6.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 133/1


DIRETTIVA 2014/55/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' April 2014

dwar il-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1)

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Jeżistu diversi standards globali, nazzjonali, reġjonali u proprjetarji dwar il-fatturi elettroniċi u bħalissa dawn qed jintużaw fl-Istati Membri. L-ebda wieħed minn dawk l-istandards ma jipprevali, u l-biċċa l-kbira mhumiex interoperabbli ma' xulxin.

(2)

Fin-nuqqas ta' standard komuni, l-Istati Membri jiddeċiedu, huma u jippromwovu l-użu tal-fatturi elettroniċi fl-akkwist pubbliku jew meta jagħmlu l-użu tagħhom obbligatorju, li jiżviluppaw is-soluzzjonijiet tekniċi tagħhom stess ibbażati fuq standards nazzjonali separati. Għaldaqstant, l-għadd ta' standards differenti koeżistenti fl-Istati Membri kollha qed jiżdied u aktarx li ser ikompli jiżdied fil-futur.

(3)

Il-multipliċità ta' standards mhux interoperabbli tirriżulta f'kumplessità eċċessiva, f'inċertezza legali u fi spejjeż operazzjonali addizzjonali għall-operaturi ekonomiċi li jużaw fatturi elettroniċi fl-Istati Membri kollha. L-operaturi ekonomiċi li jkunu jixtiequ jwettqu attivitajiet ta' akkwist transkonfinali, spiss ikollhom jikkonformaw ma' standard ta' fatturazzjoni elettronika ġdid kull darba li jaċċessaw suq ġdid. Peress li dawn jiskoraġġixxu lill-operaturi ekonomiċi milli jwettqu attivitajiet ta' akkwist transkonfinali, ir-rekwiżiti legali u tekniċi diverġenti li jikkonċernaw il-fatturi elettroniċi jikkostitwixxu ostakoli għall-aċċess għas-suq fl-akkwist pubbliku transkonfinali, u ostakoli għall-kummerċ. Dawn jostakolaw il-libertajiet fundamentali u għalhekk għandhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern.

(4)

Dawn l-ostakoli għall-kummerċ ġewwa l-Unjoni aktarx li ser jiżdiedu fil-futur, minħabba li qed jiġu żviluppati aktar standards nazzjonali u proprjetarji mhux interoperabbli u minħabba li l-użu ta' fatturi elettroniċi fl-akkwist pubbliku qed isir aktar mifrux jew qed isir obbligatorju fl-Istati Membri.

(5)

L-ostakoli għall-kummerċ transkonfinali li jirriżultaw mill-koeżistenza ta' diversi rekwiżiti legali u standards tekniċi dwar il-fatturazzjoni elettronika u min-nuqqas ta' interoperabbiltà, għandhom jitneħħew jew jitnaqqsu. Sabiex jintlaħaq dak l-objettiv, għandu jiġi żviluppat standard komuni Ewropew għall-mudell semantiku tad-data tal-elementi prinċipali tal-fattura elettronika (l-“Istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika”). L-istandard għandu jistabbilixxi u jiddeskrivi l-elementi prinċipali li fattura elettronika għandu dejjem ikollha, b'hekk il-fatturi elettroniċi jkunu jistgħu jintbagħtu u jiġu rċevuti aktar faċilment minn sistemi li huma bbażati fuq standards tekniċi differenti. Dment li dawn ma joħolqux konflitt ma' dan l-istandard Ewropew, l-istandards tekniċi nazzjonali eżistenti la għandhom jiġu sostitwiti, u lanqas ma għandu l-użu tagħhom jiġi limitat, minn dan l-istandard, u għandu jibqa' jkun possibbli li jibqgħu jiġu applikati b'mod parallel mal-istandard Ewropew.

(6)

Billi tiżgura l-interoperabbiltà semantika u ttejjeb iċ-ċertezza legali, din id-Direttiva ser tippromwovi l-adozzjoni tal-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku, u b'hekk tippermetti lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet kontraenti, lill-entitajiet kontraenti u lill-operaturi ekonomiċi biex jiġġeneraw benefiċċji sinifikanti fir-rigward ta' ffrankar, impatt ambjentali, u ta' tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi.

(7)

Il-benefiċċji tal-fatturazzjoni elettronika huma mmassimizzati meta fattura tiġi ġġenerata, tintbagħat, trasmessa, riċevuta u pproċessata b'mod awtomatiku għalkollox. Għal din ir-raġuni huma biss il-fatturi, li jinqraw minn magni u li jistgħu jiġu pproċessati b'mod awtomatiku u diġitali minn min jirċiviha, li għandhom jitqiesu konformi mal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika. Fajl sempliċi b'immaġni ma għandux jitqies bħala fattura elettronika għall-finijiet ta' din id-Direttiva.

