonijiet li hemm referenza għalihom fl-ewwel subparagrafu japplikaw għall-impriżi kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 1 għas-sena finanzjarja li tibda fl-1 ta' Jannar 2017, jew matul is-sena finanzjarja 2017.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażżjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta' Ottubru 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

B. DELLA VEDOVA


(1)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 47.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2014 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Settembru 2014.

(3)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(4)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).