2.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 194/10


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2014/85/UE

tal-1 ta' Lulju 2014

li temenda d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liċenzji tas-sewqan

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar il-liċenzji tas-sewqan (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

Billi:

(1)

Fl-Unjoni sar titjib sinifikanti fis-sikurezza fil-mini, inkluż permezz tad-Direttiva 2004/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Sabiex tiġi żgurata l-effettività ta' dan it-titjib, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li s-sewwieqa jkunu jafu u jifhmu l-prinċipji ta' sewqan sigur fil-mini u jistgħu japplikawhom bl-imġiba tagħhom fit-traffiku. Ir-rekwiżiti teoretiċi u prattiċi tat-test fid-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE (3) għalhekk ġew emendati skont dan mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/65/KE (4) u l-istess dawk fid-Direttiva 2006/126/KE imfassla mill-ġdid.

(2)

Sa mill-adozzjoni tad-Direttiva 2006/126/KE, sar progress fl-għarfien xjentifiku dwar il-kundizzjonijiet mediċi li jaffettwaw kemm wieħed ikun f'qagħda tajba biex isuq, partikolarment fir-rigward tal-estimi kemm tar-riskji assoċjati għas-sikurezza fit-toroq u kemm tal-effettività ta' x'inhu jsir biex jiġu evitati dawn ir-riskji. Reċentement ħareġ għadd ġmielu ta' studji u riċerki li lkoll jikkonfermaw li s-sindrome ta' apnea ostruttiva waqt l-irqad huwa wieħed mill-ogħla fatturi ta' riskju ta' inċidenti ta' vetturi bil-mutur. Għalhekk din il-kundizzjoni ma għandhiex tibqa' tiġi injorata fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-liċenzja tas-sewqan tal-Unjoni.

(3)

Id-Direttiva 2006/126/KE għalhekk għandha tiġi emendata sabiex tadatta l-Anness III għall-progress xjentifiku u tekniku.

(4)

Wara li ġie emendat bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2012/36/UE, l-Anness II tad-Direttiva 2006/126/KE instabu xi żbalji editorjali. (5) Dawn għandhom jiġu kkorreġuti.

(5)

B'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2011 dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (6), l-Istati Membri refgħu r-responsabbiltà li, f'każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew iktar li jispjega(w) ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali.

(6)

Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-liċenzji tas-sewqan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Annessi II u III tad-Direttiva Nru 2006/126/KE huma emendati skont l-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2015, il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu f'konformità ma' din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-31 ta' Diċembru 2015.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir referenza bħal din.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

F'isem il-President

Siim KALLAS

Il-Viċi President


(1)  ĠU L 403, 30.12.2006, p. 18.

(2)  Id-Direttiva 2004/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-ħtiġiet minimi tas-sigurtà għall-mini fin-Network Trans-Ewropew tat-Toroq (ĠU L 167, 30.4.2004, p. 39).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE tad-29 ta' Lulju 1991 dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU L 237, 24.8.1991, p. 1);

(4)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/65/KE tas-27 ta' Ġunju 2008 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU L 168, 28.6.2008, p. 36).

(5)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2012/36/UE tad-19 ta' Novembru 2012 li temenda d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU L 321, 20.11.2012, p. 54).

(6)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ANNESS

1.

L-Anness II tad-Direttiva 2006/126/KE huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 2.1.3 jinbidel b'dan li ġej:

“2.1.3

It-triq:

l-aktar prinċipji importanti rigward l-osservanza tad-distanza prudenti bejn il-vetturi, id-distanzi għall-ibbrejkjar u roadholding taħt diversi kondizzjonijiet tat-temp u tat-toroq,

il-fatturi tar-riskju fis-sewqan relatati ma' diversi kondizzjonijiet tat-toroq, partikolarment kif jinbidlu skont it-temp u l-ħin tal-ġurnata jew tal-lejl,

il-karatteristiċi ta' diversi tipi ta' toroq u r-rekwiżiti statutorji relatati magħhom,

is-sewqan sikur f'mini stradali;”;

(b)

il-punt 5.1.3 jinbidel b'dan li ġej:

“5.1.3.

Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar vetturi tal-kategorija C, CE, D u DE

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma tiġi rreġistrata l-ebda restrizzjoni fuq vetturi bi trasmissjoni awtomatika fuq il-liċenzja tas-sewqan ta' vettura tal-kategorija C, CE, D jew DE msemmija fil-punt 5.1.2, meta l-applikant ikun diġà detentur ta' liċenzja tas-sewqan maħruġa fuq vettura bi trasmissjoni manwali f'ta' mill-inqas waħda mill-kategoriji li ġejjin: B, BE, C, CE, C1, C1E, D, D1 jew D1E, u jkun wettaq l-azzjonijiet deskritti fil-punt 8.4 matul it-test ta' ħiliet u ta' mġiba.”;

(c)

il-punt 6.3.8 jinbidel b'dan li ġej:

“6.3.8.