(8)

L-għan tal-interoperabbiltà huwa li tippermetti l-preżentazzjoni u l-ipproċessar tal-informazzjoni b'mod konsistenti bejn sistemi ta' negozju, tkun xi tkun it-teknoloġija, l-applikazzjoni jew il-pjattaforma tagħhom. L-interoperabbiltà sħiħa tinkludi l-abbiltà ta' interoperabblità fi tliet livelli distinti: f'termini ta' kontenut tal-fattura (semantika), il-format jew il-lingwa użata (sintassi), u l-metodu ta' trasmissjoni. L-interoperabbiltà semantika timplika li l-fattura elettronika fiha ċertu ammont ta' informazzjoni meħtieġa, u li t-tifsira preċiża tal-informazzjoni skambjata tkun miżmuma u mifhuma, b'mod mhux ambigwu, indipendentement mill-mod li bih tkun fiżikament rappreżentata jew trasmessa. L-interoperabbiltà sintattika timplika li l-elementi tad-data ta' fattura elettronika jkunu ppreżentati f'format li jistgħu jiġu skambjati direttament bejn min jibgħat u min jirċievi u jiġu pproċessati awtomatikament. L-interoperabbiltà sintattika tista' tiġi żgurata b'mod wieħed jew b'żewġ modi, jiġifieri permezz tal-użu ta' sintassi komuni jew permezz tal-korrispondenza bejn sintassijiet differenti.

(9)

Hemm għadd kbir ta' sintassijiet li jintużaw. B'mod dejjem aktar frekwenti, l-interoperabbiltà sintattika hija żgurata permezz tal-korrispondenza. Dan il-metodu huwa effettiv jekk il-fattura jkun fiha l-elementi kollha tad-data meħtieġa fil-livell semantiku u jekk it-tifsira tagħhom ma tkunx ambigwa. Peress li dak mhuwiex frekwentement il-każ, jeħtieġ azzjoni biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà f'livell semantiku. Sabiex ikompli jiġi ssimplifikat l-użu tal-fatturazzjoni elettronika u biex jitnaqqsu l-ispejjeż, wieħed mill-objettivi fit-tul għandu jkun li jiġi limitat l-għadd ta' sintassijiet użati, preferibbilment billi l-konċentrazzjoni tkun fuq dawk li jintużaw b'mod l-aktar komuni.

(10)

L-istandardizzazzjoni tal-fatturazzjoni elettronika tikkomplementa wkoll l-isforzi biex tiġi promossal-adozzjoni tal-akkwist elettroniku kif rifless fid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u d-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(11)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2012 u tal-24 ta' Ottubru 2013, il-Kunsill Ewropew iddikjara li għandha tingħata prijorità lill-miżuri mmirati biex ikomplu jiżviluppaw il-kummerċ elettroniku transkonfinali u l-modernizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, inkluż billi tiġi ffaċilitata t-transizzjoni lejn il-fatturazzjoni elettronika u permezz ta' implimentazzjoni rapida tiegħu.

(12)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2012, il-Parlament Ewropew iffoka fuq il-frammentazzjoni tas-suq li tirriżulta mir-regoli nazzjonali dwar il-fatturazzjoni elettronika, enfasizza l-benefiċċji sostanzjali li ġġib magħha l-fatturazzjoni elettronika, u saħaq dwar l-importanza taċ-ċertezza tad-dritt, l-ambjent tekniku ċar u s-soluzzjonijiet dwar il-fatturazzjoni elettronika miftuħa u interoperabbli, ibbażati fuq rekwiżiti legali, proċessi kummerċjali u standards tekniċi komuni. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Parlament Ewropew talab li l-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku ssir obbligatorja sas-sena 2016.

(13)

Il-Forum Ewropew Pluripartitiku dwar il-Fatturazzjoni Elettronika (e-invoicing), stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Novembru 2010 (6), adotta unanimament Rakkomandazzjoni dwar l-użu ta' mudell semantiku tad-data li jappoġġa l-interoperabbiltà għall-fatturazzjoni elettronika f'Ottubru 2013.

(14)

Din id-Direttiva għandha tapplika għall-fatturi elettroniċi li jkunu waslu għand l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti, u li jkunu nħarġu b'konsegwenza tal-eżekuzzjoni ta' kuntratti li għalihom tapplika d-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), id-Direttiva 2014/24/UE, jew id-Direttiva 2014/25/UE. Il-fatturi elettroniċi li għandhom jiġu koperti b'din id-Direttiva huma biss dawk maħruġa mill-operatur ekonomiku li lilu jkun ingħata kuntratt pubbliku jew kuntratt ta' konċessjoni (il-kuntrattur prinċipali). Madankollu, meta l-Istati Membri jagħmlu provvediment għal pagamenti diretti lis-sottokuntratturi, f'konformità mal-Artikolu 71 tad-Direttiva 2014/24/UE u l-Artikolu 88 tad-Direttiva 2014/25/UE, l-arranġamenti li għandhom jiġu ddeterminati fid-dokumenti tal-akkwist għandu jinkludi provvedimenti dwar jekk il-fatturazzjoni elettronika għandhiex tintuża jew le fir-rigward ta' pagamenti lis-sottokuntratturi. Għandu jiġi kkjarifikat li, meta jingħata kuntratt lil grupp ta' operaturi ekonomiċi, fil-fatt din id-Direttiva tapplika għall-fatturi elettroniċi maħruġa kemm mill-grupp kif ukoll mill-operaturi ekonomiċi individwali.

(15)

Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal kuntratti ta' konċessjoni li jinvolvu pagamenti jeħtieġu l-ħruġ ta' fatturi mill-operatur ekonomiku li ngħatalu l-kuntratt ta' konċessjoni. It-terminu “konċessjonijiet” huwa ddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/23/UE. Il-kuntratti ta' konċessjoni għandhom bħala oġġett l-akkwist ta' xogħlijiet jew servizzi permezz ta' konċessjoni, li l-konsiderazzjoni tagħhom tikkonsisti mid-dritt tal-isfruttament tax-xogħlijiet jew is-servizzi jew f'dak id-dritt flimkien ma' pagament. Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll fejn kuntratti ta' konċessjoni li jinvolvu pagamenti jirrikjedu li l-fatturi jinħarġu mill-operatur ekonomiku li lilu jkun ingħata kuntratt ta' konċessjoni.

