21.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 182/52


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2014/80/UE

tal-20 ta' Ġunju 2014

li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-ilma ta' taħt l-art kontra t-tniġġis u d-deterjorament

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-ilma ta' taħt l-art kontra t-tniġġis u d-deterjorament (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

Billi:

(1)

Abbażi tal-ewwel reviżjoni skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/118/KE, m'hemmx biżżejjed informazzjoni disponibbli biex jiġu stabbiliti standards tal-kwalità għall-ilma ta' taħt l-art fl-Anness I ta' dik id-Direttiva għal kwalunkwe sustanzi niġġiesa, iżda huma meħtieġa adattamenti tekniċi fl-Anness II ta' dik id-Direttiva skont l-Artikolu 8 tagħha.

(2)

Għandhom jiġu applikati prinċipji komuni għad-determinazzjoni tal-livelli ta' bażi sabiex tittejjeb il-komparabbiltà tal-valuri ta' limitu.

(3)

Hemm potenzjal sew li n-nitroġenu u l-fosforu li jinsabu fl-ilma ta' taħt l-art jippreżentaw riskju ta' ewtrofikazzjoni għall-ilmijiet tal-wiċċ assoċjati u għall-ekosistemi terrestri direttament dipendenti. Minbarra n-nitrati, li diġà huma inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 2006/118/KE, u l-ammonju, inkluż fl-Anness II ta' dik id-Direttiva, in-nitriti, bħala kontributur għan-nitroġenu totali u l-fosforu totali, jew bħala tali jew bħala fosfati, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll mill-Istati Membri meta jiġu biex jistabbilixxu l-valuri ta' limitu.

(4)

Għandha tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa li tinkiseb informazzjoni ġdida dwar sustanzi oħra li jippreżentaw riskju potenzjali u għandu jkun hemm rispons dwar din l-informazzjoni. Għaldaqstant, għandha tiġi stabbilita lista ta' sorveljanza għal sustanzi niġġiesa tal-ilma ta' taħt l-art skont Strateġija Komuni ta' Implimentazzjoni għad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) biex tiżdied id-disponibbiltà ta' dejta ta' monitoraġġ dwar sustanzi li huma ta' riskju jew ta' riskju potenzjali għal korpi tal-ilma ta' taħt l-art, u b'hekk tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta' sustanzi, inklużi sustanzi niġġiesa emerġenti, li għalihom għandhom jiġu stabbiliti standards tal-kwalità tal-ilma ta' taħt l-art jew valuri ta' limitu.

(5)

L-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar is-sustanzi niġġiesa u l-indikaturi li għalihom ġew stabbiliti valuri ta' limitu, b'mod partikolari fir-rigward tal-metodoloġiji relatati mal-valutazzjoni tal-istat kimiku tal-ilma ta' taħt l-art, urew li fl-ewwel pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar ma kinux suffiċjenti biex jippermettu fehim xieraq u tqabbil tar-riżultati. Ir-rekwiżiti rilevanti dwar l-informazzjoni li għandha tingħata għandhom jiġu ċċarati u kkumplimentati sabiex tkun żgurata t-trasparenza ta' dik il-valutazzjoni. L-informazzjoni mogħtija tista' tiffaċilita wkoll it-tqabbil tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-istatus kimiku madwar l-Istati Membri u tikkontribwixxi favur l-armonizzazzjoni tal-metodoloġiji potenzjali futuri sabiex jiġu stabbiliti valuri tal-limiti tal-ilma ta' taħt l-art.

(6)

Għaldaqstant, id-Direttiva 2006/118/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(7)

Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/118/KE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness II tad-Direttiva 2006/118/KE huwa emendat skont l-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir referenza bħal din.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 372, 27.12.2006, p. 19.

(2)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).


ANNESS

L-Anness II għad-Direttiva 2006/118/KE huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-Parti A, il-punt 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3)

kull fejn livelli ta' sfond għoljin ta' sustanzi jew joni jew l-indikaturi tagħhom jokkorru minħabba raġunijiet idroġeoloġiċi naturali, għandu jittieħed kont ta' dawk il-livelli ta' sfond fil-ġabra rilevanti tal-ilma ta' taħt l-art meta jkunu qed jiġu stabbiliti l-valuri ta' limitu. Meta jkunu qed jiġu deċiżi l-livelli ta' sfond, għandhom jiġu kkunsidrati l-prinċipji li ġejjin:

(a)

Id-determinazzjoni tal-livelli ta' sfond għandha tkun ibbażata fuq il-karatterizzazzjoni ta' ġabriet ta' ilma ta' taħt l-art skont l-Anness II tad-Direttiva 2000/60/KE u skont ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ilma ta' taħt l-art skont l-Anness V ta' dik id-Direttiva. L-istrateġija tal-monitoraġġ u l-interpretazzjoni tad-dejta għandhom iqisu l-fatt li l-kundizzjonijiet tal-fluss u l-kimika tal-ilma ta' taħt l-art ivarjaw lateralment u vertikalment;

(b)