Il-fatturi speċjali tat-toroq (jekk ikun hemm): roundabouts; railway level crossings; waqfiet tat-tramm/tax-xarabank; pedestrian crossings; is-sewqan f'niżliet jew telgħat twal; mini;”;

(d)

il-punt 7.4.8 jinbidel b'dan li ġej:

“7.4.8.

Il-fatturi speċjali tat-toroq (jekk ikun hemm): ir-roundabouts; ir-railway level crossings; il-waqfiet tat-tramm/tax-xarabank; il-pedestrian crossings; is-sewqan f'niżliet jew telgħat twal; il-mini;”;

(e)

il-punt 8.3.8 jinbidel b'dan li ġej:

“8.3.8.

Il-fatturi speċjali tat-toroq (jekk ikun hemm): ir-roundabouts; ir-railway level crossings; il-waqfiet tat-tramm/tax-xarabank; il-pedestrian crossings; is-sewqan f'niżliet jew telgħat twal; il-mini;”;

2.

Fl-Anness III tad-Direttiva 2006/126/KE, it-Taqsima 11 (IL-MARD NEWROLOĠIKU) għandha tinbidel b'dan li ġej:

“IL-MARD NEWROLOĠIKU U S-SINDROME TA' APNEA OSTRUTTIVA TAL-IRQAD

IL-MARD NEWROLOĠIKU

11.1.

Ma għandhomx jinħarġu jew jiġġeddu liċenzji tas-sewqan lill-applikanti jew lis-sewwieqa li jbatu minn mard serju newroloġiku, għajr jekk l-applikalizzjoni tkun appoġġjata minn opinjoni medika awtorizzata.

Id-disturbi newroloġiċi assoċjati ma' mard jew interventi kirurġiċi li jaffettwaw is-sistema nervuża ċentrali jew periferali, li jwasslu għal defiċjenzi sensorji jew motorili u li jaffettwaw il-bilanċ u l-koordinazzjoni, iridu jitqiesu kif jixraq fejn ikollhom x'jaqsmu mal-effetti funzjonali tagħhom u r-riskji tal-progressjoni. F'dawn il-każi, il-ħruġ jew it-tiġdid tal-liċenzja jistgħu jkunu soġġetti għal evalwazzjoni perjodika fil-każ tar-riskju ta' deterjorazzjoni.

IS-SINDROME TA' APNEA OSTRUTTIVA TAL-IRQAD

11.2.

Fil-paragrafi li ġejjin, sindrome moderat ta' apnea ostruttiva tal-irqad jikkorrispondi għal għadd ta' apnea u ipopnea fis-siegħa (l-Indiċi Apnea-Ipopnea) bejn il-15 u d-29 u sindrome sever ta' apnea ostruttiva tal-irqad jikkorrispondi għal Indiċi Apnea-Ipopnea ta' 30 jew aktar, it-tnejn assoċjati ma' ngħas eċċessiv binhar.

11.3.

Applikanti jew sewwieqa suspettati li għandhom sindrome moderat jew sever ta' apnea ostruttiva tal-irqad għandhom jingħataw parir mediku awtorizzat ulterjuri qabel mal-Liċenzja tas-Sewqan tinħareġ jew tiġġedded. Dawn jista' jingħataw il-parir biex ma jsuqux qabel il-konferma tad-dijanjożi.

11.4.

Il-liċenzji tas-sewqan jistgħu jinħarġu lill-applikanti jew lis-sewwieqa b'sindrome moderat jew sever ta' apnea ostruttiva tal-irqad li juri kontroll adegwat tal-kundizzjoni tagħhom u l-konformità ma' trattament xieraq u titjib fin-ngħas, jekk ikun hemm, ikkonfermat mill-opinjoni medika awtorizzata.

11.5.

Applikanti jew sewwieqa b'sindrome moderat jew sever ta' apnea ostruttiva tal-irqad taħt trattament għandhom ikunu suġġetti għal reviżjoni medika perjodika, f'intervalli li ma jaqbżux it-tliet snin għas-sewwieqa tal-Grupp 1 u sena għas-sewwieqa tal-Grupp 2, bil-għan li li jiġi stabbilit il-livell ta' konformità mat-trattament, il-ħtieġa li trattament jitkompla u viġilanza tajba fuq bażi kontinwa.”.