(16)

Din id-Direttiva hija soġġetta għall-Artikolu 346 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Din id-Direttiva ma tapplikax għal fatturi elettroniċi maħruġa b'konsegwenza tat-twettiq ta' kuntratti (iddikjarati sigrieti jew li huma akkumpanjati minn miżuri ta' sigurtà speċjali) li huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2014/23/UE, id-Direttiva 2014/24/UE, u d-Direttiva 2014/25/UE skont l-Artikoli 10(6), 15(3) u 24(3) tagħha rispettivament. Taħt l-istess kondizzjonijiet, f'din id-Direttiva għandha tiġi prevista esklużjoni speċifika għal fatturi elettroniċi maħruġa b'konsegwenza tat-twettiq ta' tali kuntratti (iddikjarati sigrieti jew akkumpanjati minn miżuri ta' sigurtà speċjali), li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE.

(17)

Id-definizzjonijiet użati f'din id-Direttiva għandhom ikunu allinjati mal-leġiżlazzjoni l-oħra tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku.

(18)

Il-Kummissjoni għandha tapplika d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) biex titlob lill-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni rilevanti tabbozza standard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika. Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi tali talba hija soġġetta għall-proċedura ta' eżami msemmija fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(19)

L-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika għandu jkun ibbażat fuq l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi eżistenti żviluppati fil-qafas tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni bħas-CEN (CWA 16356-MUG u CWA 16562-CEN BII), u għandu jqis speċifikazzjonijiet tekniċi oħra rilevanti żviluppati fil-qafas tal-istandardizzazzjoni internazzjonali, bħall-UN/CEFACT (CII v. 2.0) u l-ISO (Fattura Finanzjarja bbażata fuq il-metodoloġija ISO 20022). Fit-twettiq tat-talba għall-istandardizzazzjoni, l-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni rilevanti għandha tqis ukoll ir-riżultati tal-Proġetti Pilota fuq Skala Kbira implimentati fil-qafas tal-Programm ta' Appoġġ għall-Politika tal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar il-fatturazzjoni elettronika ta' korpi u organizzazzjonijiet rilevanti oħra li jintużaw b'mod mifrux mill-komunità kummerċjali. L-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika għandu jkun kompatibbli wkoll mal-istandards eżistenti għall-pagamenti sabiex jippermetti l-ipproċessar awtomatiku tal-pagamenti.

(20)

Fit-talba tagħha lill-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni rilevanti, il-Kummissjoni għandha titlob li l-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika jkun teknoloġikament newtrali sabiex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni, li tkun kompatibbli mal-istandards internazzjonali rilevanti dwar il-fatturazzjoni elettronika sabiex jiġi evitat li fornituri minn pajjiżi terzi jiltaqgħu ma' ostakoli tekniċi għall-aċċess għas-suq u biex ikun aktar faċli li l-fornituri Ewropej jibagħtu fatturi elettroniċi lix-xerrejja f'pajjiżi terzi, u li jkun konformi mad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2006/112/KE (11). Billi l-fatturi elettroniċi jista' jkun fihom data personali, il-Kummissjoni għandha titlob ukoll li l-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika jieħu kont tal-protezzjoni tad-data personali, f'konformità mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data mid-disinn, il-proporzjonalità u l-mimimizzazzjoni tad-data. Minbarra dawk ir-rekwiżiti minimi, fit-talba tagħha lill-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni rilevanti, il-Kummissjoni għandha tiddetermina rekwiżiti oħrajn fir-rigward tal-kontenut tal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u skadenza għall-adozzjoni tiegħu.

(21)

Sabiex jiġi żgurat li anke l-impriżi żgħar u ta' daqs medju jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku, l-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika għandu jagħmilha possibbli li jiġu stabbiliti sistemi ta' fatturazzjoni elettronika faċli għall-utent, jiġifieri li jinftiehmu faċilment u jistgħu jintużaw faċilment. F'dan ir-rigward, għandu jitqies ukoll il-fatt li l-impriżi żgħar u ta' daqs medju, b'mod partikolari, kif ukoll awtoritajiet kontraenti u entitajiet kontraenti iżgħar għandhom għadd limitat ta' persunal u riżorsi finanzjarji limitati.

(22)

L-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika għandu jkun adatt ukoll għall-użu fi tranżazzjonijiet kummerċjali bejn l-intrapriżi. Għalhekk, sabiex l-operaturi ekonomiċi privati jkunu jistgħu jużaw l-istandard il-ġdid fil-kuntatti kummerċjali tagħhom ma' xulxin, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-istandard ma jiġix żviluppat b'mod li jkun adatt biss għall-użu fil-qasam tal-akkwist pubbliku.