Fejn hemm disponibbli biss dejta limitata dwar il-monitoraġġ tal-ilma ta' taħt l-art, għandha tinġabar aktar dejta u sadanittant fejn ikun xieraq il-livelli ta' sfond għandhom jiġu stabbiliti abbażi ta' dik id-dejta ta' monitoraġġ limitata, permezz ta' approċċ simplifikat bl-użu ta' subsett ta' kampjuni li għalihom l-indikaturi ma juru l-ebda influwenza ta' attività umana. Meta disponibbli, għandha tiġi kkunsidrata wkoll informazzjoni dwar trasferimenti u proċessi ġeokimiċi;

(c)

Fejn m'hemmx biżżejjed dejta ta' monitoraġġ għall-ilma ta' taħt l-art disponibbli u l-informazzjoni dwar trasferimenti u proċessi ġeokimiċi hija dgħajfa, għandha tinġabar aktar dejta u informazzjoni u sadanittant għandhom jiġu stmati l-livelli ta' sfond, fejn xieraq abbażi tar-riżultati ta' referenza tal-istatistika għall-istess tip ta' akwiferi f'żoni oħra li għandhom biżżejjed dejta ta' monitoraġġ.”

(2)

fil-punt 1 tal-Parti B, għandhom jiżdiedu dawn l-entrati li ġejjin:

“Nitriti

Fosforu (total)/Fosfati (*)

(*)  L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu valuri ta' limitu jew għall-fosforu (totali) jew għall-fosfati.”"

(3)

Il-parti C tinbidel b'dan li ġej:

“Parti C

L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni dwar is-sustanzi niġġiesa u l-indikaturi tagħhom li għalihom ikunu ġew stabbiliti il-valuri ta' limitu

Fil-pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar li għandhom ikunu sottomessi skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE, l-Istati Membri għandhom jinkludu informazzjoni dwar il-mod kif il-proċedura stabbilita fil-Parti A ta' dan l-Anness tkun ġiet segwita.

B'mod partikolari l-Istati Membri għandhom jipprovdu:

(a)

informazzjoni dwar kull ġabra jew grupp ta' ġabriet ta' ilma ta' taħt l-art li huma kkaratterizzati li qegħdin f'riskju, inklużi dawn li ġejjin:

(i)

id-daqs tal-ġabriet;

(ii)

kull sustanza niġġiesa jew indikatur tat-tniġġis li jikkaratterizza l-ġabriet ta' ilma ta' taħt l-art bħala f'riskju;

(iii)

l-għanijiet tal-kwalità tal-ambjent li magħhom huwa marbut ir-riskju, inklużi l-użi jew il-funzjonijiet attwali jew potenzjalment leġittimi tal-ġabra ta' ilma ta' taħt l-art, u r-relazzjoni bejn il-ġabriet ta' ilma ta' taħt l-art u l-ilmijiet tal-wiċċ assoċjati u ekosistemi terrestri direttament dipendenti;

(iv)

fil-każ ta' sustanzi li jokkorru b'mod naturali, il-livelli ta' sfond naturali fil-ġabriet ta' ilma ta' taħt l-art;

(v)

fejn il-valuri ta' limitu jkunu nqabżu, informazzjoni dwar dawn il-qabżiet.

(b)

il-valuri ta' limitu, kemm jekk japplikaw fil-livell nazzjonali, fil-livell tad-distrett tal-baċir tax-xmara jew fil-parti tad-distrett tal-baċir internazzjonali tax-xmara li taqa' fit-territorju tal-Istat Membru, kif ukoll fil-livell ta' ġabra jew grupp ta' ġabriet ta' ilma ta' taħt l-art;

(c)

ir-relazzjoni bejn il-valuri ta' limitu u kull waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

fil-każ ta' sustanzi li jokkorru b'mod naturali, il-livelli ta' sfond;

(ii)

l-ilmijiet tal-wiċċ assoċjati u ekosistemi terrestri direttament dipendenti;

(iii)

l-għanijet ta' kwalità ambjentali u standards oħra għall-protezzjoni tal-ilma li jeżistu fuq livell nazzjonali, tal-Unjoni jew dak internazzjonali;

(iv)

kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar it-tossikoloġija, l-ekotossikoloġija, il-persistenza, il-potenzjal ta' bijoakkumulazzjoni, u t-tendenza ta' dispersjoni tas-sustanzi niġġiesa.

(d)

il-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-livelli ta' sfond imsejsa fuq il-prinċipji stabbiliti fil-punt 3 tal-Parti A.

(e)

ir-raġunijiet li għalihom ma jkunx ġew stabbiliti valuri ta' limitu għal xi waħda mis-sustanzi niġġiesa u indikaturi identifikati fil-Parti B.

(f)

l-elementi ewlenin għall-valutazzjoni tal-istat kimiku tal-ilma ta' taħt l-art, inkluż il-livell, il-metodu u l-perjodu ta' aggregazzjoni tar-riżultati tal-monitoraġġ, id-definizzjoni tal-firxa aċċettabbli meta jinqabżu l-limiti, u l-metodu għall-kalkolu tagħha, skont l-Artikolu 4(2)(c)(i) u l-punt 3 tal-Anness III.

Fejn xi dejta li hemm referenza għaliha fil-punti minn (a) sa (f) ma tkunx inkluża fil-pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar, l-Istati Membri għandhom jipprovdu r-raġunijiet għal dan f'dawk il-pjanijiet.”