(23)

Fatturi maħruġa f'setturi kummerċjali differenti jistgħu jirrikjedu l-inklużjoni ta' informazzjoni speċifika għal dawk is-setturi. Madankollu, għadd limitat ta' elementi standard komuni għandhom jiġu inklużi fil-fatturi kollha. Il-preżenza ta' dawk l-elementi hija indispensabbli sabiex jiġi vverifikat jekk il-fattura tirriflettix adegwatament it-transazzjoni sottostanti tan-negozju u biex jiġi żgurat li l-fattura hija legalment valida. Lista b'tali elementi meħtieġa għall-finijiet ta' VAT hija pprovduta mid-Direttiva 2006/112/KE. L-istandard Ewropew dwar il- fatturazzjoni elettronika għandu jkun konsistenti ma' dan is-sett ta' elementi.

(24)

L-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika għandu jiddefinixxi l-elementi semantiċi tad-data li jirreferu, b'mod partikolari, għad-data komplimentari dwar il-bejjiegħ u x-xerrej, l-identifikaturi tal-proċess, l-attributi tal-fattura, id-dettalji dwar l-oġġetti fuq il-fattura, l-informazzjoni dwar il-kunsinna tagħhom, u d-dettalji u l-kondizzjonijiet tal-pagament. L-elementi prinċipali ta' fattura elettronika għandhom jiġu inklużi f'kull fattura elettronika. Dan għandu jiżgura applikazzjoni ċara u uniformi tal-fatturazzjoni elettronika.

(25)

Waqt li dak li jibgħat il-fattura elettronika għandu jibqa' jkollu l-possibbiltà li jiggarantixxi l-awtentiċità tal-oriġini u l-integrità tal-kontenut tal-fattura b'diversi metodi, inkluż permezz ta' firma elettronika, sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-Direttiva 2006/112/KE, l-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika ma għandux jinkludi rekwiżit għal firma elettronika bħala wieħed mill-elementi tiegħu.

(26)

Sabiex jiġu evitati spejjeż u piżijiet eċċessivi għall-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti, l-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni rilevanti għandha tintalab tidentifika lista ta' għadd limitat ta' sintassi li jikkonformaw mal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika. Dik il-lista ma għandhiex tifforma parti mill-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika. Is-sintassi identifikati jridu jkunu diġà użati b'mod mifrux u b'suċċess mill-operaturi ekonomiċi u mill-awtoritajiet kontraenti. Sabiex tiġi ffaċilitata u aċċellerata l-implimentazzjoni mill-Istati Membri, l-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni rilevanti għandha tintalab tipprovdi rabtiet sintattiċi (syntax bindings) adegwati mill-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika mas-sintassijiet kollha identifikati fil-lista. Ir-rabtiet sintattiċi huma linji gwida dwar kif l-istandard jista' jiġi rrappreżentat fid-diversi sintassijiet. Dan ir-riżultat tal-istandardizzazzjoni għandu jikkomplementa l-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u l-lista tas-sintassijiet.

(27)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika, l-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni għandha tintalab ukoll tabbozza linji gwida dwar l-interoperabbiltà tat-trasmissjoni. Dawk il-linji gwida m'għandhomx jifformaw parti mill-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika jew ikunu vinkolanti għall-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti.

(28)

Qabel l-introduzzjoni tal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika fl-Istati Membri, l-applikazzjoni prattika tal-istandard għandha tiġi ttestjata b'mod suffiċjenti. Din il-valutazzjoni għandha ssir matul il-proċess ta' tfassil tal-istandard. Dik il-valutazzjoni għandha tinvolvi lill-utenti aħħarin, u għandha tindirizza, b'mod partikolari, l-aspetti tal-prattiċità u l-faċilità tal-użu, u għandha turi li l-istandard jista' jiġi implimentat b'mod kosteffettiv u proporzjonat.

(29)

Fejn l-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u l-lista ta' sintassijiet li jikkonformaw mal-istandard abbozzati mill-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni rilevanti, jissodisfaw ir-rekwiżiti li jinsabu fit-talba tal-Kummissjoni lill-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni, u fejn l-istandard ikun ġie ttestjat, ir-referenzi tal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u l-lista ta' sintassijiet għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(30)

Id-dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp tal-istandard u riżultati oħra tal-istandardizzazzjoni stabbiliti f'din id-Direttiva huma konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012. Madankollu, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta' din id-Direttiva, huwa xieraq li jiġi stipulat li d-deċiżjoni jekk ir-referenzi għall-istandard u l-lista ta' sintassijiet jiġux ppubblikati, ma jiġux ppubblikati jew jiġux ippubblikati b'restrizzjoni, tiġi adottata skont il-proċedura ta' eżami. Madankollu, dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 rigward oġġezzjonijiet formali għal standards armonizzati.

(31)

L-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jirrevedu u jaġġornaw b'mod regolari l-istandards b'reazzjoni għall-iżviluppi teknoloġiċi. Fid-dawl tan-natura rapida ta' tali żviluppi fis-settur tal-ICT, il-Kummissjoni għandha wkoll tkun tista' titlob li l-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni rilevanti tirrevedi u taġġorna l-istandard dwar il-fatturazzjoni elettronika sabiex jittieħed kont ta' dawk l-iżviluppi u tiġi żgurata interoperabbiltà kontinwa.

(32)

Sabiex tirreaġixxi għall-iżviluppi teknoloġiċi jew għar-rekwiżiti tas-suq, il-Kummissjoni għandha tkun tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tirrevedi u taġġorna l-lista ta' sintassijiet. Fil-każ li jkun hemm aktar aġġustamenti kumplessi, il-Kummissjoni għandha tkun tista' wkoll titlob li l-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni rilevanti tirrevedi u taġġorna l-lista ta' sintassijiet.

(33)

Fejn tikkunsidrah neċessarju li tiġi żgurata l-interoperabbiltà sħiħa u kontinwa, sabiex jittieħed kont tal-iżviluppi teknoloġiċi jew biex jiġi limitat l-għadd ta' sintassijiet li għandhom jintużaw, il-Kummissjoni għandha tkun tista' tirrevedi u taġġorna l-lista ta' sintassijiet diġà ppubblikata. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-lista ta' sintassijiet identifikati, rieżaminati u aġġornati mill-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni rilevanti.

(34)

Malli jiskadi ż-żmien għat-traspożizzjoni stabbilit f'din id-Direttiva, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom ikunu obbligati li jirċievu u jipproċessaw fatturi elettroniċi li jikkonformaw mal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u ma' kwalunkwe sintassi fuq il-lista ppubblikata mill-Kummissjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għaldaqstant ma għandhomx jirrifjutaw fatturi elettroniċi li jilħqu l-kondizzjonijiet ta' hawn fuq unikament minħabba nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti (pereżempju rekwiżiti nazzjonali jew rekwiżiti speċifiċi għas-settur, jew rekwiżiti tekniċi addizzjonali ta' kwalunkwe tip) għajr dawk previsti speċifikament f'din id-Direttiva. Madankollu, raġunijiet konvinċenti oħra għal rifjut, bħal dawk li jirrigwardaw raġunijiet kuntrattwali, m'għandhomx jiġu affettwati b'dan l-obbligu. Qabel ma jħallsu l-fattura, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti f'kull każ għandhom jibqgħu jkunu liberi li jivverifikaw jekk il-kontenut tal-fattura elettronika jirriflettix b'mod korrett id-dettalji tat-transazzjoni kummerċjali sottostanti (pereżempju jekk l-ammont tal-fattura jkunx korrett) u jekk il-fattura ġietx indirizzata lid-destinatarju korrett. L-obbligu li fatturi elettroniċi ma jiġux irrifjutati f'konformità ma' din id-Direttiva huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/7/UE (13).

(35)

Din id-Direttiva għandha tirrikjedi biss lir-riċevituri ta' fattura, jiġifieri l-awtoritajiet kontraenti, il-korpi ċentrali ta' akkwist u l-entitajiet kontraenti, li jaċċettaw u jipproċessaw il-fatturi elettroniċi. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' min jibgħat il-fattura li jagħżel bejn li jippreżenta l-fattura f'konformità mal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika, f'konformità ma' standards nazzjonali jew tekniċi oħra, jew fuq il-karta. Madankollu, din id-Direttiva ma għandhiex tippreveni lill-Istati Membri milli jordnaw li l-fatturi elettroniċi biss jistgħu jiġu ppreżentati fil-qafas ta' akkwist pubbliku. Fejn min jibgħat il-fattura jagħżel li jippreżenta l-fattura billi juża l-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika, l-obbligu tar-riċevitur li jirċeviha u jipproċessaha għandu japplika biss jekk il-fattura tkun f'waħda mis-sintassijiet inklużi fil-lista ta' sintassijiet ippublikati mill-Kummissjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-fatt li min jibgħat il-fattura jagħmel użu mis-servizzi ta' parti terza biex jittraduċi bejn is-sintassi tiegħu stess u waħda minn dawk fuq il-lista.

(36)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f'konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u ħareġ opinjoni fil-11 ta' Novembru 2013 (15). Fl-opinjoni tiegħu huwa ppubblika rakkomandazzjonijiet sabiex fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva tkun żgurata protezzjoni tad-data suffiċjenti. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jitqiesu meta jitfassal l-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u meta tiġi pproċessata data personali mill-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti. B'mod partikolari għandu jiġi ċċarat li l-liġijiet eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data japplikaw ukoll fil-qasam tal-fatturazzjoni elettronika, u li għal skopijiet ta' trasparenza u responsabbiltà, il-pubblikazzjoni ta' data personali għandha tkun f'konformità mal-protezzjoni tal-privatezza.

(37)

Peress li d-Direttiva 2006/112/KE fiha regoli dwar l-fatturazzjoni, inkluż dwar il-fatturazzjoni elettronika, ir-relazzjoni tagħha ma' din id-Direttiva għandha tiġi ċċarata. Din id-Direttiva għandha objettiv differenti, għandha kamp ta' applikazzjoni li hu differenti minn dak tad-Direttiva 2006/112/KE u għalhekk, ma taffettwax id-dispożizzjonijiet dwar l-użu ta' fatturi elettroniċi għall-finijiet tal-VAT li jinsabu fiha. B'mod partikolari, l-Artikolu 232 tad-Direttiva 2006/112/KE jirregola r-relazzjonijiet bejn il-partijiet kummerċjali u għandha l-għan li tiżgura li l-użu ta' fatturi elettroniċi minn min jibgħathom ma jistax jiġi impost fuq ir-riċevitur. Madankollu, dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jimponu obbligu fuq l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti li jirċievu fatturi elettroniċi taħt ċerti kondizzjonijiet.

(38)

Sabiex l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jkunu jistgħu jħejju adegwatament u jieħdu miżuri tekniċi li, wara l-istabbiliment tal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u l-approvazzjoni l-lista ta' sintassijiet, huma meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva, u fid-dawl tal-ħtieġa għal implimentazzjoni rapida tal-fatturazzjoni elettronika, għandha titqies ġustifikata skadenza għat-traspożizzjoni ta' 18-il xahar wara l-pubblikazzjoni tar-referenza tal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u tal-lista ta' sintassijiet f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. B'deroga minn din l-iskadenza ġenerali għat-traspożizzjoni u sabiex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni tal-fatturazzjoni elettronika għal ċerti awtoritajiet kontraenti, bħall-awtoritajiet kontraenti u l-impriżi pubbliċi lokali u reġjonali, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipposponu l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għall-awtoritajiet kontraenti subċentrali u l-entitajiet kontraenti sa 30 xahar wara l-pubblikazzjoni tar-referenza tal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u tal-lista ta' sintassijiet f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din il-possibbiltà li tiġi posposta l-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-korpi ċentrali tal-akkwist.

(39)

Sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva għall-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Istati Membri jinżammu informati b'mod sħiħ u regolari dwar il-progress tal-ħidma f'termini tal-iżvilupp tal-istandard u r-riżultati ta' standardizzazzjoni relatati li għandhom jitwettqu mill-organizzazzjoni Ewropea ta' standardizzazzjoni rilevanti. Dan għandu jippermetti li l-Istati Membri jwettqu l-ħidma preparatorja meħtieġa bil-għan li titlesta l-implimentazzjoni fl-iskadenzi maqbula.

(40)

Billi l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti ser ikunu jistgħu jaċċettaw fatturi elettroniċi li jikkonformaw ma' standards oħra għajr l-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika, kif ukoll fatturi stampati, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fil-leġislazzjoni nazzjonali, din id-Direttiva ma timponix spejjeż jew piż addizzjonali fuq l-intrapriżi, inklużi l-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, fis-sens tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (16). Barra dan, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex jimminimizzaw l-ispiża tal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika għall-utenti tiegħu, b'mod partikolari għall-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, sabiex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni tiegħu fl-Unjoni Ewropea kollha.

(41)

Meta jimplimentaw din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-ħtiġijiet tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju u ta' awtoritajiet kontraenti u entitajiet kontraenti iżgħar, u għandhom joffru l-appoġġ meħtieġ lill-awtoritajiet kontraenti, l-entitajiet kontraenti u lill-fornituri kollha, biex b'hekk ikun jista' jintuża l-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika. Barra minn hekk, għandhom ikunu previsti miżuri ta' taħriġ, b'mod partikolari għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju.

(42)

Sabiex jiġu ffaċilitati l-adattazzjonijiet tekniċi u proċedurali li jinħtieġ li jitwettqu mill-partijiet kollha involuti fl-akkwist pubbliku sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni b'suċċess ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom, fejn possibbli, jagħmlu l-assistenza tal-Fondi Strutturali disponibbli għall-awtoritajiet kontraenti, l-entitajiet kontraenti, u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju eliġibbli kollha.

(43)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, u fir-rigward tat-tfassil, il-limitazzjoni u r-rieżami tal-lista ta' sintassijiet, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jiġu konferiti lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Il-proċedura ta' eżami għandha tintuża għall-adozzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni dwar il-lista ta' sintassijiet minħabba l-fatt li huma jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u jiżguraw l-interoperabbiltà u reazzjoni rapida għal żviluppi teknoloġiċi. Il-proċedura ta' eżami għandha tintuża wkoll għall-adozzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-oġġezzjonijiet għall-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika, peress li dawk l-atti jista' jkollhom konsegwenzi fuq l-obbligu li jiġu rċevuti u proċessati fatturi elettroniċi.

(44)

Peress li l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri t-tneħħija ta' ostakoli għas-suq u ostakoli għall-kummerċ li jirriżultaw mill-eżistenza ta' regoli u standards nazzjonali diverġenti, u li tiġi żgurata l-interoperabbiltà, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda li jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif jinsab f'dan l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tapplika għall-fatturi elettroniċi maħruġa b'konsegwenza tal-eżekuzzjoni ta' kuntratti li għalihom japplikaw id-Direttiva 2009/81/KE, id-Direttiva 2014/23/UE, id-Direttiva 2014/24/UE jew id-Direttiva 2014/25/UE.

Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal fatturi elettroniċi maħruġa b'konsegwenza tat-twettiq ta' kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE, fejn l-akkwist u t-twettiq tal-kuntratt ikunu ddikjarati sigrieti jew għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri speċjali ta' sigurtà f'konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fi Stat Membru, u dment li l-Istat Membru jkun iddetermina li l-interessi essenzjali kkonċernati ma jistgħux jiġu garantiti b'miżuri inqas intrużivi.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“fattura elettronika” tfisser fattura li tkun inħarġet, ġiet trasmessa u riċevuta f'format elettroniku strutturat li jippremetti l-ipproċessar awtomatiku u elettroniku tagħha;

(2)

“elementi prinċipali ta' fattura elettronika” tfisser sett ta' komponenti essenzjali ta' informazzjoni li fattura elettronika għandu jkun fiha sabiex tkun permessal-interoperabbiltà transkonfinali, inkluża l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità legali;

(3)

“mudell semantiku tad-data” tfisser sett strutturat u loġikament interrelatat ta' termini u t-tifsiriet tagħhom li jispeċifika l-elementi prinċipali ta' fattura elettronika;

(4)

“sintassi” tfisser il-lingwa li tinqara minn magna jew id-djalett użat biex jirrappreżenta l-elementi tad-data inklużi f'fattura elettronika;

(5)

“rabtiet sintattiċi” (“syntax binding”) tfisser linji gwida dwar kif mudell semantiku tad-data għal fattura elettronika jista' jiġi rappreżentat fis-sintassijiet differenti;

(6)

“awtoritajiet kontraenti” tfisser awtoritajiet kontraenti kif iddefiniti fil-punt (17) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/81/KE, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2014/23/UE u l-punt (1) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE;

(7)

“awtoritajiet kontraenti subċentrali” tfisser awtoritajiet kontraenti subċentrali kif iddefiniti fil-punt (3) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE;

(8)

“entità ċentrali ta' akkwist” tfisser entità ċentrali ta' akkwist kif iddefinita fil-punt (16) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE;

(9)

“entitajiet kontraenti” tfisser entitajiet kontraenti kif iddefiniti fil-punt 17 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/81/KE, l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2014/23/UE u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/25/UE;

(10)

“standard internazzjonali” tfisser standard internazzjonali kif iddefiniti fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

(11)

“standard Ewropew” tfisser standard Ewropew kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

Artikolu 3

Stabbiliment ta' standard Ewropew

1.   Il-Kummissjoni għandha titlob lill-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni rilevanti biex tabbozza standard Ewropew għall-mudell semantiku tad-data tal-elementi prinċipali ta' fattura elettronika (l-“istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika”).

Il-Kummissjoni għandha tesiġi li l-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika jikkonforma tal-inqas mal-kriterji li ġejjin:

huwa teknoloġikament newtrali;

huwa kompatibbli mal-istandards internazzjonali rilevanti dwar il-fatturazzjoni elettronika;

jieħu kont tal-ħtieġa għall-protezzjoni tad-data personali f'konformità mad-Direttiva 95/46/KE, għal approċċ ta' “protezzjoni tad-data mid-disinn” u l-prinċipji tal-proporzjonalità, il-minimizzazzjoni tad-data u l-limitazzjoni tal-fini;

huwa konsistenti mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE;

jippermetti l-istabbiliment ta' sistemi għall-fatturazzjoni elettronika prattiċi, faċli għall-utent, flessibbli u kosteffiċjenti;

jieħu kont tal-ħtiġijiet speċjali tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju kif ukoll tal-awtoritajiet kontraenti subċentrali u l-entitajiet kontraenti;

huwa adatt għall-użu fi transazzjonijiet kummerċjali bejn l-impriżi.

Il-Kummissjoni għandha titlob li l-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni rilevanti tipprovdi lista b'għadd limitat ta' sintassijiet li jikkonformaw mal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika, ir-rabtiet sintattiċi adatti u l-linji gwida dwar l-interoperabbiltà tat-trasmissjoni, sabiex jiġi ffaċilitat l-użu ta' tali standard.

It-talbiet għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 10(1) sa (5) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

Bħala parti mill-ħidma biex jiġi żviluppat l-istandard mill-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni rilevanti, u fil-limitu ta' żmien kif identifikat fil-paragrafu 2, l-istandard għandu jiġi ttestjat fir-rigward tal-applikazzjoni prattika għall-utent aħħari. Il-Kummissjoni ser iżżomm ir-responsabbiltà ġenerali għall-ittestjar u għandha tiżgura li, matul it-twettiq tat-test, għandu jittieħed kont speċjali fir-rigward tal-kriterja tal-prattiċità, il-faċilità tal-użu għall-utent u l-ispejjeż possibbli ta' implimentazzjoni f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-eżitu tat-test lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2.   Fejn l-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika, imfassal f'konformità mat-talba msemmija fil-paragrafu 1, jissoddisfa r-rekwiżiti li jinsab fih u fejn fażi ta' test f'konformità mal-ħames subparagrafu tal-paragrafu 1 tkun tlestiet, il-Kummissjoni għandha tippubblika r-referenza għall-istandard f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-lista ta' għadd limitat ta' sintassijiet imfassla f'konformità mat-talba msemmija fil-paragrafu 1. Dik il-pubblikazzjoni għandha titlesta sas-27 ta' Mejju 2017.

Artikolu 4

Oġġezzjonijiet formali għall-istandard Ewropew

1.   Fejn Stat Membru jew il-Parlament Ewropew iqis li l-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u l-lista ta' sintassijiet ma jissodisfawx b'mod sħiħ ir-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 3(1), huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan bi spjegazzjoni dettaljata, u l-Kummissjoni għandha tiddeċiedi:

(a)

li tippubblika, li ma tippubblikax, jew li tippubblika b'restrizzjoni r-referenzi għall-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u l-lista ta' sintassijiet li jinsabu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

(b)

li żżomm, li żżomm b'restrizzjoni r-referenzi għall-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u l-lista ta' sintassijiet ikkonċernati li jinsabu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew li tirtirahom minnu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika fis-sit elettroniku tagħha informazzjoni dwar l-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u l-lista ta' sintassijiet li jkunu suġġetti għad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni ikkonċernati dwar id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 u, jekk ikun meħtieġ, għandha titlob ir-reviżjoni tal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika jew tal-lista ta' sintassijiet ikkonċernata.

4.   Id-deċiżjoni msemmija fil-punt (a) u l-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi adottata f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 10(2).

Artikolu 5

Żamma u aktar żvilupp tal-istandard Ewropew u l-lista ta' sintassijiet

1.   Sabiex tieħu kont ta' żviluppi teknoloġiċi u biex tiżgura l-interoperabbiltà sħiħa u kontinwa fil-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku, il-Kummissjoni tista':

(a)

taġġorna jew tirrevedi l-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika;

(b)

taġġorna jew tirrevedi l-lista ta' sintassijiet ippubblikata mill-Kummissjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li twettaq l-azzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1, hija għandha tagħmel talba lill-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni rilevanti. Dik it-talba għandha ssir f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 3(1) mingħajr ma tapplika l-iskadenzi previsti fih.

3.   L-Artikolu 4 għandu japplika għal kwalunkwe aġġornament jew reviżjoni mwettqa f'konformità mal-punt (a) tal-paragrafu 1.

4.   Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li twettaq l-azzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, hija għandha tagħmel dan jew f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 10(2) jew inkella billi tagħmel talba lill-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni rilevanti. Tali talba għandha ssir f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 3(1) mingħajr ma tapplika l-iskadenzi previsti fih.

Artikolu 6

Elementi prinċipali ta' fattura elettronika

L-elementi prinċipali ta' fattura elettronika huma, fost oħrajn:

(a)

identifikaturi tal-proċess u tal-fattura;

(b)

perijodu tal-fattura;

(c)

informazzjoni dwar il-bejjiegħ;

(d)

informazzjoni dwar ix-xerrej;

(e)

informazzjoni dwar min jitħallas;

(f)

informazzjoni dwar ir-rappreżentant tat-taxxa tal-bejjiegħ;

(g)

referenza tal-kuntratt;

(h)

dettalji tal-kunsinna;

(i)

struzzjonijiet dwar il-pagament;

(j)

informazzjoni dwar l-għotja jew il-ħlas;

(k)

informazzjoni dwar l-oġġett fl-linja ta' fattura;

(l)

totali tal-fattura;

(m)

ripartizzjoni tal-VAT.

Artikolu 7

Riċeviment u proċessar ta' fatturi elettroniċi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jirċievu u jipproċessaw fatturi elettroniċi li jikkonformaw mal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika li r-referenza għalih ġiet ippubblikata skont l-Artikolu 3(2) u ma' kwalunkwe sintassi fil-lista ppubblikata skont l-Artikolu 3(2).

Artikolu 8

Protezzjoni tad-data

1.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi applikabbli tal-Unjoni u nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data.

2.   Soġġett għal kwalunkwe dispożizzjoni għall-kuntrarju fil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali u mingħajr preġudizzju għall-eżenzjonijiet u r-restrizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46/KE, id-data personali miksuba għall-fini ta' fatturazzjoni elettronika tista' tintuża biss għal dik il-fini jew għall-finijiet kompatibbli magħha.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-eżenzjonijiet u r-restrizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni,għall-finijiet ta' trasparenza u ta' kontabbiltà, ta' data personali li tkun inġabret b'rabta mal-fatturazzjoni elettronika jkunu konsistenti mal-fini ta' tali pubblikazzjoni u mal-prinċipju ta' protezzjoni tal-privatezza.

Artikolu 9

Użu tal-fatturi elettroniċi għal finijiet tal-VAT

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE.

Artikolu 10

Proċedura tal-kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 11

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw, jippubblikaw u japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mis-27 ta' Novembru 2018. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jadottaw, jippubblikaw u japplikaw, sa mhux aktar tard minn 18-il xahar wara l-pubblikazzjoni tar-referenza tal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex ikunu konformi mal-obbligu li jinsab fl-Artikolu 7 biex jiġu rċevuti u proċessati l-fatturi elettroniċi.

L-Istati Membri jistgħu jipposponu l-applikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu fir-rigward tal-awtoritajiet kontraenti subċentrali u l-entitajiet kontraenti tagħhom sa mhux aktar tard minn 30 xahar wara l-pubblikazzjoni tar-referenza tal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Mal-pubblikazzjoni tar-referenza għall-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika, il-Kummissjoni għandha tippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea d-data finali għad-dħul fis-seħħ tal-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 12

Rieżami

Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-effetti ta' din id-Direttiva fuq is-suq intern u fuq l-adozzjoni tal-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku u għandha tippreżenta rapport dwarhom lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien tliet snin mill-iskadenza tal-posponiment massimu ffissata għall-awtoritajiet subċentrali fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2). Fejn adatt, ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat minn valutazzjoni tal-impatt b'rabta mal-ħtieġa għal aktar azzjoni.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta' April 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 79, 6.3.2014, p. 67

(2)  Opinjoni tad-28 ta' Novembru 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' April 2014.

(4)  Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(5)  Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(6)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Novembru 2010 li tistabbilixxi l-Forum Ewropew tad-Diversi Partijiet Interessati dwar il-Fatturazzjoni Elettronika (e-fatturazzjoni) (ĠU C 326, 3.12.2010, p. 13).

(7)  Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' ċerti kuntratti ta' xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76).

(8)  Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).

(9)  Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(10)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(11)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta' 28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(12)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(13)  Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1).

(14)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(15)  ĠU C 38, 8.2.2014, p. 2.

(16)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' mikrointrapriżi, intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).